Kawża T-576/08

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-iktar fil-bżonn — Regolament (KE) Nru 983/2008 — Pjan għall-allokazzjoni lill-Istati Membri ta’ riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2009 għall-programm ta’ distribuzzjoni — Mobilizzazzjonijiet fis-suq — Rikors għal annullament”

Sommarju tas-sentenza

1.      Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Mekkaniżmi komuni għal diversi organizzazzjonijiet komuni — Distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel lill-persuni l-iktar fil-bżonn tal-Komunità — Xiri ta’ prodotti fis-suq bil-għan tal-imsemmija distribuzzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 27; Regolament tal-Kummissjoni Nru 983/2008)

2.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 983/2008)

1.      Mill-Artikolu 27(2)(a) tar-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli, jirriżulta li, fil-kuntest tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel lill-persuni l-iktar fil-bżonn tal-Komunità, huwa biss fil-każ meta jkun hemm indisponibbiltà temporanja ta’ prodott fil-ħażniet tal-intervent matul l-implementazzjoni tal-pjan annwali li l-imsemmi prodott jista’ jinxtara fis-suq.

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa fil-mument li dan il-pjan jiġi adottat li l-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li tadatta l-volum tiegħu għall-volumi tal-ħażniet tal-intervent u għalkemm, f’dan il-kuntest, hija ċertament għandha marġni ta’ manuvra li hija mogħtija mill-imsemmija dispożizzjoni, dan ma jistax iwassal sabiex ikun hemm ksur tan-natura eċċezzjonali ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, peress li l-ħażniet tal-intervent għandhom jinftiehmu bħala li jikkostitwixxu istituzzjoni permanenti, li huwa biss il-volum tagħha li jinbidel skont il-varjazzjoni fis-suq u l-interventi pubbliċi, l-espressjoni “temporanjament indisponibbli” li tinsab fih ma tistax tiġi interpretata bħala li tirreferi għan-numru ta’ xhur jew snin, iżda bħala li toħloq eċċezzjoni għar-regola tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ħażniet tal-intervent, prevista fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1234/2007. Il-proporzjonijiet tal-volum tax-xiri addizzjonali għandhom għalhekk jirriflettu n-natura eċċezzjonali ta’ din il-miżura fir-rigward tal-volumi totali tal-pjan annwali, peress li l-għan tagħha huwa biss li tnaqqas l-insuffiċjenzi li, skont l-istadju tal-ħażniet, jista’ jkun hemm matul l-eżekuzzjoni tal-pjan. Fil-każ oppost, jirriżulta li jkun hemm sostituzzjoni bejn ir-regola u l-eċċezzjoni.

Peress li l-għan prinċipali tal-pjan annwali li jinsab fih ma huwiex id-disponiment tal-ħażniet tal-intervent, iżda li jiġu koperti l-ħtiġijiet iddikjarati mill-Istati Membri parteċipanti fil-pjan, ir-Regolament Nru 983/2008, li jadotta l-pjan għall-allokazzjoni lill-Istati Membri ta’ riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2009 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-iktar fil-bżonn fil-Komunità, ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1234/2007.

(ara l-punti 119, 121, 125, 128, 137)

2.      Sabiex jiġi evitat li l-effett retroattiv tal-annullament parzjali tar-Regolament Nru 983/2008, li jadotta l-pjan għall-allokazzjoni lill-Istati Membri ta’ riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2009 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-iktar fil-bżonn fil-Komunità, annullament li jikkonċerna biss l-Artikolu 2 u l-Anness II tal-imsemmi regolament, li huma l-uniċi dispożizzjonijiet li jipprevedu l-ħlas ta’ allokazzjonijiet lill-Istati Membri għax-xiri ta’ prodotti fis-suq, joħloq obbligu ta’ rimobrs għall-Istati Membri li diġà bbenefikaw minn dan l-għoti, għandu jiġi deċiż li dan l-annullament parzjali ma jaffettwax il-validità tal-allokazzjonijiet diġà mogħtija.

(ara l-punti 141-143)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

13 ta’ April 2011 (*)

“Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-iktar fil-bżonn – Regolament (KE) Nru 983/2008 – Pjan għall-allokazzjoni lill-Istati Membri ta’ riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2009 għall-programm ta’ distribuzzjoni – Mobilizzazzjonijiet fis-suq– Rikors għal annullament”

Fil-Kawża T‑576/08,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata inizjalment minn M. Lumma u B. Klein, sussegwentement minn M. Lumma, B. Klein, T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, K. Petkovska, S. Johannesson u A Engman, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn B. Plaza Cruz, bħala aġent,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u B. Cabouat, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata inizjalment minn I. Bruni, bħala aġent, sussegwentement minn M. P. Gentili, avvocato dello Stato,

u minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata inizjalment minn M. Dowgielewicz, sussegwentement minn M. Szpunar, u finalment minn M. Szpunar, B. Majczyna u M. Drwiecki, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 983/2008, tat-3 ta’ Ottubru 2008, li jadotta l-pjan għall-allokazzjoni lill-Istati Membri ta’ riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2009 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità (ĠU L 268, p. 3),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Prek (Relatur), li qed jaġixxi bħala President, S. Soldevila Fragoso u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Il-premessa 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat- 22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1) hija redatta kif ġej:

“Sabiex jiġu stabbilizzati s-swieq u jiġi żgurat standard ta’ għajxien ġust għall-komunità agrikola, ġiet żviluppata sistema differenzjata ta’ appoġġ tal-prezzijiet għas-setturi differenti [...]. Dawn il-miżuri jieħdu l-forma ta’ intervent pubbliku jew il-ħlas ta’ għajnuna għall-ħażna privata ta’ prodotti tas-setturi taċ-ċereali, ir-ross, iz-zokkor, iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda, iċ-ċanga u l-vitella, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, il-laħam tal-majjal u l-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż. Fid-dawl ta’ l-objettivi tar-Regolament preżenti, jenħtieġ, għalhekk, li jinżammu l-miżuri ta’ appoġġ tal-prezzijiet fejn dawn huma previsti fl-istrumenti kif kienu żviluppati fil-passat, mingħajr ma jsir kwalunkwe bdil sostanzjali meta mqabbel mas-sitwazzjoni ġuridika preċedenti”.

2        Il-premessa 18 tal-istess regolament hija redatta kif ġej:

“Minħabba l-ħażniet ta’ intervent tagħha ta’ diversi prodotti agrikoli, il-Komunità għandha l-mezzi potenzjali sabiex tagħmel kontribut sinifikanti lejn il-benesseri ta’ ċittadini tagħha li huma l-aktar fil-bżonn. Huwa fl-interess Komunitarju li dan il-potenzjal jiġi sfruttat fuq bażi dejjiemi sakemm il-ħażniet ikunu tnaqqsu għal livell normali bl-introduzzjoni ta’ miżuri xierqa. Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3730/87 ta’ l- 10 ta’ Diċembru 1987 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-provvista ta’ l-ikel minn stokkijiet ta’ l-intervent lil organizzazzjonijiet indikati għad-distribuzzjoni lil persuni li huma l-iżjed fil-bżonn fil-Komunità, s’issa ppreveda d-distribuzzjoni ta’ ikel minn organizzazzjonijiet karitatevoli. Din il-miżura soċjali importanti, li tista’ tkun ta’ valur konsiderevoli għall-persuni l-aktar deprivati, għandha tinżamm u tiġi inkorporata fil-qafas ta’ dan ir-Regolament”.

3        Is-subtaqsima IV, intitolata “Disponiment Minn Intervent”, tat-Taqsima II tal-Kapitolu I tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS tiġbor fiha l-Artikoli 25 sa 27.

4        Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS “id-disponiment ta’ prodotti akkwistati b’intervent pubbliku għandu jsir b’tali mod li tiġi evitata kwalunkwe disturbanza tas-suq, sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-merkanzija u trattament ugwali tax-xerrejja”.

5        L-Artikolu 27 tal-istess regolament, intitolat “Distribuzzjoni għall-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità” jistabbilixxi:

“1.      Il-prodotti li qegħdin f’ħażniet ta’ intervent għandhom isiru disponibbli għal ċerti organizzazzjonijiet magħżulin sabiex l-ikel ikun jista’ jitqassam lill-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità skond pjan annwali”.

Id-distribuzzjoni għandha tkun:

(a)      bla ħlas, jew

(b)      bi prezz li fl-ebda każ ma jkun ogħla minn dak iġġustifikat mill-ispejjeż imġarrba mill-organizzazzjonijiet magħżula fl-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni.

2.      Prodott jista’ jiġi mmobilizzat fuq is-suq Komunitarju fejn:

(a)      temporanjament dan ma jkunx disponibbli f’ħażniet ta’ intervent Komunitarji waqt l-implimentazzjoni tal-pjan annwali msemmi fil-paragrafu 1, safejn ikun meħtieġ sabiex tkun possibbli l-implimentazzjoni tal-pjan fi Stat Membru wieħed jew aktar, u sakemm l-ispejjeż jibqgħu fil-limiti ta’ l-ispejjeż previsti fil-baġit Komunitarju għal dak il-fini, jew

(b)      l-implimentazzjoni tal-pjan tkun tinvolvi t-trasferiment bejn l-Istati Membri ta’ kwantitajiet żgħar ta’ prodotti f’intervent fi Stat Membru minbarra dak jew dawk fejn il-prodott ikun meħtieġ.

3.      L-Istati Membri konċernati għandhom jagħżlu l-organizzazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni fi żmien debitu kull sena jekk ikunu jixtiequ japplikaw din l-iskema.

4.      Il-prodotti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jingħataw mingħajr ħlas lill-organizzazzjonijiet magħżula. Il-valur għall-kontijiet ta’ tali prodotti għandu jkun il-prezz ta’ intervent, aġġustat b’koeffiċjenzi fejn meħtieġ sabiex jittieħed kont ta’ differenzi ta’ kwalità.

5.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 190, il-prodotti magħmula disponibbli taħt il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu ffinanzjati minn approprjazzjonijiet fl-intestatura relevanti tal-baġit fil-FAEG tal-baġit tal-Komunitajiet Ewropej [...]”.

