Kawża T-145/08

Atlas Transport GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja verbali ATLAS – Trade mark figurattiva preċedenti tal-Benelux atlasair – Rekwiżiti proċedurali – Preżentata ta’ nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell – Sospensjoni tal-proċedura amministrattiva – Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Regola 20(7) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ Appell – Terminu u forma tal-Appell – Preżentata fit-termini ta’ nota li ssemmi r-raġunijiet – Kundizzjoni ta’ ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 59; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regoli 48(1) u (2), u 49)

2.      Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ Appell – Appell quddiem il-Bordijiet tal-Appell – Sospensjoni tal-proċedimenti – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 79; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 20(7); Regolament tal-Kummissjoni Nru 216/96, Artikolu 8)

1.      Bis-saħħa tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, appell minn deċiżjoni għandu jiġi ppreżentat bil-miktub quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni. Fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell.

Barra minn hekk, ir-Regola 48(1)(c) tar-Regolament Nru 2868/95 li tistabbilixxi regoli dettaljati biex jiġi applikat ir-Regolament Nru 40/94 tindika li l-att tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell għandu jkun fih dikjarazzjoni li tindika d-deċiżjoni kkontestata u li tippreċiża sa fejn din id-deċiżjoni għandha tinbidel jew tiġi annullata.

Fl-aħħar nett, ir-Regola 49 tar-Regolament Nru 2868/95 tippreċiża li, jekk l-appell la jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, u lanqas tar-Regola 48(1)(c) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95, il-Bord tal-Appell għandu jiċħdu bħala inammissibbli, għajr jekk kull nuqqas ikkonstatat jiġi rrimedjat qabel ma jiskadi l-perjodu previst fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

Il-qari sistematiku ta’ dawn id-dispożizzjonijiet juri li rikorrent illi jixtieq iressaq appell quddiem il-Bord tal-Appell għandu l-obbligu, taħt piena li l-appell tiegħu jiġi miċħud bħala inammissibbli, li jippreżenta quddiem l-UASI, fit-terminu stabbilit, nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell tiegħu quddiem l-UASI, u li dawn ir-raġunijiet ikunu xi ħaġa iktar minn indikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u r-rieda tar-rikorrenti li jara d-deċiżjoni mibdula jew annullata mill-Bord tal-Appell.

Min-naħa l-oħra, minn interpretazzjoni litterali tal-kelma “raġunijiet”, kelma li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, jirriżulta li r-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell għandha tikteb ir-raġunijiet illi jiġġustifikaw l-appell tagħha. Ma huwiex obbligu tal-Bord tal-Appell li jiddetermina, permezz ta’ deduzzjonijiet, ir-raġunijiet li jifformaw il-bażi tar-rikors li hija tkun qed tintalab tieħu konjizzjoni tiegħu. In-nota tar-rikorrenti għandha għalhekk tippermetti li jinftiehem għaliex saret it-talba lill-Bord tal-Appell sabiex jannulla jew jibdel id-deċiżjoni.

Konsegwentement, peress illi l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 jobbliga lir-rikorrenti tissottometti nota bil-miktub illi tispjega r-raġunijiet tal-appell tagħha, ir-rikorrenti għandha tispjega bil-miktub u bi kjarezza suffiċjenti, liema huma l-punti ta’ fatt u/jew ta’ liġi li jiġġustifikaw it-talba tagħha lill-Bord tal-Appell sabiex jannulla jew ibiddel id-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 37-41, 46)

2.      Ir-regola 20(7) tar-Regolament Nru 2868/95, li tistabbilixxi regoli dettaljati biex jiġi applikat ir-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 216/96, li jistabbilixxi regoli ta’ proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu sospiżi l-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell rispettivament fil-kors tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u wara l-opinjoni tar-Reġistratur tal-Bord tal-Appell dwar l-ammissibbiltà tal-appell quddiem dan il-Bord, huma l-espressjoni tal-prinċipju li huwa ġeneralment ammess fl-Istati Membri rigward il-possibbiltà għal istanza deċiżjonali li tissospendi proċedimenti quddiemha, jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ jiġġustifikaw dan.

Applikazzjoni b’analoġija tar-Regola 20(7)(c) tar-Regolament Nru 2868/95 fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija ġustifikata minħabba li kemm l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll il-proċedimenti għall-raġunijiet ta’ invalidità relattiva bbażati fuq l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 huma maħsuba li janalizzaw il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks, u li l-possibbiltà illi jiġu sospiżi l-proċedimenti tikkontribwixxi għall-effettività ta’ dawn il-proċeduri.

Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell għandu s-setgħa li jissospendi l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jekk dan ikun xieraq fiċ-ċirkustanzi.

Is-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell sabiex jissospendi jew le l-proċediment hija wiesgħa. Ir-Regola 20(7)(c) tar-Regolament Nru 2868/95 turi din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa billi tindika li l-Bord tal-Appell jista’ jissospendi l-proċedimenti jekk din tkun xierqa fiċ-ċirkustanzi. Is-sospensjoni tibqa’ possibbiltà għall-Bord tal-Appell, li jista’ jagħmel użu minnha biss meta jqis li huwa ġustifikat. Il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell ma jiġux għaldaqstant awtomatikament sospiżi wara talba f’dan is-sens minn xi parti quddiem l-imsemmi bord.

Il-fatt illi l-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jissospendi l-proċedimenti pendenti quddiemu ma jeżentax l-evalwazzjoni tiegħu mill-istħarriġ ġudizzjarju. Dan il-fatt, iżda, jillimita dan l-istħarriġ fuq il-mertu għal verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter.

Tabilħaqq, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu dwar is-sospensjoni tal-proċedimenti, il-Bord tal-Appell għandu josserva l-prinċipji ġenerali li jirregolaw smigħ xieraq fi ħdan komunità tad-dritt. Għalhekk, matul dan l-eżerċizzju, huwa għandu mhux biss jieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-parti li t-trade mark tagħha qed tiġi kkontestata, imma wkoll tal-partijiet l-oħra. Id-deċiżjoni li jissospendi jew ma jissospendix il-proċedimenti għandu jkun ir-riżultat ta’ bilanċ tal-interessi inkwistjoni.

