SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

18 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

“Varjetajiet ta’ pjanti — Deċiżjoni ta’ aġġustament ex officio tad-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà LEMON SYMPHONY — Applikazzjoni għar-revoka tad-drittijiet fil-Komunità mogħtija lill-varjetà LEMON SYMPHONY — Applikazzjoni għall-annullament tad-drittijiet fil-Komunità mogħtija lill-varjetà LEMON SYMPHONY — Applikazzjoni għal drittijiet fil-Komunità mogħtija lill-varjetà SUMOST 01 — Sejħa għall-proċedura orali quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO — Terminu għad-dehra ta’ mill-inqas xahar”

Fil-Kawżi magħquda T-133/08, T-134/08, T-177/08 u T-242/09,

Ralf Schräder, residenti f’Lüdinghausen (il-Ġermanja), irrappreżentat minn T. Leidereiter u W.-A. Schmidt kif ukoll, fil-Kawżi T-133/08 u T-134/08, minn T. Henssler, avukati,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Komunità ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti (CPVO), irrappreżentat inizjalment minn B. Kiewiet u M. Ekvad, sussegwentement minn M. Ekvad, bħala aġenti, assistiti minn A. von Mühlendahl, avukat, u fil-Kawża T-242/09, minn A. von Mühlendahl u H. Hartwig, avukati,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali hija

Jørn Hansson, residenti f’Søndersø (id-Danimarka), irrappreżentat minn G. Würtenberger u R. Kunze, avukati,

li għandhom bħala suġġett, fil-Kawża T-133/08, rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tal-4 ta’ Diċembru 2007 (Każ A 007/2007), dwar kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ aġġustament ex officio tad-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà LEMON SYMPHONY fir-Reġistru tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti; fil-Kawża T-134/08, rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tal-4 ta’ Diċembru 2007 (Każ A 006/2007), dwar talba għall-annullament tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità mogħtija lill-varjetà LEMON SYMPHONY; fil-Kawża T-177/08, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tal-4 ta’ Diċembru 2007 (Każ A 005/2007), dwar applikazzjoni għal drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità għall-varjetà SUMOST 01, u, fil-Kawża T-242/09, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tat-23 ta’ Jannar 2009 (Każ A 010/2007), dwar talba għall-annullament tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità mogħtija lill-varjetà LEMON SYMPHONY,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

Skont l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 16, p. 390, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”):

“1.   Varjetajiet ta’ ġeneru u speċi botaniku, inkluż, fost oħrajn, taħlit bejn ġenera u speċi, jistgħu jiffurmaw l-iskop tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘varjetajiet’ għandha tittieħed li tiftiehem grupp ta’ pjanti fi ħdan klassifika botanika unika ta’ l-aktar speċi baxxa magħrufa, liema grupp, irrispettivament jekk il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti jkunux milħuqa kollha kemm huma, jistgħu jkunu:

definiti bl-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip stabbilit jew taħlita ta’ ġenotipi,

distinti minn gruppi oħra ta’ pjanti bl-espressjoni ta’ għall-anqas wieħed mill-imsemmija karatteristiċi, u

ikkunsidrati bħala waħda f’dak li jirrigwarda l-kapaċità tagħha li tiġi propagata mingħajr tibdil.”

2

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament, id-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għandhom jingħataw għall-varjetajiet li huma distinti, uniformi, stabbli u ġodda. Il-kriterji ta’ distintività, ta’ uniformità u ta’ stabbilità huma normalment espressi permezz tal-akronimu Ingliż DUS (Distintività, Uniformità, Stabbilità).

3

Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament:

“Varjetà tkun meqjusa li tkun distinta jekk tkun distingwibbli b’mod ċar b’referenza għall-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip partikolari jew taħlita ta’ ġenotipi, minn kull varjetajiet oħra li l-eżistenza tagħha jkun fatt li jafu kulħadd fid-data ta’ l-applikazzjoni stabbilita bis-saħħa ta’ l-Artikolu 51.”

4

Il-kriterji ta’ uniformità, ta’ stabbilità u ta’ oriġinalità huma ddefiniti rispettivament fl-Artikoli 8, 9 u 10 tar-Regolament.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċeduri amministrattivi quddiem is-CPVO

5

Fil-5 ta’ Settembru 1996, l-intervenjent, J. Hansson, ippreżenta applikazzjoni għal dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità quddiem l-Uffiċċju tal-Komunità ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti (CPVO), abbażi tar-Regolament. Din l-applikazzjoni ġiet irreġistrata bin-numru 1996/0984. Il-varjetà veġetali li ntalab id-dritt għaliha hija l-varjetà LEMON SYMPHONY, li tappartjeni lill-ispeċi Osteospermum ecklonis.

6

Din il-varjetà kienet diġà s-suġġett ta’ applikazzjoni għall-ksib ta’ titolu ta’ dritt fil-Ġappun, fl-1994, mill-persuna li rabbietha, Masayuki Sekiguchi. Fil-“lista ta’ karatteristiċi tal-varjetà”, tat-18 ta’ April 1994, imfassla f’dik l-okkażjoni, it-Taqsima “Forma tal-pjanta b’mod globali” kienet ingħatat il-marka ta’ 5, li tikkorrispondi għal “medja”.

7

Is-CPVO inkariga lill-Bundessortenamt (Uffiċċju Federali ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti, il-Ġermanja) sabiex jagħmel eżami tekniku tal-LEMON SYMPHONY, b’mod konformi mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament.

8

B’ittra tas-6 ta’ Novembru 1996, il-Bundessortenamt talab lis-CPVO sabiex jipprovdilu l-materjal veġetali tal-LEMON SYMPHONY bil-għan li jwettaq l-eżami tekniku. L-ittra msemmija kienet tispeċifika li dan kellu jikkonsisti f’“20 pjanta żgħira ta’ kwalità kummerċjabbli, mhux maqtugħin u mhux ittrattati b’regolaturi ta’ tkabbir”.

9

L-intervenjent bagħat il-materjal veġetali mitlub lill-Bundessortenamt fl-10 ta’ Jannar 1997.

10

B’ittra tat-13 ta’ Jannar 1997, iffirmata minn Dr. Menne, membru tal-persunal tal-Bundessortenamt inkarigat mill-eżami tekniku tal-LEMON SYMPHONY, il-Bundessortenamt indika s-segwenti lis-CPVO:

“B’mod konformi mat-tieni paragrafu tal-punt II tal-protokoll tekniku tas-CPVO dwar l-eżami tal-karatteristiċi distintivi, tal-uniformità u tal-istabbilità, ninformawkom li l-materjal ta’ multiplikazzjoni tal-varjetà inkwistjoni msemmija li ntbagħat lilna jikkonsisti fi pjanti intiżi għall-bejgħ, b’rimja, li ġew ittrattati b’regolaturi tat-tkabbir u maqtugħin. Għalhekk, l-iżvolġiment tajjeb tal-eżami tekniku jidher li huwa mhedded.”

11

Madankollu, l-eżami tekniku twettaq iktar tard matul l-1997, mingħajr ma l-Bundessortenamt ma jista’ jikkonferma llum jekk dan kienx jirrigwarda direttament il-materjal veġetali mibgħut mill-intervenjent jew rimjiet miksuba minn dan il-materjal, hekk kif jidher li tikkonferma nota miktuba bl-idejn fit-30 ta’ Jannar 1997 li tidher fil-fajl, li tgħid is-segwenti: “Il-Bundessortenamt għamel rimjiet, stenna, TK 30/01/97.” Matul dan l-eżami tekniku, li twettaq abbażi tat-“tabella tal-karatteristiċi VI” tal-Bundessortenamt tat-8 ta’ Awwissu 1997, li kien fis-seħħ dak iż-żmien bħala prinċipju ta’ direzzjoni tal-eżami, LEMON SYMPHONY ġiet ipparagunata ma ċertu numru ta’ varjetajiet oħra ta’ Osteospermum. Fl-aħħar ta’ dan l-eżami tekniku, il-Bundessortenamt ikkonkluda li LEMON SYMPHONY kienet tissodisfa l-kriterji DUS sabiex tibbenefika mid-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità.

12

Fis-16 ta’ Ottubru 1997, il-Bundessortenamt, abbażi tal-istess “tabella tal-karatteristiċi VI”, fassal rapport dwar l-eżami li miegħu kien hemm annessa d-deskrizzjoni uffiċjali tal-LEMON SYMPHONY. Minn din jirriżulta li l-karatteristika “Karatteristika taz-zkuk” kienet espressa bħala “eretti” (nota 1).

13

B’deċiżjoni tas-CPVO tas-6 ta’ April 1999, id-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità ingħata lil LEMON SYMPHONY u d-deskrizzjoni uffiċjali ta’ din il-varjetà stabbilita mill-Bundessortenamt fl-1997 tniżżlet fir-Reġistru tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti.

14

Fis-26 ta’ Novembru 2001, ir-rikorrent, R. Schräder, ippreżenta applikazzjoni għal dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità quddiem is-CPVO, abbażi tar-Regolament. Din l-applikazzjoni ġiet irreġistrata bin-numru 2001/1758. Il-varjetà ta’ pjanti li għaliha saret l-applikazzjoni għal dritt hija l-varjetà ta’ pjanti SUMOST 01, li tappartjeni lill-ispeċi Osteospermum ecklonis. Din il-varjetà hija prodotta u kkummerċjalizzata minn Jungpflanzen Grünewald GmbH (iktar ’il quddiem “Grünewald”), kumpannija li fiha r-rikorrent għandu sehem ta’ 5 % bħala assoċjat.

15

Peress li qies li l-produzzjoni u l-bejgħ tas-SUMOST 01 kienu jiksru d-drittijiet tiegħu fuq il-LEMON SYMPHONY, l-intervenjent ressaq proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra Grünewald, quddiem il-qrati ċivili Ġermaniżi, bil-għan li jikseb it-twaqqif tal-kummerċjalizzazzjoni minn din tal-aħħar tas-SUMOST 01 kif ukoll id-danni. Wara li ordnat perizja legali fdata lill-Bundessortenamt, li kkonkluda, wara “paragun waqt prova ta’ tkabbir”, li s-SUMOST 01 ma kinitx kjarament distinta mil-LEMON SYMPHONY, il-Landgericht Düsseldorf (Il-Qorti Ġenerali Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) laqgħa dawn it-talbiet b’deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2005, ikkonfermata fl-appell b’sentenza tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (Il-Qorti Ġenerali Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) tal-21 ta’ Diċembru 2006. Fil-kuntest ta’ din il-perizja legali, Grünewald sostniet li l-materjal veġetali tal-LEMON SYMPHONY użat għall-finijiet tal-paragun ma kienx jikkorrispondi għall-materjal veġetali eżaminat fl-1997, intiż għall-għoti tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità għal din il-varjetà. Ir-rikors għal nuqqas ta’ kompetenza u għal “Reviżjoni” ppreżentat minn Grünewald quddiem il-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) ġie miċħud b’sentenza ta’ din il-qorti tat-23 ta’ April 2009. Madankollu, din is-sentenza tkun għadha suġġetta għal reviżjoni kieku d-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità tal-LEMON SYMPHONY kellu jiġi annullat.

16

Matul il-proċedimenti ta’ vjolazzjoni quddiem il-qrati ċivili Ġermaniżi, l-intervenjent iddefenda l-idea li l-LEMON SYMPHONY qatt ma kienet varjetà eretta. F’dan ir-rigward, huwa ppreżenta perizja tal-21 ta’ Novembru 2003, imfassla minn Dr. Ludolph, tal-Lehr- und Versuchsanstalt für Gartenbau (stabbiliment tat-tagħlim u tal-esperimenti fuq l-ortikoltura) ta’ Hanover (il-Ġermanja). F’dan ir-rapport, l-espert indika s-segwenti:

“L-eżami tal-Bundessortenamt tal-1997 jiddefinixxi lill-LEMON SYMPHONY bħala varjetà eretta. Skont l-esperimenti u l-osservazzjonijiet miġbura fil-kuntest tal-provi, tal-evalwazzjonijiet u tal-eżaminazzjonijiet waqt it-tkabbir imwettqa matul dawn l-aħħar snin, il-LEMON SYMPHONY ma hijiex varjetà li tikber b’mod kompletament erett. Għalkemm, fil-bidu tat-tkabbir, u sa madwar xahrejn mit-tħawwil, hija tikber, ċertament, b’mod relattivament erett, sussegwentement, f’nofs il-perijodu ta’ veġetazzjoni fil-miftuħ (Ġunju jew Lulju, skont il-bidu tat-tkabbir), il-ħafna zkuk, li jkunu relattivament flessibbli, għandhom tendenza li jistrieħu fuq il-ġenb u ma jistgħux jiġu deskritti iktar bħala semi-eretti. LEMON SYMPHONY ilha kkaratterizzata minn dan il-komportament mill-introduzzjoni tagħha. Ir-ritratt anness (…), li ttieħed minn rivista speċjalizzata tas-sena meta ġiet introdotta din il-varjetà fis-suq, jiżvela komportament semi-erett. Il-varjetà NAIROBI, użata għall-paragun minħabba T-tkabbir erett tagħha fit-tabella tal-karatteristiċi tal-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami TG/176/3, tikber b’mod erett matul il-perijodu ta’ veġetazzjoni kollu. Il-komportament tan-NAIROBI huwa kjarament differenti mil-LEMON SYMPHONY. B’mod ġenerali, ċerti deskrizzjonijiet ulterjuri ta’ varjetajiet stabbiliti mill-Bundessortenamt, pereżempju l-varjetà SEIMORA, jikkwalifikaw bħala semi-eretti lil varjetajiet oħra ta’ SYMPHONY, li għandhom l-istess karatteristiċi ta’ tkabbir bħal-LEMON SYMPHONY.”

17

Parallelment għall-proċedimenti ta’ vjolazzjoni quddiem il-qrati ċivili Ġermaniżi, is-CPVO inkariga lill-Bundessortenamt sabiex iwettaq l-eżami tekniku tas-SUMOST 01, b’mod konformi mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami tekniku, li beda jitwettaq mill-2001, il-LEMON SYMPHONY serviet, fost oħrajn, bħala varjetà ta’ paragun. Dan l-eżami tekniku twettaq skont il-prinċipji ta’ direzzjoni l-ġodda għat-twettiq tal-eżami tad-distinzjoni, tal-uniformità u tal-istabbilità TG/176/3, imfassla fil-5 ta’ April 2000 mill-Unjoni tal-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (UPVĠ).

18

F’rapport inizjali dwar l-eżami relattiv għas-SUMOST 01 li ġie indirizzat lir-rikorrent fl-1 ta’ Awwissu 2003, il-Bundessortenamt indika li kienet meħtieġa t-tieni sena ta’ eżami, peress li l-varjetà msemmija kienet ġiet meqjusa li ma kinitx distinta mill-varjetà ta’ paragun LEMON SYMPHONY.

19

Fis-27 ta’ Ottubru 2003, l-intervenjent bagħat lis-CPVO oġġezzjoni bil-miktub għall-għoti tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità lis-SUMOST 01, b’mod konformi mal-Artikolu 59 tar-Regolament.

20

Fis-7 ta’ Ottubru 2004, il-Bundessortenamt stabbilixxa t-tieni rapport dwar l-eżami relattiv għas-SUMOST 01, li fih ikkonkluda li l-varjetà msemmija ma kinitx tiddistingwi ruħha kjarament mill-varjetajiet l-oħra ġeneralment magħrufa, b’mod partikolari l-LEMON SYMPHONY.