6        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3149/92, tad-29 ta’ Ottubru 1992, li jippreskrivi regoli dettaljati għar-riforniment ta’ ikel mill-ħażna ta’ intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 196) jistabbilixxi:

“1.      Stati Membri li jixtiequ japplikaw il-miżuri introdotti mir-Regolament (KEE) Nru 3730/87 [...] għandhom jinformaw lill-Kummissjoni kull sena mhux aktar tard mill-1 ta’ Frar qabel il-perijodu ta’ tħaddim tal-pjan annwali msemmi fl-Artikolu 2.

2.      Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju, l-Istati Membri interessati għandhom javzaw lill-Kummissjoni dwar:

a)      il-kwantitajiet ta’ kull tip ta’ prodott [...] meħtieġa biex jitħaddem il-pjan fuq it-territorju tagħhom għas-sena msemmija;

[...]”

7        Skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament:

“1. Qabel l-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena l-Kummissjoni għandha tadotta pjan annwali għat-tqassim ta’ ikel għall-benefiċċju ta’ l-aktar persuni mċaħħda, mqassam skond l-Istat Membru konċernat. Għall-għanijiet li jkunu allokati r-riżorsi bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tagħti każ ta’ l-aħjar stimi tan-numru ta’ l-aktar persuni mċaħħda fl-Istati Membri konċernati. Għandha tagħti każ ukoll ta’ kif twettqu l-ħidmiet u l-użu li għalihom tpoġġew riżorsi matul is-snin finanzjarji ta’ qabel [...]

2. Qabel ma jiġi mniedi l-pjan annwali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-organizzazzjoniet prinċipali midħla tal-problemi tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità.

3. Il-pjan għandu jinkludi b’mod partikolari:

1)      Għal kull wieħed mill-Istati Membri li japplika l-miżura, li ġej:

(a)      l-ogħla numru ta’ riżorsi finanzjarji disponibbli biex iwettaq il-parti tiegħu tal-pjan;

(b)      il-kwantità ta’ kull tip ta’ prodott li għandu jkun irtirat mill-ħażniet miżmuma mill-aġenziji ta’ intervent;

(ċ) l-għotja magħmula disponibbli għal kull prodott għax-xiri fis-suq tal-Komunità meta l-prodott konċernat jinstab li jkun temporanjament mhux disponibbli fil-ħażniet miżmuma mill-aġenziji ta’ intervent meta jkun adottat il-pjan annwali.

Din l-għotja għandha tkun stabbilita għal kull prodott waqt li jingħata każ l-ewwelnett, tal-kwalita murija fin-notifikazzjoni ta’ l-Istat Membru li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 1(2), u t-tieninett tal-kwantitajiet mhux disponibbli fil-ħażniet ta’ intervent u t-tieletnett tal-prodotti li jkunu saru applikazzjonijiet għalihom u allokati matul is-snin finanzjarji ta’ qabel u l-użu tabilħaqq li jkun sar minnhom.

[...]”.

8        L-Artikolu 3 tal-istess regolament jistabbilixxi li l-perijodu ta’ implementazzjoni tal-pjan jibda fl-1 ta’ Ottubru u jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara.

9        Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 4(1a) ta’ dan ir-regolament:

“Prodott partikolari jista’ jkun biss mobilitat fis-suq jekk il-kwantitajiet kollha ta’ prodott fl-istess grupp ikunu rtirati minn ħażniet ta’ intervent għal għanijiet biex jitqassmu f’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(3)(1)(b), li jinkludu kwantitajiet li għandhom ikunu ttrasferiti f’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7, kienu ġew diġà allokati. L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-ftuħ ta’ proċeduri ta’ mobilitazzjoni tas-suq”.

 Ir-regolament ikkontestat

10      Il-pjan annwali għall-allokazzjoni għall-Istati Membri ta’ riżorsi għall-provvista ta’ prodotti tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-iktar fil-bżonn fil-Komunità għas-sena 2009 tfassal bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 983/2008, tat-3 ta’ Ottubru 2008 (ĠU L 268, p. 3 ir-“regolament ikkontestat”).

11      Il-premessa 4 tar-regolament ikkontestat hija redatta kif ġej:

“Il-punt 1(c) tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament [...] Nru 3149/92 jipprovdi għall-allokazzjoni tar-riżorsi għax-xiri fis-suq ta’ prodotti temporanjament mhux disponibbli fil-ħażniet tal-intervent. Il-ħażniet taċ-ċereali li huma adattati għall-konsum uman u li bħalissa jinsabu miżmuma mill-aġenziji tal-intervent huma baxxi ħafna u diġà ttieħdu l-miżuri fir-rigward tal-bejgħ tagħhom fis-suq. Barra minn hekk, bħalissa l-ebda ħażna ta’ ross u ta’ trab tal-ħalib xkumat mhi miżmuma mill-aġenziji tal-intervent u l-ebda prospett għall-intervent ta’ dawn il-prodotti agrikoli mhu maħsub għas-sena 2008. Għalhekk, l-allokazzjonijiet tar-riżorsi għandhom jiġu stabbiliti sabiex ix-xiri fis-suq taċ-ċereali, tat-trab tal-ħalib xkumat u tar-ross ikun possibbli kif inhu mitlub biex jiġi implimentat il-pjan għall-baġit tas-sena 2009.”

12      L-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jistabbilixxi:

“Fl-2009, it-tqassim tal-ikel lill-persuni li huma l-aktar fil-bżonn fil-Komunità, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament [Waħdieni dwar l-OKS], għandu jsir skont il-pjan annwali ta’ distribuzzjoni stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.”

13      Skont l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat, “[l]-allokazzjonijiet lill-Istati Membri maħsuba għax-xiri fis-suq taċ-ċereali, tat-trab tal-ħalib xkumat u tar-ross meħtieġa fil-qafas tal-pjan imsemmi fl-Artikolu 1, huma stabbiliti fl-Anness II” ta’ dan l-istess regolament.

14      L-Anness I(a) tar-regolament ikkontestat jistabbilixxi r-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-eżekuzzjoni tal-pjan f’kull Stat Membru għal ammont totali ta’ EUR 496 miljun.

15      L-Anness II tar-regolament ikkontestat jistabbilixxi l-allokazzjonijiet lill-Istati Membri intiżi għax-xiri ta’ prodotti fis-suq Komunitarju skont il-limiti tal-ammonti stabbiliti fl-Anness 1(a) tal-imsemmi regolament għal ammont totali ta’ EUR 431 420 891.

16      Il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2009 ġie adottat fit-18 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2009, L 69, p. 1). Dan tal-aħħar stabbilixxa krediti għal ammont ta’ EUR 500 miljun intiżi għal programmi tal-ikel favur il-persuni l-iktar fil-bżonn fil-Komunità Ewropea.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżenta dan ir-rikors.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ April 2009, ir-Repubblika Taljana talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ April 2009, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummssjoni.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ April 2009, ir-Renju tal-Isvezja talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2009, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummssjoni.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Mejju 2009, ir-Renju ta’ Spanja talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

23      B’digriet tat-3 ta’ Ġunju 2009, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-interventi tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tar-Repubblika tal-Polonja u tar-Renju tal-Isvezja. Dawn l-intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom fit-termini stabbiliti.

24      Peress li t-talba għal intervent tar-Renju ta’ Spanja tressqet wara li skada t-terminu ta’ sitt ġimgħat stabbilit fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, b’digriet tal-President tal-Ħames Awla tat-8 ta’ Settembru 2008, ir-Renju ta’ Spanja ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu matul il-proċedura orali.

25      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali, il-kompożizzjoni tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja nbidlet għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

26      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

27      It-trattazzjonijiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tad-9 ta’ Settembru 2010.

28      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tillimita l-effetti tal-annullament għall-Artikolu 2 u għall-Anness II tar-regolament ikkontestat u “tissospendihom”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Ir-Renju tal-Isvezja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ r-rikors ippreżenta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja;

–        “iżomm fis-seħħ” l-effetti tar-regolament annullat.

30      Il‑Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        “tinjora”, ir-riferimenti kollha magħmula għall-opinjoni tas-servizz ġuridiku tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ottubru 2008;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        sussidjarjament, tillimita u “tissospendi” l-effetti tal-annullament tar-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

31      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

32      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        fil-każ tal-annullament tar-regolament ikkontestat, tiddikjara li l-effetti kollha ta’ dan tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala finali;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

33      Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Polonja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

 Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika tal-Polonja

 L-argumenti tal-partijiet

34      Ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Polonja jsostnu li dan ir-rikors huwa inammissibbli.

35      B’mod partikolari, ir-Repubblika Taljana ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tikkontesta l-parti tal-baġit Komunitarju għas-sena 2009 li tikkonċerna l-allokazzjonijiet intiżi għax-xiri fis-swieq agrikoli. Sa fejn ir-regolament ikkontestat sempliċement iqassam dawn l-allokazzjonijiet, rikors kontra dan tal-aħħar huwa tardiv u għalhekk inammissibbli.

36      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li dan ir-rikors huwa fil-fatt intiż li jqiegħed inkwistjoni r-regoli fundamentali tal-mekkaniżmu ta’ distribuzzjoni li jinsab fir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, li abbażi tiegħu ġie adottat ir-regolament ikkontestat, kif ukoll il-proċedura ta’ abbozzar tal-pjanijiet annwali ta’ distribuzzjoni, iddefinita bir-Regolament Nru 3149/92.

37      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li dawn iż-żewġ intervenjenti ma humiex awtorizzati li jqajmu dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, għaliex skont il-ġurisprudenza, l-intervenjenti ma jistgħux iqajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltà tar-rikors ladarba l-parti prinċipali ma tkunx għamlet dan hija stess.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

38      Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni ma talbitx l-inammissibbiltà tar-rikors u limitat ruħha titlob li r-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu. Issa, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, it-talbiet fit-talba għal intervent għandhom ikunu intiżi biss sabiex isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent għandu jaċċetta l-kawża fl-istat li tinsab fih fil-mument tal-intervent tiegħu.