(ara l-punti 66-70, 76)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

16 ta’ Mejju 2011 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja verbali ATLAS – Trade mark figurattiva preċedenti tal-Benelux atlasair – Rekwiżiti proċedurali – Preżentata ta’ nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell – Sospensjoni tal-proċedura amministrattiva – Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Regola 20(7) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Fil-Kawża T‑145/08,

Atlas Transport GmbH, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn U. Hildebrandt, K. Schmidt-Hern u B. Weichhaus, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Atlas Air Inc., stabbilita fi New York, New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn R. Dissmann u J. Guhn, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tal-ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tal-24 ta’ Jannar 2008 (Każ R 1023/2007‑1), rigward proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Atlas Air Inc. u Atlas Transport GmbH,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur) President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ April 2008,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Awwissu 2008,

wara s-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 59 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) [li sar l-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p.1)], jipprevedi:

“Għandha tiġi preżentata notifika tal-appell bil-miktub lill-Uffiċċju fi żmien xahrejn wara id-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. In-notifika għandha titqies li ġiet preżentata biss meta l-miżata tal-appell tkun ġiet imħallsa. Fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni, għandha tiġi preżentata dikjarazzjoni bil-miktub fejn jissemmew ir-raġunijiet tal-appell.”

2        L-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 207/2009) jipprovdi:

“1. Jekk l-appell ikun ammissibli, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk l-appell huwiex permissibli.

2. Waqt l-eżaminazzjoni tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perjodu iffissat mill-Bord tal-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess.”

3        Ir-Regola 20(7)(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol.1 p. 189), kif emendat, tipprovdi:

“L-Uffiċċju jista’ jissospendi l-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni […] fejn sospensjoni hi xierqa taħt iċ-ċirkostanzi.”

4        Ir-Regola 48(1) tar-Regolament 2868/95, bit-titolu “X’għandu jkun fih l-avviż tal-appell”, tipprovdi:

“L-avviż tal-appell għandu jkun fih: […]

c) prospett li jidentifika d-deċiżjoni li hija kkontestata u safejn tkun qegħda tintalab li ssir l-emenda jew il-kanċellament.”

5        Ir-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprevedi:

“Jekk l-appell ma jħarisx Artikoli 57, 58 u 59 tar-Regolament u tar-Regola 48 (1) (ċ) u (2), il-Bord tal-appell għandu jirrifjutaħ bħala inammissibbli […].”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Fil-5 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti, Atlas Transport GmbH, kisbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja verbali ATLAS, b’mod partikolari għas-servizzi ta’ trasport li jaqgħu taħt il-klassi 39 skont il-ftehim ta’ Nice rigward il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

7        Fil-21 ta’ Lulju 2006, l-intervenjenti, Atlas Air Inc., ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem “talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-21 ta’ Lulju 2006”). Din l-applikazzjoni kienet ibbażata, min-naħa waħda, fuq kunflitt, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 52(1)(ċ) u tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 53(1)(c) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009], moqrija flimkien ma’ ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali, mal-ismijiet kummerċjali ATLAS AIR u ATLAS AIR Inc., li huma użati fil-Benelux, fil-Ġermanja, fir-Renju Unit u f’pajjiżi oħra Ewropej għal servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bħal ma’ jinsab fl-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikoli 53(1)(a) u 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], mat-trade mark figurattiva tal-Benelux Nru 555184, irreġistrata fid-19 ta’ April 1994 għal “servizzi tat-trasport bl-ajru, ġarr ta’ merkanzija bl-ajru” taqa’ fil-klassi 39 skont il-ftehim ta’ Nice, kif jidher hawn taħt:

Image not found

8        Fit-13 ta’ Diċembru 2005, l-intervenjenti kienet diġà ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra t-trade mark Komunitarja ATLAS TRANSPORT, irreġistrata bin-numru 545 681 (iktar ’il quddiem “talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-13 ta’ Diċembru 2005”).

9        Fit-28 ta’ Awwissu 2006, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba intiża li tagħqqad il-proċedimenti dwar it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-13 ta’ Diċembru 2005 u tal-21 ta’ Lulju 2006.

10      Fis-26 ta’ Ġunju 2007 id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-21 ta’ Lulju 2006 minħabba li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, mat-trade mark tal-Benelux preċedenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Hija għalhekk iddeċidiet li ma kienx hemm lok li jsir eżami tal-ismijiet kummerċjali preċedenti.

11      Fid-29 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem il-Bord tal-Appell mid-deċiżjoni kontenzjuża filwaqt li rriżervat id-dritt li tittrażmetti iktar tard in-nota li biha tispjega r-raġunijiet tal-appell.

12      Fil-15 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti bagħtet lill-Bord tal-Appell l-ewwel ittra li kellha annessa magħha kopja mingħajr data ta’ abbozz ta’ att ta’ appell, bi traduzzjoni, li fih talbet lill-qorti tal-Benelux kompetenti fil-qasam tat-trade marks tħassar mir-reġistru tagħha t-trade mark tal-Benelux preċedenti tal-intervenjenti. Fl-ittra hija esponiet dan li ġej:

“Bil-preżenti, ir-rikorrenti qed tippreżenta r-rikors u t-traduzzjoni tiegħu li bih qed jintalab lill-qorti kompetenti tal-Benelux titħassar ir-reġistrazzjoni tal-Benelux tal-konvenuta. Din ir-reġistrazzjoni tal-Benelux tikkostitwixxi l-unika bażi tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li hija kkontestata fil-fattispeċi.

13      Fid-29 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti indirizzat it-tieni ittra lill-Bord tal-Appell u fiha indikat dan li ġej:

“Ir-rikorrenti tirreferi għan-nota tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2007, u tesponi, bil-preżenti, ir-raġunijiet tal-appell.

1. Id-deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata fuq ir-reġistrazzjoni tal-Benelux Nru 555.184, tal-4 ta’ Mejju 1994. Jekk din ir-reġistrazzjoni tiġi annullata, il-konvenuta titlef il-bażi kollha tal-pretensjonijiet tagħha. Il-Bord tal-Appell jaf li din il-bażi tinsab attwalment ikkontestata quddiem il-qorti kompetenti tal-Benelux, jiġifieri l-Qorti ta’ Den Haag.

2. Barra minn hekk, tqum ukoll il-kwistjoni tal-użu, fil-Benelux, tar-reġistrazzjoni tal-Benelux Nru 555.184, b’mod li d-dritt għat-trade mark jinżamm. Dan l-użu ġie kkontestat fl-ambitu tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità [rigward it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-13 ta’ Diċembru 2005] li tagħhom intalbet tieħu konjizzjoni l-UASI. Dan tal-aħħar huwa wkoll kkontestat fil-fattispeċi. Ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni tikkontesta l-użu iżda, fl-istess ħin, hija ma tridx tgħabbi lill-UASI b’dokumenti voluminużi. Ir-rikorrenti ma hijiex ser topponi li l-konvenuta tagħmel sempliċiment riferiment għall-provi sottomessi tul il-proċedimenti [rigward it-talba għal dikajrazzjoni ta’ invalidità tat-13 ta’ Diċembru 2005] u li l-UASI tqis il-provi huma prodotti għal din il-kawża preżenti. Madankollu, hija l-UASI li trid tiddeċiedi fuq dan il-punt.