21

Fis-26 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrent ressaq talba għar-revoka tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità mogħti lill-LEMON SYMPHONY, abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 9 tagħha intitolat “Stabbilità”, għar-raġuni li, mill-inqas mill-2002, din il-varjetà ma kinitx għadha tikkorrispondi għad-deskrizzjoni uffiċjali tagħha mniżżla fir-Reġistru tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti fl-1997. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa essenzjalment josserva li, matul eżami tal-LEMON SYMPHONY li sar fl-2001, abbażi tal-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami TG/176/3, applikabbli mill-2001, diversi karatteristiċi ta’ din il-varjetà kienu kisbu marki differenti meta pparagunati mad-deskrizzjoni uffiċjali ta’ din l-istess varjetà tal-1997. Fil-fehma tiegħu, dan kien juri n-nuqqas ta’ stabbilità tal-varjetà inkwistjoni.

22

Fis-7 ta’ Diċembru 2004, is-CPVO ddeċieda li jwettaq verifika teknika, b’mod konformi mal-Artikolu 64 tar-Regolament, sabiex jivverifika jekk il-LEMON SYMPHONY kinitx għadha teżisti bħala tali. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrent u lill-intervenjent fil-15 ta’ Diċembru 2004. Il-prinċipji ta’ direzzjoni applikati għall-finijiet tal-eżami tekniku kienu dawk tal-protokoll għall-eżami tad-distinzjoni, tal-uniformità u tal-istabbilità CPVO-TP/176/1, stabbilit fil-31 ta’ Ottubru 2002 mis-CPVO, li kien huwa stess ibbażat fuq il-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami TG/176/3.

23

Minn ittra tal-Bundessortenamt lis-CPVO tal-5 ta’ Jannar 2005 jirriżulta li, b’mod ġenerali, diversi fatturi setgħu jwasslu għall-varjazzjonijiet ikkonstatati fid-deskrizzjoni tal-espressjonijiet tal-karatteristiċi, bħall-varjazzjonijiet marbuta ma’ fatturi ambjentali, modifika fl-iskala tal-marki f’każ ta’ bdil kbir fin-numru ta’ varjetajiet ta’ paragun li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kif ukoll tibdil fil-marki dovut għall-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami ġodda. Dawn l-ispjegazzjonijiet jikkorrispondu għal dawk mogħtija minn Dr. Menne, eżaminatriċi tal-Bundessortenamt inkarigata bħala espert legali mill-Landgericht Düsseldorf, fis-17 ta’ Novembru 2004.

24

Fit-23 ta’ Frar 2005, l-intervenjent ressaq oppożizzjoni kontra r-revoka tal-varjetà tiegħu LEMON SYMPHONY.

25

Fl-14 ta’ Settembru 2005, il-Bundessortenamt stabbilixxa rapport dwar l-eżami li kkonkluda għaż-żamma tal-LEMON SYMPHONY. Ma dan ir-rapport kien hemm anness deskrizzjoni ġdida tal-varjetà, tal-istess jum, li minnha kien jirriżulta, b’mod partikolari, li l-karatteristika “Komportament taz-zkuk” kienet espressa bħala “semi-eretti għal orizzontali” (nota 4).

26

Fis-26 ta’ Settembru 2005, il-Bundessortenamt stabbilixxa t-tielet rapport dwar l-eżami relattiv għas-SUMOST 01, minn liema kien jirriżulta wkoll li l-varjetà msemmija ma kinitx kjarament distinta mil-LEMON SYMPHONY.

27

Fit-22 ta’ Marzu 2006, is-CPVO staqsa lill-Bundessortenamt jekk, fid-dawl tal-modifiki fil-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami applikabbli għall-Osteospermum li saru bejn l-1997 u l-2005, kienx possibbli li tiġi mfassla, għall-varjetà LEMON SYMPHONY li kienet ġiet eżaminata fl-2005, deskrizzjoni teknika li tiddeskrivi l-espressjonijiet tal-karatteristiċi skont il-prinċipji ta’ direzzjoni applikabbli fl-1997. B’ittra tat-12 ta’ April 2006, il-Bundessortenamt informa lis-CPVO bl-impossibbiltà li jipprovdi deskrizzjoni abbażi tat-“tabella tal-karatteristiċi VI” li kien juża fl-1997 u rrefera għal dokument intitolat “Kummentarju dwar it-talba għar-revoka tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità għall-varjetà LEMON SYMPHONY, EU1996/0984”, anness mal-ittra tiegħu tal-5 ta’ Jannar 2005 iċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq.

28

B’posta elettronika tat-18 ta’ Mejju 2006, il-Bundessortenamt ikkomunika lis-CPVO s-segwenti:

“Hawn annessi ssib ir-ritratti tal-LEMON SYMPHONY meħuda fl-1997, fl-2003 u fl-2004. Tista’ tara li l-komportament taz-zkuk ma nbidilx.

Ir-ritratt tal-1997 ġie kkopjat elettronikament minn fuq slide, u għalhekk il-kuluri u l-kwalità tiegħu huma kemxejn differenti minn dawk tar-ritratti diġitali tal-2003 u tal-2004. T. Leidereiter jaf b’dawn ir-ritratti, għaliex jien għamilt użu minnhom fil-proċedura ġudizzjarja kontra s-SUMOST 01 (2001/1758).

Ma hijiex il-varjetà li nbidlet, iżda l-iskala tagħna tal-kejl tal-komportament taz-zkuk. Dan huwa spjegat fid-dokument Haltung_Triebe. Fl-1997, konna nafu biss b’madwar 40 varjetà ta’ Osteospermum konna nevalwaw il-komportament taz-zkuk b’mod konformi ma’ dawn il-varjetajiet. Sussegwentement, in-numru ta’ varjetajiet kiber kunsiderevolment u kellna nirrikorru għal skala oħra għal din il-karatteristika (huwa dan li għandu jinftiehem bl-espressjoni ‘Jahr 2’).”

29

B’ittra tat-12 ta’ Ġunju 2006, is-CPVO reġa’ kkomunika mal-Bundessortenamt f’dawn it-termini: “Sabiex [is-CPVO] ikun jista’ jistabbilixxi din ir-rabta, nitolbok sabiex tindikali, għal kull karatteristika [msemmija fil-]protokoll relattiv għall-Osteospermum fis-seħħ fl-1997, liema hu l-livell ta’ espressjoni tal-varjetà LEMON SYMPHONY fl-eżami tal-2005, jew x’inhu r-rapport mal-osservazzjonijiet imwettqa b’mod konformi mal-protokoll adottat fl-2001.”

30

Fit-2 ta’ Awwissu 2006, il-Bundessortenamt rrisponda b’dan il-mod għat-talba tas-CPVO tat-12 ta’ Ġunju 2006 :

“Mill-eżami tekniku tal-2005 jirriżulta li l-varjetà hija stabbli. Dan ifisser li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali speċifiċi, tal-prinċipji ta’ direzzjoni emendati u tal-assortiment emendat, il-materjal veġetali prodott huwa konformi mad-deskrizzjoni tal-varjetà tal-1997.

Id-deċiżjoni relattiva għall-istabbilità tal-espressjoni tal-karatteristiċi tifforma parti mill-kompetenza tal-espert. Spjegazzjoni li tikkonċerna d-differenzi apparenti bejn id-deskrizzjonijiet tal-varjetajiet tal-1997 u tal-2005 tinsab annessa.”

31

Mir-risposta tal-Bundessortenamt tat-2 ta’ Awwissu 2006 u mill-paragun tar-riżultati tal-eżamijiet tekniċi tal-LEMON SYMPHONY li saru rispettivament fl-1997 u fl-2005, imfassal mill-uffiċċju msemmi u mibgħuta lir-rikorrent fil-25 ta’ Awwissu 2006, jirriżulta li, skont dan l-uffiċċju, id-differenza fil-marka fir-rigward tal-karatteristika “Komportament taz-zkuk” setgħet tiġi spjegata mill-fatt li ebda varjetà ta’ paragun ma kienet tidher fit-“tabella tal-karatteristiċi VI” li l-uffiċċju msemmi kien juża fl-1997 u li l-LEMON SYMPHONY kienet l-iktar varjetà eretta matul dik is-sena. Barra minn hekk, il-varjetajiet tal-ispeċi Osteospermum ecklonis kienu mmultiplikaw ħafna mill-1997 u l-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami kienu ġew parzjalment emendati, liema ħaġa kienet teħtieġ li jiġu aġġustati l-livelli ta’ espressjoni.

32

B’ittra tal-25 ta’ Awwissu 2006, is-CPVO ppropona lill-intervenjent li jaġġusta d-deskrizzjoni uffiċjali tal-LEMON SYMPHONY mniżżla fir-Reġistru tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti fl-1997 permezz tad-deskrizzjoni tal-varjetà l-ġdida tal-14 ta’ Settembru 2005. is-CPVO kien iqis dan l-aġġustament bħala neċessarju minħabba, min-naħa waħda, progressi li saru fil-qasam tas-selezzjoni wara l-eżami tal-varjetà msemmija fl-1997 u, min-naħa l-oħra, l-emendi fil-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami, fl-2001.

33

B’ittra tat-22 ta’ Settembru 2006, l-intervenjent aċċetta din il-proposta.

34

B’deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda”), is-CPVO laqgħa l-oġġezzjonijiet invokati mill-intervenjent kontra l-għoti tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità lis-SUMOST 01 u ċaħad l-applikazzjoni għall-għoti tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità lill-varjetà msemmija, għall-motiv essenzjali li din ma kinitx tiddistingwi ruħha kjarament mil-LEMON SYMPHONY u li għalhekk, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament ma kinux issodisfatti. B’mod partikolari, is-CPVO rrileva li mill-eżami tekniku kien jirriżulta li s-SUMOST 01 kienet differenti mil-LEMON SYMPHONY minn karatteristika waħda biss, jiġifieri ż-żmien tal-bidu tal-fjoritura, u dan għal marka waħda biss, u li din id-differenza kienet dgħajfa wisq, fil-każ tal-varjetajiet tal-ispeċi Osteospermum, sabiex tkun kjarament distinta. Barra minn hekk, is-CPVO qies li l-LEMON SYMPHONY kienet stabbli.

35

Fil-11 ta’ April 2007, ir-rikorrent ressaq talba għal annullament tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità mogħti lil-LEMON SYMPHONY, abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament, għall-motiv essenzjali li din il-varjetà qatt ma eżistiet fil-forma riprodotta fid-deskrizzjoni uffiċjali tagħha mniżżla fir-Reġistru tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti fl-1997.

36

B’ittra tat-18 ta’ April 2007, is-CPVO informa lill-intervenjent bid-deċiżjoni tiegħu li jaġġusta ex officio d-deskrizzjoni uffiċjali tal-LEMON SYMPHONY, b’mod konformi mal-Artikolu 87(4) tar-Regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni”). Ma’ din l-ittra kien hemm mehmuża d-deskrizzjoni aġġustata kif kienet tirriżulta mill-eżami tekniku tal-2005.

37

B’ittra tal-10 ta’ Mejju 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar it-talba għal revoka”), is-CPVO informa lir-rikorrent li l-kumitat kompetenti kien ivverifika jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament, u kien wasal għall-konklużjoni li dan ma kienx il-każ, b’tali mod li, fil-fehma tiegħu, ma kienet ittieħdet ebda deċiżjoni dwar ir-revoka abbażi tal-imsemmi Artikolu 21. Fil-fatt, skont dan il-kumitat, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ma jipprovdux bażi legali għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni espliċita, fuq talba jew ex officio, li ma tiġix dikjarata r-revoka tad-drittijiet fil-Komunità.

38

B’ittra tal-10 ta’ Mejju 2007, is-CPVO stieden ukoll lill-intervenjent sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba għall-annullament tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità mogħtija lil-LEMON SYMPHONY, imressqa mir-rikorrent. L-intervenjent ikkontesta din it-talba b’ittra tal-1 ta’ Ġunju 2007.

39

Fil-21 ta’ Mejju 2007, is-CPVO informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni u bit-tibdil tad-deskrizzjoni uffiċjali tal-LEMON SYMPHONY mdaħħla fir-Reġistru tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti fl-1997 b’dik tal-2005.

40

B’ittra tas-26 ta’ Settembru 2007, is-CPVO ċaħad it-talba għal annullament tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità mogħti lil-LEMON SYMPHONY mressqa mir-rikorrent abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar it-talba għal annullament”). Skont is-CPVO, trattament b’regolaturi tat-tkabbir mhux neċessarjament ikollu riperkussjonijiet fuq ir-riżultati tal-eżami tekniku, peress li l-materjal veġetali kien ġie kkoltivat għal perijodu li jippermetti li jispiċċa l-effett tat-trattament. Barra minn hekk, skont is-CPVO, il-Bundessortenamt kien ikkonferma li l-eżami kien sar korrettament.

Il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO fil-Każijiet A 005/2007, A 006/2007 u A 007/2007

41

Fl-10 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem il-Bord tal-Appell, irreġistrat bin-Nru A 005/2007, kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda.

42

Insostenn ta’ dan l-appell, huwa osserva, essenzjalment, li, fid-dawl tan-numru kbir ta’ differenzi bejn id-deskrizzjoni uffiċjali tal-LEMON SYMPHONY tal-1997, minn naħa, u tar-riżultati tal-provi ta’ tkabbir fil-miftuħ imwettqa għall-varjetà kandidata SUMOST 01 fl-2001 u fl-2002, min-naħa l-oħra, din kellha tingħata d-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità. Barra minn hekk, ir-rikorrent talab li jiġi kkonstatat li l-LEMON SYMPHONY ma kinitx għadha valida. Huwa sostna li l-materjal veġetali ta’ din il-varjetà użat għall-eżami kien ġie ttrattat permezz ta’ regolatur tat-tkabbir, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami. Fil-fehma tiegħu, deskrizzjoni tal-varjetà tista’, barra minn hekk, tiġi aġġustata biss fir-rigward ta’ karatteristiċi “relattivi” u mhux fir-rigward ta’ karatteristiċi “assoluti”, bħall-komportament tal-pjanta. Finalment, fil-fehma tiegħu, il-fatt li l-varjetà kandidata tqieset bħala mhux distinta kien dovut għall-fatt li l-materjal veġetali ta’ din il-varjetà ppreżentat għall-finijiet tal-eżami ta’ paragun kien, fir-realtà, materjal tal-varjetà kandidata tiegħu SUMOST 01.

43

Fil-11 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem il-Bord tal-Appell, irreġistrat bin-Nru A 006/2007, kontra d-deċiżjoni dwar it-talba għal revoka.

44

Insostenn ta’ dan l-appell, huwa osserva, essenzjalment, li kellu d-dritt li jippreżenta appell abbażi tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 68 u 67 tar-Regolament, li jirreferu b’mod espliċitu għad-deċiżjonijiet adottati b’applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar-regolament imsemmi, li l-ittra tas-CPVO tal-10 ta’ Mejju 2007, iċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, kienet tikkostitwixxi deċiżjoni li permezz tagħha huwa ġie miċħud mit-teħid ta’ deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata u li, fil-kwalità tiegħu bħala parti fil-proċedimenti, huwa kellu dritt għal deċiżjoni tas-CPVO anki jekk dan kien iqis li ma kinitx indikata revoka tad-dritt.

45

Fit-12 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem il-Bord tal-Appell, irreġistrat bin-Nru A 007/2007, kontra d-deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni.

46

Insostenn ta’ dan l-appell, huwa osserva, essenzjalment, li kellu d-dritt li jippreżenta appell abbażi tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 68 u 67 tar-Regolament, li d-deċiżjoni ta’ aġġustament ex officio tad-deskrizzjoni uffiċjali tal-LEMON SYMPHONY kienet tikkonċernah direttament u individwalment, li l-LEMON SYMPHONY kienet il-varjetà li kienet ġiet ipparagunata mal-varjetà tiegħu SUMOST 01 li għaliha kienet saret applikazzjoni għal dritt, li mill-eżami tekniku kien jirriżulta li l-varjetà kandidata ma kinitx kjarament distinta mill-varjetà ta’ paragun, li s-CPVO kien ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq id-deskrizzjoni aġġustata, li kienet differenti mid-deskrizzjoni tal-1997 minn aspetti essenzjali, u li, kieku l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq id-deskrizzjoni tal-1997, il-varjetajiet kienu jiġu meqjusa bħala kjarament distinti.

