1. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali sostantivi fis-seħħ fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni
(Artikolu 88(3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 4)
2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Kategoriji ta’ għajnuna, iddefiniti permezz ta’ regolament, li jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq komuni
(Artikoli 87(3) KE u 88(3) KE)
1. Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dispożizzjoni legali fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, għandha ssir distinzjoni bejn ir-regoli ta’ kompetenza u d-dispożizzjonijiet legali sostantivi. Għal dak li jirrigwarda r-regoli li jirregolaw il-kompetenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tiegħu. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali sostantivi, dawn jirregolaw sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom l-effetti futuri kollha ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-kamp tal-leġiżlazzjoni preċedenti. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet legali sostantivi ma japplikawx għall-effetti stabbiliti wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, ħlief jekk il-kundizzjonijiet eċċezzjonali tal-applikazzjoni retroattiva huma sodisfatti.
Għal dak li jirrigwarda l-għajnuna nnotifikata u mhux imħallsa, fil-kuntest tas-sistema tal-Unjoni ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, id-data li fiha l-effetti tal-għajnuna maħsuba jiġu stabbiliti tikkoinċidi mal-mument fejn il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq komuni. Fil-fatt, ir-regoli, il-prinċipji u l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha jistgħu, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala l-iktar adatti għall-kuntest kompetittiv. Dan huwa dovut għall-fatt li l-għajnuna inkwistjoni ma twassalx għal vantaġġi reali fis-suq komuni qabel id-data li fiha l-Kummissjoni tiddeċiedi jew le li tawtorizzaha. Min-naħa l-oħra, għall-għajnuna mħallsa illegalment mingħajr notifika minn qabel, id-dispożizzjonijiet legali sostantivi applikabbli huma dawk fis-seħħ fil-mument meta l-għajnuna tħallset, peress li l-vantaġġi u ż-żvantaġġi mogħtija minn tali għajnuna seħħew matul il-perijodu li fih l-għajnuna inkwistjoni tħallset.
Ċertament, il-fatt li d-data li tiddetermina d-dispożizzjonijiet legali sostantivi applikabbli tikkoinċidi, għal dak li jirrigwarda għajnuna nnotifikata u mhux imħallsa, mal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna jwassal għas-sitwazzjoni fejn din l-istituzzjoni tista’, billi tvarja t-tul tal-eżami tal-miżura ta’ għajnuna notifikata, tikkawża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali sostantiva li daħlet fis-seħħ wara n-notifika tal-imsemmija miżura lill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tagħżel l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni l-ġdida jew tad-dispożizzjoni preċedenti hija limitata u bbilanċjata, minn naħa, mill-fatt li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali għal dak li jirrigwarda d-data li fiha huma jinnotifikaw il-miżuri ta’ għajnuna u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jistieden lill-Kummissjoni, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sabiex taġixxi b’diliġenza.
(ara l-punti 32, 33, 35-37, 40, 41)
2. Skont l-Artikolu 87(3)(e) KE, ċerti kategoriji ta’ għajnuna “tista’ tkun ikkunsidrata [jistgħu jkunu kkunsidrati] bħala kompatibbli mas-suq komuni”. Meta regolament ikun ibbażat fuq l-Artikolu 87(3)(e) KE u jiddefinixxi l-għajnuna b’mod li tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, ma jfissirx illi dan huwa neċessarjament il-każ. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika jekk, skont l-Artikolu 88(3) KE, din l-għajnuna tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha sabiex tkun kompatibbli mas-suq komuni.
(ara l-punti 60-62)