3. Peress li l-proċedimenti issa ser jiġu sospiżi sakemm tispiċċa l-proċedura nazzjonali, ir-rikorrenti tastjeni milli tesprimi l-oġġezzjonijiet tagħha [fil-konfront] tad-deċiżjoni annessa. Ir-rikorrenti tillimita l-osservazzjonijiet tagħha għall-konstatazzjoni tal-fatt li l-proprjetarju tad-drittijiet preċedenti sofra inġustizzja li tmur kontra l-ġustizzja naturali.

14      Fl-20 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-UASI, fil-kuntest tal-proċedimenti rigward it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-13 ta’ Diċembru 2005, kopja tar-rikors ippreżenat quddiem ir-Rechtbank van ’s Gravenhage (il-Qorti ta’ Den Haag). Dan ir-rikors jikkorrispondi għall-abbozz tar-rikors anness mal-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2007 fil-kors tal-proċedimenti rigward it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-21 ta’ Lulju 2006.

15      Permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2008, l-ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ddikjara l-appell inammissibbli mressaq mir-rikorrenti fid-29 ta’ Ġunju 2007 wara t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-21 ta’ Lulju 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-Bord tal-Appell ta l-motivazzjoni tad-deċizjoni tiegħu billi ddikjara li, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009), l-appell għandu jkun fil-forma ta’ nota li tispjega r-raġunijiet tiegħu f’terminu ta’ erba’ xhur. Din in-nota għandha jkun fiha almenu indikazzjoni fil-qosor tal-fatti u tal-punti ta’ liġi rilevanti u tispjega fhiex id-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata. Issa, la l-ittra tar-rikorrenti tal-15 ta’ Ottubru 2007 u lanqas dik tad-29 ta’ Ottubru 2007 ma jissodisfaw tali kundizzjonijiet. Għall-kuntrarju, fl-ittra tad-29 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti rrinunzjat espressament milli tqajjem oġġezzjonijiet fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell kien tal-opinjoni li ma jistax jilqa’ t-talba għal sospensjoni sa fejn hija kienet ibbażata biss fuq abbozz ta’ rikors quddiem qorti kompetenti fil-kwistjoni tat-trade marks tal-Benelux u ma kienet ġiet prodotta l-ebda prova li tindika l-bidu effettiv tal-proċedimenti quddiem din l-imsemmija qorti. Il-Bord tal-Appell barra minn hekk fakkar li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-21 ta’ Lulju 2006 ma kinitx ibbażata esklużivament fuq trade mark tal-Benelux preċedenti, iżda wkoll fuq drittijiet oħrajn preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

17      Il-konvenut jitlob li l-Qorti Ġenerala jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Introduzzjoni

19      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi li huma bbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 u ksur tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 40/94, flimkien mar-Regola 20(7) tar-Regolament Nru 2868/95.

 Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94


 L-argumenti tal-partijiet

20      Ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 taħt żewġ aspetti. Min naħa, hija tqis li l-Bord tal-Appell bi żball issuġġetta s-sunt tar-raġunijiet tal-appell għal kundizzjonijiet preċiżi ħafna. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-Bord tal-Appell bi żball eżiġa motivazzjoni espliċita. Motivazzjoni impliċita kienet tkun biżżejjed.

21      Għalhekk, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kien ġie suġġett mill-Qorti Ġenerali għal rekwiżiti “l-iktar imnaqqsa possibbli”.

22      B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti tindika li, fis-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Henkel vs UASI – LHS (UK) (KLEENCARE) (T-308/01, Ġabra p. II-3253), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-obbligu li wieħed jispjega r-raġunijiet tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 huwa sempliċiment intiż sabiex jiffaċilita l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedimenti tal-appell, mingħajr ma jkun ukoll meħtieġ li wieħed jikkunsidra li l-portata tal-istħarriġ li l-Bord tal-Appell huwa marbut jopera fir-rigward tad-deċiżjoni li tkun qed tiġi appellata hija ddeterminata jew limitata mir-raġunijiet invokati mill-parti li tkun ippreżentat l-appell. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali indikat li l-Bord tal-Appell għandu l-obbligu li jagħmel eżami tad-deċiżjoni li tikkostitwixxi s-suġġett tal-appell, anki fin-nuqqas ta’ motiv speċifiku mqajjem mir-rikorrenti (sentenza KLEENCARE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 32).

23      Mis-sentenza ċċitata, ir-rikorrenti tiddeduċi li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 jiġi osservat meta tinkiteb “xi ħaġa dwar il-kontroversja li ma tirrigwardax biss it-talba”.

24      Ir-rikorrenti tqis li, fil-fattispeċi, hija ssodisfat l-imsemmi “obbligu ta’ dikjarazzjoni”. Hija tinvoka l-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2007 li biha hija bagħtet lill-UASI abbozz ta’ rikors intiż għall-annullament tat-trade mark tal-intervenjenti u l-ittra tad-29 ta’ Ottubru 2007 li fiha invokat l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ użu u rreferiet għall-proċedura ġudizzjarja pendenti quddiem il-Qorti ta’ Den Haag. Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tirreferi, min-naħa waħda, għad-deċiżjoni tar-raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tal-31 ta’ Jannar 2006 (Każ 440/2004-4) u, min-naħa l-oħra, għall-opinjoni tar-relatur tal-Bord tal-Appell, awtur tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ xogħol dotrinali.

25      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis illi s-semplifikazzjoni tal-proċedimenti li seħħet minħabba d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell ma tikkostitwixxix argument fil-konfront tal-interpretazzjoni tagħha rigward il-portata limitata tal-“obbligu ta’ dikjarazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94. Is-semplifikazzjoni tal-proċedimenti li seħħet minħabba d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell tista’ tkun ta’ importanza essenzjali għall-Bord tal-Appell u tista’, għal Bord biss, tiġġustifika l-fatt li l-assenza totali tar-raġunijiet twassal għall-inammissibiltà tar-rikors.

26      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ma huwiex obbligatorju li wieħed ikun irrappreżentat minn avukat quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal-UASI. Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija ma hijiex intiża biss għal speċjalisti, iżda għal kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jkun jista’ jifformula osservazzjonijiet ġenerali biss rigward il-“każ tiegħu stess”.

27      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 meta eżiġa dikjarazzjoni formali u espliċita tar-raġunijiet tal-appell.

28      Ir-rikorrenti tikkontesta li kellha tesponi espressament illi d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkonfermata. Hija tqis illi, kieku ried, il-Bord tal-Appell seta’ jifhem l-argumentazzjoni tagħha kif espost fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2007, espressament intitolata “dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell”, li fiha invokat il-fatt li t-trade mark tal-intervenjenti kienet qed tiġi hija stess ikkontestata u, jekk kien il-każ, nulla, u qajmet espressament l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ użu. Billi għamlet hekk, ir-rikorrenti ċertament ma eżaminatx espressament id-deċiżjoni kkontestata, iżda eżaminatha impliċitament u kkunsidrat b’mod impliċitu li din ma setgħetx tiġi kkonfermata.