47

Skont posta elettronika mibgħuta mis-segretarjat tal-Bord tal-Appell lill-President tiegħu fl-20 ta’ Settembru 2007, deher, wara kuntatt mal-partijiet interessati, li kien biss possibbli li tinstab data għas-seduta li setgħet tkun konvenjenti għall-partijiet kollha fil-Każijiet A 005/2007, A 006/2007 u A 007/2007, matul l-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru 2007.

48

B’ittra tal-20 ta’ Settembru 2007 indirizzata lill-Bord tal-Appell, b’reazzjoni għal komunikazzjoni telefonika li matulha s-segretarjat tal-Bord tal-Appell kien infurmah bl-intenzjoni tal-Bord li jorganizza proċedura orali komuni, jew f’kull każ fl-istess jum, fil-Każijiet A 005/2007 u A 006/2007, l-avukat tar-rikorrent indika li ma kienx jagħmel ħafna sens li tiġi adottata f’dak iż-żmien deċiżjoni komuni fl-imsemmija Każijiet A 005/2007 u A 006/2007, għaliex il-proċedimenti għal annullament fil-Każ A 010/2007 kienu għadhom għaddejjin quddiem is-CPVO. Fil-fehma tiegħu, dawn it-tliet każijiet għandhom jiġu magħquda ulterjorment u ma setgħet tiġi adottata ebda deċiżjoni fil-Każijiet A 005/2007 u A 006/2007 qabel ma tingħata deċiżjoni fil-Każ A 010/2007. Dan indika wkoll li r-rikorrent kien konxju mill-fatt li d-differiment ta’ dawn iż-żewġ każijiet kien ser iwassal b’mod inevitabbli għal dewmien kunsiderevoli, fid-dawl tal-bidla fil-viċin tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell, iżda li dan kien lest li jaċċetta dan id-dewmien.

49

Fid-9 ta’ Ottubru 2007, il-Bord tal-Appell bagħat faks lill-partijiet, intitolata “Preparazzjoni tal-proċedura orali li tikkonċerna l-appell SUMOST 01 u l-appelli LEMON SYMPHONY”, fejn dan irrefera għall-Każijiet A 005/2007, A 006/2007 u A 007/2007 u kien jalludi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1239/95, tal-31 ta’ Mejju 1995, li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju tal-Komunità ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 17, p. 327, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”). Din il-faks kienet tgħid is-segwenti:

“B’mod konformi mal-Artikolu 50 tar-Regolament [ta’ Implementazzjoni], il-President tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tipprevedi li tlaqqa’ lill-partijiet sabiex jassistu għall-proċedura orali nhar it-Tlieta l-4 ta’ Diċembru 2007 (…) Sakemm is-segretarjat tal-Bord tal-Appell tas-CPVO ma jirċevix oġġezzjonijiet immotivati mingħandkom, fi żmien għaxart-ijiem mid-data ta’ din il-faks, ikun preżunt li d-data proposta hija aċċettabbli u konsegwentement jintbagħtu n-notifiki.

L-attenzjoni tagħkom tinġibed lejn l-Artikolu 59(2) tar-Regolament [ta’ Implementazzjoni], skont liema ‘jekk parti fil-proċedimenti li tkun ġiet imħarrka għall-proċedimernti orali quddiem [is-CPVO] ma tidhirx kif imħarrka, il-proċedimenti jistgħu jissoktaw mingħajrha.’

Jekk jogħġobkom irrispondu permezz ta’ faks lis-segretarjat tal-Bord tal-Appell fi żmien għaxart ijiem (…)”

50

Ir-rokna ta’ isfel tal-lemin tal-faks imsemmija kien fiha żona imdawra b’kaxxa bit-test segwenti fiha “Jekk jogħġbok niżżel id-data, iffirma u ibgħat lura immedjatament b’faks lis-segretarjat tal-Bord tal-Appell din l-irċevuta.”

51

L-avukat tar-rikorrent iffirma u niżżel id-data tal-irċevuta inkwistjoni u bagħatha lura fid-9 ta’ Ottubru 2007 lis-segretarjat tal-Bord tal-Appell.

52

B’ittra tas-17 ta’ Ottubru 2007, il-President tal-Bord tal-Appell ikkomunikat is-segwenti lill-partijiet:

“It-talba tar-rikorrent tal-20 ta’ Settembru 2007 intiża għall-ksib tad-differiment tas-seduta għat-tliet proċedimenti ma ġietx milqugħa mill-Bord.

Il-Bord iqis li, fil-Każ A 006 (nullità), il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent jistax jippretendi deċiżjoni [tas-CPVO] li tkun suġġetta għal appell u li l-kontenut tagħha jkun (essenzjalment) ‘LEMON SYMPHONY ma hijiex nulla’ teħtieġ diskussjoni orali intensa fil-kuntest ta’ proċedura orali. Din hija kwistjoni relattiva għall-fondatezza tar-rikors. Fil-mument, il-Bord jikkunsidra li l-ittra [tas-CPVO] tal-10 ta’ Mejju 2007, bħala risposta għat-talba għal annullament tar-rikorrent, tikkostitwixxi – b’mod konformi mal-prattika Ġermaniża – deċiżjoni fis-sens legali. Ċħid tar-rikors, fis-sens li ma tistax tiġi pretiża deċiżjoni negattiva, temmet il-proċedura. Fil-każ li r-rikorrent jirbaħ il-kawża, ir-risposta tal-10 ta’ Mejju 2007 tkun mingħajr dubju interpretata fis-sens li hija deċiżjoni negattiva (l-ordni li [s-CPVO] jerġa’ jfassal tali deċiżjoni jkun ċertament formalistiku wisq). Sussegwentement, il-Bord jeżamina l-kwistjoni tan-nullità. Din il-kawża tinsab fl-istat li tiġi deċiża, indipendentement minn kif tispiċċa l-proċedura A 007 (deskrizzjoni tal-varjetà).

Wara jkollha tiġi ttrattata l-proċedura A 005 (proċedimenti ta’ oppożizzjoni diretti kontra l-applikazzjoni għal dritt), fid-dawl tan-nullità tal-LEMON SYMPHONY jew tal-validità tagħha. Din il-kawża wkoll għandha tinsab fl-istat li tiġi deċiża.

Konvokazzjoni għall-proċediment A 007 (deskrizzjoni tal-varjetà) għadha ma tistax tiġi stabbilita, għaliex it-taxxa tal-appell għadha ma tħallsitx kollha. Madankollu, ikun utli li tiġi ttrattata fl-istess ħin, fid-dawl tar-relazzjoni bejn il-fatti. Niġbdu l-attenzjoni li l-Bord ikollu qabel kollox jeżamina l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-appell. Dan l-appell huwa indirizzat kontra ittra diretta lejn il-proprjetarju tad-dritt Komunitarju għal-LEMON SYMPHONY, li r-rikorrent jidher li rċieva kopja tagħha [mis-CPVO] għall-informazzjoni. Hemm dubju kemm din tista’ titqies bħala ‘deċiżjoni’. Anki f’dan il-każ, bħal fil-Każ A 006, għandu jinstab jekk ir-rikorrent jistax jinfluwenza d-deċiżjoni [tas-CPVO] permezz ta’ appell.

Konsegwentement, ir-rikorrent huwa mitlub sabiex jinforma malajr kemm jista’ jkun possibbli, għal preparazzjoni tajba tal-proċeduri mill-Bord u mill-parti avversarja, jekk fl-4 ta’ Diċembru 2007 għandux jiġi ttrattat ukoll il-Każ [A 007/2007], f’liema każ it-taxxi jkunu għadhom iridu jitħallsu sat-terminu stabbilit.”

53

B’ittra tad-19 ta’ Ottubru 2007, mibgħuta lill-President tal-Bord tal-Appell, l-avukat tar-rikorrent bagħat l-oġġezzjonijiet tiegħu għaż-żamma tal-proċedura orali fl-4 ta’ Diċembru 2007. Huwa osserva, b’mod partikolari, li l-indikazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tal-President tal-Bord tal-Appell tas-17 ta’ Ottubru 2007 kienu jagħtu x’jinftiehem li din kienet għadha ma fehemitx is-suġġett tal-proċedura u li din kienet taħseb li dan kien proċediment għal annullament, u mhux proċediment għal revoka. Barra minn hekk, huwa rrepeta l-fehma tiegħu li tgħid li l-Każijiet A 005/2007, A 006/2007 u A 007/2007 ma kinux fi stat li jiġu deċiżi, b’tali mod li l-iffissar għal dik is-sena ta’ proċedura orali ma kinitx tidhirlu li kien meħtieġ, u li l-proċediment għal annullament (Każ A 010/2007) kellu prijorità. Finalment, abbażi tal-Artikolu 81(2) u tal-Artikolu 48(3) tar-Regolament, huwa kien jopponi ruħu għall-fatt li, minħabba suspett ta’ parzjalità, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-membri tal-persunal tal-Bundessortenamt jittieħdu inkunsiderazzjoni.

54

B’ittra rreġistrata tad-29 ta’ Ottubru 2007, li l-avukat tar-rikorrent irċieva fis-6 ta’ Novembru 2007, il-partijiet ġew imsejħa uffiċjalment għall-proċedura orali tal-4 ta’ Diċembru 2007 fil-Każijiet A 005/2007, A 006/2007 u A 007/2007.

55

Fit-30 ta’ Ottubru 2007, l-avukat tar-rikorrent irċieva taħrika għal seduta quddiem il-Landgericht Hamburg (Il-Qorti Ġenerali Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) fil-5 ta’ Diċembru 2007 f’12:00. Dan bagħatha malajr lill-President tal-Bord tal-Appell, fejn iddikjara li, bħala responsabbli minn dan il-Każ, huwa kellu jkun preżenti personalment għal din is-seduta.

56

B’posta elettronika tal-5 ta’ Novembru 2007 mibgħuta lill-avukat tar-rikorrent, il-President tal-Bord tal-Appell esprimiet ir-reazzjoni tagħha għall-oġġezzjonijiet imressqa minnu. B’referenza espressa għall-ittra tagħha tas-17 ta’ Ottubru 2007, il-President tal-Bord tal-Appell indikat li hija ma kienet tara “ebda raġuni biex il-proċedura orali tiġi ddifferita”, filwaqt li ppreċiżat li “ma kienx ikkontestat” li kien l-Artikolu 21 tar-Regolament, u mhux l-Artikolu 20 tiegħu, li kien qiegħed jiġi diskuss. Għal darba oħra hija staqsiet jekk fl-4 ta’ Diċembru 2007 kellux jiġi ttrattat ukoll il-Każ A 007/2007. F’din l-eventwalità, il-President tal-Bord tal-Appell talbet il-ħlas fil-pront tat-taxxi li kienu għadhom ma tħallsux.

57

B’posta elettronika tat-8 ta’ Novembru 2007 mibgħuta lill-avukat tar-rikorrent, il-President tal-Bord tal-Appell indikat lil dan li l-proċedura orali quddiem il-Bord tal-Appell kellha “prijorità” fuq is-seduta quddiem il-Landgericht Hamburg għaliex it-taħrika korrispondenti kellha d-data tad-29 ta’ Ottubru 2007.

58

B’ittra u b’faks tal-14 ta’ Novembru 2007 mibgħuta lill-Bord tal-Appell, l-avukat tar-rikorrent indika li kien jippreżumi li l-konvokazzjoni ma kinitx tirrigwarda l-proċedimenti fil-Każ A 007/2007, għaliex l-imsemmi Bord tal-Appell kien talab l-approvazzjoni tiegħu għal proċedura orali f’dan il-każ, u huwa ma kienx ikkonsenta. Huwa reġa’ rrepeta li kien jopponi ruħu għall-eventwali użu tal-indikazzjonijiet tal-membri tal-persunal tal-Bundessortenamt.

59

B’ittra u b’faks tal-14 ta’ Novembru 2007 mibgħuta lill-Bord tal-Appell, l-avukat tar-rikorrent osserva barra minn hekk li, peress li t-terminu tal-konvokazzjoni ma ġiex osservat, il-Bord tal-Appell ma jistax iżomm il-proċedura orali fl-4 ta’ Diċembru 2007. Huwa ġibed l-attenzjoni wkoll fuq il-konsegwenzi ta’ ksur tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

60

B’posta elettronika tal-15 ta’ Novembru 2007, il-President tal-Bord tal-Appell irrispondiet lill-avukat tar-rikorrent li l-konvokazzjoni kienet tirrigwarda wkoll il-proċedura fil-Każ A 007/2007.

61

B’posta elettronika tas-26 ta’ Novembru 2007, il-President tal-Bord tal-Appell b’mod partikolari indikat lill-avukat tar-rikorrent li l-konvokazzjoni uffiċjali kienet biss “konferma tad-data” u kkwalifikat bħala “irrilevanti” l-fatt li din ġiet innotifikata fis-6 ta’ Novembru 2007. Hija staqsietu wkoll f’dawn it-termini: “Jista’ jkun li nsejt li inti diġà tajt l-approvazzjoni tiegħek għal din id-data fid-9 ta’ Ottubru 2007?”

62

B’posta elettronika tad-29 ta’ Novembru 2007, l-avukat tar-rikorrent indika lis-segretarjat tal-Bord tal-Appell li la hu u lanqas il-klijent tiegħu ma kienu ser jidhru għall-proċedura orali.

63

Minkejja l-oġġezzjonijiet tar-rikorrent, il-Bord tal-Appell żamm il-proċedura orali, f’kull wieħed mit-tliet Każijiet A 005/2007, A 006/2007 u A 007/2007, fl-4 ta’ Diċembru 2007, fin-nuqqas tiegħu, hekk kif jirriżulta mill-proċessi-verbali tas-seduta. Il-każ A 006/2007 nstema’ qabel il-Każ A 005/2007.

64

Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, Dr. Menne dehret bħala espert tal-Bundessortenamt, aġent tas-CPVO. B’mod partikolari, hija esponiet li l-materjal veġetali ppreżentat għall-eżami tekniku tal-LEMON SYMPHONY fl-1997 kien mingħajr dubju ttrattat b’regolaturi tat-tkabbir, iżda li madankollu, ma kien hemm ebda problema waqt l-eżami “għaliex il-pjanti kienu kibru b’mod kompletament normali”. Hija indikat ukoll li, fil-mument ta’ dan l-eżami tekniku, “l-effett tar-regolaturi tat-tkabbir kien spiċċa” u sostniet li, “fil-każ tal-LEMON SYMPHONY, ma [kienx] hemm dubji fir-rigward tal-kwalità tal-provi li saru f’Lulju/Awwissu 1997”. Min-naħa tiegħu, l-intervenjent sostna li “r-regolaturi tat-tkabbir kienu ġeneralment jaġixxu għal matul 4 sa 6 ġimgħat”, b’mod partikolari fil-każ tal-Osteospermum.

65

B’deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2007 (Każ A 006/2007), il-Bord tal-Appell ċaħad bħala ammissibbli, iżda infondat, l-appell ippreżentat mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni dwar it-talba għal revoka.

66

B’deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2007 (Każ A 005/2007), il-Bord tal-Appell ċaħad bħala ammissibbli, iżda infondat, l-appell ippreżentat mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda.

67

B’deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2007 (Każ A 007/2007), il-Bord tal-Appell ċaħad bħala inammissibbli l-appell ippreżentat mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni.

