Kawża T-199/08

Ziegler SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet — Tqassim tas-suq — Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti — Effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ — Multi — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Akkordji — Delimitazzjoni tas-suq — Skop

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 101/07)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ — Att ta’ natura vinkolanti

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 101/07)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 253 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni skont in-natura tal-ksur

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafi 19 u 21 sa 23)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Waqfien tal-ksur qabel l-intervent tal-Kummissjoni — Esklużjoni

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, l-ewwel inċiż tal-paragrafu 29)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir antikompetittiv awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, l-aħħar inċiż tal-paragrafu 29)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tnaqqis minħabba diffikultajiet ekonomiċi — Kundizzjonijiet

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 35)

1.      L-Artikolu 81(1) KE ma japplikax jekk l-effett tal-akkordju fuq l-iskambji intra-Komunitarji jew fuq il-kompetizzjoni ma jkunx “sinjifikattiv”. Fil-fatt, ftehim ma jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 81(1) KE, meta jkun jillimita l-kompetizzjoni jew jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri biss b’mod insinjifikanti. Konsegwentement, l-obbligu li ssir delimitazzjoni tas-suq f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 81 KE hija imposta lill-Kummissjoni meta, mingħajr tali definizzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jew il-prattika miftiehma inkwistjoni tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandhiex bħala għan jew riżultat tagħha l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Fil-fatt, kieku t-tranżazzjonijiet transkonfinali kollha kienu awtomatikament suxxettibbli li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri, il-kunċett ta’ natura sinjifikattiva, li huwa kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE stabbilita mill-ġurisprudenza, kien jispiċċa mingħajr valur. Anki fil-każ ta’ ksur minħabba l-għan, huwa neċessarju li l-ksur ikun suxxettibbli li jaffettwa l-iskambji intra-Komunitarji b’mod sinjifikattiv. Dan jirriżulta mil-Linji Gwida dwar il-kunċett ta’ effett sinjifikattiv tal-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, peress li l-preżunzjoni pożittiva, prevista fil-paragrafu 53 tagħhom, tapplika biss għall-ftehim jew prattiki li huma, min-natura tagħhom stess, suxxettibbli li jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri. Il-fatt li kumpannija ma tikkontestax l-eżistenza tal-akkordju ma jinkludix neċessarjament l-ammissjoni tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ minn dan l-akkordju. In-nuqqas ta’ tali effett, kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, iwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni.

Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi kif meħtieġ mil-liġi li t-tieni kundizzjoni alternattiva intiża fil-preżunzjoni stabbilita fil-paragrafu 53 tal-imsemmija linji gwida kienet sodisfatta billi tipprovdi deskrizzjoni biżżejjed dettaljata tas-settur inkwistjoni, inkluż l-offerta, id-domanda u l-portata ġeografika, hija tkun iddelimitat b’mod preċiż is-servizzi kkonċernati kif ukoll is-suq. Tali deskrizzjoni tas-settur tista’ tkun biżżejjed sa fejn hija biżżejjed dettaljata sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-affermazzjonijiet bażi tal-Kummissjoni u fejn, fuq din il-bażi, il-parti tas-suq akkumulat taqbeż b’mod evidenti l-limitu ta’ 5 %. Għalhekk, eċċezzjonalment, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq it-tieni kundizzjoni alternattiva tal-paragrafu 53 tal-imsemmija linji gwida mingħajr ma tagħti espliċitament definizzjoni tas-suq fis-sens tal-paragrafu 55 ta’ dawn il-linji gwida.

Fil-fatt, fil-kuntest tal-preżunzjoni pożittiva prevista fil-paragrafu 53 tal-imsemmija linji gwida, huwa biżżejjed li waħda biss minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi tiġi sodisfatta sabiex tiġi pprovata n-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

(ara l-punti 44, 45, 50, 53, 69, 70, 72, 73)

2.      Billi adottat regoli ta’ kondotta li huma l-Linji Gwida dwar il-kunċett ta’ effett sinjifikattiv tal-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat u billi ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni illimitat ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tikkommetti ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

(ara l-punt 67)

3.      Il-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikou 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 ġabu magħhom bidla fundamentali tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-multi. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni tal-ksur fi tliet kategoriji (“inqas gravi”, “gravi” u “gravi ħafna”) tneħħiet u ġiet introdotta skala li tmur minn 0 % sa 30 % sabiex tippermetti differenzjazzjoni iktar fina. Barra minn hekk, l-ammont bażiku tal-multa sar “marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad ta’ gravità tal-ksur, immultiplikat għan-numru ta’ snin ta’ ksur” (paragrafu 19 tal-imsemmija linji gwida). Bħala regola ġenerali, “il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 % (paragrafu 21). Fir-rigward tal-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezz, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni, “li huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi”, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu ġeneralment jinżamm “fl-għoli tal-iskala” (paragrafu 23).

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax iktar, bħala regola, tikkuntenta b’li timmotiva biss il-kwalifika ta’ ksur bħala “gravi ħafna” u mhux l-għażla ta’ proporzjon ta’ bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, kif indikat iktar ’il fuq, il-konsegwenza tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tal-multi huwa obbligu ta’ motivazzjoni li jippermetti lill-persuna akkużata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

Peress li l-Kummissjoni ffissat din ir-rata għal livell ftit iktar għoli min-nofs ta’ din l-iskala, jiġifieri 17 %, u mmotivat l-għażla tagħha sempliċement bin-natura “gravi ħafna” tal-ksur iżda ma spjegatx b’mod iktar dettaljat kif il-kwalifika ta’ ksur “gravi ħafna” wasslitha sabiex tiffissa r-rata ta’ 17 % u mhux proporzjon nettament iktar “fl-għoli tal-iskala”, din il-motivazzjoni tista’ tkun biżżejjed biss fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tapplika rata iktar qrib il-limitu inferjuri tal-iskala prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, li barra minn hekk hija favorevoli ħafna għall-impriża. Fil-fatt, f’dan il-każ, motivazzjoni addizzjonali, li tmur lil hinn mill-motivazzjoni inerenti fil-linji gwida, ma hijiex neċessarja. Min-naħa l-oħra, kieku riedet tapplika rata iktar għolja, kien ikollha tipprovdi motivazzjoni iktar dettaljata.

(ara l-punti 91-93)

4.      Sempliċement abbażi tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża individwali kkonċernata bilkemm għandha l-possibbiltà li tivverifika jekk id-dħul mill-bejgħ użati sabiex jintwera l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istat Membri u l-ishma tas-suq kkonsolidati tal-membri kollha tal-akkordju jaqbżux il-limiti ta’ EUR 40 miljun jew ta’ 5 %. Kull impriża tista’ tikkonstata b’ċertezza ċ-ċifri tagħha biss. Għalhekk, sabiex jiġi kkonstatat id-daqs tas-suq u l-ishma tas-suq tal-kumpanniji l-oħra inkwistjoni u sabiex jiġu sostnuti l-argumenti rigward dawn iċ-ċifri, il-konoxxenza tal-kompożizzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ kumpanniji oħra hija indispensabbli, u fin-nuqqas tagħha l-impriża kkonċernata ma hijiex f’pożizzjoni li turi b’mod effettiv il-perspettiva tagħha dwar ir-relevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni.

(ara l-punt 118)

5.      L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tar-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni. Il-gravità tal-ksur tista’ tiġi stabbilita b’riferiment għan-natura u tal-għan tal-aġir abbużiv. L-elementi li jiffurmaw parti mill-iskop ta’ aġir jistgħu jkunu iktar importanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa milli dawk relatati mal-effetti tagħhom.

Ksur li jkollu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq huwa, min-natura tiegħu, partikolarment gravi.

Barra minn hekk, il-paragrafu 20 tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikou 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li “l-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti relevanti kollha tal-każ”. L-imsemmija linji gwida introduċew skala li tmur minn 0 % sa 30 % sabiex tippermetti differenzjazzjoni iktar fina. Għalhekk, skont il-paragrafu 19 tal-imsemmija linji gwida, l-ammont bażiku tal-multa għandu jkun “marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad ta’ gravità tal-ksur”. Bħala regola ġenerali, skont il-paragrafu 21 tal-imsemmija linji gwida, “il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jkun iffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %”.

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi, u għalhekk tiddetermina r-rata preċiża, li tinsab bejn 0 u 30 %, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża. Il-paragrafu 22 tal-imsemmija linji gwida jipprovdi li, “[s]abiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fil-qiegħ jew fl-għoli ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur”.

Din id-diffikultà li jiġi ddeterminat perċentwali preċiż hija sa ċertu punt imnaqqsa fil-każ ta’ ftehim orizzontali sigrieti ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ tqassim tas-suq fejn, skont il-paragrafu 23 tal-imsemmija linji gwida, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni huwa ġeneralment meħud għal livell li jinsab “fl-għoli tal-iskala”. Minn dan il-paragrafu jirriżulta li, għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, ir-rata għandha, tal-inqas, tkun superjuri għal 15 %.

Għalhekk, ma hemmx lok li tiġi annullata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li stabbilixxiet ir-rata ta’ 17 % sempliċement abbażi tan-natura intrinsikament gravi tal-ksur. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tikkuntenta ruħha li tapplika rata li hija daqs jew kważi daqs ir-rata minima prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi jew ċirkustanzi addizzjonali. Dan japplika biss jekk għandha tinżamm ir-rata iktar għolja.

(ara l-punti 136, 137, 139-142)

6.      Il-waqfien tal-prattika li tikkostitwixxi ksur ma tikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis fil-multa meta l-kumpannija inkwistjoni tieqaf tipparteċipa għall-ksur sempliċement ftit jiem qabel l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni.

L-ewwel inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikou 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, għalkemm l-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-impriża kkonċernata tipprova li waqqfet il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni, dan “ma japplikax għall-ftehim jew prattiki ta’ natura sigrieta (b’mod partikolari il-kartell)”. Barra minn hekk, il-benefiċċju ta’ din iċ-ċirkustanza attenwanti huwa limitat għall-każijiet fejn il-ksur jieqaf sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 151, 152)

7.      Fl-ipoteżi li fatti magħrufa għal persuna li taħdem għall-Kummissjoni jistgħu jiġu attribwiti lil din bħala istituzzjoni, għandu jiġi osservat li s-sempliċi konoxxenza dwar aġir antikompetittiv ma timplikax li dan l-aġir ġie impliċitament “awtorizzat jew inkoraġġut” mill-Kummissjoni fis-sens tal-aħħar inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikou 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003. Allegat nuqqas ta’ azzjoni fil-fatt ma jistax jitqabbel ma’ att pożittiv bħal awtorizzazzjoni jew inkoraġġament. Barra minn hekk, meta l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jkun tant evidenti, operatur diliġenti ma jistax jinvoka li ħaseb leġittimament fil-legalità ta’ din il-prattika.

(ara l-punti 157, 158)

8.      Sabiex jingħata l-benefiċċju ta’ tnaqqis eċċezzjonali tal-multa minħabba diffikultajiet ekonomiċi skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikou 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, minbarra talba, hemm żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu sodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, id-diffikultà insurmontabbli li titħallas il-multa u, it-tieni nett, il-preżenza ta’ “kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”.

L-evalwazzjoni tal-ewwel kundizzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni konkreta tal-impriża kkonċernata. Sempliċi kalkolu tal-perċentwali li jirrappreżenta l-multa meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ mondjali tal-impriża ma jistax waħdu jkun ta’ bażi għall-konklużjoni li din il-multa ma hijiex ta’ natura li tipperikola b’mod gravi l-vijabbiltà ekonomika ta’ din l-impriża. Kieku dan kien il-każ, ikun possibbli li jiġu indikati limiti konkreti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-imsemmija linji gwida.