39      Minn dan jirriżulta li r-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Polonja ma għandhomx il-kwalità sabiex iqajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq inammissibbiltà tar-rikors u li l-Qorti Ġenerali ma hijiex għalhekk obbligata teżamina l-motivi ta’ inammissibbiltà li huma jinvokaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993 CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 20 sa 22, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il-Kummissjoni, T‑290/94, Ġabra p. II‑2137, punt 76). Għalhekk l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Polonja għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talba tal-Kummissjoni li ma jiġux ikkunsidrati r-riferimenti, magħmula fir-rikors, għall-opinjoni tas-servizz ġuridiku tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Ottubru 2008

40      Il-Kummissjoni ssostni li l-produzzjoni tal-opinjoni inkwistjoni li tikkonċerna l-proposta tal-Kummissjoni għal tibdil fir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS la ġiet awtorizzata mill-Kunsill u lanqas ordnata mill-Qorti Ġenerali. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ebda riferiment għaliha fir-rikors ma għandu jiġi kkunsidrat mill-Qorti Ġenerali.

41      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispeċifika li din l-opinjoni, li ma hijex ta’ importanza fundamentali għad-deċiżjoni tal-kawża preżenti, diġà kienet is-suġġett ta’ rapport uffiċjali u li fir-rikors din issemmiet b’mod ġenerali ħafna.

42      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ikun kontra l-interess pubbliku, li jirrikjedi li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opinjonijiet tas-servizz ġuridiku tagħhom, mogħtija indipendentement, li kieku jiġi aċċettat li dokumenti interni bħal dawn jistgħu jiġu prodotti f’kawża quddiem il-Qorti Ġenerali minn persuni li ma humiex is-servizzi li jkunu talbu t-tfassil tagħhom, mingħajr ma l-produzzjoni tagħhom tkun ġiet awtorizzata mill-istituzzjoni kkonċernata jew ordnata mill-qorti (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2002, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C‑445/00, Ġabra p. I‑9151, punt 12; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Novembru 2000, Ghignone et vs Il-Kunsill, ĠabraSP p. I-A-223 u II-1023, punt 48, u digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Jannar 2005, Gollnisch et vs Il-Parlament, T‑357/03, Ġabra p. II‑1, punt 34).

43      Għaldaqstant, it-talba tal-Kummissjoni li ma jiġux ikkunsidrati r-riferimenti, magħmula fir-rikors, għall-opinjoni tas-servizz ġuridiku tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ottubru 2008, għandha tiġi milqugħa.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

44      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, tqajjem motiv wieħed, li jipprovdi li r-regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, moqri fid-dawl tal-premessa 18 tiegħu li tistabbilixxi l-interess tal-Komunità li tisfrutta fuq bażi dejjiemi l-prodotti agrikoli sakemm il-ħażniet ikunu tnaqqsu għal livell normali, kif ukoll tal-Artikoli 33 KE u 37 KE. Ir-regolament ikkontestat “tilef kull rabta” mal-politika agrikola komuni (PAK) u fil-verità huwa element tal-politika soċjali.

45      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, li jifforma parti mis-Subtaqsima IV, intitolat “Disponiment Minn Intervent”, tas-Sezzjoni II tal-Kapitolu I tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, jawtorizza x-xiri addizzjonali fis-swieq ta’ prodotti ta’ ikel biss fil-każ fejn il-prodott huwa temporanjament indisponibbli fil-ħażniet tal-intervent meta l-pjan annwali jiġi implementat, sa fejn huwa metħieġ sabiex jitwettaq dan il-pjan fi Stat Membru wieħed jew iktar.

46      Issa, l-ewwel nett, ir-regolament ikkontestat ma jikkonċernax ix-xiri ta’ prodotti li huma sempliċement “temporanjament [mhux] disponibbli f’ħażniet ta’ intervent”. Fil-fatt, filwaqt li din il-kundizzjoni timponi li l-ħażniet tal-intervent eżistenti jkunu fl-ewwel lok imqassma u li x-xiri addizzjonali jkun ta’ natura provviżorja u eċċezzjonali, ir-relazzjoni bejn il-prodotti mill-ħażniet tal-intervent u dawk addizzjonalment mixtrija ġiet invertita, fejn il-proporzjon ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-volum totali tal-pjan għadda minn 18.06 % fl-2006 għal 85.35 % fl-2008 u għal 86.98 % fl-2009. Barra minn hekk, skont il-previżjonijiet tal-Kummissjoni fuq l-iżvilupp tal-ħażniet tal-intervent, din is-sitwazzjoni għandha titkompla fil-tul.

47      Fir-rigward tal-baġit allokat għat-twettiq tal-pjan fl-2009, dan żdied għal EUR 500 miljun, mingħajr ma din iż-żieda fir-rigward tas-snin preċedenti tista’ tiġi ġġustifikata minn żieda fil-prezzijiet tal-prodotti koperti mill-pjan. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqiegħed ukoll f’dubju l-konformità tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-pjan mar-Regolament Nru 3149/92 billi ssostni li, fuq il-bażi taż-żieda mħabbra tal-baġit allokat għall-pjan, il-Kummissjoni kienet stiednet lill-Istati Membri, wara d-data finali prevista f’dan ir-rigward, sabiex jerġgħu jikkunsidraw it-talbiet tagħhom għall-prodotti meħtieġa sabiex jimplementaw il-pjan.

48      It-tieni nett, l-indisponibbiltà tal-prodotti fil-ħażniet tal-intervent għandha tkun preżenti “waqt l-implimentazzjoni tal-pjan annwali”. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li jista’ jkun hemm xiri fil-każ fejn matul is-sena tal-pjan annwali l-prodotti jkunu neqsin jew ukoll jekk jiġi kkonstatat, matul l-abbozzar tal-pjan annwali, li l-ħażniet tal-intervent eżistenti probabbilment jew ċertament ma humiex biżżejjed. Issa, ir-regolament ikkontestat kien alloka fondi għax-xiri ta’ prodotti li għalihom, minn meta l-pjan kien tfassal, ma kien hemm l-ebda ħażna ta’ intervent prevista matul is-sena.

49      It-tielet nett, il-pjan imfassal ma huwiex ibbażat fuq il-volumi tal-ħażniet tal-intervent eżistenti jew mistennija, iżda biss fuq il-ħtiġijiet iddikjarati mill-Istati Membri li pparteċipaw u ma jikkorrispondix għalhekk għal dak li huwa “meħtieġ” għat-twettiq tiegħu. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-volum tal-pjan għandu jintrabat mal-ħażniet tal-intervent. Għalhekk, l-Artikolu 43(ġ) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jawtorizza lill-Kummissjoni tabbozza pjan annwali biss skont l-Artikolu 27(1) tiegħu, li jipprovdi għad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ħażniet tal-intervent.

50      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-pjan adottat mir-regolament ikkontestat ma jsegwi ebda mill-għanijiet tal-Artikolu 33 KE. Hija tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li abbażi tagħha l-għażla tal-bażi legali ta’ att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, u li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att ikkonċernat. Fil-fehma tagħha, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tirrigwardax il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli u ma hijiex miżura adottata fil-kuntest tal-PAK.

51      Fil-fatt, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, il-pjan ikkonċernat kien “tilef kull rabta” mal-PAK u b’mod partikolari mal-għan ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq fis-sens tal-Artikolu 33(1)(ċ) KE. Peress li seħħ tnaqqis daqshekk kbir tal-ħażniet tal-intervent u l-pjan kien prinċipalment ibbażat fuq il-prodotti tal-ikel, din il-miżura ma tagħmilx iktar parti mis-suq agrikolu iżda tinsab f’pożizzjoni iktar ’l isfel minnu. Peress li l-ewwel għan tal-pjan ikkontestat huwa soċjali, dan huwa kkonċernat mill-Artikoli 33 KE u 37 KE biss bħala element aċċessorju tal-mekkaniżmu tal-intervent. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qasam ta’ applikazzjoni tal-PAK huwa limitat meta att legali jkollu ċerti effetti fuq l-agrikoltura li huma biss sekondarji fir-rigward tal-għan prinċipali.

52      Bl-istess mod, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, il-programm ta’ għajnuna Komunitarja dwar l-ikel lanqas ma jikkontribwixxi sabiex jiżgura prezzijiet raġonevoli fil-provvista lill-konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 33(1)(e) KE. Fil-fatt, peress li l-prodotti tal-ikel huma offruti lill-persuni l-iktar fil-bżonn, l-għan ta’ prezz raġonevoli assolutament ma jistax jintlaħaq. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura raġonevoli tal-prezz ma tistax tiġi identifikata mill-inqas prezz possibbli.

53      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-konklużjonijiet tagħha huma kkonfermati mill-abbozz tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Settembru 2008, ta’ emenda għar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, li jipprevedi b’mod partikolari li jitneħħa l-limitu tax-xiri għas-sitwazzjonijiet ta’ indisponibbiltà temporanja tal-ħażniet tal-intervent. Din l-emenda tirrispondi għal ħtieġa ta’ adattament tad-dritt sekondarju għar-realtà, fatt li l-Kummissjoni kienet ikkonfermat.

54      Fir-rigward tar-Regolament Nru 3149/92, dan ma jiksirx fih innifsu d-dritt tal-Unjoni, iżda għandu jinqara fid-dawl tar-regoli superjuri tad-dritt u fl-ebda każ ma jista’ jidderoga minnhom.

55      Fir-rigward tar-Renju tal-Isvezja, l-ewwel nett, huwa jżid li r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jipprevedi, bħala regola, biss l-użu tal-ħażniet tal-intervent u li x-xiri sinjifikattiv ta’ prodotti fis-suq Komunitarju jirrappreżenta l-“evitar” ta’ dan ir-regolament. Il-kundizzjonijiet għax-xiri tal-prodotti stabbiliti fl-Artikolu 27(2) ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati b’mod ristrettiv għaliex dawn huma eċċezzjonijiet.

56      Fir-rigward tal-mument li fih huwa possibbli li jsir xiri, ir-Renju tal-Isvezja jsemmi l-possibbiltà ta’ ċerta differenza fid-diċitura bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS. Skont il-verżjoni Svediża, l-indisponibbiltà ta’ prodott għandha sseħħ matul l-implementazzjoni tal-pjan, f’liema każ ikun biżżejjed li l-pjan annwali jiġi emendat. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kuntest u mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni li huwa dak li jiġu użati b’mod utli l-ħażniet tal-intervent u mhux, fl-ewwel lok, li l-persuni l-iktar fil-bżonn jingħataw l-għajnuna. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3149/92, jista’ jkun hemm xiri fis-suq ta’ prodott partikolari biss jekk il-prodotti tal-ikel bażiċi li għandhom jiġu pprovduti jkunu diġà tqassmu mill-ħażniet tal-intervent u mit-trasferimenti intra-Komunitarji.