68

F’kull wieħed minn dawn il-każijiet, il-Bord tal-Appell ikkonstata preliminarjament li l-konvokazzjoni għall-proċedura orali kienet intbagħtet f’forma debita u korretta. F’dan ir-rigward, dan irrileva li għalkemm kien minnu li t-terminu ta’ xahar stabbilit fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni ma kienx ġie osservat, peress li l-konvokazzjoni ġiet innotifikata lir-rikorrent biss fis-6 ta’ Novembru 2007, dan ma kellu ebda konsegwenza, peress li d-data tal-4 ta’ Diċembru 2007 kienet ġiet miftiehma miegħu, b’mod konformi mad-dispożizzjoni msemmija. Fil-fatt, skont il-Bord tal-Appell, ir-rikorrent kien diġà aċċetta bil-miktub, fid-9 ta’ Ottubru 2007, id-data proposta minnu. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma użax il-possibbiltà li kienet ġiet irriżervata lilu li jinvoka bil-miktub impediment milli jattendi għal din is-seduta, ibbażat fuq oġġezzjonijiet immotivati, f’terminu ta’ għaxart ijiem, jiġifieri sa mhux iktar tard mid-19 ta’ Ottubru 2007. B’hekk, ir-rikorrent kien jaf, minn din l-aħħar data, li l-konvokazzjoni kienet ser issegwi l-ftehim fuq id-data. L-irċevuta tal-konvokazzjoni tad-29 ta’ Ottubru 2007, iffirmata mir-rikorrent fis-6 ta’ Novembru 2007, fiha barra minn hekk il-kliem miktub bl-idejn “bereits not[iert]” (diġà nnotata). B’hekk, l-iskop tal-iffissar ta’ terminu ta’ konvokazzjoni, jiġifieri li jiġi żgurat lill-parti konvokata żmien ta’ preparazzjoni ta’ mill-inqas xahar, jew żmien iqsar jekk din tagħti l-kunsens tagħha, ġie osservat.

69

Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ċaħad it-talbiet tar-rikorrent intiżi sabiex jikseb differiment tad-data tas-seduta minħabba d-dehra tal-avukat tiegħu quddiem qorti oħra u sabiex il-proċeduri jiġu sospiżi sakemm tiġi adottata d-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-proċediment ta’ annullament (Każ A 010/2007), jew minħabba li l-Każijiet ma kinux fi stat li jiġu deċiżi, jew minħabba l-proċedimenti ta’ vjolazzjoni pendenti quddiem il-qrati ċivili Ġermaniżi.

70

Il-mandat tal-President tal-Bord tal-Appell skada fis-16 ta’ Diċembru 2007.

Il-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO fil-Każ A 010/2007

71

Fid-19 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem il-Bord tal-Appell, irreġistrat bin-Nru A 010/2007, kontra d-deċiżjoni dwar it-talba għal annullament.

72

Insostenn ta’ dan l-appell, ir-rikorrent essenzjalment josserva li l-materjal veġetali li fuqu kien sar l-eżami tekniku tal-LEMON SYMPHONY fl-1997 kien difettuż. Huwa rrileva wkoll il-possibbiltà li l-pjanti mibgħuta kienu ġew maqtugħin f’tirqid u li dan it-tirqid intuża sussegwentement matul l-imsemmi eżami tekniku. Barra minn hekk huwa rrileva d-differenzi fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-LEMON SYMPHONY li kienet saret fil-Ġappun (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). Huwa kkomunika l-perizja ta’ Dr. Ludolph iċċitata fil-punt 16 iktar ’il fuq. Huwa osserva wkoll li l-varjetajiet iċċitati bħala eżempju fil-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami applikati mill-2001 kienu, bl-eċċezzjoni tal-varjetà NAIROBI, kollha ġew ipparagunati mal-LEMON SYMPHONY fl-1997. Fir-rigward tal-affermazzjonijiet magħmula minn Dr. Menne u mill-intervenjent waqt is-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2007 fil-Każijiet A 005/2007, A 006/2007 u A 007/2007, ir-rikorrent ippropona li jipprova, permezz ta’ perizja, l-affermazzjoni tiegħu li tgħid li r-riperkussjonijiet fuq l-eżami tat-trattament b’regolaturi tat-tkabbir ma kinux limitati għal tul ta’ bejn erba’ u sitt ġimgħat. Finalment, ir-rikorrent spjega li t-talba għal annullament tiegħu kienet ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 20(1)(a) u tal-Artikolu 7 tar-Regolament. Fil-fehma tiegħu, peress li varjetà tista’ tiġi kkwalifikata bħala distinta biss jekk din tiddistingwi ruħha, b’riferenza għall-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip jew minn kombinazzjoni ta’ ġenotipi, ma jistax ikun hemm distinzjoni meta l-espressjoni tal-karatteristiċi kkonstatati tirriżulta minn trattament mekkaniku u b’regolaturi tat-tkabbir.

73

Wara li ġie kkonvokat għas-seduta, ir-rikorrent oppona ruħu, f’nota supplimentari tat-12 ta’ Jannar 2009, għall-fatt li Dr. Menne tkun preżenti għaliha u għall-fatt li d-dikjarazzjonijiet tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni.

74

Barra minn hekk, fiha, ir-rikorrent reġa’ rrepeta l-offerta tiegħu li jipprova, permezz ta’ perizja, li r-riżultati tal-eżami DUS tal-LEMON SYMPHONY mwettaq fl-1997 ma kinux dovuti għall-ġenotip, iżda kienu dovuti għat-trattament kimiku u mekkaniku jew mill-fatt li kien intuża tirqid tal-pjanti mibgħuta. Barra minn hekk, ir-rikorrent talab espressement sabiex ikun jista’ jipproduċi l-provi proposti.

75

Il-proċedura orali quddiem il-Bord tal-Appell fil-Każ A 010/2007 saret fit-23 ta’ Jannar 2009.

76

B’deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2009 (Każ A 010/2007), innotifikata lir-rikorrent fil-15 ta’ April 2009, il-Bord tal-Appell ċaħad bħala ammissibbli, iżda infondat, l-appell ippreżentat minnu kontra d-deċiżjoni dwar it-talba għal annullament, fl-aħħar ta’ motivazzjoni li għandhom jiġu riprodotti l-punti segwenti tagħha:

“4.

Ir-rikorrent jimmotiva l-appell tiegħu bl-affermazzjoni li tgħid li l-eżami tal-varjetà LEMON SYMPHONY mwettaq fl-1997 kien żbaljat peress li l-materjal eżaminat ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti għall-materjal li kellu jiġi pprovdut, peress li dan kien ġie ttrattat b’regolatur tat-tkabbir u peress li dan kien jikkonsisti fi pjanta f’tirqid. Il-Bundessortenamt indika [lis-CPVO] li l-affidabbiltà tal-eżami kienet mhedda jekk jintuża dan il-materjal, iżda ingħata l-parir li jkompli bl-eżami u li joħroġ tirqid mill-materjal ipprovdut. Hija prassi stabbilita li l-varjetajiet kollha użati fil-kuntest ta’ eżami jiġu mmultiplikati permezz tat-tirqid, billi t-tirqid jinqata’ fl-istess ħin sabiex jiġi żgurat li l-materjali kollha jkollhom l-istess età fiżjoloġika. Il-kwistjoni dwar it-trattament kimiku ma hijiex daqstant sempliċi daqs kemm isostni r-rikorrent. Il-protokoll tekniku tas-CPVO TP 176/1 applikabbli għall-Osteospermum jeżiġi li l-materjal ma jkunx ġie ssuġġettat għal trattament kimiku ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti jawtorizzaw tali trattament. Dispożizzjoni simili kienet teżisti fl-1996 qabel ma kien jeżisti [l-imsemmi protokoll] u prinċipju ta’ direzzjoni tal-[UPVĠ] għal din il-varjetà. Ir-rikorrent jidher li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-eżami tal-1997 twettaq fil-kuntest ta’ protokoll miftiehem bejn il-Bundessortenamt u [s-CPVO], b’tali mod li r-referenzi tiegħu għal deskrizzjoni tal-UPVĠ huma żbaljati. Fir-rigward tal-influwenza ta’ trattament b’regolatur tat-tkabbir, huwa ġġustifikat li jiġi konkluż li dan ma influwenzax l-eżami. It-tip ta’ regolatur tat-tkabbir li jintuża waqt il-multiplikazzjoni normalment ma jkollu ebda effett fit-tul peress li l-kontroll ulterjuri tat-tkabbir tal-pjanta jeħtieġ traxxix supplementari b’regolaturi tat-tkabbir. L-informazzjoni pprovduta mill-[intervenjent] li tgħid li r-regolaturi tat-tkabbir jintużaw biss matul il-fażi tal-bidu tat-tkabbir u li l-effetti tagħhom jgħibu bejn erba’ u sitt ġimgħat wara hija konvinċenti . L-affermazzjoni li tgħid li l-eżami ma huwiex validu minħabba l-użu ta’ materjal żbaljat hija infondata.

[…]

Iċ-ċirkustanza invokata mir-rikorrent li l-varjetajiet ta’ referenza kollha msemmija fil-prinċipji ta’ direzzjoni [ta’ eżami TG/176/3] kienu magħrufa fl-1997 hija irrilevanti peress li d-deskrizzjoni tal-varjetà hija korretta f’dak li jirrigwarda l-varjetajiet li kienu magħrufa [mis-CPVO] u mill-Bundessortenamt fil-mument meta ġiet eżaminata l-LEMON SYMPHONY.

[…]

6.

Il-varjetà LEMON SYMPHONY li nkisbet minn tlaqqim ġeneriku (sic) bejn l-ispeċi Osteospermum u Dimorphoteca hija, bħala tali, unika mhux biss minħabba l-karatteristiċi morfoloġiċi tagħha, iżda anki minħabba l-perijodu ta’ fjoritura kontinwa tagħha li hija itwal minn dik tal-varjetajiet attwali tal-Osteospermum. Ir-rapport Ġappuniż li jirreferi għalih il-fajl juri li l-varjetajiet ta’ riferenza użati kienu jikkostitwixxu varjetajiet ta’ Dimorphoteca. Minħabba l-karattru uniku tal-LEMON SYMPHONY, ma kienx possibbli li jinstabu, fil-kuntest tal-eżami mwettaq mill-Bundessortenamt fl-1997, varjetajiet ta’ riferenza li din setgħet tiġi pparagunata magħhom.

[…]

7.

Ir-rikorrent ma josservax li l-LEMON SYMPHONY ma tiddistingwix ruħha minn waħda mill-varjetajiet ta’ riferenza tal-UPVĠ. Ir-rikorrent ma ċċitax l-isem ta’ varjetà waħda li, fil-mument tal-applikazzjoni, ma kinitx tiddistingwi ruħha mil-LEMON SYMPHONY, liema ħaġa madankollu tikkostitwixxi preċiżament ir-rekwiżit tal-Artikolu 20(1) tar-[Regolament], iżda huwa jibbaża l-appell tiegħu fuq it-tetattiv tiegħu li jipprova li l-varjetà ma kinitx teżisti fil-forma attwali tagħha u li l-eżami ma kienx validu minħabba li l-materjal ipprovdut kien żbaljat.”

77

B’ittra mibgħuta lill-Bord tal-Appell fit-30 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrent ħareġ sensiela ta’ kritiki u ta’ oġġezzjonijiet kemm fir-rigward tal-proċess verbal tas-seduta kif ukoll fir-rigward tal-iżvolġiment tagħha, fit-23 ta’ Jannar 2009, li huma, skontu, ivvizzjati minn irregolaritajiet serji li huwa joffri, quddiem il-Qorti Ġenerali, li jipproduċi l-prova tagħhom permezz tax-xhieda. Din l-ittra fiha, b’mod partikolari, l-allegazzjonijiet segwenti:

“2.

Preżentazzjoni mhux preċiża tal-allegat ftehim konkluż bejn [is-CPVO] u l-Bundessortenamt

a)

Il-preżentazzjoni li tidher fil-p. 2 tal-proċess verbal li tgħid li [s-CPVO] ‘sussegwentement’ ittrażmetta kopja tal-ftehim li huwa kkonkluda mal-Bundessortenamt tagħti dehra distorta u, minħabba f’hekk, ineżatta tal-avvenimenti. Ir-rikorrent ma kellux l-opportunità li jesprimi ruħu dwar ’il-ftehim’ ippreżentat mi[s-CPVO] qabel mal-Bord tal-Appell adotta d-deċiżjoni tiegħu dwar il-parteċipazzjoni ta’ Dr. Menne fis-seduta.

Fir-realtà, eżattament qabel id-deliberazzjoni, [is-CPVO] bagħat dokument lill-Bord tal-Appell mingħajr ma kkomunikah ukoll lir-rikorrent.

Kien biss matul l-interruzzjoni tas-seduta segwenti, meta l-Bord tal-Appell kien diġà rtira sabiex jiddelibera, li r-rikorrent ingħata kopja ta’ dokument intitolat ‘EXAMINATION OFFICE – DESIGNATION AGREEMENT’ (Uffiċċju tal-eżami – mandat ta’ rappreżentazzjoni). Ir-rikorrent ma kellux l-opportunità li jesprimi ruħu dwar dan id-dokument qabel id-deliberazzjoni u d-deċiżjoni tal-Bord.

Huwa għalhekk li r-rikorrent invoka ksur tad-dritt għal smigħ tiegħu. Fil-fatt, meta, fl-aħħar tad-deliberazzjoni tiegħu, il-Bord ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jħalli lil Dr. Menne tipparteċipa fis-seduta, huwa bbaża d-deċiżjoni tiegħu anki fuq il-fatt ’li ebda element tal-ftehim konkluż bejn is-CPVO u l-Bundessortenamt ma kien jipprekludi li Dr. Menne tipparteċipa fis-seduta u, għalhekk, fuq id-dokument li kien ingħatalu. Għandu jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament (…) peress li r-rikorrent ma setax jadotta pożizzjoni fuq dan il-ftehim la oralment u lanqas bil-miktub.

b)

Anki l-oġġezzjonijiet li r-rikorrent invoka, sussegwentement, kontra d-dokument ippreżentat [mis-CPVO] ‘EXAMINATION OFFICE – DESIGNATION AGREEMENT’ ma jidhrux fil-proċess verbal għalkemm dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni materjali:

Il-kopja mogħtija lir-rikorrent ma fiha ebda firma. Ir-rikorrent indika espressament li f’kull każ, il-ftehim ma kienx iktar validu mill-31 ta’ Diċembru 2006 (ara l-Artikolu 11(1) tal-Ftehim imsemmi).

Abbażi tal-Artikolu 11(1) tad-dokument, ir-rikorrent ikkontradixxa wkoll ir-risposta mogħtija mill-President [tas-CPVO] waqt is-seduta, li tgħid li l-ftehim ippreżentat kien validu fil-mument tal-eżami kkontestat. Fil-fatt, b’mod konformi ma din il-klawżola, il-ftehim kien validu biss, l-iktar, mill-1 ta’ Jannar 2005. Lanqas dan ma ssemma’ fil-proċess verbal.

Anki l-affermazzjoni tal-President [tas-CPVO] li tgħid li l-ftehim ġie mġedded ġiet ikkontestata, minħabba nuqqas ta’ provi f’dan is-sens, mir-rikorrent waqt is-seduta, mingħajr ma din il-kontestazzjoni ma ġiet riprodotta fil-proċess verbal.

Finalment, lanqas l-ordni dirett mill-Bord tal-Appell [lis-CPVO] sabiex jippreżenta verżjoni valida tal-ftehim ma tidher fil-proċess verbal.