(ara l-punti 165, 167)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet – Tqassim tas-suq – Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti – Effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ – Multi – Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006”

Fil-Kawża T‑199/08,

Ziegler SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn J.‑L. Lodomez u J. Lodomez, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Bouquet u O. Beynet, sussegwentement minn Bouquet u N. von Lingen, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), kif ukoll, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Papasavvas, li qed jaġixxi bħala President, N. Wahl u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti

A –  Suġġett

1        Skont it-termini tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”), li sommarju tagħha huwa ppubblikat f’'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Awwissu 2009 (ĠU C 188, p. 16), ir-rikorrenti, Ziegler SA, ipparteċipat f’akkordju fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, li jirrigwarda l-iffissar, dirett jew indirett, tal-prezzijiet, dwar it-tqassim tas-suq u dwar il-manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħiet għal offerti. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-akkordju tħaddem għal kważi 19-il sena (minn Ottubru 1984 sa Settembru 2003). Il-membri tiegħu ffissaw il-prezzijiet, ippreżentaw kwotazzjonijiet foloz (magħrufa bħala “kwotazzjoni ta’ konvenjenza”, iktar ’il quddiem il-“KTK”) lill-klijenti u għamlu tajjeb għal xulxin fil-każ ta’ offerti miċħuda permezz ta’ sistema ta’ kumpensi finanzjarji (iktar ’il quddiem il-“kummissjonijiet”).

B –  Rikorrenti

2        Ir-rikorrenti nħolqot taħt l-isem Transports internationaux, Ziegler et Cie fl-1908. Sa mill-1981, għandha l-isem Ziegler u fl-1983 adottat il-forma ta’ kumpannija pubblika. Sal-2003, l-attività ta’ ġarr kienet diviżjoni tar-rikorrenti. Fil-11 ta’ Diċembru 2003, id-diviżjoni “Ġarr” ta’ Ziegler ġiet ikkonferita lill-kumpannija Euro Time, li tagħmel parti mill-grupp Ziegler u li isimha nbidel għal Ziegler Relocation SA.

3        Ziegler tikkwalifika bħala impriża tal-familja li tappartjeni lil persuni fiżiċi kollha dixxendenti tal-fundaturi tal-impriża u lil żewġ kumpanniji holding, marbuta wkoll mal-familja Ziegler.

4        Matul is-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2006, Ziegler wettqet dħul mill-bejgħ tagħha ta’ EUR 124 u dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ EUR 244 420 326 flimkien mas-sussidjarji tagħha. Fuq is-sit internet tagħha, hija tippreżenta ruħha bħala kumpannija holding li tidderiġi netwerk loġistiku Ewropew kbir (imsejjaħ “grupp”) li jwettaq kważi EUR 1.5 miljardi ta’ dħul mill-bejgħ u li jimpjega iktar minn 4 000 persuna.

C –  Il-proċedura amministrattiva

5        Skont id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura fuq inizjattiva tagħha stess, minħabba li kellha informazzjoni li tindika li xi kumpanniji Belġjani attivi fis‑settur tal-ġarr internazzjonali kienu involuti fi ftehim li huma suxxettibbli li jaqgħu taħt il-projbizzjoni fl-Artikolu 81 KE.

6        Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), twettqu verifiki għand Allied Arthur Pierre NV, Interdean NV, Transworld International NV u Ziegler SA f’Settembru 2003. Insegwitu għal dawn il-verifiki, Allied Arthur Pierre ressqet applikazzjoni għal immunità jew tnaqqis tal-multa skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”). Allied Arthur Pierre ammettiet il‑parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar il-kummissjonijiet u l-KTK, elenkat il‑kompetituri involuti, b’mod partikolari kompetitur li preċedentement ma kienx magħruf mill-Kummissjoni, u ssottomettiet dokumenti li jikkorroboraw id‑dikjarazzjonijiet orali tagħha.

7        Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), diversi talbiet bil-miktub, għal informazzjoni, ġew indirizzati lill-impriżi involuti fil-ftehim antikompetittiv, kif ukoll lil organizzazzjoni professjonali. Fit-18 ta’ Ottubru 2006, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata u nnotifikata lil numru ta’ kumpanniji. Id-destinatarji kollha wieġbu. Ir-rappreżentanti tagħhom, ħlief għal dawk ta’ Amertranseuro International Holdings Ltd, ta’ Stichting Administratiekantoor Portielje, ta’ Team Relocations Ltd u ta’ Trans Euro Ltd, invokaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti fil-fajl tal-Kummissjoni, li kienu disponibbli biss fil-bini tal-Kummissjoni. Ġew mogħtija aċċess bejn is-6 u d-29 ta’ Novembru 2006. Is-seduta saret fit-22 ta’ Marzu 2007.

8        Fis-6 ta’ Lulju 2007, Allied Arthur Pierre ipproduċiet provi addizzjonali dwar il-ftehim dwar il-KTK u dwar il-kummissjonijiet li jikkonċernaw lil Allied Arthur Pierre, Interdean et Ziegler sa mill-1988. Intbagħtet “espożizzjoni tal-fatti” lill-partijiet kollha fit-23 ta’ Awwissu 2007, li tindika li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tuża dawn il-provi kontra Allied Arthur Pierre, Interdean et Ziegler. Anness mal-espożizzjoni tal-fatt, il-Kummissjoni bagħtet kopja ta’ dawn il-provi lill-partijiet kollha. Dawn kellhom il-possibbiltà li juru l-perspettiva tagħhom.

9        Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fil-11 ta’ Marzu 2008.

D –  Id-deċiżjoni

10      Il-Kummissjoni ssostni li d-destinatarji tad-Deċiżjoni, fosthom ir-rikorrenti, ipparteċipaw f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, jew inżammu responsabbli ta’ dan. Il-parteċipanti fl-akkordju ffissaw il-prezzijiet, qassmu bejniethom il-klijenti u mmanipulaw is-sejħiet għal offerti mill-inqas mill-1984 sal-2003. Bħala riżultat, huma wettqu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE.

11      Skont il-Kummissjoni, is-servizzi kkonċernati jinkludu kemm il-ġarr ta’ beni ta’ persuna fiżika, li huma individwi jew impjegati ta’ impriża jew ta’ istituzzjoni pubblika, kif ukoll il-ġarr ta’ beni ta’ impriżi jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi. Dan il-ġarr huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-Belġju huwa l-punt ta’ oriġini jew id-destinazzjoni. Fid-dawl ukoll tal-fatt li l-kumpanniji internazzjonali tal-ġarr inkwistjoni kollha jinsabu fil-Belġju u li l-attività tal-akkordju ssir fil-Belġju, il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat iċ-ċentru ġeografiku tal-akkordju bħala li kien il-Belġju.

12      Id-dħul mill-bejgħ kollu tal-parteċipanti fl-akkordju għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, ġie stmat mill-Kummissjoni għal EUR 41 miljun għas-sena 2002. Billi hija qieset li d-daqs tas-settur huwa ta’ madwar EUR 83 miljun, is-sehem tas-suq tal-kumpanniji involuti ġie stabbilit għal madwar 50 %.

13      Il-Kummissjoni tiddikjara li, b’mod partikolari, l-akkordju kien intiż sabiex jistabbilixxi u jżomm prezzijiet għoljin u sabiex fl-istess ħin, jew iktar tard, jitqassam is-suq f’modi differenti: ftehim dwar il-prezzijiet, ftehim dwar il-qsim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza (il-KTK) u ftehim dwar sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħuda jew f’każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista (il-kummissjonijiet).

14      Il-Kummissjoni tqis li bejn l-1984 u l-bidu tas-snin 90, l-akkordju b’mod partikolari ffunzjona fuq il-bażi ta’ ftehim bil-miktub ta’ ffissar tal-prezzijiet. Fl-istess ħin, il-kummissjonijiet u l-KTK ġew introdotti. Kummissjoni hija element moħbi fil-prezz finali li l-konsumatur kellu jħallas mingħajr ma jirċievi xi benefiċċju ekwivalenti. Fil-fatt, din tirrappreżenta somma ta’ flus li l-kumpannija tal-ġarr li tkun kisbet il-kuntratt għal ġarr internazzjonali għandha tħallas lill-kompetituri li ma jiksbux il-kuntratt, kemm jekk dawn ikunu ressqu offerta jew jekk ikunu astjenew milli jagħmlu dan. Din għalhekk hija tip ta’ kumpens finanzjarju għall-kumpanniji tal-ġarr li ma jiksbux il-kuntratt. Il-membri tal-akkordju joħorġu kontijiet lil xulxin ibbażati fuq il-kummissjonijiet għal offerti miċħuda jew li jkunu astjenew għalihom, billi jibbażawhom fuq servizzi fittizji, u l-ammont ta’ dawn il-kummissjonijiet jintalbu lill-klijenti. Il-Kummissjoni ssostni li din il-prattika għandha titqies bħala ffissar indirett tal-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju.

15      Il-membri ta’ dan l-akkordju kkooperaw ukoll sabiex jippreżentaw KTK, li jħallu lill-klijenti jaħsbu, jiġifieri dawk lil min iħaddem li qed iħallas għall-ġarr, li huma jistgħu jagħżlu skont kriterji bbażati fuq il-kompetizzjoni. KTK hija kwotazzjoni inkorretta mogħtija lill-klijent jew lill-persuna li ser iġġorr permezz ta’ kumpannija tal-ġarr li ma għandhiex l-intenzjoni li teżegwixxi l-ġarr. Billi tipprovdi KTK, il-kumpannija tal-ġarr li riedet tirbaħ il-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kumpannija li talbet għal KTK” kienet tiżgura li l-istituzzjoni jew l-impriża tirċievi numru ta’ kwotazzjonijiet, kemm direttament jew indirettament permezz tal-persuna li biħsieba ġġorr. Għal dan il-għan, il-kumpannija li talbet għal KTK tindika lill-kompetituri l-prezz, ir-rati ta’ assigurazzjoni u l-ispejjeż għall-ħażna li huma kellhom jitolbu għas-servizz. Dan il-prezz ogħla mill-prezz propost mill-kumpannija li talbet għal KTK, kien sussegwentement indikat fil-KTK. Skont il-Kummissjoni, billi l-persuna li biħsieba ġġorr normalment tagħżel il-kumpannija tal-ġarr li toffri l-iktar prezz baxx, il-kumpanniji involuti fl-istess ġarr internazzjonali, fil-prinċipju jafu minn qabel liema minnhom tista’ tirbaħ il-kuntratt għal dan il-ġarr.

16      Barra minn dan, il-Kummissjoni tqis li l-prezz mitlub mill-kumpannija li talbet għal KTK jista’ jkun ogħla milli kieku kien ikun għaliex il-kumpanniji l-oħra involuti fl-istess ġarr ippreżentaw KTK li inkludew prezz speċifikat mill-kumpannija li talbet għal KTK. Pereżempju, il-Kummissjoni tirreferi, fil-premessa 233 tad-Deċiżjoni, għal posta elettronika interna ta’ Allied Arthur Pierre, datata l-11 ta’ Lulju 1997 li tgħid: “[I]l-klijent talab għal żewġ [KTK], nistgħu għalhekk nitolbu prezz għoli.” Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li l-għoti ta’ KTK lill-klijenti kien manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħiet għal offerti b’mod li l-prezzijiet fl-offerti kienu deliberatament ogħla mill-prezz tal-kumpannija li talbet għal KTK, u ogħla milli kienu jkunu f’ambjent kompetittiv.