57      Il-leġiżlatur tal-Unjoni qatt ma ried jipprevedi programm permanenti ta’ għajnuna. Bil-kontra, fuq il-bażi tal-premessa 18 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, it-tnaqqis tal-ħażniet tal-intervent iwassal għal tnaqqis fil-portata tal-pjan. Min-naħa l-oħra, l-għanijiet ta’ politika soċjali jirriżultaw b’mod ċar mill-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 3149/92.

58      Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS ma huwiex intiż li jiżgura prezzijiet raġonevoli fil-provvista lill-konsumaturi, kif ipprovdut bl-Artikolu 33(1) KE. Fir-rigward tal-għan tal-istabbilizzazzjoni tas-swieq, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan jinkludi wkoll ix-xewqa li jkun hemm tnaqqis fl-eċċessi fil-Komunità. Issa, it-tqassim tal-prodotti stabbilit bir-regolament inkwistjoni ma jirrapreżentax ir-rabta meħtieġa ma’ tax-xiri ta’ intervent f’dan il-għan. Interpretazzjoni bil-kontra tista’ twassal għall-użu tal-Artikolu 37 KE bħala bażi legali għal kull leġiżlazzjoni intiża li tissussidja x-xiri ta’ prodotti tal-ikel.

59      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk l-eżami ta’ att Komunitarju jiżvela li dan isegwi għan doppju jew li għandu komponent doppju u jekk wieħed minnhom jiġi identifikat bħala l-iskop prinċipali jew predominanti, l-att għandu jkun ibbażat fuq dan tal-aħħar. Ir-Renju tal-Isvezja jqis li att bħalma huwa r-regolament ikkontestat jista’ jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 308 KE.

60      Sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni ssostni li r-regolament ikkontestat huwa konformi mar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS kif ukoll mar-Regolament Nru 3149/92.

61      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 KE ma huwiex rilevanti. Madankollu, sabiex tirrispondi għall-kritika li tgħid li r-regolament ikkontestat ma jsegwix l-għanijiet ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li leġiżlazzjoni għandha tkun marbuta mal-qasam tal-agrikoltura, u għalhekk mal-Artikolu 37 KE meta l-prodotti kkonċernati b’din il-leġiżlazzjoni jkunu elenkati fl-Anness I tat-Trattat KE u meta l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ għan jew iktar tal-PAK, fatt li jseħħ fil-każ tal-prodotti kkonċernati mill-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

62      Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 33 KE huwa l-istabbilizzazzjoni tas-swieq permezz tad-disponiment u x-xiri temporanju ta’ prodotti fis-suq Komunitarju u huwa intiż li jiżgura prezzijiet raġonevoli fil-provvista lill-konsumaturi, fosthom il-persuni l-iktar fil-bżonn, billi jiġu offruti lilhom prodotti agrikoli bi prezzijiet raġonevoli. Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-għan soċjali tal-pjan ta’ distribuzzjoni dejjem intwera b’mod ċar permezz tad-dispożizzjonijiet bażiċi kif ukoll permezz tal-Artikoli 2 KE u 3 KE, li fid-dawl tagħhom il-PAK għandha tiġi interpretata. Dan il-pjan kien żamm ir-rabta tiegħu mal-PAK.

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni tal-indisponibbiltà tal-ħażniet “waqt l-implimentazzjoni tal-pjan annwali” hija sodisfatta jekk il-ħażniet tal-intervent ma humiex disponibbli matul it-twettiq tal-pjan annwali. Barra minn hekk, mir-Regolament Nru 3149/92 kif ukoll mill-kuntest u mill-għan tal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jirriżulta li d-disponibbiltà tal-ħażniet għandha tiġi vverifikata fil-mument li l-pjan annwali jiġi adottat. Skont ir-Regolament Nru 3149/92, l-ippjanar tad-distribuzzjoni għandu jsir minn Mejju tas-sena ta’ qabel (komunikazzjoni mill-Istati Membri tal-ħtiġijiet tagħhom) sabiex il-pjan jiġi adottat qabel l-1 ta’ Ottubru, data li fiha l-pjan jibda jiġi implementat. Fil-fatt, skont il-punt 1(ċ) tal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, l-allokazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri fil-każ ta’ indisponibbiltà temporanja ta’ prodott, ikkonstatata matul l-adozzjoni tal-pjan annwali. Barra minn hekk, l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostnuti fuq dan il-punt fir-replika jidhru li jippuntaw fis-sens ta’ dan l-argument.

64      Fir-rigward tal-“indisponibbiltà temporanja” tal-ħażniet tal-intervent, il-Kummissjoni hija tal-istess fehma bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fuq in-natura sussidjarja tax-xiri fir-rigward tal-ħażniet tal-intervent. Madankollu, hija ssostni li, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni ta’ din il-kundizzjoni, din tal-aħħar għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, billi jiġi kkunsidrat il-fatt li l-interventi pubbliċi fis-suq jikkostitwixxu strument permanenti fil-kuntest tal-PAK li għandu bżonn ta’ disponiment xieraq, fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax. Sabiex dawn il-possibbiltajiet jinżammu, ix-xiri kkonċernat mhux biss għandu jkun ammissibbli iżda indispensabbli. Għalhekk, sakemm il-ħolqien ta’ ħażniet tal-intervent ta’ ċerti prodotti huwa legalment possibbli u effettivament biżżejjed probabbli, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tipprevedi x-xiri addizzjonali ta’ dawn il-prodotti.

65      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “indisponibbiltà temporanja” għandu jinftiehem fil-kuntest ta’ eżami globali magħmul fuq numru ta’ snin. Għalhekk, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3149/92, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, fil-mument li l-pjan jiġi adottat, li tqis l-użu tar-riżorsi matul is-snin preċedenti. Fil-fatt, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, ix-xiri kkonċernat huwa pprojbit biss fil-każ fejn il-mekkaniżmu ta’ intervent għal prodott jitneħħa jew il-beni jiġu sospiżi għal żmien twil.

66      Issa, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, sabiex l-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jiġi sodisfatt, il-Kummissjoni hija obbligata tivverifika b’mod separat id-disponibbiltà ta’ kull prodott u mhux tivverifika l-ħażniet kollha tal-intervent. Issa, l-ewwel nett, abbażi ta’ dan ir-regolament, il-prodotti kkonċernati mill-pjan huma eliġibbli għax-xiri addizzjonali għall-finijiet ta’ intervent. It-tieni nett, il-livelli tal-ħażniet tal-intervent tal-prodotti differenti ma humiex stabbli iżda jvarjaw matul is-snin. It-tielet nett, il-prodotti li kellhom jiġu mobbilizzati fl-2009 kienu indisponibbli biss għal perijodu qasir. Barra minn hekk, il-ħażniet il-ġodda tal-intervent li huma fil-proċess li jiġu kkostitwiti jistgħu jkopru parti kbira mill-pjan annwali għas-sena 2010. Isegwi li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-indisponibbiltà ta’ dawn il-ħażniet kienet biss temporanja u li setgħet tipprevedi l-mobilizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti fis-suq Komunitarju.

67      Il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fuq dan il-punt huwa kontradittorju u ma jirrispondix għall-kwistjoni dwar minn liema livell tal-ħażniet tal-intervent eżisenti hija tista’ tordna xiri addizzjonali. L-element kwantitattiv imressaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jirriżultax mid-dispożizzjoni kkonċernata tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS. Barra minn hekk, dan imur kontra l-għan tiegħu u jwassal għal inċertezza legali fl-applikazzjoni tiegħu. Fi kwalunkwe każ, l-argumenti tagħha ma humiex ta’ natura li jikkonfutaw l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mogħtija mill-Kummissjoni jew li jqiegħdu inkwistjoni l-legalità tar-regolament ikkontestat, ibbażat fuq din l-interpretazzjoni. Id-dokument bi-annwali prodott mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkonċerna previżjonijiet għal tul ta’ żmien li ma jistgħux iservu ta’ bażi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-pjanijiet annwali. Fi kwalunkwe ipoteżi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tar-regolament ikkontestat, hija biss is-sitwazzjoni legali eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tiegħu li hija rilevanti.

68      Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-ħtieġa, il-Kummissjoni tfakkar li l-pjan annwali għas-sena 2009 jillimita ruħu għall-ispejjeż previsti għal dan ir-rigward fil-baġit tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 27(2)(a) tar-Regoalment Waħdieni dwar l-OKS. Skont din id-dispożizzjoni, il-ħtieġa ma għandhiex tiġi evalwata fuq il-bażi tar-relazzjoni bejn il-volum tal-pjan u l-ħażniet tal-intervent, iżda fuq il-bażi tal-mobilizzazzjoni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-pjan fl-Istat Membri parteċipanti. Għalhekk, hija ssostni li, matul is-snin fejn il-volum tal-ħażniet tal-intervent kien sinjifikattiv ħafna, il-pjan kien tilef biss parti żgħira minn dawn il-ħażniet. Fil-fatt, l-għan tal-pjan kien li jkopri – fil-kuntest tar-riżorsi tal-baġit imqassma – il-bżonnijiet iddikjarati mill-Istati Membri billi jitqiesu l-aħjar estimi dwar in-numru ta’ persuni l-iktar fil-bżonn.

69      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar iż-żieda fil-baġit u ssostni li din ma ġietx stabbilita fuq bażi astratta, iżda fuq il-bażi tal-ispejjeż għax-xiri ta’ ċerti kwantitajiet ta’ prodotti bil-prezz tas-suq li kien żdied sew fl-2008 u li kien bil-bosta ogħla mill-prezz tal-intervent.

70      Skont il-Kummissjoni, it-tnaqqis jew it-tneħħija għal żmien qasir tal-pjan minħabba tnaqqis temporanju tal-ħażniet tal-intervent b’mod ġenerali u l-indisponibbiltà ta’ ċerti prodotti b’mod partikolari jmur kontra l-għan tiegħu. Fil-fatt, dan ikollu bħala effett li l-organizzazzjonijiet karitattivi li jipparteċipaw u li jiddependu minn dan il-pjan jirtiraw minnu u li l-infrastruttura marbuta mal-istrumenti tad-disponiment tal-ħażniet matul is-snin segwenti, li huma kkaratterizzati minn żieda, titneħħa. Dan iqiegħed inkwistjoni l-għanijiet ta’ stabbiliment tas-suq u ta’ garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni soċjali li l-pjan irid jilħaq .