29      B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, illi qarrej avżat ma setax jifhem it-trażmissjoni tar-rikors quddiem il-Qorti ta’ Den Haag biss fis-sens illi hija kienet riedet tirreferi biss għall-kanċellazzjoni probabbli tat-trade mark tal-intervenjent li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata. Tali kanċellazzjoni kellha bħala konsegwenza li d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex iktar tingħata. Ir-rikorrenti tqis li għalhekk id-deċiżjoni kkontestata u adottata mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma setgħetx tiġi kkonfermata.

30      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt illi hija invokat l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ użu kellu jiġi mifhum fis-sens illi kienet diġà qajmet din l-eċċezzjoni quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Ir-rikorrenti tqis illi, peress li bis-saħħa tar-Regola 22(1) tar-Regolament Nru 2868/95, in-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark ma setax jitqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, il-fatt illi qajmet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ użu quddiem il-Bord tal-Appell jista’ jiġi interpretat minnha biss fis-sens li kienet diġà qajmet din l-eċċezzjoni quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

31      Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll illi tali dikjarazzjoni impliċita tar-raġunijiet tal-appell quddiem Bord tal-Appell jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tal-elementi li ġejjin.

32      Fl-ewwel lok, l-UASI hija amministrazzjoni multinazzjonali, u għal din ir-raġuni l-leġiżlatur Ewropew dejjem ipprova jevita kemm jista’ ikun il-formalitajiet, u jorganizza l-proċedimenti “b’mod sempliċi u faċli”. F’dan il-kuntest, dikjarazzjoni daqstant preċiża u diretta ma setgħetx tkun mistennija minn persuna li tesprimi ruħha f’lingwa li ma hijiex il-lingwa materna tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI, C-361/01 P, Ġabra p.I-8283, punti 93 et seq).

33      Fit-tieni lok, il-persuni li jindirizzaw ruħhom lill-UASI jiġu minn ambjenti legali differenti u għaldaqshekk minn ambjent kulturali differenti, u għandhom drawwiet lingwistiċi differenti, fejn il-kritika diretta ma hijiex kullimkien normali u lanqas ma hija meqjusa li hija mġiba ta’ xi persuna edukata. F’ħafna każijiet, formulazzjoni indiretta jew impliċita hija ppreferuta għal raġunijiet ta’ korteżija. F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell tal-ex rappreżentant tar-rikorrenti kienet konformi mal-istandards ta’ korteżija. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis ukoll illi, minbarra l-problema tal-kultura ġuridika, dan huwa probabbilment dejjem fatt illi, fil-“komunikazzjoni bejn il-bnedmin” (u għaldaqstant fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell), id-destinatarju “jifhem biss dak illi jrid jifhem”. Il-lingwa ma hijiex riflessjoni eżatta tar-realtà, iżda tiddependi dejjem mill-“interazzjoni ta’ bejn min jibgħat u min jirċevi”. F’dan ir-rigward, ma hemm l-ebda differenza fundamentali bejn id-dikjarazzjoni impliċita u dik espliċita. Ir-rifjut ta’ dikjarazzjoni sempliċement impliċita ma huwa għalhekk fl-ebda każ obbligatorju.

34      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali interpretaw l-obbligu ta’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet quddiem l-UASI jew il-qrati fid-dawl tal-possibbiltà għad-destinatarju tad-deċiżjoni biex jifhem id-dikjarazzjoni. Hija tippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali “interpretaw b’mod favorevoli” t-talbiet u l-argumenti tal-partijiet billi ħadu inkunsiderazzjoni talbiet impliċiti u billi bbażaw is-sentenzi tagħhom fuq “dak illi l-partijiet effetivament riedu”. Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja ammettew f’bosta każijiet illi l-UASI seta’ jagħti motivazzjoni impliċita għad-deċiżjonijiet tiegħu. Hija tqis illi, jekk rekwiżiti iktar stretti mhumiex mitluba għall-motivazzjoni tal-UASI u tal-Qorti Ġenerali, l-istess għandu japplika għall-motivazzjoni mogħtija mill-prattikanti tal-liġi.

35      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tqis li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali tal-KEDB jinkisru indirettament jekk l-eżiġenzi relattivi għad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appel ikunu wisq stretti. Jekk il-partijiet f’kawża jistgħu jifhmu argument, ebda għan proċedurali ma jista’ jiġġustifika restrizzjonijiet oħra. Rekwiżiti ta’ dikjarazzjoni supplimentari tal-appell quddiem l-UASI jnaqqsu l-aċċess għal istanzi oħra u għaldaqstant għall-qrati tal-Unjoni bi ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB. Barra minn hekk, f'dan il-każ, huma jippreġudikaw id-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

36      Il-konvenuta u l-intervenjenti ma jaqblux mal-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq il-portata tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell fin-nota ppreżentata quddiem il-Bord tal-Appell

37      Bis-saħħa tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, appell minn deċiżjoni għandu jiġi ppreżentat bil-miktub quddiem l-UASI fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni. Fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell.

38      Barra minn hekk, ir-Regola 48(1)(c) tar-Regolament Nru 2868/95 tindika li l-att tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell għandu jkun fih dikjarazzjoni li tindika d-deċiżjoni kkontestata u li tippreċiża sa fejn din id-deċiżjoni għandha tinbidel jew tiġi annullata.

39      Fl-aħħar nett, ir-Regola 49 tar-Regolament Nru 2868/95 tippreċiża li, jekk l-appell la jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, u lanqas tar-Regola 48(1)(c) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95, il-Bord tal-Appell għandu jiċħdu bħala inammissibbli, għajr jekk kull nuqqas ikkonstatat jiġi rrimedjat qabel ma jiskadi l-perjodu previst fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

40      Il-qari sistematiku ta’ dawn id-dispożizzjonijiet juri li rikorrent illi jixtieq iressaq appell quddiem il-Bord tal-Appell għandu l-obbligu, taħt piena li l-appell tiegħu jiġi miċħud bħala inammissibbli, li jippreżenta quddiem il-UASI, fit-terminu stabbilit, nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell tiegħu quddiem l-UASI, u li dawn ir-raġunijiet ikunu xi ħaġa iktar minn indikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u r-rieda tar-rikorrenti li jara d-deċiżjoni mibdula jew annullata mill-Bord tal-Appell.