17      Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-arranġamenti ġew stabbiliti sal-2003. Hija tqis li dawn l-attivitajiet kumplessi kellhom l-istess għan li jiġu ffissati l-prezzijiet, li jitqassam is-suq, u b’hekk li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

18      Għalhekk, fl-aħħar nett il-Kummissjoni adottat id-dispożittiv tad-Deċiżjoni, fejn l-Artikolu 1 huwa fformulat hekk kif ġej:

“L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] billi stabilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għal offerti matul il-perijodi indikati:

[…]

i)      [Ziegler], mill-4 ta’ Ottubru 1984 sat-8 ta’ Settembru 2003.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19      Konsegwentement, fl-Artikolu 2(l) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 9.2 miljun fuq ir-rikorrenti.

20      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodu spjegat fil-linji gwida tagħha dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”).

21      Fl-24 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 5810 finali li temenda d-Deċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-valur tal-bejgħ li sar miż-żewġ destinatarji l-oħra tal-imsemmija deċiżjoni.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

23      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Jannar 2009, Ziegler vs Il-Kummissjoni (T‑199/08 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji tar-rikorrenti intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikolu 2(l) tad-Deċiżjoni. Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ April 2010, Ziegler vs Il-Kummissjoni (C-119/09 P(R), li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), il-President tal-Qorti ċaħad l-appell tar-rikorrenti kontra dan id-digriet.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u li tistaqsi ċertu domandi lill-Kummissjoni kif ukoll li titlobha tipproduċi ċerti dokumenti, li għamlet fit-terminu stabbilit. Barra minn hekk, permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Marzu 2010, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi l-verżjoni kunfidenzjali tad-Deċiżjoni. Dan id-dokument ma ġiex ikkomunikat lir-rikorrenti. Billi qieset, wara eżami tal-partijiet kunfidenzjali, li dan id-dokument ma kienx fih informazzjoni neċessarja sabiex taqta’ l-kawża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tinkludihx fil-fajl u rrestitwitu lill-Kummissjoni.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ April 2010.

26      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tannulla l-multa imposta;

–        iktar sussidjarjament, tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont ta’ din il-multa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tistieden lill-Qorti Ġenerali tordna, qabel taqta’ u tiddeċiedi, li l-fajl amministrattiv sħiħ jiġi ddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

28      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

29      Ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi ppreżentati bħala intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni u erba’ motivi sussidjarji ppreżentati bħala intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa.

A –  Motivi intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet mitluba għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE

a)     L-argumenti tal-partijiet

30      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-definizzjoni tas-suq adottata mill-Kummissjoni hija wisq ristretta. Hija tammetti li s-“servizzi ta’ ġarr internazzjonali minn u lejn il-Belġju” ma humiex interkambjabbli mil-lat ta’ talba mas-servizzi ta’ “ġarr internazzjonali”, imma tallega li teżisti interkambjabbiltà mil-lat tal-offerta. Il-Kummissjoni għalhekk ma tistax tillimita s-suq għall-kumpanniji li joffru “ġarr internazzjonali minn u lejn il-Belġju” biss, imma kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kumpanniji kollha li joffru “servizzi ta’ ġarr internazzjonali”, indipendentement mil-lokalità fejn jinsabu. Ir-rikorrenti tippreċiża li l-preżenza qawwija ta’ kumpanniji barranin fis-suq Belġjan turi li s-suq ġeografiku ma jistax jiġi limitat għall-Belġju biss.

31      It-tieni nett, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ssopravalutat id-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji attivi fis-suq u għaldaqstant id-daqs tas-suq. Hija ssostni li approċċ korrett tad-dħul mill-bejgħ mwettaq mill-kumpanniji attivi fis-settur tal-ġarr internazzjonali jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ ġġenerat bħala subkuntrattur fil-kuntest ta’ ġarr internazzjonali u d-dħul mill-bejgħ ġġenerat bħala kumpannija li għandha l-kontroll ta’ ġarr internazzjonali. Skont ir-rikorrenti, sabiex jiġi ddeterminat d-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji kkonċernati, il-volum totali tas-suq kif ukoll l-ishma tas-suq ta’ dawn l-impriżi, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni biss id-dħul mill-bejgħ tal-ġarr internazzjonali li għalihom kumpannija tkun aġixxiet bħala “kumpannija ta’ kontroll”. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni dan l-argument u rtirat parti mid-dħul mill-bejgħ sabiex tikkalkula l-multa. Għal dawn ir-raġunijiet ir-rikorrenti tqis li d-dħul mill-bejgħ tagħha fl-2002 kien ta’ EUR 2 897 000 minflok ta’ EUR 4 114 500

32      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma ressqitx il-prova tal-effett sinjifikattiv fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri, peress li l-limitu ta’ EUR 40 miljun stabbilit fil-“komunikazzjoni De Minimis” ma ntlaħaqx. Hija ssostni li diversi kumpanniji ddikjaraw li l-istimi tagħhom kienu approssimattivi u li kien importanti, sabiex ma tiġix inkluża darbtejn l-istess ċifra fil-kalkolu, li jitnaqqas mid-dħul mill-bejgħ ddikjarat dak li kien twettaq bħala subkuntrattur. Fir-replika tagħha hija żżid li l-limitu ta’ 5 % għas-somma tal-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati ma kienx intlaħaq lanqas. Fi kwalunkwe każ, il-preżunzjonijiet li jinsabu f’din il-komunikazzjoni ma humiex biżżejjed sabiex jiġi pprovat l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ.

33      Il-Kummissjoni tosserva li l-akkordju kellu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni. Konsegwentement, id-definizzjoni tas-suq relevanti – li ma għamlitx – ma hijiex neċessarja u l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huwa irrelevanti. Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq id-definizzjoni tas-suq huwa irrelevanti peress li, anki jekk id-definizzjoni tas-suq kienet intalbet, u li kieku kienet iktar wiesgħa, dan ma setax iwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni, peress li l-eżistenza tal-akkordju ma kinitx ikkontestata mir-rikorrenti.

34      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti huwa infondat. Il-fatt li operaturi barranin jistgħu jkunu f’kompetizzjoni mal-kumpanniji Belġjani f’dak li jikkonċerna l-ġarr minn jew lejn il-Belġju, u li teżisti preżenza qawwija ta’ kumpanniji barranin fuq is-suq, ma jmurx kontra l-konstatazzjoni fattwali tal-Kummissjoni li tgħid li ċ-ċentru ġeografiku tal-akkordju kien il-Belġju.

35      F’dak li jikkonċerna d-daqs tas-suq, il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ fejn l-argumenti tar-rikorrenti jirreferu għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-akkordji ta’ importanza minuri li ma jillimitawx b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (de minimis) (ĠU 2001, C 368, p. 13), dawn l-argumenti huma irrelevanti, peress li r-restrizzjonijiet ikkaratterizzati, jiġifieri b’mod partikolari l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq, għadhom ipprojbiti, ikunu xi jkunu l-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati.

36      Fil-każ fejn ir-rikorrenti tirreferi għal-Linji Gwida dwar il-kunċett ta’ effett sinjifikattiv tal-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2004, C 101, p. 81, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2004”), l-argumenti tagħha huma wkoll infondati, jew anki irrelevanti. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-preżunzjoni negattiva tal-paragrafu 52 tal-linji gwida tal-2004 tirreferi għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri dħul mill-bejgħ ta’ inqas minn EUR 40 miljun u ishma tas-suq tal-inqas ta’ 5 %. Issa, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet ma ġiet sodisfatta. Barra minn hekk, il-preżunzjoni pożittiva tal-paragrafu 53 tal-linji gwida tal-2004, tipprovdi, fir-rigward ta’ ftehim li jista’ min-natura tiegħu stess jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, li huwa biżżejjed li waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi tiġi sodisfatta.

37      Fl-istadju tal-kontroreplika, il-Kummissjoni żżid li hija bbażat ukoll l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fuq in-natura transkonfinali tal-ġarr u tikkontesta l-ammissibbiltà tal-argument, imqajjem fil-kontroreplika, li jgħid li l-limitu ta’ 5 % ma kienx intlaħaq f’dan il-każ.

38      Il-Kummissjoni ssostni barra minn hekk li, fl-evalwazzjonijiet tal-valur ekonomiku tas-suq, id-dħul mill-bejgħ imwettaq b’subkuntratt ġie kkunsidrat. Hija tenfasizza li kienet użat żewġ metodi sabiex tikkalkula d-daqs tas-settur inkwistjoni, li t-tnejn li huma taw valur ta’ EUR 83 miljun u għalhekk sehem mis-suq akkumulat ta’ 50 %. Min-naħa l-oħra, fil-kalkolu tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala bażi għall-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni aċċettat għall-parteċipanti kollha li teskludi l-bejgħ li sar b’subkuntratt.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

39      L-ewwel motiv huma magħmul minn tliet partijiet li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, peress li huma marbuta ma’ xulxin. Fil-fatt, l-ewwel parti tikkonċerna d-definizzjoni tas-suq u t-tieni waħda d-daqs tas-suq inkwistjoni kif ukoll il-partijiet tas-suq tal-impriżi kkonċernati. Abbażi ta’ dan, ir-rikorrenti tikkontesta, permezz tat-tielet parti, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

40      Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-ilmenti bbażati fuq definizzjoni żbaljata tas-suq inkwistjoni, stima żbaljata tad-daqs tiegħu kif ukoll tal-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati, huma irrelevanti.

 Osservazzjonijiet preliminari

41      Il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza, id-definizzjoni tas-suq relevanti ma hijiex meħtieġa f’każ ta’ restrizzjonijiet manifesti tal-kompetizzjoni. Peress li f’dan il-każ, l-akkordju kellu bħala għan restrizzjonijiet flagranti tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-definizzjoni tas-suq relevanti ma kinitx meħtieġa u li l-argument tar-rikorrenti kien konsegwentement irrelevanti.

42      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

43      Ċertament, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn turi l-effetti antikompetittivi reali tal-ftehim jew prattiki li għandhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑143/89, Ġabra p. II‑917, punt 30, ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punti 12 sa 15 ).

44      Xorta jibqa’ l-fatt li skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 81(1) KE ma japplikax jekk l-effett tal-akkordju fuq l-iskambji intra-Komunitarji jew fuq il-kompetizzjoni ma jkunx “sinjifikattiv”. Fil-fatt, ftehim ma jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 81(1) KE, meta jkun jillimita l-kompetizzjoni jew jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri biss b’mod insinjifikanti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, Ġabra p. 337, 360; tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk, 5/69, Ġabra p. 295, punt 7, u tat-28 ta’ April 1998, Javico, C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punti 12 u 17; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003 CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 207).

45      Konsegwentement, l-obbligu li ssir delimitazzjoni tas-suq f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 81 KE hija imposta lill-Kummissjoni meta, mingħajr tali definizzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jew il-prattika miftiehma inkwistjoni tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandhiex bħala għan jew riżultat tagħha l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 230).

46      Issa, hija l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar dawn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE li hija kkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv, peress li d-definizzjoni u d-daqs tas-suq kif ukoll tal-ishma tas-suq miżmuma huma effettivament sempliċi preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il-Kummissjoni, T‑29/92, Ġabra p. II‑289, punt 75).

47      Fir-rigward tan-natura sinjifikattiva tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, madankollu ma jirriżultax b’mod ċar mir-rikors li r-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tqajjem ilment rigward dan, peress li, ħlief għal sempliċi referenza għas-sentenza Völk, punt 45 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-ewwel motiv sussidjarju, ir-rikorrenti ma tidhirx li tagħmel distinzjoni bejn in-natura sinjifikattiva tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u dik tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, ilment ibbażat fuq il-ksur tar-regola de minimis, fl-ipoteżi li jkun tqajjem, ikun għaldaqstant inammissibbli skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li jeħtieġ kontestazzjoni dettaljata.