Fl-interess tal-kompletezza, nippermetti ruħi wkoll li nirrimarka li d-dokument ikkomunikat lir-rikorrent lanqas biss ma jinnomina lill-Bundessortenamt bħala parti kontraenti [mas-CPVO]. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jeħtieġ li l-atti tal-persunal tal-uffiċċju ta’ eżami jitwettqu ‘konformement mat-termini tal-ftehim’. Konsegwentement, huma biss atti li huma espressament ikkunsidrati mill-ftehim li jistgħu jingħataw il-kwalità ta’ atti [tas-CPVO] li jistgħu jiġu kkontestati kontra terzi. Min-naħa l-oħra, ma huwiex biżżejjed li l-ftehim ‘ma jsemmi xejn’ fir-rigward ta’ ċerti atti.

3.

L-indikazzjonijiet ipprovduti minn Dr. Menne

Il-proċess verbal jirriproduċi l-indikazzjonijiet ipprovduti minn Dr. Menne waqt is-seduta b’mod inkomplet u impreċiż biss:

a)

L-iktar nuqqas gravi tal-proċess verbal huwa probabbilment is-segwenti:

Waqt is-seduta, ir-rikorrent staqsa lil Dr. Menne jekk l-eżami DUS tal-varjetà LEMON SYMPHONY kienx twettaq fuq il-pjanti mibgħuta mill-[intervenjent] jew fuq pjanti kkultivati minn tirqid meħud minn dawn tal-aħħar. Dr. Menne rrispondiet għal din id-domanda billi sostniet li hija ma kinitx tiftakar iktar f’dan ir-rigward b’tali mod li hija ma kinitx, dakinhar, iktar f’pożizzjoni li tgħid b’ċertezza jekk l-eżami DUS tal-varjetà LEMON SYMPHONY kienx twettaq fuq il-pjanti mibgħuta jew fuq dawk tal-ġenerazzjoni segwenti. Iżda, minħabba f’hekk, id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ Dr. Menne dwar l-iżvolġiment tal-eżami għandhom jitqiesu bħala nieqsa mill-valur ta’ prova għaliex ma jistax jinftiehem kif din il-persuna tista’ tesprimi ruħha fuq eżami li lanqas ma taf is-suġġett dwaru.

L-affermazzjoni ta’ Dr. Menne li tgħid li hija tista’ tikkonferma li r-regolatur tat-tkabbir użat fuq il-varjetà LEMON SYMPHONY ma kellu ebda influwenza fuq l-eżami tekniku hija, ukoll, nieqsa mill-valur ta’ prova. Fil-fatt, jekk Dr. Menne diġà ma tiftakarx il-pjanti li ntużaw għall-eżami, lanqas ma huwa possibbli għaliha li tistabbilixxi rabta bejn il-pjanti u r-regolatur tat-tkabbir.

Il-proċess verbal jonqos ukoll milli jsemmi l-fatt li l-Bord tal-Appell qies bħala inammissibbli d-domanda tar-rikorrent li permezz tagħha dan staqsa lil Dr. Menne kif hija kienet tispjega n-nota miktuba bl-idejn li tinsab fil-fajl [tas-CPVO] u li tgħid li kien ittieħed xi tirqid mill-pjanti msemmija.

b)

Il-konstatazzjoni li tinsab fil-p. 4 tal-proċess verbal u li tgħid li Dr. Menne ma kellha ebda dubju dwar il-fatt li l-influwenza ta’ regolatur tat-tkabbir ma setgħetx iddum iktar minn xahar hija żbaljata. Fir-realtà, Dr. Menne ddikjarat li, fil-fehma tagħha, ir-regolaturi tat-tkabbir ma jipproduċux effetti fuq il-pjanti għal iktar minn sitta sa tmien ġimgħat.

c)

Għandha titqies bħala impreċiża wkoll il-konstatazzjoni li tinsab fil-proċess verbal li tgħid li Dr. Menne kkonfermat li fl-1997, il-varjetà LEMON SYMPHONY kienet l-unika varjetà magħrufa ta’ dan it-tip. B’mod kuntrarju, Dr. Menne ġġustifikat din il-’karatteristika unika’ bil-fatt li din il-varjetà – kuntrarjament għall-varjetajiet kollha magħrufa qabel – kienet tiffjorixxi s-sena kollha mingħajr fażi ta’ kesħa. Ir-rikorrent rrispondiha li din il-karatteristika ma kellha ebda relazzjoni mal-apparenza esterna tal-varjetà. Konsegwentement, din il-karatteristika waħedha ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-varjetà hijiex distinta skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (…)

Il-Bord tal-Appell għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti msemmija iktar ’il fuq fil-kuntest tad-deċiżjoni tiegħu.

4.

L-offerti ta’ prova tar-rikorrent fin-nota tat-12 ta’ Jannar 2009

Fil-punti 48 u 49 tal-osservazzjonijiet tiegħu, [is-CPVO] talab lill-Bord tal-Appell sabiex jiċħad l-offerti ta’ prova. Madankollu, il-proċess verbal ma fih ebda indikazzjoni li tikkonċerna l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrent fir-rigward ta’ dawn l-offerti ta’ prova li kienu jinsabu fin-nota tiegħu tat-12 ta’ Jannar 2009.

Il-proċess verbal ma jsemmix il-fatt li waqt is-seduta, ir-rikorrent offra li jipproduċi prova supplimentari tal-affermazzjoni tiegħu li tgħid li t-trattament b’regolaturi tat-tkabbir kellu effetti fil-mument tal-eżami mwettaq fl-1997. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ippropona li jsir eżami ġdid tat-tkabbir b’materjal veġetali f’tirqid, imkejjel u ttrattat bil-kimika, u li dan l-eżami jiġi evalwat minn espert indipendenti.

5.

Impreċiżazzjonijiet u ommissjonijiet oħra

Il-proċess verbal huwa kkaratterizzat minn sensiela ta’ impreċiżazzjonijiet u ommissjonijiet oħra li ser insemmi fil-qosor iktar ’il quddiem:

a)

Fid-deċiżjoni sabiex Dr. Menne tingħata l-permess li tipparteċipa għall-bqija tas-seduta, il-Bord tal-Appell ma ordnax lil Dr. Menne sabiex tagħti l-opinjoni tagħha “bħala espert”. Il-konstatazzjoni korrispondenti li tinsab fil-p. 3 tal-proċess verbal hija żbaljata u hija kkontestata mit-tieni paragrafu tal-p. 4 li jgħid li, bħala parti fil-proċedura, Dr. Menne ‘tifforma parti [mis-CPVO]’. Il-fatt li f’dak li jirrigwarda s-smigħ ta’ Dr. Menne, il-Bord tal-Appell ma adottax deċiżjoni dwar il-provi fis-sens tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jindika wkoll kontra t-teżi tal-kwalità ta’ espert ta’ Dr. Menne.

b)

Ir-rimarka li tidher fil-proċess verbal li tgħid li r-rikorrent invoka (biss) iċ-ċirkustanza li l-eżami DUS imwettaq fl-1997 ma ‘kienx affidabbli’ hija impreċiża. B’mod kuntrarju, ir-rikorrent sostna li t-talba għal annullament tiegħu kienet ibbażata fuq l-argument li jgħid li l-varjetà LEMON SYPHONY ddefinita bid-deskrizzjoni tal-varjetà tal-1997 ma kinitx distinta peress li l-konstatazzjoni tal-espressjoni tal-karatteristiċi ma kinitx ibbażata fuq il-ġenotip tal-pjanta eżaminata.

6.

Talba

Ir-rikorrent jitlob li l-proċess verbal tas-seduta jiġi rrettifikat u li l-ineżattezzi, l-ommissjonijiet u l-impreċiżjonijiet jiġu kkoreġuti. Id-deċiżjoni materjali għandha tkun ibbażata fuq l-iżvolġiment tas-seduta hekk kif ser tidher mill-proċess verbal irrettifikat.”

78

B’posta elettronika tas-7 ta’ April 2009, il-Bord tal-Appell informa lir-rikorrent li r-rimarki tiegħu li jikkonċernaw il-proċess verbal tas-seduta kienu ġew ikkomunikati għall-informazzjoni lill-partijiet.

Il-proċedura

79

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ April 2004, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-Nru T-133/08, kontra d-Deċiżjoni A 007/2007.

80

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ April 2008, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-Nru T-134/08, kontra d-Deċiżjoni A 006/2007.

81

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-Nru T-177/08, kontra d-Deċiżjoni A 005/2007.

82

Permezz ta’ digriet tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Settembru 2008, wara li nstemgħu il-partijiet, il-Kawżi T-133/08, T-134/08 u T-177/08 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

83

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Frar 2009, ir-rikorrent talab sabiex ikun jista’ jippreżenta motiv ġdid, b’mod konformi mal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ma’ dan l-att kien hemm annessi l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mis-CPVO, fit-23 ta’ Jannar 2009, waqt il-proċedura orali quddiem il-Bord tal-Appell fil-Każ A 010/2007. Peress li l-att imsemmi u l-anness tiegħu ġew inklużi fil-fajl, il-partijiet l-oħra ġew mistiedna sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom bħala risposta. Is-CPVO kkonforma ma’ dan l-invit b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Marzu 2009. L-intervenjent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fil-kontroreplika.

84

B’miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-22 ta’ Ġunju 2009, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) stiednet lill-partijiet sabiex jinfurmawha bis-segwitu li kien ġie rriżervat lill-appell fil-Każ A 010/2007 u bil-konsegwenti li kellhom, jekk ikun il-każ, jittieħdu mid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell f’dan il-Każ, fir-rigward tas-segwitu tal-proċedura fil-Kawżi magħquda T-133/08, T-134/08 u T-177/08. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-termini mogħtija.

85

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-Nru T-242/09, kontra d-Deċiżjoni A 010/2007.

86

B’digriet tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2010, wara li nstemgħu l-partijiet, il-Kawżi magħquda T-133/08, T-134/08 u T-177/08 u l-Kawża T-242/09 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

87

Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali kienet inbidlet fil-bidu tas-sena ġudizzjarja l-ġdida, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, u konsegwentement il-kawżi preżenti ġew assenjati lil din l-aħħar awla.

88

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali, b’mod konformi mal-Artikolu 135 a tar-Regoli tal-Proċedura, wara li kkonstatat li xi wħud mill-partijiet kienu ressqu talba mmotivata f’dan is-sens fit-terminu mogħti.

89

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) instemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2012.

It-talbiet tal-partijiet

90

Fil-Kawża T-133/08, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni A 007/2007 u tiddikjara nulla d-deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni;

tikkundanna lis-CPVO għall-ispejjeż.

91

Fil-Kawża T-134/08, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni A 006/2007 ;

tikkundanna lis-CPVO għall-ispejjeż.

92

Fil-Kawża T-177/08, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni A 005/2007 ;

tikkundanna lis-CPVO għall-ispejjeż.

93

Fil-Kawża T-242/09, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni A 010/2007 ;

tikkundanna lis-CPVO għall-ispejjeż.

94

Barra minn hekk, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li l-fatti jeħtieġu xi kjarifiki, ir-rikorrent jitlob lil din sabiex tadotta, f’din l-istess Kawża T-242/09, il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura segwenti:

tiġbor il-provi offruti minnu intiżi sabiex isostnu l-affermazzjoni li tgħid li Dr. Menne, waqt is-seduta tat-23 ta’ Jannar 2009, iddikjarat li hija ma kinitx tiftakar iktar jekk l-eżami tekniku tal-LEMON SYMPHONY kienx twettaq fuq il-pjanti mibgħuta jew fuq tirqid maqtugħ minn dawn tal-aħħar;

tiġbor il-prova offruta minnu taħt forma ta’ perizja sabiex isostni l-affermazzjoni tiegħu li tgħid li t-trattament tal-materjal veġetali tal-ispeċi Osteospermum b’regolaturi tat-tkabbir u b’daqs mekkaniku ma “jispiċċax” matul eżami waqt it-tkabbir u li dan jinfluwenza r-riżultati tal-eżami msemmi;

sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li jkun meħtieġ, tiġbor il-provi l-oħra offruti minnu matul il-proċedura ta’ appell u fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

95

Is-CPVO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors fil-Kawża T-133/08 bħala inammissibbli sa fejn jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni, u bħala infondat fir-rigward tal-kumplament tiegħu;

tiċħad ir-rikorsi fil-Kawżi T-134/08 u T-177/08 bħala infondati;

tiċħad ir-rikors fil-Kawża T-242/09 bħala inammissibbli u, f’kull każ, bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

tiddikjara li huwa jbati biss l-ispejjeż tiegħu fil-każ u sa fejn tiġi milqugħa waħda mit-talbiet tar-rikorsi.

96

Barra minn hekk, is-CPVO jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ppreżentata mir-rikorrent fil-Kawża T-242/09.

97

F’kull waħda mill-Kawżi T-133/08, T-134/08, T-177/08 u T-242/09, l-intervenjent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar ir-relazzjonijiet eżistenti bejn l-erba’ kawżi magħquda u dwar l-ordni li fih dawn għandhom jiġu eżaminati

98

Kif jirrileva ġustament ir-rikorrent fil-kitbiet tiegħu u hekk kif irrepeta waqt is-seduta, l-ewwel tliet Kawżi magħquda T-133/08, T-134/08 u T-177/08 huma marbuta flimkien b’relazzjoni stretta ta’ interdipendenza, u barra minn hekk huma marbuta mal-Kawża T-242/09 (proċedura għal annullament tal-LEMON SYMPHONY) b’relazzjoni ta’ dipendenza, liema ħaġa tiġġustifika li din l-aħħar kawża tiġi eżaminata bi prijorità f’din is-sentenza. Il-konklużjoni ta’ din il-kawża jkun effettivament determinanti għar-riżultat tat-tliet kawżi l-oħra, f’każ ta’ annullament tad-Deċiżjoni A 010/2007. Sussegwentement, f’ordni degressiv ta’ prijorità u ta’ dipendenza, il-Kawża T-134/08 (proċedura għal revoka tal-LEMON SYMPHONY), sussegwentement il-Kawża T-133/08 (aġġustament tad-deskrizzjoni tal-LEMON SYMPHONY) u, finalment, il-Kawża T-177/08 (talba għall-għoti tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità lis-SUMOST 01). Madankollu, dawn it-tliet kawżi ser jiġu eżaminati flimkien, wara din is-sentenza, peress li d-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kuntest tagħhom jidhru li huma vvizzjati mill-istess difett proċedurali u mill-istess ksur tad-drittijiet tad-difiża, hekk kif ser jiġi espost fil-punti 216 u s-segwenti iktar ’il quddiem.

99

Waqt is-seduta, ir-rikorrent indika li huwa ma kienx għadu qiegħed isostni t-teżi adottata inizjalment fil-kuntest tal-Kawża T-134/08 u li issa kien qiegħed isostni t-teżi, adottata fil-kuntest tal-Kawża T-242/09, li tgħid li l-LEMON SYMPHONY kienet baqgħet stabbli, iżda ma kinitx ġiet deskritta b’mod adegwat fl-1997. Madankollu, huwa ma irtirax formalment ir-rikors tiegħu fil-Każ T-134/08, b’tali mod li għandu jsir l-eżami tiegħu.

Kawża T-242/09

Fuq l-ammissibbiltà

100

Fid-Deċiżjoni A 010/2007, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrent, fil-kwalità tiegħu bħala parti fil-proċedura destinatarja tad-deċiżjoni dwar it-talba għal annullament, kellu l-locus standi sabiex jaġixxi quddiemu.

101

Is-CPVO ddikjara li ma jaqbilx ma’ din il-fehma u josserva li r-rikorrent ma kellux locus standi fil-proċediment għal annullament, peress li huwa ma kienx ippreżenta talba għal dan il-għan abbażi tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, skont is-CPVO, il-proċedura msemmija, miftuħa abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament, hija fil-prinċipju proċedura ex officio. Madankollu, is-CPVO jqis li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell huwa mingħajr konsegwenza peress li, skontu, ir-rikorrent seta’ jippreżenta appell kontra d-deċiżjoni dwar it-talba għal annullament fi kwalità oħra, jiġifieri bħala persuna direttament u individwalment ikkonċernata minnha.