71      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-proposta tagħha għal emenda fir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS ma tipproduċi ebda effett ġuridiku vinkolanti u għalhekk ma tistax tkun is-suġġett tar-rikors.

72      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Isvezja, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni li tgħid li x-xiri addizzjonali huwa possibbli biss meta l-indisponibbiltà tal-prodotti fil-ħażniet tal-intervent seħħet matul it-twettiq tal-pjan. Il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jippuntaw pjuttost fis-sens tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li mill-premessa 18 ta’ dan ir-regolament bl-ebda mod ma jirriżulta li l-leġiżlatur kien ippreveda għal tnaqqis fil-portata tal-pjan fil-każ ta’ tnaqqis fil-volum tal-ħażniet tal-intervent disponibbli.

73      Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana tqis li s-sentenza tal-4 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑269/97, Ġabra p. I‑2257), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonkludiet li l-Artikoli 33 KE u 37 KE setgħu jservu bħala bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżura li għandha bħala għan anki, u forsi, prinċipalment, il-ħarsien tas-saħħa pubblika, tista’ tapplika għal din il-kawża. Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 KE, 136 KE u 137 KE jirriżulta li l-Artikoli 33 KE u 37 KE jistgħu jikkostitwixxu l-bażi legali esklużiva għall-adozzjoni ta’ miżuri li għandhom ukoll għan soċjali, anki predominanti, bil-kundizzjoni li jiġu użati dispożittivi marbuta mal-irregolar u mal-intervent fis-swieq agrikoli, fatt li huwa l-każ fir-rigward tar-regolament ikkontestat.

74      Ir-Repubblika Taljana tfakkar li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-PAK (ĠU L 209, p. 1) jistabbilixxi li l-Fond Agrikolu Ewropew dwar il-Garanzija (FAEG) jiffinanzja l-istabbilizzazzjoni tas-swieq agrikoli. Peress li l-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jagħti lill-FAEG l-inkarigu li jiffinanzja x-xiri inkwistjoni, dan tal-aħħar jikkostitwixxi wkoll spejjeż għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq agrikoli, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3730/87, tal-10 ta’ Diċembru 1987, li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-provvista tal-ikel minn stokkijiet tal-intervent lil organizzazzjonijiet indikati għad-distribuzzjoni lil persuni li huma l-iżjed fil-bżonn fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 7, p. 318), fil-limiti tal-ispejjeż ammissibbli f’dan ir-rigward mill-awtorità tal-baġit.

75      Mill-ewwel premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2535/95, tal-24 ta’ Ottubru 1995, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3730/87 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 263), jirriżulta li, minkejja t-tnaqqis progressiv tal-iskemi tal-ħażniet tal-intervent, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried iżomm il-pjan ikkonċernat billi ppreveda x-xiri fis-suq bħala “miżura simili”, jiġifieri ekwivalenti u mhux sussidjarja jew sekondarja fir-rigward tad-disponiment tal-ħażniet, li huwa dejjem konformi mal-għanijiet tal-PAK. Fuq il-bażi tal-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà ta’ prodott, il-libertà ta’ manuvra bejn id-disponiment tal-ħażniet u x-xiri fis-suq hija għalhekk limitata biss mill-obbligu li jintużaw dawk tal-ewwel qabel ma wieħed ma jipproċedi għat-tieni. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mit-tieni premessa tar-Regolament Nru 3730/87, mit-tielet premessa u mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3149/92, mit-tielet u mir-raba’ premessa tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 267/96, tat-13 ta’ Frar 1996, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3149/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 346), kif ukoll mill-premessa 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1127/2007, tat-28 ta’ Settembru 2007, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3149/92 (ĠU L 255, p. 18).

76      Ir-Repubblika Taljana tikkwalifika bħala meħtieġ kull xiri intiż sabiex ikopri l-bżonnijiet maħsuba fil-pjan li ma jistgħux jiġu sodisfatti mill-ewwel permezz tal-użu tal-ħażniet tal-intervent. Madankollu, din il-kundizzjoni ma hijiex marbuta mal-eżistenza ta’ ammont minimu ta’ ħażniet li jistgħu jiġu użati u ħafna inqas mal-fatt li dan il-minimu jkun ogħla minn dak mixtri fis-suq.

77      Dwar l-indisponibbiltà ta’ prodott meta jiġi implementat il-pjan, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS huwa redatt hekk għaliex huwa f’dan il-mument biss li għandu jsir ix-xiri meħtieg fis-suq, fatt li huwa wkoll konformi mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3149/92. Għalhekk, ix-xiri jsir biss jekk l-indisponibbiltà tal-ħażniet hija kkonfermata matul l-implementazzjoni tal-pjan. Dan ir-riferiment għall-perijodu ta’ implementazzjoni ma jimpedixxix li tiġi evalwata bil-quddiem l-indisponibbiltà tal-ħażniet, għaliex dan huwa indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata l-allokazzjoni tal-baġit relatata max-xiri. Dan huwa kkonfermat mill-ewwel premessa tar-Regolament Nru 267/96.

78      Minn naħa tagħha, ir-Repubblika Franċiża tinsisti fuq l-għan tar-regolament ikkontestat li huwa li jiġu żgurati prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi, għan li huwa kkontestat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-fatt, kemm jekk kontra ħlas ta’ somma ta’ flus kif ukoll jekk bla ħlas, dan ir-regolament huwa intiż preċiżament biex jiġi żgurat li jkun hemm biss prezz li jkun jista’ jitqies bħala raġonevoli għall-persuni l-iktar fil-bżonn, b’mod partikolari meta dan jittieħed globalment mal-prezzijiet imħallsa minn dawn tal-aħħar għall-prodotti tal-ikel mixtrija f’ċirkli normali ta’ distribuzzjoni.

79      Hija żżid tgħid li l-PAK tifforma parti mill-azzjonijiet tal-Komunità li huma elenkati fl-Artikolu 3(1) KE, li l-implementazzjoni tagħha għandha b’mod partikolari tippermetti, skont l-Artikolu 2 KE, il-promozzjoni fil-Komunità kollha ta’ livell għoli ta’ protezzjoni soċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li t-twettiq tal-għanijiet tal-PAK, b’mod partikolari fil-kuntest tal-organizzazzjonijiet komuni tas-suq, ma jistax ma jiħux inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta’ interess ġenerali bħall-protezzjoni tal-konsumaturi jew tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u tal-annimali. L-għajnuna lill-persuni l-iktar fil-bżonn hija wkoll rekwiżit ta’ interess ġenerali.

80      Dwar in-natura temporanja tal-indisponibbiltà tal-ħażniet tal-intervent, ir-Repubblika Franċiża ssostni li t-tnaqqis fl-użu ta’ dawn il-ħażniet kien partikolarment sinjifikattiv biss għall-aħħar sentejn, jiġifieri mill-2008.

81      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li peress illi l-espressjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS huma ta’ natura vaga u ġenerali ħafna, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni kbira fir-rigward tal-kundizzjonijiet għax-xiri tal-prodotti tal-ikel fis-suq. Fi kwalunkwe ipoteżi, l-unika interpretazzjoni korretta ta’ dan l-artikolu hija dik mogħtija mir-Regolament Nru 3149/92. Min-naħa l-oħra, jekk l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-parti tax-xiri fis-suq stabbilita mir-regolament ikkontestat jiġi aċċettat, dan jintroduċi kundizzjoni ġdida fil-mekkaniżmu ta’ distribuzzjoni li r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS sa issa ma jipprevedix. Barra minn hekk, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni fil-qasam tal-PAK, hija biss in-natura manifestament inadatta ta’ miżura adottata f’dan il-qasam li tista’ taffettwa l-legalità tagħha.

82      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kundizzjoni ta’ indisponibbiltà temporanja tal-prodotti, din ma tirrigwardax il-passat tal-miżura kkonċernata, iżda l-“futur previżibbli”. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ ċertezza li l-ħażniet mhux ser jiġu kkostitwiti fil-“futur previżibbli”, din il-kundizzjoni hija sodisfatta.

83      Fir-rigward tal-għanijiet tal-PAK, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn għandhom jiġu interpretati billi jitqiesu l-għanijiet soċjali u ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni kif iddefiniti bl-Artikolu 2 KE kif ukoll is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali attwali u ċ-ċirkustanzi li huma perpetwalment f’evoluzzjoni. Issa, l-interpretazzjoni proposta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tissodisfax dawn il-kriterji. B’mod partikolari, din ma tikkunsidrax il-bdil fundamentali fis-sitwazzjoni tal-agrikoltura wara l-aħħar tkabbir tal-Unjoni.

84      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-għanijiet tal-PAK, elenkati fl-Artikolu 33(1) KE, jistgħu jiġu mqassma f’żewġ gruppi ekwivalenti, l-ewwel intiż li jiggarantixxi l-iżvilupp tal-agrikoltura u ż-żamma ta’ livell ta’ ħajja xierqa għall-popolazzjoni rurali u t-tieni intiż li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvisti u jiżgura prezzijiet raġonevoli, li huma prinċipalment indirizzati lill-konsumaturi tal-prodotti tal-ikel. F’dan ir-rigward, hija tqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja bi żball tassimila l-kunċett ta’ prezz raġonevoli mal-kunċett ta’ prezz tas-suq, fejn tal-ewwel għandu jiġi interpretat billi jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni u għalhekk ma huwiex dejjem ekwivalenti għat-tieni. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ prezz raġonevoli, għaliex dan ma jirrigwardax il-kategorija speċifika ta’ konsumaturi li jikkostitwixxu l-persuni l-iktar fil-bżonn.

85      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, irrispettivament mill-provenjenza tagħhom, il-prodotti agrikoli użati fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ distribuzzjoni jnaqqsu l-ħela tal-prodotti preżenti fis-suq, fatt li jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tiegħu u jtejjeb id-dħul tal-persuni li jaħdmu fis-settur tal-agrikoltura.