48      Fir-rigward tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, ir-rikorrenti tidher xi kultant tħallat il-komunikazzjoni de minimis u l-linji gwida tal-2004. Madankollu, huwa ċar li fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha – minkejja li titkellem fuq “komunikazzjoni De Minimis” – hija tirreferi fil-verità għal-linji gwida tal-2004. Fil-fatt, ir-rikorrenti espliċitament ikkontestat il-fatt li l-Kummissjoni kienet ipproduċiet il-prova tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri (punt 33 iktar ’il fuq). Għal din ir-raġuni, hemm lok li tiġi miċħuda l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti qajmet argument ġdid fl-istadju tar-replika, peress li l-limitu ta’ 5 % imsemmi fir-replika jirrappreżenta biss l-estensjoni ta’ motiv eżistenti u mhux motiv ġdid.

49      Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex tistabbilixxi l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, fuq il-linji gwida tagħha tal-2004 li jindikaw limiti minimi għall-ishma tas-suq u għad-dħul mill-bejgħ kkonsolidati tal-impriżi kkonċernati. Issa, skont il-paragrafu 55 ta’ dawn il-linji gwida, l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 5 % tal-ishma tas-suq previst fil-paragrafi 52 u 53 tagħhom timplika determinazzjoni minn qabel tas-suq inkwistjoni.

50      Konsegwentement, l-ilmenti bbażati fuq definizzjoni żbaljata tas-suq inkwistjoni, evalwazzjoni żbaljata tad-daqs tiegħu kif ukoll tal-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati, sa fejn jirreferu għall-evalwazzjoni tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u b’mod partikolari għal-limitu ta’ 5 %, huma irrelevanti. Din il-konklużjoni ma hijiex imminata permezz tal-fatt li r-rikorrenti ma kkontestatx l-eżistenza tal-akkordju, peress li din l-ammissjoni ma tinkludix dik tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ minn dan l-akkordju. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ tali effett, kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, iwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni.

 Fuq l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

51      Fil-premessa 373 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tqis li, skont il-linji gwida tal-2004, in-natura sinjifikattiva tal-effetti tal-ftehim tista’ tiġi preżunta, peress li s-somma tal-ishma tas-swieq tal-kumpanniji tal-ġarr inkwistjoni taqbeż il-5 % tas-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju u d-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-partijiet għas-servizzi kkonċernati jaqbeż l-EUR 40 miljun. F’dan il-każ, il-kumpanniji ta’ ġarr inkwistjoni wettqu dħul mill-bejgħ ta’ iktar minn EUR 41 miljun fl-2002 u s-somma tal-ishma tas-suq tagħhom hija ta’ madwar 50 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni fil-kontroreplika li, fil-premessa 372 tad-Deċiżjoni, hija bbażat ruħha wkoll fuq in-natura transkonfinali tal-ġarr sabiex turi effett fuq il-kummerċ. Għalhekk, jaqbel li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilietx, fid-Deċiżjoni, effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

–       Fuq in-natura transkonfinali

52      Fir-rigward, qabel xejn, tan-natura transkonfinali tal-ġarr inkwistjoni, għandu jiġi osservat li din in-natura, li ma hijiex ikkontestata, ma hijiex marbuta mal-kwistjoni tan-natura “sinjifikattiva” tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

53      Fil-fatt, kieku t-tranżazzjonijiet transkonfinali kollha kienu awtomatikament suxxettibbli li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri, il-kunċett ta’ natura sinjifikattiva, li huwa kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE stabbilita mill-ġurisprudenza, kien jispiċċa mingħajr valur. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet ukoll, waqt is-seduta, li anki fil-każ ta’ ksur minħabba l-għan, huwa neċessarju li l-ksur ikun suxxettibbli li jaffettwa l-iskambji intra-Komunitarji b’mod sinjifikattiv. Fil-fatt, dan jirriżulta mil-linji gwida tal-2004, peress li l-preżunzjoni pożittiva, prevista fil-paragrafu 53 tagħhom, tapplika biss għall-ftehim jew prattiki li huma, min-natura tagħhom stess, suxxettibbli li jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.

54      Matul is-seduta, il-Kummissjoni għaldaqstant invokat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 1987, Vereniging van Vlaamse Reisbureaus (311/85, Ġabra p. 3801), sabiex issostni t-teżi tagħha li tgħid li n-natura transkonfinali tal-ġarr kienet tkun biżżejjed minnha nfisha sabiex il-kompetenza tagħha tkun fondata. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din is-sentenza, u b’mod partikolari l-punt 18 tagħha, ma tidħolx fil-problema tan-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ. Fil-fatt, dan it-terminu lanqas biss huwa msemmi f’din is-sentenza.

55      Fi kwalunkwe każ, id-Deċiżjoni ma tinkludi l-ebda motiv li huwa bbażat unikament fuq in-natura transkonfinali tal-ġarr inkwistjoni. B’mod partikolari, kemm mill-formulazzjoni tagħha kif ukoll mill-kuntest jirriżulta li l-premessa 372 tad-Deċiżjoni, li ma ssemmiex is-sentenza Vereniging van Vlaamse Reisbureaus, punt 54 iktar ’il fuq, ma hijiex intiża sabiex turi n-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ.

–       Fuq il-limitu ta’ EUR 40 miljun

56      Fir-rigward tal-limitu ta’ EUR 40 miljun, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ssopravalutat id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-parteċipanti fl-akkordju.

57      Filwaqt li laqgħet talba tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti sabiex tqiegħed lir-rikorrenti f’pożizzjoni fejn tkun tista’ kompletament tikkontesta din iċ-ċifra. Għalhekk, il-Kummissjoni pproduċiet il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-risposti għall-komunikazzjoni tal-ilmenti tad-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni kif ukoll ir-risposti għat-talbiet tagħhom għal informazzjoni. Madankollu, waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li ma kienet qed tibbaża l-ebda argument fuq id-dokumenti mressqa mill-Kummissjoni. Għalhekk, fl-ipoteżi li l-approċċ tal-Kummissjoni dwar is-subkuntrattar huwa korrett, is-somma tal-bejgħ tibqa’ taħt il-limitu ta’ EUR 40 miljun, u dan anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni d-Deċiżjoni C (2009) 5810 (punt 21 iktar ’il fuq), li jfisser tnaqqis tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ iktar minn EUR 600 000.

58      Madankollu għandu jiġi kkunsidrat li l-argumenti tar-rikorrenti, bbażati fuq in-neċessità li ssir distinzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ ġġenerat bħala subkuntrattur u d-dħul mill-bejgħ ġġenerat bħala kumpannija li jkollha l-kontroll tal-ġarr internazzjonali, huma fondati. Fil-fatt, sabiex ma tiġix inkluża darbtejn l-istess ċifra fil-kalkoli tal-bejgħ ikkonċernati, huwa meħtieġ li jitnaqqas mid-dħul mill-bejgħ mwettaq bis-servizzi inkwistjoni d-dħul mill-bejgħ imwettaq bħala subkuntrattur. Jekk ma jsirx dan, għal ġarr wieħed, din l-aħħar ċifra tkun inkluża l-ewwel darba fid-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija li tikkontrolla s-servizz u t-tieni darba fid-dħul mill-bejgħ tas-subkuntrattur. Barra minn hekk, id-dħul mill-bejgħ tas-subkuntrattur ma twettaqx fuq is-suq tas-servizzi ta’ ġarr intiżi għall-konsumatur finali.

59      L-ispjegazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fil-premessa 530 tad-Deċiżjoni sabiex tiġġustifika l-għażla tagħha li teskludi dawn il-bejgħ mill-kuntest tal-kalkolu tal-multa huwa barra minn hekk konvinċenti. Għaldaqstant, hija ma tistax tispjega għalfejn jaqbel li tiġi inkluża darbtejn l-istess ċifra fil-kalkolu tad-daqs tas-suq sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ. Dan il-kalkolu u dak tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-parteċipanti fl-akkordju huma vvizzjati bi żball manifest.

60      Din il-konklużjoni hija sostnuta mir-risposti tal-Kummissjoni għad-domandi orali u bil-miktub tal-Qorti Ġenerali.

61      Il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ipprovat targumenta abbażi tal-paragrafu 54 tal-linji gwida tal-2004. Issa, din id-dispożizzjoni hija limitata sabiex teskludi l-bejgħ bejn kumpanniji tal-istess grupp imma mkien ma tikkunsidra l-kwistjoni tas-subkuntrattar. B’mod partikolari din ma tistax tkun il-bażi għall-argument kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni jidher li ssostni.

62      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni fir-risposta tagħha bil-miktub li l-approċċ tagħha ma jwassalx “neċessarjament” għal kalkolu doppju tal-istess ġarr, peress li, minn naħa, ċertu numru ta’ kumpanniji Belġjani li jġorru ma kinux parti mill-akkordju, u, min-naħa l-oħra, is-subkuntratti kienu f’ċertu każijiet isiru f’isem kumpanniji li jġorru barranin. Il-Kummissjoni għalhekk impliċitament tikkonċedi li għall-każijiet l-oħra dan l-approċċ iwassal sabiex jiġu inklużi darbtejn id-dħul mill-bejgħ imwettqa bħala subkuntrattur. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li kien hemm kalkolu doppju fir-rigward tas-subkuntrattar li sar bejn żewġ parteċipanti fil-kartell. Barra minn hekk, hija ammettiet li jekk il-metodoloġija tagħha tiġi korretta fuq dan il-punt, il-limitu ta’ EUR 40 miljun ma jibqax milħuq.

63      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-limitu ta’ EUR 40 miljun kien intlaħaq f’dan il-każ.

–       Fuq il-limitu ta’ 5 %

64      Fir-rigward tal-limitu ta’ 5 %, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tiddefinixxi s-suq u li kellha tinkludi s-“servizzi ta’ ġarr internazzjonali” kollha.

65      Fir-rigward ta’ dan it-tieni lment, l-affermazzjoni li tgħid li l-Kummissjoni telqet minn suq wisq ristrett għandha tinċaħad. Il-Kummissjoni rrelevat ġustament li l-akkordju kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-settur tal-ġarr internazzjonali lejn jew mill-Belġju. Fil-fatt, il-ġarr inkwistjoni huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-Belġju jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq jew il-punt ta’ destinazzjoni u li l-attività tal-akkordju kienet issir fil-Belġju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tagħha d-daqs tas-suq kif ukoll id-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji barranin fuq dan is-suq. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata li s-servizzi kkonċernati kienu s-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju.

66      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ definizzjoni tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li l-kalkolu ta’ sehem tas-suq jimplika, bħala loġika preliminari, id-definizzjoni ta’ dan is-suq. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali diġà rrelevat fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-paragrafu 55 tal-linji gwida tal-2004 jirrikonoxxi espliċitament li “[s]abiex jiġi applikat il-limitu ta’ sehem mis-suq, huwa neċessarju li jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni, li jinkludi s-suq tal-prodotti inkwistjoni u s-suq ġeografiku inkwistjoni”. Dan l-obbligu jirriżulta b’mod iktar ċar minn verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dan il-punt (pereżempju bl-Ingliż: “it is necessary” u bil-Ġermaniż: “muss”).

67      Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura vinkolanti tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li, billi adottat tali regoli ta’ kondotta u billi ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, l-istituzzjoni inkwistjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tikkommetti ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 211).

68      Issa, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 55 tal-linji gwida tal-2004. Fil-kitbiet tagħha u waqt is-seduta, hija insistiet mhux biss fuq il-fatt li ma kellhiex obbligu tiddefinixxi s-suq ikkonċernat imma wkoll li ma kinitx għamlet dan. Konsegwentement, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-limitu ta’ 5 % intlaħaq, bħala prinċipju, ma għandhiex tintlaqa’.

69      Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni madankollu stabbiliet kif meħtieġ mil-liġi li t-tieni kundizzjoni alternattiva intiża fil-preżunzjoni stabbilita fil-paragrafu 53 tal-linji gwida tal-2004 kienet sodisfatta.