102

Fid-dawl ta’ dan, is-CPVO u l-intervenjent iqisu li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Skont dawn il-partijiet, talba għal annullament tad-drittijiet li tgawdi minnhom varjetà hija ammissibbli biss, fid-dawl tal-Artikolu 20(1)(a) u tal-Artikolu 7 tar-Regolament, jekk jiġu ppreżentati fatti u jiġu prodotti provi li juru li l-varjetà msemmija ma hijiex differenti f’mill-inqas karatteristika rilevanti waħda fil-kostituzzjoni ġenetika minn kull varjetà oħra li l-eżistenza tagħha kienet magħrufa fid-data meta saret l-applikazzjoni għad-drittijiet. Għalhekk, f’dan il-każ, ir-rikorrent invoka biss vizzji proċedurali, li ma humiex rilevanti u għalhekk ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mis-CPVO jew mill-Bord tal-Appell tagħha fil-kuntest ta’ proċediment għal annullament abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament.

103

Madankollu, ma jidhirx li huwa neċessarju li tiġi adottata pożizzjoni fuq dawn il-kwistjonijiet peress li, hekk kif ser jiġi espost iktar ’il quddiem, dan ir-rikors għandu, f’kull każ, jiġi miċħud bħala infondat. Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, hija effettivament il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li jiġi miċħud fil-mertu r-rikors f’kawża mingħajr ma tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-konvenut (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C-23/00 P, Ġabra p. I-1873, punti 50 sa 52, u tat-22 ta’ Novembru 2007, Cofradía de pescadores “San Pedro” de Bermeo et vs Il-Kunsill, C-6/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 21).

Fuq il-mertu

104

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, rispettivament ibbażati fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 76 u 81 tar-Regolament, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 20 u 7 tar-Regolament, fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament u fuq ksur tal-Artikolu 63(1) u (2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 76 u 81 tar-Regolament

– L-argumenti tal-partijiet

105

Ir-rikorrent jinvoka ksur tal-“prinċipju ta’ investigazzjoni ex officio” u jinvoka n-nuqqas ta’ koerenza tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, huwa jgħid li ma jikkontestax ir-riżultat ta’ evalwazzjoni tal-provi mill-Bord tal-Appell. B’mod kuntrarju, dan tal-aħħar adotta deċiżjoni żbaljata fil-liġi minħabba li dan ma ġabarx u lanqas ma evalwa l-provi, iżda bbaża ruħu unilateralment u mingħajr verifika fondata fuq l-argumentazzjoni bl-ebda mod sostnuta tal-partijiet l-oħra fil-proċedura, ikkwalifikaha bħala “konvinċenti”, mingħajr ma kkunsidra l-oġġezzjonijiet rilevanti u mmotivati u lanqas l-offerti ta’ prova mressqa minnu.

106

Skont ir-rikorrent, il-Bord tal-Appell ma setax, mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi, jasal għall-konklużjoni li l-LEMON SYMPHONY kienet, fl-1997, is-suġġett ta’ eżami tekniku regolari u li s-CPVO kien ġustament ikkonstata l-karattru distint ta’ din il-varjetà skont l-Artikolu 7 tar-Regolament.

107

B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrent josserva, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikoli 76 u 81 tar-Regolament billi naqas milli jiġbor almenu prova waħda offruta minnu, filwaqt li diversi fatti li jikkonċernaw l-eżami tekniku tal-LEMON SYMPHONY kienu jeħtieġu li jiġu stabbiliti, u li huwa stess kien talab li jittieħdu l-miżuri investigattivi korrispondenti.

108

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jibda billi jirrileva li huwa stabbilit li, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Bundessortenamt, il-materjal veġetali pprovdut mill-intervenjent fl-1997, għall-finijiet tal-eżami tekniku, kien jikkonsisti minn prodotti intiżi għall-bejgħ, f’tirqid, li kienu ġew ittrattati b’regolaturi tat-tkabbir u maqtugħin. Id-diskuzzjoni tirrigwarda biss l-effetti ta’ dan it-trattament fuq l-apparenza esterna deskritta fid-deskrizzjoni tal-varjetà.

109

Sussegwentement, huwa jilmenta li l-Bord tal-Appell, l-ewwel nett, ma eżaminax il-kwistjoni dwar fuq liema pjanti kien ibbażat l-eżami tekniku. Ir-riżoluzzjoni ta’ din il-kwistjoni hija madankollu ta’ importanza kbira. Ir-rikorrent kien sostna, fil-fatt, li, għalkemm kien ittieħed xi tirqid f’Jannar 1997, il-pjanti maħruġa minnhom ma setgħux, fil-mument tad-determinazzjoni tal-karatteristiċi f’Awwissu 1997, jinsabu fi stadju ta’ tkabbir paragunabbli ma’ dak tal-pjanti ta’ paragun li kienu s-suġġett ta’ provi ta’ tkabbir, li kellhom jiġu pprovduti mill-Bundessortenamt fil-bidu ta’ Diċembru 1996, u huwa kien offra li jipprova l-affermazzjonijiet tiegħu permezz ta’ perizja.

110

F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li “hija prassi kurrenti li l-varjetajiet kollha użati fil-kuntest ta’ eżami jiġu mmultiplikati permezz tat-tirqid billi t-tirqid jittieħed fl-istess żmien sabiex ikun żgurat li l-materjali kollha jkollhom l-istess età fiżjoloġika” hija inkoerenti u mhux sostnuta minn provi. Il-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma jistabbilixxi li l-“prassi kurrenti” inkwistjoni ġiet effettivament segwita, f’dan il-każ, fir-rigward tal-varjetajiet kollha pparagunati. Huwa jsemmi biss, f’dan ir-rigward, “parir” mogħti mis-CPVO lill-Bundessortenamt sabiex iwettaq l-eżami billi jieħu xi tirqid. Barra minn hekk, l-affermazzjonijiet l-oħra tiegħu dwar l-effetti tar-regolaturi tat-tkabbir kienu jkunu superfluwi li kieku dan ried jiddefendi l-kunċett li jgħid li l-użu ta’ tirqid kien eskluda kull influwenza eventwali. F’kull każ, il-prova tas-“suppożizzjoni” li bbaża ruħu fuqha l-Bord tal-Appell ma hijiex stabbilita, peress li dan ma ordna ebda miżura ta’ investigazzjoni intiża sabiex issostni din it-teżi. Din lanqas ma hija bbażata bl-espożizzjoni ta’ Dr. Menne, peress li din, waqt is-seduta quddiem il-Bord tal-Appell, esponiet li hija ma kinitx tista’ tiftakar iktar jekk l-eżami tekniku kienx twettaq fuq il-pjanti ttrattati jew fuq tirqid meħud minn dawn tal-aħħar.

111

Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Bord tal-Appell ħaseb, huwa wkoll, li l-eżami tekniku tal-1997 kien twettaq fuq pjanti ttrattati kimikament u mekkanikament, ir-rikorrent sussegwentement jilmenta li l-Bord tal-Appell, it-tieni nett, ipproċeda għal konstatazzjonijiet inkoerenti u mhux sostnuti minn provi fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ effett tat-trattament tal-pjanti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ifakkar li huwa dejjem sostna li eżami tekniku mwettaq fuq materjal veġetali ttrattat kimikament u mekkanikament li, barra minn hekk, jinsab, bħala “prodott intiż għall-bejgħ f’tirqid”, fi stadju ta’ tkabbir differenti minn dak tal-“pjanti żgħar” l-oħra użati għall-finijiet ta’ paragun, ma jippermettix li jiġi kkonstatat il-karattru distint ta’ varjetà b’mod konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament. Sabiex jipprova l-affermazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-effett fit-tul tar-regolaturi tat-tkabbir, huwa kemm-il darba, u għal darb’oħra waqt is-seduta quddiem il-Bord tal-Appell, offra prova permezz ta’ perizja u talab li jiġu ordnati miżuri investigattivi f’dan is-sens.

112

Il-konstatazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward mill-Bord tal-Appell, fil-paragrafu 4 tad-deċiżjoni kkontestata (p. 7), ma humiex ibbażati fuq l-argumentazzjoni ppreżentata mill-partijiet matul il-proċedura quddiemu, iżda fuq suppożizzjonijiet li dan ressaq huwa stess fil-proċedura. Dawn lanqas ma jirriżultaw mill-proċess u ma humiex sostnuti minn provi, peress li, minkejja t-talbiet tar-rikorrent, l-imsemmi Bord ma ordna ebda miżura ta’ investigazzjoni, iżda pprefera li jagħti preferenza lill-argumentazzjoni ta’ Dr. Menne. Barra minn hekk, l-affermazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-inapplikabbiltà tal-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami TG/176/3 huma irrilevanti u, finalment, żbaljati, hekk kif turi l-ittra tal-Bundessortenamt tas-6 ta’ Novembru 1996. Finalment, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt inkontestabbli li l-pjanti mibgħuta mill-intervenjent kienu “prodotti intiżi għall-bejgħ f’tirqid”, fi kliem ieħor pjanti kompletament żviluppati u fil-punt li jiffjorixxu, li ma kienx possibbli li jiġu pparagunati ma suġġetti żgħar.

113

Fit-tieni lok, ir-rikorrent josserva li l-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi materjali invokati minnu jew evalwahom b’mod manifestament żbaljat.

114

F’dan il-kuntest, ir-rikorrent ifakkar li huwa kkontesta b’mod kostanti l-pretiża identiċità allegata mis-CPVO bejn il-pjanti eżaminati fl-1997 u fl-2005 bħala materjal tal-pjanti tal-varjetà LEMON SYMPHONY. Skontu, il-fatt li mill-2002, il-varjetà msemmija ma setgħetx tiġi deskritta iktar bl-istess mod bħal fl-1997 jippermetti li jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-eżami tekniku ta’ din il-varjetà mwettaq dik is-sena, minħabba t-trattament applikat lill-materjal tal-1997. Il-Bord tal-Appell naqas milli jeżamina dan l-argument tar-rikorrent billi, fil-paragrafu 5 tad-deċiżjoni kkontestata (p. 8), wasal għall-konklużjoni li tgħid li l-pjanti tal-LEMON SYMPHONY tal-1997 u tal-2005 kellhom apparenza identika u kien biss minħabba l-applikazzjoni ta’ prinċipju ta’ direzzjoni emendat li l-varjetà kellha tiġi deskritta b’mod differenti mill-2000. Skont ir-rikorrent, din il-konklużjoni hija irrilevanti.

115

L-ewwel nett, fil-fatt, ebda waħda mill-partijiet ma kkontestat l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-pjanti eżaminati fl-2001 bħala materjal veġetali tal-varjetà LEMON SYMPHONY ġew attribwiti, f’dak li jirrigwarda l-karatteristika “Komportament taz-zkuk”, il-livell ta’ espressjoni “eretti għal semi-eretti (2)”. Għalhekk, matul din is-sena ta’ eżami, il-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami TG/176/3 kienu diġà ġew applikati. Konsegwentement, ma huwiex possibbli li jiġi spjegat b’mod loġiku l-fatt li, fir-rigward ta’ din l-istess karatteristika, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ta’ direzzjoni ġġustifika l-attribuzzjoni tal-livell ta’ espressjoni “semi-eretti għal orizzontali (5)” biss fl-2005. B’mod kuntrarju, kellha diġà tiġi kkonstatata modifika sinjifikanti tad-deskrizzjoni fl-2001.

116

It-tieni nett, il-fatt li huma l-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami TG/176/3 li, għall-ewwel darba, semmew eżempji ta’ varjetajiet għall-karatteristika “Komportament taz-zkuk”, filwaqt li t-“tabella tal-karatteristiċi VI” ma semmiethomx, lanqas ma huwa tali li jsostni d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-varjetajiet kollha ċċitati bħala eżempji (bl-eċċezzjoni tal-varjetà NAIROBI) kienu diġà ġew ikkultivati fil-kuntest tal-eżami tekniku tal-1997 lanqas ma ġie kkontestat. Peress li effettivament sar paragun bejn dawn il-varjetajiet, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell hija irrilevanti. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrent li jgħid li l-varjetà ZULU li, fl-1997, kienet ġiet ipparagunata mal-LEMON SYMPHONY, hija varjetà “eretta”, ma kien is-suġġett ta’ ebda kontestazzjoni. Finalment, il-verżjoni l-ġdida tal-protokoll tekniku tas-CPVO TP/176/1 tal-2007 jipprova n-nuqqas ta’ rilevanza tal-affermazzjonijiet tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, kieku l-eżempji introdotti fl-2001 ma kinux jirriflettu korrettement il-firxa tal-Osteospermum, dawn ma kinux jistgħu jiġu riprodotti tali kwali fil-verżjoni tal-2007.

117

It-tielet nett, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-posta elettronika tal-Bundessortenamt tat-22 ta’ Marzu 2006, li fiha dan l-uffiċċju ddikjara li ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi, fl-2006, deskrizzjoni abbażi tat-tabella tal-karatteristiċi VI użata fl-1997. Skont ir-rikorrent, din id-dikjarazzjoni tinsab f’kontradizzjoni mal-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-pjanti kellhom, fl-2005, fenotip identiku għal dak tal-pjanti eżaminati fl-1997. Fil-fatt, huwa jqis li, kieku l-pjanti kienu identiċi fl-2005, dawn kien ikollhom, b’applikazzjoni tat-tabella tal-karatteristiċi VI, jiġu deskritti eżattament bl-istess mod bħal fid-deskrizzjoni tal-1997.

118

Ir-raba’ nett, il-preżentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżami tal-LEMON SYMPHONY fil-Ġappun hija żbaljata. Kuntrarjament għal dak li sostna l-Bord tal-Appell, din kienet mingħajr kontestazzjoni l-istess varjetà, b’tali mod li kien hemm il-bżonn, skont ir-rikorrent, li jsir approfondiment dwar il-kwistjoni għalfejn il-pjanti kienu ġew evalwati diversament fil-Ġappun.

119

Il-ħames nett, il-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma ħa inkunsiderazzjoni l-perizja mwettqa minn Dr. Ludolph għall-intervenjent, li minnha kien jirriżulta li l-LEMON SYMPHONY qatt ma kienet varjetà eretta. Evalwazzjoni korretta ta’ dan l-aspett kellha, skont ir-rikorrent, twassal lill-Bord tal-Appell sabiex jikkonkludi li, anki mill-perspettiva tal-intervenjent, l-eżami tekniku tal-varjetà msemmija fl-1997 kienet żbaljata.

120

Is-sitt nett, finalment, id-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni li, minbarra l-LEMON SYMPHONY, ebda varjetà oħra tal-Osteospermum ma kienet is-suġġett ta’ aġġustament.

121

Is-CPVO u l-intervenjent isostnu li dan il-motiv huwa infondat, b’mod partikolari fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu s-CPVO waqt l-eżami tekniku ta’ varjetà u waqt l-użu ta’ materjali ta’ tkabbir.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

122

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament, is-CPVO għandu jiddikjara d-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità null u bla effett “jekk jiġi stabbilit” li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 jew fl-Artikolu 10 ma kinux imħarsa fiż-żmien tal-għoti tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità.

123

Skont l-Artikolu 76 tar-Regolament, intitolat “Eżami tal-fatti [mis-CPVO] minn jeddu”, li l-ksur tiegħu huwa allegat f’dan il-każ, is-CPVO għandu jagħmel investigazzjoni tal-fatti ex officio matul il-proċeduri quddiemu, “sal-limitu li dawn jaqgħu taħt l-eżami skont l-Artikoli 54 u 55” tar-regolament imsemmi.