86      Matul is-seduta, ir-Renju ta’ Spanja insista fuq ir-rekwiżit tal-istabbiltà tal-miżura ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel għall-persuni l-iktar fil-bżonn billi enfasizza li x-xiri addizzjonali kien indispensabbli għaż-żamma u għall-funzjonament tajjeb ta’ din il-miżura għal bosta snin. Fil-fatt, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi materjali u umani għall-implementazzjoni tal-pjan biss matul snin ikkaratterizzati minn ħażniet addizzjonali huwa wisq oneruża mill-perspettiva finanzjarja u funzjonali. Barra minn hekk, din il-miżura ma hijiex biss ta’ natura soċjali, għaliex minnha ma jibbenefikawx biss il-persuni l-iktar fil-bżonn, iżda wkoll is-suq agroalimentari kollu kemm hu.

87      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 73 iktar ’il fuq, li tirreferi għaliha r-Repubblika Taljana, fil-kawża preżenti, ir-regolament ikkontestat ma għandux bħala għan il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, iżda fid-90 % jikkonċerna x-xiri ta’ prodotti agrikoli li twettaq b’mod kompletament indipendenti mill-istrumenti tal-PAK. Hija tikkontesta l-argument tar-Repubblika Taljana li jgħid li l-għajnuna tal-ikel saret għan stabbli tal-PAK, għaliex dan huwa inkompatibbli mar-regoli ta’ delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li tiġi ġġustifikata l-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala li taqa’ taħt il-PAK billi jiġi sostnut li din tirriżulta de jure mill-attribuzzjoni tar-riżorsi korrispondenti lill-FAEG.

88      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza wkoll li r-Regolament Nru 2535/95 ma huwiex rilevanti għall-kawża preżenti u li l-konklużjoni tar-Repubblika Taljana ma tirrigwardax l-aħħar parti tal-ewwel premessa tiegħu. Dwar ir-Regolament Nru 1127/2007, dan ma jistax jinfluwenza l-interpretazzjoni ta’ regoli tad-dritt li huma ta’ livell ogħla. Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 3730/87 ma għandux jiġi interpretat bħala li kien jipprevedi diġà tkabbir tal-miżuri fil-kuntest tal-programm tal-ikel.

89      Fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika Franċiża dwar l-ilħieq tal-għanijiet tal-PAK fir-regolament ikkontestat, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan ta’ stabbilizzazzjoni tas-suq jikkorrispondi għall-iffissar ta’ ekwilibru tas-suq bejn l-offerta u t-talba, b’mod li l-miżuri inkwistjoni għandhom jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq komuni, fatt li ma huwiex il-każ fil-każ ta’ xiri previst mir-regolament ikkontestat. Barra minn hekk, il-prezz massimu li jista’ jintalab għall-provvista ta’ prodotti tal-ikel huwa kkalkolat biss abbażi tal-ispejjeż sostnuti u għalhekk lanqas ma jista’ jsegwi l-għan intiż li jiġu żgurati prezzijiet raġonevoli. Barra minn hekk, dan l-għan ma huwa msemmi la espliċitament u lanqas impliċitament fl-ebda mill-atti li jikkostitwixxu l-bażi legali tar-regolament ikkontestat.

90      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta wkoll l-analiżi li r-Repubblika Franċiża tagħmel dwar in-natura temporanja tal-indisponibbiltà tal-ħażniet u ssostni li proporzjon ta’ 20 % sa 30 % tax-xiri fis-suq kellu diġà jitqies bħala sinjifikattiv u li konsegwentement, kien hemm diffikultajiet ta’ provviżjonament minn għal tal-inqas erba’ snin..

91      Dwar is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-ġurisprudenza li tirreferi għaliha r-Repubblika tal-Polonja, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din ma tikkonċernax l-interpretazzjoni tal-għanijiet ta’ miżura u, konsegwentement, il-kawża preżenti.

92      Fir-rigward tal-kriterju tal-indisponibbiltà temporanja tal-prodotti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li hemm rabta bejn din l-indisponibbiltà u l-valur tax-xiri addizzjonali, peress li dan il-programm ma jistax ikun ibbażat fuq xiri addizzjonali għal perijodu pjuttost twil li jikkostitwixxi kważi l-provvista kollha ta’ dawn l-aħħar sentejn. Fl-evalwazzjoni ta’ din in-natura, huwa totalment adatt li l-passat jiġi kkunsidrat.

93      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirreferi għar-rapport speċjali Nru 6/2009 tal-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej, intitolat “L-għajnuna f’ikel tal-Unjoni Ewropea favur il-persuni fil-bżonn: evalwazzjoni tal-għanijiet, kif ukoll tal-mezzi u tal-metodi użati”, li fih hija kienet qieset li programm ta’ għajnuna f’ikel kien, ċertament, politikament mixtieq bħala miżura soċjali, iżda li dan ma kienx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-PAK u mal-finanzjament tagħha. Il-Qorti tal-Awdituri esprimiet ukoll dubji dwar il-kontribuzzjoni ta’ dan il-programm għall-irregolar tas-suq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

94      Preliminarjament, għandhom jiġu ppreċiżati r-rabtiet bejn ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, ir-Regolament Nru 3149/92 u r-regolament ikkontestat.

95      L-ewwel nett, mill-kunsiderazzjonijiet tar-regolament ikkontestat jirriżulta li dan ġie adottat abbażi tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, u b’mod partikolari tal-Artikolu 43(g) tiegħu flimkien mal-Artikolu 4 tal-istess regolament, fejn dawn l-aħħar żewġ artikoli jirreferu għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ regoli ta’ implementazzjoni għall-iffissar tal-pjan annwali msemmi fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, kif ukoll għall-proċedura li hija għandha ssegwi.

96      Barra minn hekk, mill-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li d-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel lill-persuni l-iktar fil-bżonn fil-Komunità, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, għandu jsir skont il-pjan annwali.

97      It-tieni nett, fir-rigward tar-rabtiet li jorbtu r-regolament ikkontestat u r-Regolament Nru 3149/92, għandu jiġi enfasizzat li, permezz ta’ dan tal-aħħar, il-Kummissjoni stabbilixxiet numru ta’ regoli li jikkundizzjonaw l-eżerċizzju tas-setgħat li hija tislet mir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

98      Għalhekk, fl-adozzjoni tal-pjan annwali, il-Kummissjoni kienet ukoll obbligata tosserva r-Regolament Nru 3149/92. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-premessa 1 tar-regolament ikkontestat hija redatta kif ġej:

“Bi qbil mal-Artikolu 2 tar-Regolament [...] Nru 3149/92 [...] il-Kummissjoni għandha tadotta pjan ta’ distribuzzjoni li għandu jkun iffinanzjat mir-riżorsi disponibbli fis-sena tal-baġit 2009. Il-pjan għandu jistabbilixxi partikolarment, għal kull Stat Membru li japplika l-miżura, ir-riżorsi finanzjarji massimi disponibbli sabiex iwettaq l-parti tiegħu tal-pjan, u l-kwantità ta’ kull tip ta’ prodott li għandha tittieħed mill-ħażniet miżmuma mill-aġenziji tal-intervent.

99      Isegwi li l-legalità tar-regolament ikkontestat għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’, minn naħa, ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, li jikkostitwixxi l-bażi legali tiegħu, u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament Nru 3149/92.

100    Fl-eventwalità ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar żewġ regolamenti, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju tal-osservanza tal-ġerarkija tar-regoli, regolament ta’ implementazzjoni ma jistax jidderoga mir-regoli li jinsabu fl-att li huwa jimplementa (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Mejju 2007, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑219/04, Ġabra p. II‑1323, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, il-partijiet ma jsostnux li kien hemm xi inkompatibbiltà bejn ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS u r-Regolament Nru 3149/92, iżda kull waħda minnhom tiddefendi interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

102    Is-soluzzjoni għal dan ir-rikors tiddependi għalhekk mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS li għandu jingħata prijorità.

103    Skont ġurisprudenza stabbilita, meta test ta’ liġi sekondarja tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, dan għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis-sens li huwa jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Regolament ta’ implementazzjoni għandu wkoll ikun is-suġġett, sa fejn possibbli, ta’ interpretazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 1993. Dr Tretter, C‑90/92, Ġabra p. I‑3569, punt 11, u tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52).

104    Għalhekk, ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jikkonċernaw il-PAK li taħtha huwa jaqa’.

105    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li tagħha hija tagħmel parti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 205, VEMW et C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Barra minn hekk, meta l-interpretazzjonijiet litterali u storiċi ta’ regolament, u b’mod partikolari ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu, ma jippermettux li tiġi evalwata l-portata preċiża tiegħu, l-interpretazzjoni tar-regolament inkwistjoni għandha tiġi bbażata kemm fuq l-għan tiegħu kif ukoll fuq l-istruttura ġenerali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 168, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, Ġabra p. II‑753, punt 148).

107    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-legalità tar-regolament ikkontestat.

–       Fuq il-motiv uniku, ibbażat fuq l-allegata adozzjoni tar-regolament ikkontestat bi ksur tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS u b’mod partikolari tal-Artikolu 27 tiegħu

108    Hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, ix-xiri ta’ intervent jikkostitwixxi strument tal-PAK ta’ stabilizzazzjoni tas-swieq agrikoli u ta’ granzija ta’ livell ta’ għajxien ibbilanċjat għall-popolazzjoni agrikola. L-intervent pubbliku huwa attwalment irregolat bid-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu I tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament Waħdieni. Wieħed mill-mezzi ta’ disponiment tal-ħażniet tal-intervent hekk ikkostitwiti huwa, skont l-Artikolu 27 ta’ dan l-istess regolament, id-distribuzzjoni tagħhom lill-persuni l-iktar fil-bżonn.

109    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar il-kuntest storiku li fih tidħol din id-dispożizzjoni.

110    Il-miżura ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel lill-persuni l-iktar fil-bżonn fil-Komunità ġiet stabbilita bir-Regolament Nru 3730/87. Mit-tielet premessa ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, “permezz ta’ l-istokkijiet ta’l-intervent tagħha tad-diversi prodotti agrikoli, għandha l-mezzi potenzjali biex tagħti kontribut sinifikanti favur il-benesseri taċ-ċittadini tagħha l-aktar fil-bżonn” u li “huwa fl-interess tal-Komunità, u skond l-għanijiet tal-[PAK], li jiġi sfruttat dan il-potenzjal fuq bażi fit-tul sakemm l-istokkijiet ikunu tniżżlu sa livell normali bl-introduzzjoni ta’ miżuri approprjati”.