70      Fil-fatt, il-Kummissjoni pprovdiet, fil-premessi 88 sa 94 tad-Deċiżjoni, deskrizzjoni biżżejjed dettaljata tas-settur inkwistjoni, inkluż l-offerta, id-domanda u l-portata ġeografika. Għalhekk, il-Kummissjoni ddelimitat b’mod preċiż is-servizzi kkonċernati kif ukoll is-suq. Il-Qorti Ġenerali tqis li tali deskrizzjoni tas-settur tista’ tkun biżżejjed sa fejn hija biżżejjed dettaljata sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-affermazzjonijiet bażi tal-Kummissjoni u fejn, fuq din il-bażi, il-parti tas-suq akkumulat taqbeż b’mod evidenti l-limitu ta’ 5 %.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata li s-servizzi kkonċernati kienu s-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju (punt 65 iktar ’il fuq). It-tieni nett, fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkolat id-daqs tas-suq għal EUR 83 miljun u l-parti tas-suq akkumulat tal-parteċipanti għall-akkordju għal madwar 50 %. Dawn iċ-ċifri għandhom jiġu aġġustati sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-korrezzjonijiet li jirriżultaw mid-Deċiżjoni C (2009) 5810 (punt 21 iktar ’il fuq) u l-esklużjoni tal-bejgħ li sar b’subkuntratt (punt 59 iktar ’il fuq), li jwassal, skont il-Kummissjoni, għal dħul mill-bejgħ akkumulat ta’ iktar minn EUR 20 miljun u parti mis-suq akkumulat ta’ madwar 30 %. Din il-parti tas-suq għaldaqstant tinsab dejjem lil hinn mil-limitu ta’ 5 %. It-tielet nett, bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkonstatat hi stess, matul is-seduta, li, sabiex il-limitu ta’ 5 % ma jinqabiżx, id-daqs tas-suq għandu jkun ta’ inqas minn EUR 435 miljun. Issa, l-unika possibbiltà sabiex wieħed jasal għal tali daqs tas-suq ikkonċernat hija li jitlaq minn suq ħafna ikbar minn dak tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, suq li għaldaqstant ġie identifikat ġustament mill-Kummissjoni bħala s-suq inkwistjoni.

72      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tqis li, eċċezzjonalment, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq it-tieni kundizzjoni alternattiva tal-paragrafu 53 tal-linji gwida tal-2004 mingħajr ma tagħti espliċitament definizzjoni tas-suq fis-sens tal-paragrafu 55 ta’ dawn il-linji gwida.

73      Fl-aħħar nett, kif irrelevat ġustament il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-preżunzjoni pożittiva prevista fil-paragrafu 53 tal-linji gwida tal-2004, huwa biżżejjed li waħda biss minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi tiġi sodisfatta sabiex tiġi pprovata n-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

74      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq żblaji ta’ liġi fl-implementazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE.

75      Dan il-motiv huwa magħmul minn tliet partijiet. L-ewwel żewġ partijiet huma dwar tnaqqis tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti. Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti titlob tnaqqis tal-multa minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji tagħha.

a)     L-argumenti tal-partijiet

76      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet taf bl-eżistenza tas-sistema tal-KTK u li ttolleratha għal snin. Il-prattika kienet magħrufa fost aġenti tal-Kummissjoni u tant mifruxa fi ħdan id-dipartimenti tagħha li huwa inkonċepibbli li din qatt ma saret taf b’din is-sistema. Iktar minn 30 % tal-ksur fil-qasam tal-KTK jikkonċerna aġenti tal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-argument li jgħid li l-Kummissjoni bħala istituzzjoni ma kinitx taf b’din is-sistema, ir-rikorrenti ssostni li din hija “finzjoni pura”. Barra minn hekk, din il-prattika jafu biha d-diretturi ġenerali, diretturi, kapijiet ta’ diviżjoni u xi Kummissarji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ttollerat din is-sistema u ħalliet lill-aġenti tagħha japprofittaw minnha.

77      Ir-rikorrenti tqis dan l-aġir tal-Kummissjoni, li ma għamlet xejn matul is-snin sabiex twaqqaf din il-prattika ta’ KTK, kien ta’ natura li joħloq ċerta konfużjoni dwar il-kwistjoni jekk il-prattika tikkostitwixxix jew le ksur. Dan il-fatt u d-dewmien tal-intervent tal-Kummissjoni jiġġustifika tnaqqis tal-multa.

78      It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li s-sistema ta’ KTK ma tirriżultax minn akkordju jew prattika miftiehma imma li din tirrispondi għal domanda tas-suq, peress li l-KTK kienu mitluba mill-klijenti stess. Konsegwentement, kien ikun estremament diffiċli għall-impriżi kkonċernati li jirrifjutaw li jipprovdu KTK mingħajr ma jieħdu r-riskju li ma jintgħoġbux mill-klijenti tagħhom u li jitilfuhom.

79      It-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka d-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji li għandha quddiemha għal dawn l-aħħar snin. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma evalwatx korrettament il-fatti ppreżentati mir-rikorrenti minkejja li, skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Ir-rikorrenti tosserva li l-unika referenza għall-fatt li l-multa tirrappreżenta biss 3.76 % tad-dħul mill-bejgħ mondjali tagħha fl-2006 ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi ddeterminata l-kapaċità kontributtiva tagħha. Fil-verita, hija tinsab f’sitwazzjoni viċin il-falliment.

80      Il-Kummissjoni tirrifjuta dawn l-argumenti u tirrimarka li huwa pjuttost motiv relatat mal-ammont tal-multa.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

81      It-tieni motiv, ippreżentat fil-parti tar-rikors intitolata “Motivi intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni”, huwa allegatament ibbażat fuq “żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq żbalji ta’ liġi fl-implementazzjoni tal-Artikolu 81 KE”. Għaldaqstant, huwa intiż biss għal tnaqqis tal-multa minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti u d-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji u mhux għall-annullament tad-Deċiżjoni. Minkejja li r-rikorrenti opponiet, matul is-seduta, għal kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-motiv, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors, hija ssostni biss li l-fatti invokati jiġġustifikaw “tnaqqis tal-multa”. Konsegwentement, dawn l-argumenti se jiġu kkunsidrati meta l-Qorti Ġenerali teżamina l-motivi dwar l-ammont tal-multa (punti 151 et seq iktar ’il quddiem).

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

82      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa (l-ewwel parti) u f’dak li jikkonċerna ċ-ċaħda tal-argument tagħha bbażat fuq id-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji (it-tieni parti).

a)     L-argumenti tal-partijiet

83      Ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tal-gravita’ tal-ksur, il-Kummissjoni kkuntentat ruħha billi tiffissa l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal 17 %, mingħajr iktar spjegazzjoni. Bl-istess mod, fir-rigward tal-ammont addizzjonali applikat b’effett dissważiv, il-Kummissjoni żammet il-kategorija l-iktar baxxa, jiġifieri 17 % mingħajr iktar spjegazzjoni. Għalhekk, il-motivazzjoni dwar l-ammont tal-multa hija purament formali u r-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tifhem il-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni sabiex waslet għal dawn ir-riżultati. Il-Kummissjoni kklassifikat il-ksur inkwistjoni bħala “fost l-iktar gravi”. Skont il-paragrafu 23 tal-linji gwida tal-2006, il-proporzjon li għandu jinżamm kellu jkun jinsab “fil-għoli tal-iskala”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ffissat dan il-proporzjon għal livell ftit iktar għoli min-nofs ta’ din l-iskala, mingħajr ma spjegat ruħha dwar ir-raġunijiet ta’ din l-għażla u mingħajr ma kkunsidrat iċ-ċirkustanzi u l-fatturi li wassluha għal dan ir-riżultat.

84      F’dak li jikkonċerna d-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji tagħha, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ċaħdet dan l-argument bis-sempliċi allegazzjoni li l-multa kkalkolata minn Ziegler tirrappreżenta biss 3.76 % tad-dħul mill-bejgħ mondjali tal-impriża fl-2006. Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti, hija ma tistax, skont din, tinjora l-argumenti kollha tagħha. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kisret ukoll id-dritt tar-rikorrenti għal smigħ xieraq.

85      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u tosserva li eventwali vizzji fil-motivazzjoni jew fl-iffissar tal-multa, b’mod partikolari fuq il-gravità tal-ksur jew tal-kapaċità kontributtiva, ma twassalx għall-annullament tad-Deċiżjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

86      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-ilmenti invokati fil-kuntest tal-motiv jikkonċernaw biss il-multa imposta u mhux il-konstatazzjoni ta’ ksur. Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar l-iffissar tal-multa ma għandux bħala konsegwenza l-annullament tad-Deċiżjoni fl-intier tagħha. Fil-fatt, tali ksur ta’ forom sostanzjali jaffettwa biss l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, li huma bbażati fuqu l-multi.

87      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-raġuni mitluba mill-Artikolu 253 KE, li tikkostitwixxi forma sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE, għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li r-raġuni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi relevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk ir-raġuni għal att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C‑121/91 u C‑122/91, Ġabra p. I‑3873, punt 31, u tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2001, Bic et vs Il-Kunsill, T‑82/00, Ġabra p. II‑1241, punt 24].

88      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-motiv, għandu jiġi kkonstatat li l-motiv dwar l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, inkluż tal-ammont addizzjonali applikat għal finijiet ta’ dissważjoni, effettivament ma huwiex wisq dettaljat. Madankollu, l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni tkun issodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li jkunu ppermettewlha li tkejjel il-gravità tal-ksur imwettaq, mingħajr ma għandha l-obbligu li tinkludi espost iktar dettaljat jew iċ-ċifri relatati mal-mod tal-kalkolu tal-multa (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 252, u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fil-premessa 542 tad-Deċiżjoni, esponiet ir-raġunijiet li wassluha sabiex tikkonkludi dwar in-natura gravi ħafna tal-ksur, jiġifieri n-natura stess tar-restrizzjonijiet evidenti għall-kompetizzjoni kkonstatati. Barra minn hekk, fl-istess premessa, hija spjegat, għalfejn ma eżaminatx l-estensjoni ġeografika u l-impatt tal-ksur, billi tirreferi għall-ġurisprudenza li tgħid li, fil-każ ta’ ksur flagranti, il-ksur jista’ jiġi kkwalifikat bħala gravi ħafna mingħajr ma huwa neċessarju li tali aġir ikun ikkaratterizzat minn estensjoni ġeografika jew minn impatt partikolari (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punti 84 u 85, u tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punti 178 u 179). Minn dan isegwi li, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni mmotivat biżżejjed il-kwalifika ta’ ksur “gravi ħafna”.

90      Madankollu, l-ewwel nett, jidher xieraq li l-Kummissjoni tirrinforza l-motivazzjoni dwar il-kalkolu tal-multi sabiex tippermetti lill-impriżi jkunu jafu fid-dettall il-mod tal-kalkolu tal-multa imposta fuqhom. B’mod iktar ġenerali, dan jista’ jservi t-trasparenza tal-azzjoni amministrattiva u jiffaċilita l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li għandha tippermetti li tevalwa, lil hinn mil-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, n-natura xierqa tal-multa imposta (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 46).

91      It-tieni nett, għandu jiġi rrelevat li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni tirreferi għal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3), u li tmur lura għaż-żmien qabel l-adozzjoni tal-linji gwida. Il-linji gwida tal-2006 għaldaqstant ġabu magħhom bidla fundamentali tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-multi. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni tal-ksur fi tliet kategoriji (“inqas gravi”, “gravi” u “gravi ħafna”) tneħħiet u ġiet introdotta skala li tmur minn 0 % sa 30 % sabiex tippermetti differenzjazzjoni iktar fina. Barra minn hekk, l-ammont bażiku tal-multa sar “marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad ta’ gravità tal-ksur, immultiplikat għan-numru ta’ snin ta’ ksur” (paragrafu 19 tal-linji gwida tal-2006). Bħala regola ġenerali, “il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 % (paragrafu 21). Fir-rigward tal-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezz, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni, “li huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi”, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu ġeneralment jinżamm “fl-għoli tal-iskala” (paragrafu 23).