124

Skont l-Artikolu 54 tar-Regolament, is-CPVO għandu jeżamina l-applikazzjoni għal dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità fil-mertu. F’dan il-kuntest, huwa għandu jeżamina, b’mod partikolari, jekk il-varjetà tistax tkun is-suġġett ta’ tali drittijiet b’mod konformi mal-Artikolu 5 u jekk din hijiex varjetà ġdida skont l-Artikolu 10 tar-regolament imsemmi.

125

Skont l-Artikolu 55 tar-Regolament, jekk, wara l-ewwel eżami, is-CPVO jikkonstata li ebda ostaklu ma jipprekludi l-għoti ta’ dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, huwa għandu jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex l-eżami tekniku intiż sabiex tiġi kkontrollata l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 7 sa 9 (kriterji DUS) isir, f’mill-inqas wieħed mill-Istati Membri, mill-organu jew mill-organi kompetenti (uffiċċji tal-eżami).

126

Għalhekk, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament, dwar l-investigazzjoni ex officio tal-fatti, hija litteralment inapplikabbli għall-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell li għandu quddiemu appell kontra deċiżjoni tas-CPVO li rrifjutat li tiddikjara, fuq talba ta’ parti, in-nullità ta’ titolu ta’ drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, peress li din il-proċedura ma tifformax parti mill-Artikoli 54 u 55 tar-Regolament.

127

Fil-kuntest ta’ tali proċedura, fil-fatt, il-Bord tal-Appell ma għandux l-obbligu li jipproċedi bl-eżami sostantiv stabbilit fl-Artikolu 54 jew bl-eżami tekniku stabbilit fl-Artikolu 55 tar-Regolament, u lanqas li jiddeċiedi fuq il-legalità ta’ tali eżami mwettaq mis-CPVO fil-kuntest ta’ talba għall-ksib ta’ titolu Komunitarju ta’ drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

128

Dan għandu jiddeċiedi biss, fuq talba ta’ parti kkonċernata, fuq il-legalità ta’ deċiżjoni tas-CPVO adottata abbażi tal-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament, li tirrifjuta li tiddikjara d-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità nulli u bla effett minħabba li ma ġiex “stabbilit” minn din il-parti li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 jew fl-Artikolu 10 tar-regolament imsemmi ma kinux issodisfatti fil-mument tal-għoti tad-drittijiet.

129

Peress li proċedura għal annullament ma nfetħitx ex officio, iżda fuq talba ta’ parti kkonċernata, l-Artikoli 76 u 81 tar-Regolament, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 20 tiegħu, ipoġġu fuq din il-parti l-oneru tal-prova li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex tiġi deċiża din in-nullità..

130

Ċertament, dan l-arranġament tal-oneru tal-prova u tal-amministrazzjoni tal-prova huwa differenti ħafna minn dak stabbilit fil-qasam tat-trade marks Komunitarji, mill-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li jipprovdi li “[f]i proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba”. Din id-differenza fis-sistema tal-prova tista’ madankollu tiġi spjegata mill-fatt li, diversament mir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, ir-Regolament ma jagħmilx distinzjoni bejn ir-raġunijiet assoluti u r-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni.

131

Qabel kollox, is-sistema implementata mir-Regolament hija konformi għal dik implementata, fil-qasam tad-disinni Komunitarji, mill-Artikolu 63(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU L 3, p. 1), li jgħid li:

“Fil-proċeduri quddiemu, l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu. Madankollu, il-proċeduri li jkollhom x’jaqsmu ma’ dikjarazzjoni ta’ l-invalidità, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett f’din l-eżaminazzjoni bil-fatti, bix-xhieda u bl-argumenti pprovduti mill-partijiet u bir-rimedju mfittex.”

132

Barra minn hekk, din is-sistema hija konformi mal-prinċipji ġenerali tal-liġi u mar-regoli tal-proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova, b’mod partikolari bil-qawl actori incumbit onus probandi. F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 81(1) tar-Regolament, li f’dan il-każ huwa allegat anki l-ksur tiegħu, is-CPVO, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet proċedurali fir-regolament imsemmi jew fir-Regolament ta’ implementazzjoni, għandu japplika l-“prinċipji tal-liġi proċedurali li jkunu ġeneralment rikonoxxuti fl-Istati Membri”.

133

Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala fondat fuq il-premessa żbaljata li l-oneru tal-prova kien jinsab, f’dan il-każ, fuq is-CPVO abbażi tal-Artikoli 76 u 81 tar-Regolament.

134

F’kull każ, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament li huwa invokat il-ksur tiegħu ma jirriżultax li l-proċedura quddiem is-CPVO għandha natura purament inkwiżitorja. B’mod partikolari, il-“prinċipju ta’ investigazzjoni ex officio” msemmi, fir-rigward tal-eżami tekniku, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 76 tiegħu, għandu jiġi kkonċiljat mar-regola, stabbilita fit-tieni sentenza tal-istess artikolu, li tgħid li s-CPVO għandu jiskarta fatti li ma jkunux ġew invokati u l-provi li ma jkunux ġew prodotti fil-limitu ta’ żmien stabbilit minnhu. B’hekk, huma l-partijiet fil-proċedura quddiem is-CPVO li għandhom jinvokaw fi żmien utli l-fatti li huma jridu li jiġu kkonstatati minnu, billi jipproduċu l-provi li jridu li jiġu kkunsidrati insostenn ta’ dawn il-fatti.

135

Sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-proċedura ta’ appell kontra deċiżjoni tas-CPVO adottata skont l-Artikolu 20 tar-Regolament u li tirrifjuta li tiddikjara n-nullità tat-titolu Komunitarju ta’ drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħti lil varjetà ta’ pjanti, hija l-parti li tinvoka din in-nullità li għandha tinvoka l-fatti u tipproduċi l-provi li, fil-fehma tagħha, jippermettu li jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 20 tar-Regolament huma ssodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C-413/08 P, Ġabra p. I-5361, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta s-CPVO ma jaqbilx mal-analiżi tagħha, din il-parti xorta waħda jkollha tipprovdi indikazzjonijiet konkreti u sostnuti insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha. Skont il-każ, il-provi fattwali u l-provi hekk invokati jistgħu jkunu tali li jobbligaw lill-parti l-oħra li tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, li fin-nuqqas tagħha l-Bord tal-Appell ikun jista’ jikkonkludi li r-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova jkunu ġew issodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata). Qabel kollox, il-Bord tal-Appell għandu l-obbligu li jeżamina, b’kura u b’imparzjalità, il-provi rilevanti kollha tal-każ, filwaqt li jiżgura l-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u tar-regoli tal-proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova.

136

F’dan il-każ, ir-rikorrent essenzjalment jilmenta li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu esklużivament fuq il-verżjoni tal-fatti allegata mis-CPVO u mill-intervenjent, mingħajr ma ġabar jew evalwa l-provi offruti minnu u, b’mod partikolari, mingħajr ma laqa’ t-talba tiegħu għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni li tikkonsisti, f’dan il-każ, f’perizja intiża sabiex jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, l-effett tar-regolaturi tat-tkabbir, liema talba huwa kien ressaq darbtejn matul il-proċedura bil-miktub (ara l-punti 72 u 74 iktar ’il fuq) u li kien irrepetiha waqt is-seduta quddiem il-Bord tal-Appell.

137

Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis bħala opportun li tiġi applikata b’analoġija lill-Bord tal-Appell tas-CPVO, li huwa organu kważi ġudizzjarju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li talba għal miżuri ta’ investigazzjoni mressqa minn parti ma tistax tiġi milqugħa jekk din ma toffrix provi prima facie suffiċjenti sabiex ikun hemm lok li jiġu ordnati tali miżuri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1966, ILFO vs L-Awtorità Għolja, 51/65, Ġabra p. 125).

138

Issa, kemm waqt il-proċedura amministrattiva quddiem is-CPVO kif ukoll matul il-proċedura ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrent qatt ma pproduċa l-ebda prova u lanqas l-ebda ħjiel (bħal studju xjentifiku ad hoc, silta minn pubblikazzjoni speċjalizzata, perizja mwettqa fuq talba tiegħu, jew sempliċi dikjarazzjoni ta’ espert botaniku jew fl-ortikultura) li tista’ tikkostitwixxi prova prima facie tal-allegazzjoni tiegħu, irripetuta kemm-il darba, iżda qatt sostnuta, u kontradetta mill-intervenjenti l-oħra kollha fil-proċedura, inkluż il-Bundessortenamt u l-kumitat kompetenti tas-CPVO, li tgħid li trattament mekkaniku u kimiku jew it-tirqid bħal dak imwettaq f’dan il-każ setgħu vvizzjaw l-eżami tekniku tal-LEMON SYMPHONY fl-1997.

139

Barra minn hekk, għalkemm il-Bord tal-Appell effettivament qabel, finalment, mal-argumentazzjoni tal-partijiet l-oħra fil-proċedura, huwa ma għamilx hekk “unilateralment u mingħajr verifika”, kif isostni r-rikorrent, iżda billi bbaża ruħu fuq l-għarfien tiegħu stess u fuq l-esperjenza tiegħu stess fil-qasam botaniku, wara li eżamina, b’mod partikolari, il-kwistjoni jekk kienx għadu possibbli li l-LEMON SYMPHONY tiġi deskritta, fl-2005, billi jintużaw il-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami TG/176/3 fis-seħħ fl-1997, u billi jiġu esposti r-raġunijiet għalfejn huwa kellu l-ħsieb li jadotta t-teżi tas-CPVO minflok dik tar-rikorrent, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paragrafu 4 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ma jinvoka ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

140

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegat ksur tar-regoli relattivi għall-oneru u għall-amministrazzjoni tal-prova ma huwiex stabbilit biżżejjed fil-liġi.

141

Pjuttost għandu jiġi kkonstatat li, bl-iskuża ta’ tali allegazzjoni u kuntrarjament għal dak li jsostni, ir-rikorrent fir-realtà jrid jikseb mingħand il-Qorti Ġenerali evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi rilevanti.

142

Għalhekk, f’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni skont jekk il-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Bord tal-Appell humiex jew le r-riżultat ta’ evalwazzjonijiet kumplessi relatati mal-qasam tal-botanika jew tal-ġenetika, li jeħtieġu esperjenza jew għarfien xjentifiku jew tekniku partikolari.

143

F’każ affermattiv, fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-istħarriġ li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali fuq tali konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet ta’ fatt huwa dak ta’ iżball manifest [sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Novembru 2008, Schräder vs CPVO (SUMCOL 01), T-187/06, Ġabra p. II-3151, punti 59 sa 63, essenzjalment ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO, C-38/09 P, Ġabra p. I-3209, punt 77]. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-evalwazzjoni tal-karattru distint ta’ varjetà, fir-rigward tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament.

144

F’każ negattiv, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet ta’ fatt li ma għandhomx kumplessità xjentifika jew teknika partikolari, mill-ġurisprudenza msemmija jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq stħarriġ tal-legalità sħiħ jew komplet (sentenza SUMCOL 01, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65, u s-sentenza Schräder vs CPVO, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

145

F’dan il-każ, ir-rikorrent qabel kollox jilmenta li l-Bord tal-Appell ma eżaminax il-kwistjoni dwar minn liema materjal veġetali kien finalment twettaq l-eżami tekniku, minn Lulju 1997. L-eżami ta’ din il-kwistjoni purament fattwali ma jeħtieġx perizja jew għarfien tekniku partikolari u ma għandu l-ebda kumplessità li tista’ tiġġustifika limitazzjoni tal-firxa tal-istħarriġ ġudizzjarju.

146

Madankollu, b’risposta għal dan l-ilment tar-rikorrent, biżżejjed li jiġi osservat li, meta l-Bord tal-Appell irrileva, fil-paragrafu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li “hija prassi kurrenti li jiġu mmoltiplikati f’tirqid il-varjetajiet kollha użati fl-istess ħin sabiex jiġi żgurat li l-materjali kollha jkollhom l-istess età fiżjoloġika”, dan għamel il-konstatazzjoni, b’mod impliċitu iżda ċert, li dan kien kien sar ukoll f’dan il-każ.

147

Għalhekk, mhux biss din il-konstatazzjoni hija kompatibbli mal-informazzjoni suġġettiva tal-kawża, kif tirriżulta mill-fajl, iżda l-eżattezza tagħha hija barra minn hekk ikkonfermata kemm mill-kliem tan-nota miktuba bl-idejn tat-30 ta’ Jannar 1997, iċċitata fil-punt 11 iktar ’il fuq, “[i]l-Bundessortenamt għamel rimjiet, stenna TK 30/01/97”, fejn TK huma l-inizjali tal-uffiċjal tal-Bundessortenamt responsabbli fiż-żmien tal-eżami tekniku, kif ukoll mill-fatt li l-eżami tekniku seħħ biss xhur wara, f’Lulju jew f’Awwissu 1997. Barra minn hekk, din ma hijiex ikkontestata mill-affermazzjonijiet magħmula minn Dr. Menne waqt is-seduta quddiem il-Bord tal-Appell, peress li din sempliċement iddikjarat li hija ma kinitx tiftakar iżjed jekk l-eżami tekniku kienx twettaq fuq il-pjanti mibgħuta mill-intervenjent jew fuq tirqid meħud minnhom.

148

Il-konstatazzjoni msemmija tirċievi wkoll l-oġġezzjoni tar-rikorrent li tgħid li, kieku kien ittieħed xi tirqid mill-pjanti pprovduti mill-intervenjent f’Jannar 1997, il-pjanti maħruġa minnhom ma kinux ikunu jistgħu, fil-mument tad-determinazzjoni tal-karatteristiċi f’Awwissu 1997, jinsabu fi stadju ta’ tkabbir paragunabbli ma’ dak tal-pjanti ta’ paragun li kienu s-suġġett ta’ provi ta’ tkabbir, li kienu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Bundessortenamt f’Diċembru 1996. Filwaqt li bbaża ruħu fuq l-esperjenza tiegħu stess, il-Bord tal-Appell effettivament osserva li l-prattika tat-tirqid, ikkwalifikata minnu bħala “kurrenti”, tapplika għall-varjetajiet kollha użati fil-kuntest tal-eżami tekniku, sabiex jiġi żgurat li l-materjali kollha jkollhom l-istess età fiżjoloġika.

149

Din hija konstatazzjoniji ta’ fatt ikkunsidrat bħala magħruf mill-Bord tal-Appell. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kontenzjuż ta’ trade mark Komunitarja, l-organi tal-UASI ma humiex marbuta li jistabbilixxu, fid-deċiżjonijiet tagħhom, l-eżattezza ta’ fatti magħrufa. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-konstatazzjoni, magħmula mil-Qorti Ġenerali, dwar jekk il-fatti, li fuqhom il-Bord tal-Appell tal-UASI bbaża d-deċiżjoni tiegħu, kinux magħrufa minn kulħadd jew le, tikkostitwixxi evalwazzjoni ta’ natura fattwali li, ħlief fil-każ ta’ interpretazzjoni ħażina, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ Appell (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2007, UASI vs Celltech, C-273/05 P, Ġabra p. I-2883, punti 39 u 45, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ġunju 2009, Zipcar vs UASI, C-394/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti Ġenerali tqis bħala xieraq li tittrasponi din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett, għall-organi tas-CPVO u, it-tieni nett, għall-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali teżerċita fuq id-deċiżjonijiet tagħhom.

150

F’dan il-każ, ir-rikorrent limita ruħu sabiex ipoġġi indiskussjoni l-konstatazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, fir-rigward tal-prattika kurrenti tat-tirqid, l-istess bħall-applikazzjoni tagħha għal dan il-każ, mingħajr ma ressaq l-ebda ħjiel jew ipproduċa ebda prova f’dan is-sens. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi kkonfermata, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, l-imsemmija konstatazzjoni ta’ fatt magħruf.