41      Min-naħa l-oħra, minn interpretazzjoni litterali tal-kelma “raġunijiet”, kelma li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, jirriżulta li r-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell għandha tikteb ir-raġunijiet illi jiġġustifikaw l-appell tagħha. Ma huwiex obbligu tal-Bord tal-Appell li jiddetermina, permezz ta’ deduzzjonijiet, ir-raġunijiet li jifformaw il-bażi tar-rikors li hija tkun qed tintalab tieħu konjizzjoni tiegħu. In-nota tar-rikorrenti għandha għalhekk tippermetti li jinftiehem għaliex saret it-talba lill-Bord tal-Appell sabiex jannulla jew jibdel id-deċiżjoni.

42      Madanakollu r-rikorrenti tqis illi fis-sentenza KLEENCARE, punt 22 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ffissat ir-rekwiżiti rigward id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell illi huma l-“inqas illi wieħed jista’ jimmaġina” sabiex “ikun biżżejjed għar-rikorrenti li tikteb xi ħaġa dwar it-tilwima” illi tmur lil hinn min sempliċi talba sabiex l-“obbligu ta’ dikjarazzjoni” taħt l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 jiġi sodisfatt.

43      Tali interpretazzjoni tal-portata tas-sentenza KLEENCARE, punt 22 iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, din is-sentenza ma tirrigwardax direttament il-kwistjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, iżda l-portata tal-eżami tal-Bord tal-Appell, meta quddiemha jitressaq debitament appell. Il-Qorti Ġenerali fih tindika li l-portata ta’ dan l-eżami fil-konfront tad-deċiżjoni appellata ma hijiex, fil-prinċipju, iddeterminata mir-raġunijiet mogħtija mill-parti li tkun ippreżentat l-appell (punti 29 sa 32). Il-fatt li l-Qorti Ġenerali qieset, f’dan il-kuntest, li n-nota prevista mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 tiffaċilita l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedimenti ta’ appell u li l-Bord tal-Appell ma huwiex limitat fl-eżami tiegħu mir-raġunijiet invokati f'din in-nota, bl-ebda mod ma jindika li r-rekwiżiti ta’ dikjarazzjoni tar-rikorrenti skont din id-dispożizzjoni huma mnaqqsa. Billi qieset li n-nota skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament “tiffaċilita l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedimenti tal-appell”, il-Qorti Ġenerali kkonfermat ir-raġuni għal dan l-obbligu kif ukoll in-natura sostanzjali tiegħu. Tabilħaqq, din il-ħtieġa tiffaċilita l-iżvolġiment tal-proċedimenti ta’ appell peress illi jippermetti lill-Bord tal-Appell u, jekk ikun il-każ, lill-parti l-oħra quddiem l-ewwel istanza amministrattiva, ikunu jafu r-raġunijiet għall-appell tar-rikorrenti. Konsegwentement, ir-rikorrenti hija żbaljata meta tiddeduċi mill-ġurisprudenza KLEENCARE (punt 22 iktar ’il fuq) illi l-obbliġu li tispjega r-raġunijiet tal-appell skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 jiġi sodisfatt meta r-rikorrent “jikteb xi ħaġa dwar it-tilwima” u ma jillimitax ruħu għat-talba biss.

44      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, anki qabel ma jistgħu jpoġġu f’dubju l-portata tal-eżami tal-Bord tal-Appell, huwa meħtieġ illi dan tal-aħħar ikun tressaq quddiemu appell ammissibbli, u dan jimplika li jkun fih, b’mod partikolari, dikjarazzjoni tar-raġunijiet skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni, mir-rikorrenti, tar-raġunijiet tal-appell mid-deċiżjoni appellata hija prekundizzjoni kruċjali għall-eżerċizzju, mill-Bord tal-Appell tal-istħarriġ tiegħu fuq din id-deċiżjoni. Għalhekk, ir-rilevanza tal-kwotazzjonijiet tas-sentenza KLEENCARE, punt 22 iktar ’il fuq, iċċitata mir-rikorrenti f’din il-kawża, tissejjaħ inkwistjoni peress illi l-evalwazzjoni li tinsab f’dawn il-kwotazzjonijiet tippresupponi l-preżentata ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell li jkun debitament motivat.

45      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ obbligu li tkun irrappreżentata minn avukat quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ dan l-obbligu japplika kemm lir-rikorrenti kif ukoll lill-partijiet l-oħra. Għalhekk għandu jiġi rrilevat li, jekk ċertament l-appell tar-rikorrent ma għandux ikun fih raġunijiet li jindikaw preċiżament id-dispożizzjonijiet ġuridiċi kollha applikabbli, ir-rikorrent madankollu għandu jindika l-punti ta’ fatt u/jew ta’ liġi li jiġġustifikaw, fil-fehma tiegħu, l-annullament jew il-bidla tad-deċiżjoni kkontestata u r-raġunijiet tal-appell għandhom ikunu ċari biżżejjed sabiex, jekk ikun il-każ, il-parti l-oħra fil-proċedimenti tkun tista’, mingħajr ma tkun irrappreżentata minn avukat, tikkunsidra l-possibbiltà li tissottometti osservazzjonijiet u tirrispondi għall-argumenti tar-rikorrent.

46      Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat illi, peress illi l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 jobbliga lir-rikorrent jissottometti nota bil-miktub illi tispjega r-raġunijiet tal-appell tiegħu, ir-rikorrenti għandha tispjega bil-miktub u bi kjarezza suffiċjenti, liema huma l-punti ta’ fatt u/jew ta’ liġi li jiġġustifikaw it-talba tiegħu lill-Bord tal-Appell sabiex jannulla jew ibiddel id-deċiżjoni kkontestata.

47      Din l-interpretazzjoni tal-portata tal-obbligu li jiġu spjegati r-raġunijiet tal-appell skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 ma tistax tiġi invalidata mill-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fi proċedimenti oħra jew mir-relatur tal-Bord tal-Appell f’dan il-każ. Fil-fatt, dawn l-evalwazzjonijiet ma jorbtux lill-Qorti Ġenerali.

48      Barra minn hekk, in-natura multinazzjonali tal-amministrazzjoni tal-UASI ma tippermettix illi l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 jiġi interpretat f’sens kuntrarju għat-test tiegħu stess. Fil-fatt, il-preżentazzjoni tar-raġunijiet tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell hija kundizzjoni għall-amminissibbiltà illi r-rikorrenti ma tistax ma tissodisfax. Barra minn hekk, għal dak illi jirrigwarda l-argumenti singoli tar-rikorrenti bbażati fuq differenzi ġuridiċi u kulturali tal-persuni li jindirizzaw ruħhom lill-UASI, huwa suffiċjenti li wieħed jindika li dawn id-differenzi jitolbu dikjarazzjoni espressa tal-appell iktar milli għal kuntrarju tiegħu.