92      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax iktar, bħala regola, tikkuntenta b’li timmotiva biss il-kwalifika ta’ ksur bħala “gravi ħafna” u mhux l-għażla ta’ proporzjon ta’ bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, kif indikat iktar ’il fuq, il-konsegwenza tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tal-multi huwa obbligu ta’ motivazzjoni li jippermetti lill-persuna akkużata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

93      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 543 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ffissat din ir-rata għal livell ftit iktar għoli min-nofs ta’ din l-iskala, jiġifieri 17 %, u mmotivat l-għażla tagħha sempliċement bin-natura “gravi ħafna” tal-ksur. Madankollu, il-Kummissjoni ma spjegatx b’mod iktar dettaljat kif il-kwalifika ta’ ksur “gravi ħafna” wasslitha sabiex tiffissa r-rata ta’ 17 % u mhux proporzjon nettament iktar “fl-għoli tal-iskala”. Din il-motivazzjoni tista’ tkun biżżejjed biss fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tapplika rata iktar qrib il-limitu inferjuri tal-iskala prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, li barra minn hekk hija favorevoli ħafna għar-rikorrenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, motivazzjoni addizzjonali, li tmur lil hinn mill-motivazzjoni inerenti fil-linji gwida, ma hijiex neċessarja. Min-naħa l-oħra, kieku riedet tapplika rata iktar għolja, kien ikollha tipprovdi motivazzjoni iktar dettaljata.

94      Peress li, fir-rigward tal-ammont addizzjonali applikat għall-finijiet ta’ dissważjoni, il-premessa 556 tad-Deċiżjoni tirreferi għall-premessa 542 u li l-limitu inferjuri tal-iskala huwa l-istess, il-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq japplikaw ukoll għall-ilmenti dwar il-motivazzjoni pprovduta għall-iffissar ta’ dan l-ammont. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

95      F’dak li jikkonċerna t-tieni parti tal-motiv, dwar id-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji tar-rikorrenti, għandha ssir distinzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, bejn l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u dak ibbażat fuq l-ineżattezza tal‑motivazzjoni tad-deċiżjoni minħabba żball fuq il-fatti jew fl‑evalwazzjoni ġuridika. Dan l-aħħar l-aspett jaqa’ taħt l-eżami tal-legalità fil‑mertu tad-Deċiżjoni u mhux taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u għalhekk ma jistax jagħti lok għal ksur tal-Artikolu 253 KE (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 88 iktar ’il fuq, punti 67 u 72, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T‑84/96, Ġabra p. II‑2081, punt 47).

96      F’dan il-każ, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argument tar-rikorrenti fil-premessa 632 tad-Deċiżjoni, fejn ikkonstatat li l-multa tirrappreżenta biss 3.76 % tad-dħul mill-bejgħ mondjali tagħha għall-2006, li jista’ jiġi kkunsidrat bħala sodisfaċenti għall-obbligu ta’ motivazzjoni. Kieku kellu jiġi aċċettat li dan is-sempliċi kalkolu ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi ddeterminata l-kapaċità kontributiva tar-rikorrenti, dan il-fatt kien jaqa’ taħt il-legalità tal-mertu tad-Deċiżjoni u mhux taħt nuqqas ta’ motivazzjoni (ara l-punti 165 et seq iktar ’il quddiem). Barra minn hekk, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

97      Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

98      Ir-raba’ u l-ħames motivi jirrigwardaw allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ proċedura ekwa u tal-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni xierqa, ir-rikorrenti tikkontesta l-imparzjalità tal-Kummissjoni.

a)     L-argumenti tal-partijiet

99      Ir-rikorrenti tallega li, peress li parti kbira tal-KTK inkwistjoni kienu ntalbu minn aġenti tal-Kummissjoni, din kellha tissospendi l-proċeduri quddiemha u tħalli lill-awtoritajiet Belġjani tal-kompetizzjoni jiddeċiedu. Fil-fatt, il-Kummissjoni, li ddikjarat lilha nnifisha vittma tal-prattiki inkwistjoni, kienet, f’dan il-każ, kemm imħallef kif ukoll parti. Konsegwentement, jeżisti riskju oġġettiv ta’ parzjalità.

100    Skont ir-rikorrenti, il-prova ta’ din il-parzjalità hija dedotta b’mod partikolari mill-fatt li l-istess każ ġie użat diversi drabi mill-Kummissjoni, li ppermettilha li tkabbar b’mod artifiċjali l-ksur ikkonstatat. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ parzjalità ġie espress fil-fatt li d-Deċiżjoni tifformula fl-intier tagħha evalwazzjoni estremament severa tas-sitwazzjoni meta, fil-verità, il-prattiki inkwistjoni kienu marġinali ħafna.

101    Fl-aħħar nett, f’dokument intitolat “Osservazzjonijiet dwar ir-rapport tas-seduta” u matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, il-kumpannija tal-ġarr inkwistjoni baqgħu jsirulha talbiet għal KTK mingħand aġenti tal-Kummissjoni ta’ kull livell u anki mingħand membru mill-Kummissjoni.

102    Il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tal-allegat riskju oġġettiv ta’ parzjalità, l-argument huwa irrelevanti bħala motiv għall-annullament u ma huwiex fondat.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

103    Ir-rikorrenti ssostni li l-aġir tal-Kummissjoni wassal għal restrizzjoni gravi tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża tagħha u li d-Deċiżjoni għandha għalhekk tiġi annullata. Issa, tali allegazzjoni ma hijiex fondata.

104    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-kompetenza tal-Kummissjoni, f’dan il-każ, sabiex tadotta deċiżjoni dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-allegat nuqqas ta’ oġġettività tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, imma jaqa’ taħt l-eżami li sar fil-kuntest tal-istħarriġ tal-evalwazzjoni tal-motivi jew tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 464, u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Konsegwentement, dan il-motiv huwa irrelevanti bħala motiv għal annullament.

106    Sussidjarjament, għandu għalhekk jiġi osservat li dan il-motiv huwa wkoll infondat. Fil-fatt, l-elementi invokati mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li juru li l-allegat preġudizzju tal-Kummissjoni jew ta’ wieħed mill-aġenti tagħha ġie espress fid-Deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 105). L-allegazzjoni li tgħid li l-Kummissjoni “kabbret b’mod artifiċjali n-numru ta’ ksur ikkonstatat” hija infondata. Jekk għall-istess ġarr, li tkun ġiet stabbilita KTK għalih jew tkun tħallset kummissjoni, diversi dokumenti jidhru fit-tabella annessa mad-Deċiżjoni, dan ma “[jkabbarx]” il-ksur, imma sempliċement jindika li diversi dokumenti jikkonċernaw l-istess ġarr. Fir-rigward tal-argument li jgħid li l-prattiki inkwistjoni ma kinux mifruxa imma “marġinali ħafna”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-akkordju kien fis-seħħ għal madwar 20 sena u li kien jaffettwa madwar 30 % tas-suq (ara l-punt 71 iktar ’il fuq), kif ukoll li jirreferi għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, li jgħidu li l-prattika kienet tirrispondi għal domanda tas-suq u li kienet tant mifruxa li kien “estremament diffiċli li jirrifjutaw li jipprovdu KTK mingħajr ma jieħdu r-riskju li ma jintgħoġbux mill-klijenti [tagħhom] u li jitilfuhom”. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti invokati mir-rikorrenti fl-okkażjoni tal-osservazzjonijiet fuq ir-rapport tas-seduta u waqt is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li lanqas dawn ma huma ta’ natura li jsostnu l-affermazzjoni tagħha li tgħid li l-Kummissjoni kienet parzjali fl-investigazzjoni tal-kawża. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma turix kif l-aġir li huma kkritikati bih ċerti aġenti, fl-ipoteżi li seħħ, seta’ jippreġudika d-dritt għal proċedura ekwa.

107    Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

5.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

108    Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni xierqa.

a)     L-argumenti tal-partijiet

109    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni rrifjutatilha l-aċċess għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mressqa mid-destinararji l-oħra ta’ din id-dikjarazzjoni, kif ukoll għar-risposti għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni. Il-fajl tal-investigazzjoni essenzjalment kien magħmul minn kitbiet u proposti li kienu ġejjin mingħand waħda mill-partijiet għall-allegat akkordju. Il-Kummissjoni ddefiniet is-sehem mis-suq tal-għaxar kumpanniji inkwistjoni unikament abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali ddikjarat minn dawn il-kumpanniji wara t-talba għal informazzjoni tal-2005. Għaldaqstant, huwa interessanti li ssir magħrufa l-kompożizzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji l-oħra sabiex jiġi kkontestat id-daqs tas-suq u l-ishma tas-suq ta’ kull kumpannija inkwistjoni li kellha l-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, ma hijiex il-Kummissjoni waħidha li għandha tiddeċiedi d-dokumenti u l-provi li huma utli għad-difiża tar-rikorrenti.

110    Fin-nuqqas li tippermetti aċċess għar-risposti tal-partijiet, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha, tal-inqas, tieħu miżuri utli sabiex tiffavorixxi tqabbil taċ-ċifri li kienu ġew iddikjarati. Minħabba r-rifjut lir-rikorrenti, din ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontrolla b’mod effiċjenti ċ-ċifri li kellha l-Kummissjoni. Kieku dawn iċ-ċifri kienu magħrufa r-rikorrenti kienet tkun tista’ tikkontesta b’mod effettiv il-preżunzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effett sinjifikattiv tal-kummerċ bejn Stati Membri.

111    Il-Kummissjoni ssostni li d-data dwar ċifri dwar id-daqs tas-suq ma humiex provi favur jew kontra. Ir-rikorrenti kienet interessata biss mir-risposta tagħha stess, peress li, f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multi, huwa biss il-valur tal-bejgħ tagħha, li ttieħed inkunsiderazzjoni, mingħajr ma jiġu kkunsidrati s-subkuntratti. Għalhekk, iċ-ċifri pprovduti mill-parteċipanti l-oħra għall-akkordju huma irrelevanti għaliha.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

112    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li r-rifjut li sar mill-Kummissjoni għat-talba tagħha għall-aċċess għar-risposti tad-destinatarji l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll għar-risposti għat-talbiet għal informazzjoni, jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża, inkwantu l-Kummissjoni ma ħaditx miżuri utli sabiex tiffavorixxi tqabbil taċ-ċifri li kienu ġew iddikjarati.

113    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi osservat fiċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari f’kull proċedimenti li jistgħu jwasslu għal penalitajiet, anki f’każ ta’ proċedimenti amministrattivi, teżiġi li l-impriża kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tesprimi l-opinjoni tagħha b’mod effettiv fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti, oġġezzjonijiet u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 66, u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    F’dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, ir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li jekk il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuq ir-risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura li għandha bħala suġġett l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-partijiet l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jiddikjaraw ruħhom fuq tali ta’ prova (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 343, u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li, barra mill-provi li jinsabu fl-“espożizzjoni tal-fatti”, trażmessa lir-rikorrenti fit-23 ta’ Awwissu 2007, id-Deċiżjoni ma hija bbażata fuq l-ebda fatt, ilment jew ċirkostanza li ma kinitx diġà tinsab fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fir-rigward tal-“espożizzjoni tal-fatti”, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li dan id-dokument ma jżid l-ebda lment, imma jillimita ruħu sabiex jikkunsidra l-provi addizzjonali, li r-rikorrenti setgħet tagħti l-opinjoni tagħha dwarhom.