111    Wara numru ta’ riformi fil-PAK, il-ħażniet tal-intervent progressivament tnaqqsu u l-perijodi li fihom dawn il-ħażniet kienu minimi jew ineżistenti żdiedu. Ukoll, ir-Regolament Nru 3730/87 ġie emendat bir-Regolament Nru 2535/95. Dan ir-regolament introduċa l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jiġu mobbilizzati ċerti prodotti fis-suq.

112    L-ewwel premessa tar-Regolament Nru 2535/95 hija redatta kif ġej:

“Billi l-arranġamenti stabbiliti bir-Regolament [...] Nru 3730/87 [...] huma bbażati fuq id-disponibbiltà ta’ ħażniet pubbliċi bħala riżultat tax-xiri bil-kwantita mill-aġenziji ta’ l-intervent [...]; billi l-implimentazzjoni tal-pjan annwali għall-provvisti ta’ l-ikel jista’ jkun diffiċli u li temporanjament ma jkunx hemm ċerti prodotti basiċi tul is-sena; billi t-theddida x’aktarx tiżdied fid-dawl tal-miżuri meħudin biex jiġi kkontrollat is-suq b’mod iżjed effiċjenti u biex tkun adattata l-produzzjoni għall-ħtiġiet; billi jidher xieraq, bħala miżura interim f’tali ċirkostanzi u sabiex ma tkunx ipperikolata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-provvisti, biex ikun hemm provvediment għall-possibilità ta’ mobilizzar tal-prodotti kkonċernati fis-suq tal-Komunità, imma fuq it-termini li m’għandhomx idgħajjfu l-prinċipju tal-provvista ta’ prodotti mill-intervent, [u lanqas il-kuntest tar-riżorsi inklużi għal dan il-għan fil-bagit Komunitarju]”.

113    Id-dispożizzjoni li tirriżulta mir-Regolamenti Nri 3730/87 u 2535/95 ġiet riprodotta fl-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, li l-premessa 18 tiegħu tfakkar li, “[m]inħabba l-ħażniet ta’ intervent tagħha ta’ diversi prodotti agrikoli, il-Komunità għandha l-mezzi potenzjali sabiex tagħmel kontribut sinifikanti lejn il-benesseri ta’ ċittadini tagħha li huma l-aktar fil-bżonn”, billi tispeċifika li “[h]uwa fl-interess Komunitarju li dan il-potenzjal jiġi sfruttat fuq bażi dejjiemi sakemm il-ħażniet ikunu tnaqqsu għal livell normali bl-introduzzjoni ta’ miżuri xierqa”. Minn din l-istess premessa jirriżulta li huwa f’dan l-istess spirtu li r-Regolament Nru 3730/87 kien stabbilixxa l-“miżura soċjali” tad-distribuzzjoni ta’ ikel lill-persuni l-iktar fil-bżonn fil-Komunità u li kien hemm bżonn li din tinżamm u li tiġi inkluża fir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

114    Kif tfakkar fil-punt 3 iktar ’il fuq, l-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jifforma parti mis-Subtaqsima IV, intitolata “Disponiment Minn Intervent”, tat-Taqsima II tal-Kapitolu I tat-Titolu I tal-Parti II tal-imsemmi regolament. Dan l-artikolu, intitolat “Distribuzzjoni għall-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità”, jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-prodotti tal-ħażniet tal-intervent għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ ċerti korpi magħżula skont il-pjan annwali. Il-paragrafu 2(a) tal-istess artikolu jistabbilixxi li prodott jista’ jiġi mmobblizzat fis-suq Komunitarju fil-każ fejn, b’mod partikolari “temporanjament dan ma jkunx disponibbli f’ħażniet ta’ intervent Komunitarji waqt l-implimentazzjoni tal-pjan annwali msemmi fil-paragrafu 1, safejn ikun meħtieġ sabiex tkun possibbli l-implimentazzjoni tal-pjan fi Stat Membru wieħed jew aktar, u sakemm l-ispejjeż jibqgħu fil-limiti ta’ l-ispejjeż previsti fil-baġit Komunitarju għal dak il-fini”.

115    Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi miżura għall-użu utli tal-ħażniet tal-intervent.

116    Għandu jiġi kkonstatat li din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi żewġ fażijiet. Il-prinċipali, dik tal-intervent pubbliku fis-suq, tfittex bla dubju ta’ xejn li tilħaq l-għanijiet tal-PAK, ispeċifikati fl-Artikolu 33(1) KE, u b’mod partikolari dak tal-istabbilizzazzjoni tas-swieq. Il-fażi konsekuttiva hija dik tad-disponiment tal-ħażniet tal-intervent hekk ikkostitwiti li d-distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom lill-persuni l-iktar fil-bżonn tikkostitwixxi waħda mill-modalitajiet. Din id-distribuzzjoni isegwi għan soċjali li jista’ jkun biss sekondarju u b’ċertu mod aċċessorju fir-rigward tal-għanijiet primarji tal-PAK u jista’ għalhekk, bħala regola, jitwettaq biss fil-limiti tal-ħażniet addizzjonali u billi jiġi kkunsidrat dak li huwa “skont l-għanijiet tal-[PAK] li dan il-potenzjal jiġi sfruttat fuq bażi dejjiemi sakemm il-ħażniet ikunu tnaqqsu għal livell normali”.

117    Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ xiri addizzjonali, mill-ewwel premessa tar-Regolament Nru 2535/95 jirriżulta li din il-miżura kienet ġiet adottata għaliex “l-implimentazzjoni tal-pjan annwali għall-provvisti ta’ l-ikel [seta’] jkun diffiċli u li temporanjament ma jkunx hemm ċerti prodotti basiċi tul is-sena” u kien hemm bżonn “bħala miżura interim f’tali ċirkostanzi u sabiex ma tkunx ipperikolata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-provvisti, [...] provvediment għall-possibilità ta’ mobilizzar tal-prodotti kkonċernati fis-suq tal-Komunità”. Min-naħa l-oħra, l-istess premessa tippreċiża li din għandha titwettaq “fuq it-termini li m’għandhomx idgħajjfu l-prinċipju tal-provvista ta’ prodotti mill-intervent, [u lanqas il-kuntest tar-riżorsi inklużi għal dan il-għan fil-bagit Komunitarju”.

118    Għalhekk, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-raġuni għalfejn teżisti din il-miżura tinsab fl-eżistenza tal-ħażniet tal-intervent u fil-pjan annwali għad-distribuzzjoni tagħhom lill-persuni l-iktar fil-bżonn. Għaldaqstant, l-għan tal-pjan annwali u tax-xiri addizzjonali li huwa jiddetermina ma jistax ikun, kif issostni l-Kummissjoni, li jkopri l-ħtiġijiet iddikjarati mill-Istati Membri parteċipanti, iżda d-distribuzzjoni lill-persuni l-iktar fil-bżonn tal-volumi tal-ħażniet tal-intervent eżistenti.

119    Barra minn hekk, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jistabbilixxi li għandhom ikunu disponibbli l-“prodotti li qegħdin f’ħażniet ta’ intervent”, filwaqt li, skont il-paragrafu 2(a) tiegħu, prodott jista’ jiġi mobilizzat fis-suq fil-każ fejn “temporanjament dan ma jkunx disponibbli f’ħażniet ta’ intervent [...] waqt l-implimentazzjoni tal-pjan annwali”. Dan jindika li x-xiri addizzjonali ta’ dawn il-prodotti huwa maħsub biss bħala eċċezzjoni għar-regola li hija dik tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ħażniet tal-intervent. Din il-miżura, peress li hija eċċezzjoni, għandha għalhekk tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva. Din bl-ebda mod ma tista’ titella’ fuq il-livell tar-regola.

120    L-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “temporanjament dan ma jkunx disponibbli [...] waqt l-implimentazzjoni tal-pjan annwali” hija wkoll imposta bil-preċiżazzjoni addizzjonali li tinsab fl-Artikolu 27(2)(a) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, li tgħid li prodott jista’ jiġi mobbilizzat fuq is-suq biss “safejn ikun meħtieġ sabiex tkun possibbli l-implimentazzjoni tal-pjan [annwali], u sakemm l-ispejjeż jibqgħu fil-limiti ta’ l-ispejjeż previsti fil-baġit Komunitarju għal dak il-fini”.

121    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li huwa biss fil-każ meta jkun hemm indisponibbiltà temporanja ta’ prodott matul l-implementazzjoni tal-pjan annwali li l-imsemmi prodott jista’ jinxtara fis-suq. Din tippreżumi wkoll li pjan annwali kif ukoll il-baġit previst għall-implementazzjoni tiegħu kienu ġew adottati qabel mobilizzazzjoni eventwali.

122    Ċertament, kif tafferma l-Kummissjoni, huwa minnu li, għal raġunijiet prattiċi ta’ implementazzjoni, u preċiżament, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati l-pjan u l-baġit previst għall-implementazzjoni tiegħu, huwa fil-mument tal-adozzjoni tal-pjan li l-Kummissjoni għandha tkun taf bil-volumi tal-prodotti li għandhom jinxtraw addizzjonalment, għaliex dawn kienu indisponsibbli fil-ħażniet tal-intervent. Fil-fatt, dan il-metodu ta’ kif wieħed għandu jipproċedi huwa l-uniku wieħed possibbli u konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 3149/92.

123    Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3149/92, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jikkomunikaw il-ħtiġijiet tagħhom lill-Kummissjoni sal-iktar tard sal-31 ta’ Mejju li jippreċedi l-perijodu tal-eżekuzzjoni tal-pjan. Skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament, huwa qabel l-1 ta’ Ottubru tal-istess sena li l-Kummissjoni għandha tadotta l-pjan annwali li jiddetermina, b’mod partikolari, “l-għotja magħmula disponibbli [għall-Istati Membri] għal kull prodott għax-xiri fis-suq tal-Komunità meta l-prodott konċernat jinstab li jkun temporanjament mhux disponibbli fil-ħażniet miżmuma mill-aġenziji ta’ intervent meta jkun adottat il-pjan annwali”.