49      Fl-aħħar nett, l-analoġija mal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Bord tal-Appell imsemmija mir-rikorrenti ma hijiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, peress illi tali obbligi jappartjenu lil persuna u lil awtorità amministrattiva. Bl-istess mod, l-interpretazzjoni tal-argumenti tal-partijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali matul proċedimenti ġudizzjarji ma hijiex rilevanti biex jinftiehem l-obbligu ta’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell tar-rikorrenti, minħabba n-natura differenti bejn il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u l-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni.

–       Fuq l-osservanza tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet f’dan il-każ.

50      Ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-UASI żewġ ittri, jiġifieri l-ewwel ittra tal-15 ta’ Ottubru 2007, li l-kontenut tagħha ngħata fil-punt 12 iktar ’il fuq u t-tieni ittra tad-29 ta’ Ottubru 2007, fejn il-kontenut tagħha huwa mogħti fil-punt 13 iktar ’il fuq.

51      L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi għall-preżentata ta’ nota waħda, mhux tnejn, kif jidher prima facie li sar hawnhekk.

52      Madankollu, l-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2007 ma tinkludix dikjarazzjoni tar-raġunijiet illi għalihom ir-rikorrenti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-imsemmija ittra kienet sempliċement tinforma lill-UASI bir-rikors tagħha għal annullament tat-trade mark tal-Benelux tal-intervenjenti quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti kif ukoll ippreċiżat li tali trade mark tal-Benelux hija l-unika bażi tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, din l-ittra ma tistax tkun in-nota msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94. Din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed biex twassal għall-inammissibbltà tar-rikors tar-rikorrenti. Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95, huwa possibbli li jingħata rimedju għall-irregolarità f’terminu ta’ erba’ xhur previst mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94. Issa, ma huwiex qiegħed jiġi kkontestat il-fatt li, fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward il-kalkolu tat-terminu previst mir-Regolament Nru 2868/95, l-ittra tad-29 ta’ Ottubru 2007 ġiet ippreżentata fiż-żmien stipulat għall-preżentata tal-appell.

53      Fir-rigward tal-kontenut tal-ittra tad-29 ta’ Ottubru 2007, għandu jiġi osservat illi r-rikorrenti, fl-ewwel żewġ paragrafi ta’ din l-ittra, tindika li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq trade mark tal-Benelux kontroversa u li hija kellha l-intenzjoni tikkontesta l-użu tat-trade mark tal-Benelux quddiem il-Bord tal-Appell. Madankollu, fit-tielet paragrafu ta’ din l-ittra, ir-rikorrenti tindika li ser tastjeni milli tikkontesta d-deċiżjoni kontroversa. Permezz ta’ din il-frażi r-rikorrenti tmur lura fuq dak illi qalet iktar qabel b’tali mod li ma jistax jibqa’ jiġi kkunsidrat li l-ewwel żewġ paragrafi tal-ittra jispjegaw ir-raġunijiet tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell.

54      Il-konstatazzjoni tal-assenza tar-raġunijiet għar-rikors quddiem il-Bord tal-Appell fl-ittra tad-29 ta’ Ottubru 2007 ma ġietx ikkontestata miċ-ċirkustanzi li, wara li indikat li ser tastjeni milli tikkontesta din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti indikat li ser “tillimita l-osservazzjonijiet tagħha għall-konstatazzjoni li l-proprjetarju tad-drittijiet preċedenti sofra inġustizzja, ħaġa li tmur kontra l-ġustizzja naturali”. Fil-fatt, sentenza bħal din ma tippermettix li jinftehmu r-raġunijiet li wasslu r-rikorrenti milli tippreżenta appell quddiem il-Bord tal-Appell kontra d-deċiżjoni kkontestata. La l-identità tal-possessur tad-drittijiet preċedenti, la r-raġuni l-għala jippossjedi d-drittijiet preċedenti, u lanqas ir-raġuni għalfejn sofriet inġustizzja ma jistgħu jinftehmu. Anki jekk wieħed jammetti, kif allegat mir-rikorrenti fis-seduta, li r-rikorrenti hija d-detentur tad-drittijiet preċedenti, ma jirriżultax minn din l-ittra x’inhuma dawn id-drittijiet. L-unika dritt preċedenti li sar riferiment għalih fl-ittra tad-29 ta’ Ottubru 2007 hija t-trade mark tal-Benelux imsemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ din l-ittra. Madankollu, meta mqabbla mat-trade mark tar-rikorrenti, din it-trade mark hija jew preċedenti jew nulla. Id-dritt preċedenti li tiegħu r-rikorrenti tiddikjara li hija detentur għaldaqstant la hija t-trade mark tagħha u lanqas it-trade mark tal-Benelux. Għalhekk, l-aħħar sentenza tal-ittra tad-29 ta’ Ottubru 2007 ma tistax titqies li hija motivazzjoni biżżejjed għall-appell tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell.

55      Fid-dawl tal-assenza ta’ raġunijiet ċari u komprensibbli fl-ittri tal-15 u tad-29 ta’ Ottubru 2007, u peress illi l-motivazzjoni quddiem il-Bord tal-Appell għandha tippermetti lill-intervenjenti potenzjali, mingħajr l-għajnuna ta’ avukat, tevalwa l-bżonn li tirrispondi għall-argumenti li jinsabu fl-appell tar-rikorrenti, huwa xieraq li wieħed jikkunsidra li l-appell tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94. Ir-rikorrenti naqset milli tiġġustifika l-appell b’mod ċar biżżejjed sabiex jikkostitwixxi dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 kemm fl-att promotur tal-appell kif ukoll fi kwalunkwe dokument ieħor ippreżentat iktar tard quddiem il-Bord tal-Appell fit-terminu previst.

56      L-ebda wieħed mill-argumenti l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti fir-rigward ta’ dan l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jista jbiddel din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti baqgħet ma wrietx kif ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni msemmi fil-punt 46 iktar ’il fuq u l-applikazzjoni tagħha f’dan il-każ jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit huwa proporzjonat għall-għan li jiffaċilita l-proċedimenti u, fid-dawl tal-kontenut tal-ittri tal-15 u 29 ta’ Ottubru 2007, wieħed ma jistax jgħid illi dawn iffaċilitaw il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. Barra minn hekk, l-argumenti dwar il-psikoloġija tal-partijiet, tal-korteżija u t-teorija tal-lingwa, huma infondati fid-dawl tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni quddiem il-Bord tal-Appell kif iddefinit fil-punt 46 hawn fuq u l-kontenut tal-ittri tal-15 u d-29 ta’ Ottubru 2007. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet irrappreżentata minn avukat waqt il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, kif jidher mill-firma tal-ittri tal-15 u d-29 ta’ Ottubru 2007. Issa, ir-rappreżentanza tal-klijenti tiegħu minn avukat tfisser li dan tal-aħħar ikun f’pożizzjoni li jindika b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex il-klijent tiegħu jkun qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

57      Madankollu, jibqa’ l-fatt illi jrid jiġi eżaminat jekk l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq it-talba tagħha għas-sospensjoni jistax jaffettwa l-konsegwenzi ta’ ksur tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 f’dan il-każ.

 Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 40/94 moqri flimkien mar-Regola 20(7) tar-Regolament Nru 2868/95

 L-argumenti tal-partijiet

58      Ir-rikorrenti tqis illi l-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell kellhom jiġu sospiżi wara l-ittra tagħha tal-15 ta’ Otturbu 2007, li fiha ddikjarat li t-trade mark tal-Benelux tal-intervenjenti kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem qorti kompetenti fil-qasam u li probabbilment kienet ser tiġi annullata. Skont ir-rikorrenti, ċirkustanza bħal din kienet teskludi l-possibbiltà illi l-Bord tal-Appell jikkonferma d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, peress illi t-trade mark tal-Benelux kienet tikkostitwixxi l-unika bażi tad-deċiżjoni kkontestata, il-proċedimenti kellhom bilfors jiġu sospiżi sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar il-validità tat-trade mark tal-Benelux. F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ sospensjoni tal-proċedimenti jikkostitwixxi abbuż ta’ poter.

59      Il-rikorrenti tqis ukoll li, barra minn hekk, li kieku l-proċedimenti kienu ġew sospiżi fil-15 ta’ Ottubru 2007, din is-sospensjoni kienet twaqqaf l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tan-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell. Konsegwentement, dan it-terminu llum ma kienx ikun skada, u għalhekk l-appell quddiem il-Bord tal-Appell ma jkunx ġie ddikjarat inammissibbli minħabba “nuqqas ta’ motivazzjoni”.

60      L-UASI u l-intervenjenti jiċħdu l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

61      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ċaħad it-talba għas-sospensjoni magħmula mir-rikorrenti għar-raġunijiet li ġejjin:

“Is-sospensjoni, illi normalment tingħata bis-saħħa tar-Regola 20(7) tar-[Regolament Nru 2868/95], applikata mutatis mutandis għall-proċedimenti ta’ annullament (ara d-deċiżjoni tal-Bordijiet tal-Appell tal-24 ta’ Jannar 2008 fil-Każ [R 285/2007-1] - Le Meridien) ma hijiex dritt awtomatiku. Din hija deċiżjoni li għandha tittieħed biss jekk is-sospensjoni titqies li hija xierqa wara eżami tal-interessi tal-varji partijiet. F’dan il-każ, it-talba għal sospensjoni ma kinitx debitament motivata u kienet ibbażata biss fuq kopja mingħajr data ta’ taħrika. Ma ngħatat l-ebda prova li tikkonferma li kienet tressqet azzjoni kontra t-trade mark tal-Benelux preċedenti quddiem il-qorti kompetenti. Anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni d-dokument ippreżentat fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ annullament paralleli, il-Bord tal-Appell tinnota li l-parti rilevanti ma kinitx ġiet tradotta. Fit-tielet lok, it-talba għal annullament ma kinitx ibbażata esklużivament fuq it-trade mark tal-Benelux, iżda wkoll fuq tliet drittijiet oħra preċedenti taħt l-Artikolu 8(4) tar-[Regolament Nru 40/94]. Il-validità tat-trade mark tal-Benelux preċedenti kienet tkun deċiżiva għall-eżitu ta’ dawn il-proċedimenti biss jekk it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet tkun ġiet miċħuda fir-rigward tad-drittijiet mogħtija taħt l-Artikolu 8(4) tar-[Regolament Nru 40/94]”.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat illi s-sospensjoni tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell ma taffettwax it-terminu ta’ erba’ xhur previst għas-sottomissjoni tar-raġunijiet tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94. B’mod partikolari, dan it-terminu għandu l-istess karatteristiċi tat-terminu għal appell quddiem il-Bord tal-Appell, fis-sens illi la huwa disponibbli lill-partijiet u lanqas lill-Bord tal-Appell. Fil-fatt, b’differenza ta’ dispożizzjonijiet oħra bħar-Regola 49(2) r-Regola 71(1) tar-Regolament Nru 2868/95, l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 jiffissa dan it-terminu mingħajr ma jagħti din is-setgħa lill-UASI. Barra minn hekk l-Artikolu 78a(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 82(2) tar-Regolament Nru 207/2009) jeskludi li l-parti li tkun tat bidu għall-appell tista’ tikseb mill-UASI t-tkomplija tal-proċedimenti jekk ma tkunx osservat it-termini stabbiliti fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94. Fl-aħħar nett, ir-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li l-Bord tal-Appell jiċħad bħala inammissibbli appell li jitressaq quddiemu jekk dan l-appell ma jissodisfax ir-rekwiżiti fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, sakemm in-nuqqasijiet inkwistjoni ma jkunux ġew irrimedjati qabel jiskadi t-terminu previst fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

63      B’hekk, anki jekk jitqies illi f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kellu jissospendi l-proċedimenti pendenti quddiemu, dan il-fatt ma setax iwassal għal proroga tat-terminu ta’ erba’ xhur għall-preżentata tar-raġunijiet tal-appell tar-rikorrent. Għalhekk, f'dan il-każ, wara eżami tad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet magħmula mir-rikorrenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma tatx motivi biżżejjed sabiex tiġġustifika l-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell fil-perijodu stipulat. Issa, tali nuqqas ta’osservanza tal-obbligu li jiġu ddikjarati r-raġunijiet indikati fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi ssanzjonat bl-inammissibbiltà tal-appell. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma setax jieħu deċiżjoni differenti minn dik li jiċħad l-appell bħala manifestament inammissibbli.

64      Minn dan isegwi li l-motiv illi għalih ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell ma ssospendiex l-appell illi tressaq quddiemu waqt l-istennija tas-sentenza tal-qorti ta’ Den Haag li quddiemha r-rikorrenti kienet talbet li t-trade mark tal-Benelux preċedenti tiġi ddikjarata invalida, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

65      Anki jekk jitqies illi dan il-motiv ma jkunx sar ineffettiv, għandu jiġi osservat dan illi ġej, dwar l-eżami tal-mertu tar-raġunament tar-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv.

66      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju applikabbli ma jagħtux espliċitament lill-Bord tal-Appell is-setgħa li jissospendi l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Madankollu, l-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009) jipprevedi li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni proċedurali fir-regolament imsemmi, ir-regolament ta’ implementazzjoni, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, dwar ħlasijiet pagabbli lill-UASI (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 01, p.189), jew ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistabilixxi regoli ta’ proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 01, p. 221), l-UASI jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ġeneralment irrikonoxxuti fl-Istati Membri. Issa, il-possibbiltà għal istanza deċiżjonali li tissospendi proċedimenti quddiemha, jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ jiġġustifikaw dan, għandha titqies li hija prinċipju ġeneralment irrikonoxxut fl-Istati Membri. Ir-Regola 20(7) tar-Regolament Nru 2868/95 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 216/96, li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu sospiżi l-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell rispettivament fil-kors tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u wara l-opinjoni tal-Reġistratur tal-Bord tal-Appell dwar l-ammissibbiltà tal-appell quddiem dan il-Bord, huma l-espressjoni tal-prinċipju ġenerali msemmi iktar ’il fuq.

