26.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 107/26


Rikors ippreżentat fis-26 ta' Jannar 2008 — EREF vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-40/08)

(2008/C 107/45)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: European Renewable Energies Federation ASBL (EREF) (Brussell, Il-Belġju) (rappreżentant: D. Fouquet, avocat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet

Id-Deċiżjoni C(2007)4323 finali tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta' Settembru 2007 hija ddikjarata nulla u invalida;

il-vettura finanzjarja kkonċernata fil-forma u fl-istruttura preżenti tagħha hija ddikjarata għajnuna illegali mill-Istat;

il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż tal-proċeduri kollha, inklużi l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-2004 ir-rikorrenti resqet ilment quddiem il-Kummissjoni fejn sostniet li aspetti differenti ta' l-iffinanzjar ta' impjant ġdid ta' l-enerġija taħt kostruzzjoni fil-Finlandja ammontaw għal għajnuna mill-Istat li ma kinitx ġiet innotifikata. L-aspetti ta' għajnuna mill-Istat ta' l-ilment kienu rreġistrati mill-Kummissjoni bil-każ numru CP 238/04 u fl-2006 il-Kummissjoni ddeċidiet li taqsam l-inkartament f'żewġ każijiet separati nnumerati NN 62/A/2006 u NN 62/B/2006.

F'din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)4323 finali tal-25 ta' Settembru 2007 dwar il-każ NN 62/A/2006, innotifikatha lilha fl-14 ta' Novembru 2007, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonkludiet li l-garanzija ta' l-esportazzjoni pprovduta mill-aġenzija Franċiża għall-kreditu ta' l-esportazzjoni (“COFACE”) li tagħti kreditu għall-iffinanzjar ta' l-impjant ġdid ta' l-enerġija “Olkiluoto 3” mixtri mill-kumpannija Finlandiża ta' ġenerazzjoni ta' l-elettriku Teollisuuden Voima Oy (“TVO”) ma kkostitwitx għajnuna illegali mill-Istat u għalhekk, iddeċidiet li tagħlaq l-investigazzjoni.

Ir-rikorrenti ssostni li l-garanzija ta' l-esportazzjoni jew l-assigurazzjoni ta' kreditu ta' EUR 570 000 ipprovduta minn COFACE lil TVO tikkostitwixxi għajnuna illegali intraKomunitarja minħabba l-impatt finanzjarju tagħha fuq il-pakkett globali ta' iffinanzjar tal-proġett ikkonċernat. Ir-rikorrenti tikkontendi li l-garanzija kkostitwit għajuna illegali mill-Istat safejn din kienet ipprovduta minn COFACE bħala aġenzija pubblika għan-nom ta' Franza li assumiet ir-responsabbiltà sabiex tkopri l-ħlas lura tal-kreditu lill-konsorzju ta' banek f'każ li TVO ma setgħetx tħallas u safejn din tagħat vantaġġ ekonomiku inġust lil TVO, billi ffaċilitat l-aċċess tagħha għas-suq u ggarantit il-potenzjal ta' finanzjament futur tagħha. Barra minn dan, ir-rikorrenti issostni li tali self iggarantit jippermetti lil TVO tipproduċi elettriku bi prezz konsiderevolment iktar baxx.

Barra minn dan, hija tasserixxi li l-qsim ta' l-inkartament f'żewġ każijiet separati jmur kontra regoli proċedurali essenzjali u jwassal għal evalwazzjonijiet inkorretti.