116    F’dak li jikkonċerna d-dħul mill-bejgħ u ishma tas-suq, li r-rikorrenti tqis li huwa neċessarju li tkun magħrufa l-kompożizzjoni tagħhom sabiex jiġi kkontestat id-daqs tas-suq u l-partijiet tas-suq ta’ kull waħda mill-kumpanniji inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċifri użati fil-premessi 89 u 373 tad-Deċiżjoni sabiex tiġi pprovata n-natura sinjifikattiva tal-iskambji bejn Stati Membri kienu diġà jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

117    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq ir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur, imma bbażat ruħha fuq ċifri li r-rikorrenti kienet diġà taf bihom.

118    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, sempliċement abbażi tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ma tqiegħditx f’pożizzjoni li tikkontesta ċ-ċifri użati mill-Kummissjoni sabiex turi l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ. Fil-fatt, impriża individwali kkonċernata bilkemm għandha l-possibbiltà li tivverifika jekk id-dħul mill-bejgħ u l-ishma tas-suq kkonsolidati tal-membri kollha tal-akkordju jaqbżux il-limiti ta’ EUR 40 miljun jew ta’ 5 %. Kull impriża tista’ tikkonstata b’ċertezza ċ-ċifri tagħha biss. Għalhekk, sabiex jiġi kkonstatat id-daqs tas-suq u l-ishma tas-suq tal-kumpanniji l-oħra inkwistjoni u sabiex jiġu sostnuti l-argumenti rigward dawn iċ-ċifri, il-konoxxenza tal-kompożizzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-kumpannijia l-oħra hija indispensabbli, u fin-nuqqas tagħha r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li turi b’mod effettiv il-perspettiva tagħha dwar ir-relevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni.

119    Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali, għalhekk, talbet lill-Kummissjoni tittrażmettilha l-partijiet relevanti tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tad-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni, kif ukoll ir-risposti għat-talbiet għal informazzjoni sa fejn dawn ir-risposti jikkonċernaw id-dħul mill-bejgħ użati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dawn id-dokumenti tqegħdu fil-fajl, b’mod li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li ssir taf bihom. Issa, diġà ġie rrelevat fil-punt 57 iktar ’il fuq li, matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li ma kienet qed tibbaża l-ebda argument fuq id-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni.

120    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx miksura.

121    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li kull ksur tad-drittijiet tad-difiża li jsir fl-istadju tal-proċedura amministrattiva ma jistax jiġi rregolarizzat sempliċement minħabba l-fatt li l-aċċess għall-provi inkwistjoni sar possibbli fi stadju ulterjuri, u b’mod partikolari matul il-proċedura ġuridika li tikkonċerna eventwali rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 104).

122    Madankollu, sabiex jiġi evalwat jekk in-nuqqas ta’ tqassim ta’ dokument setax ikun ta’ dannu għal impriża kkonċernata matul il-proċedura amministrattiva, għandha ssir distinzjoni bejn l-aċċess għal dokumenti li jistgħu juru l-innoċenza tal-impriża u l-aċċess għal dokumenti li juru l-eżistenza tal-ksur allegat (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 130).

123    Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar dokumenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrelevat li hija l-impriża kkonċernata li għandha tipprova li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat, li fuqu l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha sabiex tippenalizza lil din l-impriża, ma kienx jiġi kkunsidrat bħala mezz ta’ prova kontriha (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 73). Din il-konklużjoni hi meħtieġa a fortiori peress li dawn ma humiex dokumenti li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom sabiex turi l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni, imma dokumenti li jistgħu jikkontestaw l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE minħabba nuqqas tal-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ. Issa, ir-rikorrenti lanqas biss ipprovat tressaq din il-prova (ara l-punt 120 iktar ’il fuq).

124    Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

125    Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti sabiex jiġi ordnat id-depożitu tal-fajl amministrattiv komplet fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn dan jikkonċerna l-partijiet rilevanti tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tad-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni, kif ukoll ir-risposti għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali laqgħetha. Għall-bqija, ir-rikorrenti ma spjegatx ir-relevanza tad-dokumenti mitluba, u konsegwentement it-talba tagħha għandha tiġi miċħuda.

B –  Motivi intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

126    Ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi sussidjarji, l-ewwel wieħed intiż għall-annullament tal-multa, u l-bqija, ta’ natura iktar sussidjarja, intiżi għal tnaqqis sostanzjali tal-multa.

1.     Fuq l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

127    Ir-rikorrenti tfakkar li, sabiex akkordju jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81 KE, id-dannu għall-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri għandhom ikunu sinjifikattivi.

128    Il-Kummissjoni tirreferi għall-argumenti tagħha li jikkonċernaw l-ewwel motiv.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

129    Għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv isemmi, fil-verita, żewġ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Għalhekk għandha ssir referenza għall-osservazzjonijiet esposti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ewwel motiv (punti 47 et seq iktar ’il fuq), fejn l-ilmenti tar-rikorrenti diġà ġew eżaminati u miċħuda.

2.     Fuq il-gravità

a)     L-argumenti tal-partijiet

130    Ir-rikorrenti ssostni li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont numru kbir ta’ elementi u b’mod partikolari taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u tal-kuntest tiegħu. Issa, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn il-prinċipji u bbażat ruħha fuq kriterju wieħed biss, jiġifieri n-natura proprja tal-ksur.

131    Fir-rigward tal-ftehim tal-iffissar tal-prezzijiet, hija tqis li l-prezzijiet mimimi li Allied Arthur Pierre xtaqet timponi ma ġew irrispettati mill-ebda waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, il-prattiki sanzjonati ma waslux għal żieda reali fil-prezzijiet tal-bejgħ. Konsegwentement, il-multa hija kompletament sproporzjonata meta mqabbla mal-kobor effettiv tal-prattiki kkontestati, mal-effett reali tagħhom fuq is-suq u fuq il-kompetizzjoni kif ukoll man-numru ta’ ksur ikkonstatati. Il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi inkludiet fil-kalkolu tal-multa, għar-rikorrenti biss, id-dħul mill-bejgħ imwettaq għal attivitajiet mhux relatati mal-ksur, u billi ffavoriet operaturi oħra, b’mod partikolari Allied Arthur Pierre u Interdean, li huma involuti b’mod iktar serju fl-akkordju. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma wrietx l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq minkejja dan l-effett jista’ jitkejjel.

132    Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-argumenti kollha huma irrelevanti peress li dan huwa ksur intrisikament gravi bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq.

133    Il-Kummissjoni tirreleva wkoll li l-ġurisprudenza dejjem enfasizzat il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha fil-qasam tal-iffissar tal-multi. F’dan il-każ, skont din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni, għall-iffissar tal-perċentwali tal-bejgħ li jiddetermina l-ammont tal-multa (17 %), semmiet biss in-natura “gravi ħafna” tal-ksur minħabba n-natura tar-restrizzjonijiet ikkonċernati. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra kien iwassal għall-iffissar ta’ perċentwali iktar għoli. Min-naħa l-oħra, l-impatt tal-ksur ma ġiex ikkunsidrat f’din l-evalwazzjoni. Barra minn hekk, l-ishma tas-suq ma humiex relevanti għall-iffissar tal-multa.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

134    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet ħażin meta ddeterminat il-gravità tal-ksur sempliċement abbażi tan-natura intrinsika tagħha.

135    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li, fil-premessa 542 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ssostni li ftehim jew prattiki miftiehema jimplikaw it-tip ta’ restrizzjoni kkonstatata f’dan il-każ jistgħu jiġi kkwalifikati, sempliċement abbażi tan-natura intrinsika tagħha, bħala “gravi ħafna”, mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir ikun ikkaratterizzat minn estensjoni ġeografika jew impatt partikolari. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni tiċċita, kemm fid-Deċiżjoni kif ukoll fid-difiża, is-sentenza Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq.

136    F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tar-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni, li l-gravità tal-ksur tista’ tiġi stabbilita b’riferiment għan-natura u tal-għan tal-aġir abbużiv, u li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li elementi li jiffurmaw parti mill-iskop ta’ aġir jistgħu jkunu iktar importanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa milli dawk relatati mal-effetti tagħhom (ara l-punt 83 tas-sentenza, u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    F’dan il-każ, il-ksur kellu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq. Tali ksur evidenti tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa, min-natura tiegħu, partikolarment gravi.

138    Barra minn hekk, kuntrarjament għal-linji gwida tal-1998, il-linji gwida tal-2006 lanqas ma jsemmu n-neċessità, sabiex tiġi evalwata l-gravita, li tittieħed inkunsiderazzjoni “il-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra”, u lanqas “l-impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel”.

139    Issa, il-linji gwida tal-2006 jipprovdu espliċitament, fil-paragrafu 20, li “l-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti relevanti kollha tal-każ”. Barra minn hekk, diġà ġie rrelevat fil-punt 91 iktar ’il fuq li l-linji gwida tal-2006 wasslu għal bidla fundamentali ta’ metodoloġija għall-kalkolu tal-multi. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni fi tliet kategoriji (“inqas gravi”, “gravi” u “gravi ħafna”) tħassret u ġiet introdotta skala li tmur minn 0 % sa 30 % sabiex tippermetti differenzjazzjoni iktar fina. Skont il-paragrafu 19 tal-linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa għandu jkun “marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad ta’ gravità tal-ksur”. Bħala regola ġenerali, “il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jkun iffissat għal livell li jista’ jmur sa 30 %” (paragrafu 21 tal-linji gwida).

140    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax teżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi, u għalhekk tiddetermina r-rata preċiża, li tinsab bejn 0 u 30 %, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża. Għalhekk, il-paragrafu 22 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li, “[s]abiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fil-qiegħ jew fl-għoli ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur”.

141    Din id-diffikultà li jiġi ddeterminat perċentwali preċiż hija sa ċertu punt imnaqqsa fil-każ ta’ ftehim orizzontali sigrieti ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ tqassim tas-suq fejn, skont il-paragrafu 23 tal-linji gwida tal-2006, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni huwa ġeneralment meħud għal livell li jinsab “fl-għoli tal-iskala”. Minn dan il-paragrafu jirriżulta li, għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, ir-rata għandha, tal-inqas, tkun superjuri għal 15 %.

142    F’dan il-każ, ma hemmx lok li tiġi annullata d-Deċiżjoni f’dan ir-rigward minħabba l-fatt li r-rata ta’ 17 % ġiet stabbilita sempliċement abbażi tan-natura intrinsikament gravi tal-ksur. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tikkuntenta ruħha li tapplika rata li hija daqs jew kważi daqs ir-rata minima prevista għar-restrizzjonijiet l-iktar gravi, ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi jew ċirkustanzi addizzjonali. Dan japplika biss jekk għandha tinżamm ir-rata iktar għolja. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ċertament ma ssostniex li l-Kummissjoni kellha tadotta rata iktar għolja u l-Kummissjoni ma talbitx lill-Qorti Ġenerali żżid l-ammont tal-multa.

143    Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq id-determinazzjoni astratta tal-gravità tal-ksur għandha tiġi miċħuda.

144    F’dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa minħabba l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni li Allied Arthur Pierre ibbenefikat minn tnaqqis fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Rigward Interdean, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-kwistjoni dwar għalfejn sar tnaqqis lil din il-kumpannija, u mhux lir-rikorrenti, fil-kuntest tar-raba’ motiv sussidjarju (punti 171 et seq iktar ’il quddiem). Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni li tgħid li l-Kummissjoni, għar-rikorrenti biss, inkludiet fil-kalkolu tal-multa dħul mill-bejgħ mwettaq minn attivitajiet mhux relatati mal-ksur hija kkunsidrata minn din bħala infondata fil-fatt. F’dan ir-rigward, mid-Deċiżjoni jirriżulta li huwa unikament sabiex jiġi kkalkolat il-limitu ta’ 10 % li d-dħul mill-bejgħ globali tar-rikorrenti, u għalhekk, l-attività tagħha barra mill-ġarr internazzjonali fil-Belġju ttieħed inkunsiderazzjoni wkoll. Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll.