67      Min-naħa l-oħra, applikazzjoni b’analoġija tar-Regola 20(7)(c) tar-Regolament Nru 2868/95 fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija ġustifikata minħabba li kemm l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll il-proċedimenti għall-raġunijiet ta’ invalidità relattiva bbażati fuq l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 huma maħsuba li janalizzaw il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks, u li l-possibbiltà illi jiġu sospiżi l-proċedimenti tikkontribwixxi għall-effettività ta’ dawn il-proċeduri.

68      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell għandu s-setgħa li jissospendi l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jekk dan ikun xieraq fiċ-ċirkustanzi.

69      Għandu wkoll jiġi osservat li s-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell biex jissospendi jew le l-proċedimenti hija wiesgħa. Ir-Regola 20(7)(c) tar-Regolament Nru 2868/95 turi din id-diskrezzjoni wiesgħa billi tindika li l-Bord tal-Appell jista’ jissospendi l-proċedimenti jekk din tkun xierqa fiċ-ċirkustanzi. Is-sospensjoni tibqa’ possibbiltà għall-Bord tal-Appell, li jista’ jagħmel użu minnha biss meta jqis li huwa ġustifikat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2004, Metro-Goldwyn-Mayer Lion vs UASI - Moser Grupo Media (Moser Grupo Media), T-342/02, Ġabra p.II-3191, punt 46]. Il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell ma jiġux għaldaqstant awtomatikament sospiżi wara talba f’dan is-sens minn xi parti quddiem l-imsemmi bord.

70      Il-fatt illi l-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jissospendi l-proċedimenti pendenti quddiemu ma jeżentax l-evalwazzjoni tiegħu mill-istħarriġ ġudizzarju. Dan il-fatt, iżda, jillimita dan l-istħarriġ fuq il-mertu għal verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter.

71      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li ma jissospendix il-proċedimenti tikkostitwixxi abbuż ta’ poter.

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li deċiżjoni hija vvizzjata minn abbuż ta’ poter biss jekk, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, rilevanti u konsistenti, jirriżulta li tkun ittieħdet għal skopijiet oħra minn dawk iddikjarati [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ April 1996 Industrias Pesqueras Campos et vs Il-Kummissjoni, T-551/93, T-231/94 sa T-233/94 u T-234/94, Ġabra II-247, punt 168; tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI (Immaġini ta’ deterġent), T-30/00, Ġabra II-2663, punt 70, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, eCopy vs UASI (ECOPY), T-247/01, Ġabra II-5301, punt 22]. Ir-rikorrenti madankollu ma tagħti ebda prova li turi li, billi rrifjuta li jissospendi l-proċedimenti, il-Bord tal-Appell uża s-setgħat tiegħu għal skop differenti minn dak li għalih ingħataw jew li n-nuqqas li jissospendi l-proċedimenti tirriżulta minn abbuż ta’poter.

73      Konsegwentement, ir-rikorrenti hija żbaljata meta tallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn abbuż ta’ poter għall-fatt li t-talba tagħha għas-sospensjoni tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, li wasslet għad-deċiżjoni appellata, ġiet miċħuda.

74      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li ma jissospendix il-proċedimenti inkwistjoni hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

75      Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell b’mod partikolari kien iġġustifika n-nuqqas ta’ sospensjoni tal-proċedimenti bl-insuffiċjenza tal-provi tal-kontestazzjoni tat-trade mark tal-Benelux preċedenti quddiem il-qorti kompetenti (ara l-punt 61 iktar ’il fuq). Issa, is-sempliċi abbozz tar-rikors anness mal-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2007, li fih qed tiġi kkontestata l-validità tat-trade mark tal-Benelux ma huwiex prova tal-fatt reali ta’ kontestazzjoni tat-trade mark tal-Benelux preċedenti quddiem il-qorti kompetenti. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell seta’ jibbaża ċ-ċaħda tiegħu tat-talba għal sospensjoni fuq din in-nuqqas ta’ provi mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

76      Barra minn hekk, anki jekk jiġi pprovat li r-rikors kontra t-trade mark preċedenti kien pendenti quddiem qorti nazzjonali b’mod li tikkontesta t-trade mark preċedenti li fuqha kienet ibbazata d-deċiżjoni kkontestata, din il-prova ma hijiex suffiċjenti, waħidha, biex tikkwalifika bħala żball manifest ta’ evalwazzjoni r-rifjut, mill-Bord tal-Appell, li jissospendi l-proċedimenti. Tabilħaqq, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu dwar is-sospensjoni tal-proċedimenti, il-Bord tal-Appell għandu josserva l-prinċipji ġenerali li jirregolaw smigħ xieraq fi ħdan komunità tad-dritt. Għalhekk, matul dan l-eżerċizzju, huwa għandu mhux biss jieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-parti li t-trade mark tagħha qed tiġi kkontestata, imma wkoll tal-partijiet l-oħra. Id-deċiżjoni li jissospendi jew ma jissospendix il-proċedimenti għandu jkun ir-riżultat ta’ bilanċ tal-interessi inkwistjoni. Issa, f’dan il-każ, l-intervenjenti kellha interess leġittimu biex tikseb, mingħajr dewmien, deċiżjoni dwar l-allegata invalidità tat-trade mark tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovatx li l-Bord tal-Appell kien qata’ l-kwistjoni tas-sospensjoni billi ħa inkunsiderazzjoni kwistjonijiet oħra barra l-bilanċ tal-interessi inkwistjoni. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Bord tal-Appell irrifjuta b’mod żbaljat li jissospendi l-proċedimenti.

77      Barra minn hekk, jekk ir-rikorrenti tqis verament li l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li fiha kkontestat il-validità tat-trade mark tal-Benelux preċedenti kien assolutament prerekwiżit għall-appell tagħha quddiem l-UASI, hija kellha tagħti bidu għal din il-proċedura u tistenna li tintemm qabel ma tissottometti l-appell tagħha lill-UASI dwar it-talba tagħha għal reġistrazzjoni.

78      Abbażi tal-motivi preċedenti huwa xieraq li jiġi miċħud kull wieħed u waħda mill-motivi ppreżentati mir-rikorrenti u għalhekk, l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

80      Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Atlas Transport GmbH hija kkundannati għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u tal-Atlas Air Inc

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Mejju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.