124    Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jistgħu jinftiehmu bħala li jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li tiddetermina l-pjan irrispettivament mill-volumi tal-ħażniet tal-intervent eżistenti u/jew stmati għas-sena kkonċernata. Għalhekk, fil-każ fejn hija jkollha, għall-finijiet tal-iffissar tal-allokazzjoni, tqis il-kwantitajiet mitluba mill-Istati Membri, il-kwantitajiet tal-prodotti mitluba li huma indisponibbli fil-ħażniet tal-intervent kif ukoll il-prodotti mitluba, attribwiti u effettivament użati matul is-snin preċedenti [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3)(ċ) tar-Regolament Nru 3149/92], hija ma tistax, madankollu, taqbeż il-limiti ffissati mil-leġiżlazzjoni superjuri , jiġifieri r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

125    Fil-fatt, huwa fil-mument li l-pjan jiġi adottat li l-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li tadatta l-volum tiegħu għall-volumi tal-ħażniet tal-intervent. F’dan il-kuntest, hija ċertament għandha marġni ta’ manuvra li hija mogħtija mill-Artikolu 27(2) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, iżda dan ma jistax iwassal sabiex ikun hemm ksur tan-natura eċċezzjonali ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, peress li l-ħażniet tal-intervent, għandhom jinftiehmu bħala li jikkostitwixxu istituzzjoni permanenti, li huwa biss il-volum tagħha li jinbidel skont il-varjazzjoni fis-suq u l-interventi pubbliċi, l-espressjoni “temporanjament indisponibbli” ma tistax tiġi interpretata bħala li tirreferi għan-numru ta’ xhur jew snin, iżda bħala li toħloq eċċezzjoni għar-regola tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ħażniet tal-intervent. Il-proporzjonijiet tal-volum tax-xiri addizzjonali għandhom għalhekk jirriflettu n-natura eċċezzjonali ta’ din il-miżura fir-rigward tal-volumi totali tal-pjan annwali, li l-għan tagħha huwa biss li tnaqqas l-insuffiċjenzi li, skont l-istadju tal-ħażniet, jista’ jkun hemm matul l-eżekuzzjoni tal-pjan. Fil-każ oppost, jirriżulta li jkun hemm sostituzzjoni bejn ir-regola u l-eċċezzjoni.

126    Din il-konklużjoni ma tmur kontra l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 3149/92. Barra minn hekk, din hija konformi mal-kliem tal-ewwel premessa tar-Regolament Nru 2535/95 li introduċiet il-possibbiltà ta’ xiri addizzjonali, li tgħid li din il-possibbiltà kellha tkun prevista sabiex ma jiġux kompromessi l-adozzjoni u t-twettiq tal-programmi ta’ provvista.

127    F’din il-kawża, permezz tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ffissat, għas-sena 2009, il-pjan annwali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel maħsuba għall-persuni l-iktar fil-bżonn, li fil-kuntest tiegħu hija stabbilixxiet, fl-Anness II, l-allokazzjonijiet għall-Istati Membri intiżi għax-xiri ta’ prodotti fis-suq għal ammont totali ta’ EUR 431 420 891, jiġifieri kważi 89.98 % tal-volum kollu tal-pjan li kien ta’ EUR 496 miljun [Anness I(a) tar-regolament ikkontestat].

128    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-għan prinċipali tal-pjan annwali li jinsab fir-regolament ikkontest ma kienx id-disponiment tal-ħażniet tal-intervent, iżda li jiġu koperti l-ħtiġijiet iddikjarati mill-Istati Membri parteċipanti fil-pjan.

129    Barra minn hekk, mill-annessi tar-replika jirriżulta li, wara d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni dwar iż-żieda ta’ żewġ terzi tal-baġit previst għall-programm ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel għall-persuni l-iktar fil-bżonn, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati parteċipanti jirrevedu l-bżonnijiet iddikjarati għas-sena 2009 u jibagħtuhomlha qabel l-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2008, jiġifieri wara d-data finali prevista fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 3149/92.

130    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-pjan annwali għas-sena 2009 ma jistax jitqies bħala li huwa konformi mal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, kif ġie interpretat iktar ’il fuq.

131    L-ebda argument tal-Kummissjoni, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana jew tar-Repubblika tal-Polonja ma jista’ jqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni.

132    Il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Polonja jsostnu b’mod partikolari li tnaqqis jew tneħħija fi żmien qasir tal-pjan minħabba tnaqqis temporanju jew indisponibbiltà ta’ ċerti prodotti fil-ħażniet tal-intervent imur kontra l-għan tiegħu, għaliex l-effett ta’ dan ikun l-irtirar mill-parteċipazzjoni f’dan il-pjan mill-organizzazzjonijiet karitattivi li jiddependu fuqu u t-tneħħija tal-infrastruttura marbuta mal-istrument tad-disponiment tal-ħażniet matul is-snin segwenti, li huma kkaratterizzati minn żieda tagħhom. Dan imur kontra l-għanijiet tal-PAK u jirrendi impossibbli l-kontribuzzjoni tal-programm għall-għan li jikkonsisti li jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni soċjali għoli.

133    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-istabbiliment stess tal-pjan annwali ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel lill-persuni l-iktar fil-bżonn ma huwiex qed jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Issa, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, l-għan prinċipali ta’ dan il-pjan huwa d-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ħażniet tal-intervent u mhux li jiġu koperti b’mod stabbli l-bżonnijiet tal-organizzazzjonijiet karitattivi li jipparteċipaw fil-programm. It-tieni nett, mill-proċess u mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-pjan għas-sena 2009 stabbilit bir-regolament ikkontestat mhux biss kien skonness mill-volumi tal-ħażniet tal-intervent disponibbli, iżda ppreveda allokazzjonijiet għax-xiri addizzjonali fil-kuntest ta’ baġit ħafna ikbar minn dawk tat-tliet snin preċedenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa impossibbli li jiġi kkunsidrat li l-għan tar-regolament ikkontestat kien li jiżgura l-istabbiltà tal-programm ikkonċernat.

134    L-argumenti tal-Kummissjoni, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana u tar-Repubblika tal-Polonja, li jgħidu li l-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS kif ukoll ir-regolament ikkontestat isegwu l-għanijiet differenti tal-PAK, kif iddefiniti fl-Artikolu 33(1) KE, anki jekk jiġu preżunti li huma preċiżi, ma humiex ta’ natura li jdgħajfu l-konklużjoni li tgħid li r-regolament ikkontestat, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jikser l-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, artikolu li l-legalità tiegħu ma hijiex, fi kwalunkwe każ, imqiegħed inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

135    F’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni, mir-Repubblika Taljana, mir-Repubblika tal-Polonja kif ukoll mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dwar l-iffissar tal-bażi legali xierqa ta’ miżura fir-rigward tal-għanijiet imfittxija minn din tal-aħħar, ma hijiex rilevanti fil-kawża inkwistjoni. Fil-fatt, il-kawża preżenti ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar l-għażla tal-bażi legali ta’ att.

136    Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-siltiet differenti tal-premessi tar-regolamenti li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS imwettqa iktar ’il fuq, jiġifieri r-Regolamenti Nri 267/96 u 1127/2007 li jemenda r-Regolament Nru 3149/92, li r-Repubblika Taljana tirreferi għalihom, minħabba li minnhom jirriżulta li x-xiri addizzjonali huwa suġġett biss għall-indisponibbiltà tal-prodott fil-ħażniet tal-intervent li l-volum tiegħu ikun qed jonqos, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma humiex ta’ natura li jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS magħmula mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS ma tistax tiġi ddeterminata minn dispożizzjonijiet ta’ regolamenti ta’ livell inferjuri, adottati għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu.

137    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

–       Fuq il-konsegwenzi tal-ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS

138    Fl-ipoteżi fejn ir-rikors jiġi milqugħ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, titlob li l-Qorti Ġenerali tuża s-setgħa tagħha li tiddeċiedi li tillimita l-effetti tal-annullament għall-Artikolu 2 u għall-Anness II tar-regolament ikkontestat u li “tissospendihom” sabiex tevita li dan l-annullament ikun jista’ jaffettwa l-implementazzjoni tal-pjan favur organizzazzjonijiet karitattivi matul s-sena 2009 jew – fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi wara t-tmiem tas-sena – a posteriori.

139    L-istess talba saret mill-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Taljana u mir-Repubblika tal-Polonja.

140    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din il-formulazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Renju tal-Isvezja, titlob fil-verità annullament parzjali tar-regolament ikkontestat, jiġifieri l-annullament tal-Artikolu 2 u tal-Anness II tiegħu.

141    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fil-kawża preżenti, ma hijiex il-legalità tal-mekkaniżmu nnifsu tal-għoti tar-riżorsi favur il-persuni l-iktar fil-bżonn li qed jiġi kkontestat, iżda l-fatt li l-pjan għas-sena 2009 stabbilit bir-regolament ikkontestat huwa prinċipalment ibbażat fuq ix-xiri addizzjonali tal-prodotti fis-suq. Fid-dawl tal-konklużjoni mnissla fil-punt 137 iktar ’il fuq, hemm lok, konsegwentement, li jiġu annullati biss id-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-allokazzjonijiet għal dan ix-xiri, jiġifieri l-Artikolu 2 u l-Anness II tar-regolament ikkontestat.

142    It-tieni nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat iseħħ f’mument fejn l-allokazzjonijiet kollha jkunu, bħala regola ġenerali, diġà tħallsu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sabiex jiġi evitat li l-effett retroattiv tal-annullament joħloq obbligu ta’ rimbors għall-Istati Membri li diġà bbenefikaw minn dan l-għoti, għandha tintuża s-setgħa tal-Qorti Ġenerali li tindika l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi.

143    Fiċ-ċirkustanzi partikolari inkwistjoni, l-Artikolu 2 u l-Anness II tar-regolament ikkontestat għandhom għalhekk jiġu annullati u għandu jiġi deċiż li dan l-annullament parzjali ma jaffettwax il-validità tal-allokazzjonijiet diġà mogħtija.

 Fuq l-ispejjeż

144    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, kif mitlub mir-rikorrenti.

145    Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tal-istess regoli, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża jbatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2 u l-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 983/2008, tat-3 ta’ Ottubru 2008, li jadotta l-pjan għall-allokazzjoni lill-Istati Membri ta’ riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2009 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-iktar fil-bżonn fil-Komunità, huma annullati

2)      L-annullament tal-Artikolu 2 u tal-Anness II tar-Regolament Nru 983/2008 ma jaffettwax il-validità tal-allokazzjonijiet mogħtija diġà.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

4)      Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Prek

Soldevila Fragoso

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ April 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.