3.     Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

a)     L-argumenti tal-partijiet

145    Ir-rikorrenti tinvoka tliet ċirkustanzi attenwanti.

146    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tirreleva li l-fatt li hija kienet adottat mingħajr dewmien il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mar-regoli tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni seta’ jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti.

147    It-tieni nett, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-KTK kienu jinħarġu għaliex kienu jirrispondu għal domanda tas-suq. Il-Kummissjoni ma tistax tippretendi li prattika daqshekk mifruxa fi ħdan id-dipartimenti tagħha, kienet baqgħet, għal żmien daqstant twil, kompletament mhux magħrufa għaliha. Dan il-fatt għalhekk huwa ta’ natura li wassal u żviluppa l-ħsieb li l-prattika ma kinitx illegali, peress li kienet mitluba minn membri tas-servizz pubbliku.

148    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li hi qatt ma kkontestat il-mertu tal-ksur.

149    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

150    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, kif ukoll fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni partijiet tat-tieni motiv prinċipali, ir-rikorrenti tinvoka tliet ċirkustanzi attenwanti.

 Waqfien tal-prattika li tikkostitwixxi ksur

151    Fir-rigward tal-waqfien mir-rikorrenti, tal-prattika li tikkostitwixxi ksur, għandu jiġi kkunsidrat li din ma tikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis fil-multa.

152    Fil-fatt, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, l-ewwel inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li, għalkemm l-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-impriża kkonċernata tipprova li waqqfet il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni, dan “ma japplikax għall-ftehim jew prattiki ta’ natura sigrieta (b’mod partikolari il-kartell)”. Barra minn hekk, il-benefiċċju ta’ din iċ-ċirkustanza attenwanti huwa limitat għall-każijiet fejn il-ksur jieqaf sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Issa, ir-rikorrenti pparteċipat fil-ksur sat-8 ta’ Settembru 2003 meta l-ispezzjonijiet saru wara din id-data jiġifieri fis-16 ta’ Settembru 2003.

 Ħsieb li l-prattika li tikkostitwixxi ksur kienet legali

153    Skont l-aħħar inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006, “[l-] ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas [...] meta l-aġir antikompetittiv ikun ġie awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew il-leġiżlazzjoni”.

154    Ir-rikorrenti tallega li l-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bil-prattika li tikkostitwixxi ksur u li kienet ittolleratha għal snin twal ħoloq fiha ħsieb leġittimu, minkejja li żbaljat, li din il-prattika kienet legali. Barra minn hekk, hija sempliċement irrispondiet għal domanda tas-suq.

155    F’dan ir-rigward, ġustament il-Kummissjoni tenfasizza li l-persuna li hija f’kuntatt mal-fornitur, pereżempju l-aġent tal-Kummissjoni, ma hijiex il-vera klijent tal-kumpanniji tal-ġarr. Fil-premessa 264 tad-Deċiżjoni, hija tirreleva li hija l-impriża jew l-istituzzjoni pubblika li tħallas il-ġarr li għandha tagħżel kumpannija ta’ ġarr. Huwa preċiżament bl-għan li jkollhom għażla li numru ta’ impriżi u ta’ istituzzjonijiet pubbliċi jitolbu diversi offerti. Konsegwentement, l-argumenti li jgħidu li l-KTK kienu jingħataw peress li jirrispondu għal domanda tas-suq, jew li jgħidu li kienu jinħarġu biss wara li l-klijent ikun għamel l-għażla tiegħu għandhom jitwarrbu.

156    Il-fatt li aġenti tal-istituzzjoni jkunu talbu KTK ma jistax għalhekk jiġi invokat mir-rikorrenti, li kellha tkun taf li tali talbiet ma setgħux isiru f’isem jew fuq it-talba tal-istituzzjonijiet, peress li dawn kienu manifestament kuntrarji għall-interessi finanzjarji tagħhom. Fil-fatt, il-bżonn li jkunu pprovduti tliet kwotazzjonijiet kien preċiżament intiż sabiex jiġi żgurat minimu ta’ kompetizzjoni u sabiex jiġi evitat li impriża ta’ ġarr waħda tkun tista’ tiddetermina unilateralment il-prezz ta’ ġarr.

157    Barra minn hekk, anki fl-ipoteżi li fatti magħrufa għal persuna li taħdem għall-Kummissjoni jistgħu jiġu attribwiti lil din bħala istituzzjoni, għandu jiġi osservat li s-sempliċi konoxxenza dwar aġir antikompetittiv ma timplikax li dan l-aġir ġie impliċitament “awtorizzat jew inkoraġġut” mill-Kummissjoni fis-sens tal-aħħar inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006. Allegat nuqqas ta’ azzjoni fil-fatt ma jistax jitqabbel ma’ att pożittiv bħal awtorizzazzjoni jew inkoraġġament.

158    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma wrietx li l-allegat nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni kien effettivament wassalha sabiex temmen fil-legalità tal-prattika jew li kienet ħolqot konfużjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, is-sens ekonomiku tal-obbligu għall-aġent li jipprovdi diversi kwotazzjonijiet huwa magħruf. Din ma hijiex sempliċi formalità iżda mezz kif tiġi identifikata l-aħjar offerta. Għalhekk, il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni huwa f’dan il-każ tant evidenti, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-KTK, li operatur diliġenti ma jistax jinvoka li ħaseb leġittimament fil-legalità ta’ din il-prattika.

159    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrelevat li l-argumenti tar-rikorrenti jikkonċernaw biss il-KTK. Issa, il-prattika tal-KTK hija biss waħda mit-tliet komponenti ta’ ksur kumpless, uniku u kontinwu li jinkludi wkoll ftehim miktub dwar il-prezzijiet u ftehim dwar il-ħlas ta’ kummissjonijiet.

 Nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti

160    Kuntrarjament għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet dwar l-akkordji (ĠU C 207, p. 4), il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma tipprovdix għal tnaqqis minħabba nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-mertu tal-fatti. Minħabba l-kooperazzjoni ta’ Allied Arthur Pierre, il-Kummissjoni diġà kellha provi li jippermettulha li tistabbilixxi l-ksur u n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tar-rikorrenti ma kellu l-ebda valur miżjud. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni segħet ġustament tikkunsidra li ma kienx hemm lok li jsir tnaqqis tal-multa lir-rikorrenti minħabba l-kooperazzjoni tagħha.

161    Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

4.     Fuq iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali

a)     L-argumenti tal-partijiet

162    Fil-kuntest tal-motivi sussidjarji, ir-rikorrenti tinvoka, eżatt bħat-tielet parti tat-tieni motiv u t-tieni parti tat-tielet motiv, in-nuqqas ta’ kapaċità kontributiva tagħha.

163    Il-Kummissjoni tirreferi għall-osservazzjonijiet tagħha li saru fil-kuntest tat-tieni u t-tielet motivi.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

164    Għandu jitfakkar li fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-argumenti invokati fit-tielet parti tat-tieni motiv u fit-tieni parti tat-tielet motiv. Ir-rikorrenti tinvoka għalhekk, essenzjalment, l-inkapaċità tagħha li tħallas il-multa u tilmenta dwar trattament mhux ugwali meta mqabbla ma’ Interdean.

165    F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-allegat nuqqas ta’ kapaċità kontributiva tar-rikorrenti, għandu jiġi rrelevat li sabiex jingħata l-benefiċċju ta’ tnaqqis eċċezzjonali tal-multa minħabba diffikultajiet ekonomiċi skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006, minbarra talba, hemm żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu sodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, id-diffikultà insurmontabbli li titħallas il-multa u, it-tieni nett, il-preżenza ta’ “kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”.

166    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Kummissjoni limitat ruħha sabiex tosserva, fil-premessa 632 tad-Deċiżjoni, li, “[p]eress li l-multa [...] tirrappreżenta biss 3.76 % tad-dħul mill-bejgħ mondjali tal-impriża fl-2006, din il-multa ma hijiex ta’ natura li tipperikola b’mod gravi l-vijabbiltà ekonomika ta[r]-rikorrenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ewwel kundizzjoni ma kinitx sodisfatta.

167    Issa, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni hija astratta u ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni konkreta tar-rikorrenti. Sempliċi kalkolu tal-perċentwali li jirrappreżenta l-multa meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ mondjali tal-impriża ma jistax waħdu jkun ta’ bażi għall-konklużjoni li din il-multa ma hijiex ta’ natura li tipperikola b’mod gravi l-vijabbiltà ekonomika ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, kien ikun possibbli li jiġu indikati limiti konkreti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006. Konsegwentement, il-premessa 632 tad-Deċiżjoni ma tistax sservi bħala bażi għaċ-ċaħda tat-talba ta’ Ziegler.

168    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 651 u 655 tad-Deċiżjoni, li l-kuntest soċjali u ekonomiku f’din il-kawża ma huwiex ta’ natura partikolari fis-sens tal-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006 u li, għaldaqstant, it-talbiet kollha intiżi għal tnaqqis fil-multa fuq din il-bażi għandhom jiġu miċħuda. Peress li r-rikorrenti ma kkontestatx din il-konstatazzjoni li tgħid li din it-tieni kundizzjoni ma ġietx sodisfatta, il-Kummissjoni kellha raġun tiċħad dawn l-argumenti tar-rikorrenti intiżi għal tnaqqis tal-multa minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji tagħha.

169    Il-fatt li din il-motivazzjoni tinsab fil-parti ddedikata għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ Interdean u mhux f’dik li tirreferi għal Ziegler ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-premessi 651 u 655 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-konstatazzjoni li ssir fihom hija valida wkoll għar-rikorrenti.

170    F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali meta mqabbel ma’ Interdean, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ Interdean fit-titolu tal-paragrafu 35 tal-linji gwida tal-2006 għall-istess raġuni bħal dik użata kontra r-rikorrenti, jiġifieri n-nuqqas ta’ “kuntest soċjali u ekonomiku partikolari” (ara l-premessa 655 tad-Deċiżjoni). F’dan ir-rigward, għalhekk, ma teżisti l-ebda differenza fit-trattament.

171    Huwa minnu li l-Kummissjoni madankollu naqqset il-multa ta’ Interdean skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida tal-2006. Madankollu, mid-Deċiżjoni jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ Interdean u dik tar-rikorrenti ma humiex komparabbli. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-multa tar-rikorrenti hija ’l bogħod mil-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha totali, filwaqt li dik ta’ Interdean kienet, qabel it-tnaqqis, taqbeż b’ħafna dan il-limitu.

172    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li s-sitwazzjoni tagħha marret lura wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Issa, kif fil-fatt ir-rikorrenti rrikonoxxiet espliċitament matul is-seduta, dak li jiġri wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ma huwiex ta’ natura li jinfluwenza l-legalità tagħha. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

173    Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

174    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jkun deċiż li hija tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ziegler SA hija kkundannata għall-ispejjeż, inkluż dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti Ġenerali.

Papasavvas

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-16 ta’ Ġunju 2011

Firem


Werrej


Fatti

A –  Suġġett

B –  Rikorrenti

C –  Il-proċedura amministrattiva

D –  Id-deċiżjoni

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Motivi intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet mitluba għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

–  Fuq in-natura transkonfinali

–  Fuq il-limitu ta’ EUR 40 miljun

–  Fuq il-limitu ta’ 5 %

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq żblaji ta’ liġi fl-implementazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE.

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Motivi intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

1.  Fuq l-effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-gravità

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Waqfien tal-prattika li tikkostitwixxi ksur

Ħsieb li l-prattika li tikkostitwixxi ksur kienet legali

Nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti

4.  Fuq iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.