151

Għalhekk, l-ewwel ilment tar-rikorrent għandu jiġi miċħud bħala infondat, billi b’mod kuntrarju tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-eżami tekniku tal-1997 twettaq fuq tirqid meħud mill-pjanti mibgħuta mill-intervenjent.

152

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok għalfejn jiġi eżaminat it-tieni lment tar-rikorrent, li bih dan jilmenta li l-Bord tal-Appell wettaq konstatazzjonijiet inkoerenti u mhux sostnuti minn provi li jirrigwardaw l-allegat nuqqas ta’ effett, f’dan il-każ, tat-trattament tal-pjanti b’regolaturi tat-tkabbir. Fil-fatt, dan l-ilment ġie fformulat biss “sa fejn id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Bord tal-Appell kien jaħseb, huwa wkoll, li l-eżami tekniku tal-1997 kien twettaq fuq pjanti ttrattati kimikament u mekkanikament”, pjuttost milli fuq tirqid meħud minn dawn il-pjanti. Għalhekk, minn dak li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell eskluda tali premessa fattwali.

153

F’kull każ, il-konstatazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward mill-Bord tal-Appell, b’mod abbondanti, fil-paragrafu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, huma bbażati fuq evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura xjentifika jew teknika, li fir-rigward tagħhom l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jillimita ruħu għal dak tal-iżball manifest.

154

Għalhekk, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu s-CPVO fir-rigward tal-evalwazzjonijiet botaniċi kumplessi, l-argumenti mressqa mir-rikorrent ma jirnexxilhomx juru l-eżistenza ta’ żball manifest fl-imsemmija konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet.

155

Għalhekk, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kwistjoni li tikkonċerna t-trattament kimiku, għandu jiġi rrilevat li, meta l-Bord tal-Appell, li skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, huwa kompost minn tekniċi u minn ġuristi, espona, fil-paragrafu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tip ta’ regolatur tat-tkabbir li jintuża waqt il-multiplikazzjoni normalment ma jkollux effett fit-tul peress li l-kontroll ulterjuri tat-tkabbir tal-pjanta jeħtieġ traxxix supplimentari b’regolaturi tat-tkabbir, huwa bbaża din l-evalwazzjoni mhux biss fuq l-informazzjoni kkomunikata mill-intervenjent, ikkwalifikata minnu bħala “konvinċenti”, li tgħid li jintużaw regolaturi tat-tkabbir biss fil-fażi inizjali u li l-effetti tagħhom jispiċċaw bejn erba’ u sitt ġimgħat wara, iżda anki fuq l-esperjenza prattika u fuq l-esperjenza teknika miksuba mill-membri tiegħu.

156

Sa fejn ir-rikorrent għandu l-intenzjoni li jpoġġi indiskussjoni din l-evalwazzjoni ta’ fatt, huwa għandu jipprovdi indikazzjonijiet konkreti u sostnuti li jistabbilixxu l-ineżattezza manifesta tagħha fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

157

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, fl-ebda stadju mill-erba’ proċeduri li ressaq quddiem is-CPVO u l-Bord tal-Appell tiegħu, lanqas matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas, milli jidher, matul il-proċeduri quddiem il-Landgericht Düsseldorf, l-Oberlandesgericht Düsseldorf u l-Bundesgerichtshof, ir-rikorrent ma ppreżenta l-inqas ħjiel jew ma pproduċa l-inqas prova konkreta li tista’ ssostni l-allegazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-effett persistenti tar-regolaturi tat-tkabbir.

158

Fir-rigward tal-argumenti l-oħra tar-rikorrent, li bihom dan jilmenta li l-Bord tal-Appell ma rrispondiex għall-kritiki tiegħu dwar in-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-eżami tekniku tal-LEMON SYMPHONY mwettaq fl-1997, espressi fid-dawl tal-evoluzzjoni li kien hemm fid-deskrizzjoni teknika ta’ din il-varjetà mill-2001, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi, peress li, min-naħa waħda, diġà ġie ammess li dan l-eżami tekniku kien, f’kull każ, twettaq fuq materjal veġetali xieraq, jiġifieri t-tirqid meħud mill-pjanti mibgħuta lill-Bundessortenamt mill-intervenjent, u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma identifika ebda varjetà ta’ pjanti oħra li minnha l-LEMON SYMPHONY, anki deskritta fis-sens li għandha komportament taz-zkuk “semi eretti għal orizzontali”, ma ddistingwitx ruħha b’mod ċar fl-1997. Din l-evalwazzjoni tingħaqad mal-argument żviluppat b’mod prinċipali mis-CPVO u mill-intervenjent, b’risposta għal dan il-motiv.

159

Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li, kif isostni r-rikorrent, l-eżami tekniku tal-1997 wassal għal konklużjoni żbaljata fir-rigward tal-livell ta’ espressjoni mogħti lill-karatteristika “Komportament taz-zkuk”, u li mill-1997 kellu jingħata lill-LEMON SYMPHONY, għal din il-karatteristika, livell ta’ espressjoni differenti minn dak attribwit fir-rapport dwar l-eżami tal-Bundessortenamt ta’ dik is-sena, dan ma kellu l-ebda impatt fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-karattru distint ta’ din il-varjetà, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament, peress li din ma ġietx stabbilita esklżivament, anzi lanqas ma ġiet stabbilita, b’referenza għall-karatteristika msemmija.

160

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva, min-naħa waħda, li d-deskrizzjoni aġġustata tal-LEMON SYMPHONY tal-2006 ma hijiex differenti mid-deskrizzjoni oriġinali tal-1997 ħlief f’dak li jirrigwarda l-karatteristika “Komportament taz-zkuk”, li għaliha l-livell ta’ espressjoni attribwit għadda minn “eretti” (ara l-punt 12 iktar ’il fuq) għal “semi eretti għal orizzontali” (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).

161

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-rikorrent għadu ma stabbilixxiex li din il-modifika kellha bħala konsegwenza li l-kriterji DUS ma kinux issodisfatti fl-1997. Isegwi li, anki jekk il-LEMON SYMPHONY kienet mill-bidu ġiet deskritta fis-sens li kellha livell ta’ espressjoni “semi eretti għal orizzontali” għall-karatteristika “Komportament taz-zkuk”, hija kisbet dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità.

162

Ċertament, ir-rikorrent sostna, matul il-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell, li, għalkemm l-eżami tas-SUMOST 01 kien twettaq bl-użu, għall-finijiet tal-eżami ta’ paragun, tad-deskrizzjoni inizjali tal-LEMON SYMPHONY, dawn iż-żewġ varjetajiet kienu kkunsidrati bħala kjarament distinti (ara d-deċiżjoni kkontestata A 007/2007, p. 2). Madankollu, din it-teżi ġiet espressament miċħuda mill-Bord tal-Appell, li fid-deċiżjoni kkontestata rrileva li “[i]l-proċedura ta’ eżami ma kinitx issegwi iter differenti li kieku l-Uffiċċju ma kienx immedjatament aġġusta u rreġistra d-deskrizzjoni tal-varjetà…” [The test procedure would not have taken a different course if the Office had not immediately adapted and registered the variety description…] Barra minn hekk, ir-rikorrent ma poġġiex speċifikament indiskussjoni din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

163

F’kull każ, l-argumenti ta’ natura teknika tar-rikorrent ma jistgħux jirnexxu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-istess natura espressi fid-deċiżjoni kkontestata, li huma suġġetti għal stħarriġ marġinali, kif ukoll fid-dawl tal-argumenti mogħtija bħala risposta mis-CPVO u mill-intervenjent.

164

B’mod partikolari, il-fatt li l-materjal veġetali mibgħut mill-intervenjent lill-Bundessortenamt ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn dan l-Uffiċċju, fil-posta elettronika tas-6 ta’ Novembru 1996, ma jidhirx li huwa determinanti. Fil-fatt, l-Uffiċċju msemmi indika li l-eżami tekniku kien f’riskju li jiġi affettwat, iżda mhux li ma setax isir. Kif josserva ġustament l-intervenjent, l-eżami u d-deċiżjoni, waqt l-eżami tekniku, dwar jekk il-materjal veġetali mibgħut effettivament ma jkunx xieraq jew jekk, bħal f’dan il-każ, it-teknika tat-tirqid tippermetti li jiġu megħluba d-difetti li dan kellu inizjalment, jifformaw parti mis-setgħa diskrezzjonali tal-uffiċċju nazzjonali kompetenti.

165

Fir-rigward tal-bqija, l-unika kwistjoni kkontestata li hija fil-prinċipju suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju sħiħ tal-Qorti Ġenerali hija, kif jirrileva ġustament ir-rikorrent, dik dwar jekk il-livelli ta’ espressjoni li jistgħu jiġu attribwiti lill-karatteristika “Komportament taz-zkuk” għandhomx jiġu ddeterminati skont kriterji relattivi jew assoluti. Fil-fatt, din il-kwistjoni teħtieġ għarfien lingwistiku pjuttost milli botaniku.

166

Madankollu, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ dan l-istħarriġ, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-karatteristika “Komportament taz-zkuk”, li l-livelli ta’ espressjoni tagħha jvarjaw, skont il-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami, minn “eretti” għal “neżlin”, li jinkludu bejniethom “semi eretti” u “orizzontali” kif ukoll alternattivi intermedjarji, ma hijiex, ħlief fil-każijiet estremi, karatteristika “assoluta” li tista’ tiġi ddeterminata b’mod rigorożament oġġettiv biss mill-kejl tal-anglu tal-inklinazzjoni taz-zkuk, iżda karatteristika li, minħabba l-espressjoni konkreta tagħha, tista’, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ta’ paragun relattiv bejn varjetajiet tal-istess speċi, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mid-dokument tal-Bundessortenamt tat-18 ta’ Mejju 2005 anness bir-referenza A 27 mar-rikors fil-kawża T-177/08.

167

Għalhekk, skont il-Bundessortenamt, l-attribuzzjoni lil-LEMON SYMPHONY fl-1997, għad-deskrizzjoni tal-karatteristika “Komportament taz-zkuk”, tal-livell ta’ espressjoni “eretti” tirriżulta mill-paragun ta’ din il-varjetà mal-varjetajiet ta’ riferenza li kienu jinsabu fi tkabbir għall-eżami u mill-konstatazzjoni li l-LEMON SYMPHONY kienet “l-iktar eretta” fost il-varjetajiet li kienu s-suġġett ta’ eżamijiet dik is-sena. Sussegwentement, il-multiplikazzjoni fin-numru ta’ varjetajiet tal-ispeċi Ostespermum ecklonis u l-bidla fil-prinċipji ta’ direzzjoni tal-eżami wasslu lill-Bundessortenamt sabiex jipproponi aġġustament ta’ din id-deskrizzjoni bl-indikazzjoni tal-livell ta’ espressjoni “semi eretti għal orizzontali”. Madankollu, il-LEMON SYMPHONY baqgħet kif kienet bejn l-1997 u l-2005. Din ma kinitx bidla materjali fid-deskrizzjoni li tolqot l-identità tal-varjetà, iżda kienet sempliċi bidla fit-termini magħżula inizjalment, li ma tibdilx l-identità tal-varjetà, iżda tippermetti biss li tiġi deskritta aħjar, b’mod partikolari billi tiġi ddelimitata meta mqabbla ma’ varjetajiet oħra tal-ispeċi.

168

Il-Qorti Ġenerali tqis li dawn l-ispjegazzjonijiet huma mfissra u konvinċenti biżżejjed sabiex jopponu b’mod solidu għat-tentattiv ta’ annullament żviluppat fl-argumentazzjoni tar-rikorrent.

169

Qabel kollox, ir-ritratti użati kemm quddiem il-qrati ċivili Ġermaniżi kif ukoll matul il-proċeduri quddiem is-CPVO (ara l-punt 28 iktar ’il fuq) jikkonfermaw, għall-inqas f’għajnejn osservatur mhux espert, li l-komportament taz-zkuk tal-LEMON SYMPHONY ma nbidilx ħafna bejn l-1997 u l-2005.

170

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 20 u 7 tar-Regolament

– L-argumenti tal-partijiet

171

Ir-rikorrent jilmenta li l-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors tiegħu għar-raġuni biss, imsemmija fil-paragrafu 7 tad-deċiżjoni kkontestata (p. 9), li huwa “ma ċċitax l-isem ta’ varjetà waħda biss li, fil-mument tal-applikazzjoni, ma kinitx tiddistingwi ruħha mil-LEMON SYMPHONY, liema ħaġa wara kollox tikkostitwixxi preċiżament waħda mir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament”. B’dan, il-Bord tal-Appell injora l-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7 u 20 tar-Regolament.

172

Peress li, fil-fehma tiegħu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-varjetà protetta fil-forma ddefinita mid-deskrizzjoni uffiċjali tagħha, id-drittijiet għandhom jiġu ddikjarati nulli u bla effett jekk u sa fejn is-CPVO jikkonstata li l-varjetà protetta ma ġietx deskritta permezz ta’ espressjonijiet ta’ karatteristiċi li jirriżultaw mill-ġenotip tal-varjetà, iżda permezz ta’ espressjonijiet imputabbli għal trattament kimiku jew mekkaniku. Għalhekk huwa stabbilit li l-varjetà deskritta inizjalment qatt ma eżistiet. Dan huwa preċiżament il-każ f’din il-kawża.

173

Is-CPVO u l-intervenjent jikkontestaw din l-argumentazzjoni.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

174

Dan il-motiv huwa bbażat fuq il-premessa li tgħid li l-varjetà LEMON SYMPHONY “ma ġietx deskritta permezz ta’ espressjonijiet ta’ karatteristiċi li jirriżultaw mill-ġenotip tal-varjetà, iżda permezz ta’ espressjonijiet imputabbli għal trattament kimiku jew mekkaniku”, fl-1997.

175

Peress li din il-premessa diġà ġiet miċħuda bħala infondata fil-liġi fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, b’hekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud ukoll.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament

– L-argumenti tal-partijiet

176

Ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq motivi li huwa ma setax jadotta pożizzjoni fuqhom, oralment jew bil-miktub, qabel l-adozzjoni tagħha. Huwa jżid jgħid li dawn l-iżbalji proċedurali kellhom natura determinanti fl-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

177

Hawnhekk jinsabu indiskussjoni l-motivi li jolqtu l-“prattika” allegatament “kurrenti” tal-użu ta’ tirqid għall-finijiet tal-eżami ta’ paragun, l-allegat nuqqas ta’ effett fit-tul tat-tip ta’ regolatur tat-tkabbir li ntuża waqt il-multiplikazzjoni tal-materjal tal-LEMON SYMPHONY għall-finijiet tal-eżami tekniku, il-konstatazzjoni li tgħid li r-rapport Ġappuniż li jidher fil-fajl kien juri li l-varjetajiet ta’ riferenza użati kienu tal-ispeċi Dimorphoteca u l-konstatazzjoni li tgħid li, fl-1997, il-Bundessortenamt ma kienx f’pożizzjoni li jsib varjetajiet ta’ riferenza li l-varjetà msemmija setgħet tiġi pparagunata magħhom.

178

Is-CPVO u l-intervenjent jikkontestaw din l-argumentazzjoni.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

179

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament, id-deċiżjonijiet tas-CPVO għandhom ikunu mmotivati u jistgħu jkunu bbażati biss fuq motivi u provi li fuqhom il-partijiet fil-proċeduri setgħu jadottaw pożizzjoni, oralment jew bil-miktub.

180

L-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-Artikolu 75 tar-Regolament huwa intiż sabiex jiżgura l-implementazzjoni tiegħu mis-CPVO, timplika, bħala regola ġenerali, li l-partijiet fi proċedura għandhom dritt li jkollhom l-opportunità jieħdu pożizzjoni dwar il-fatti u d-dokumenti li fuqhom ser tkun ibbażata deċiżjoni ġudizzjarja, kif ukoll li jiddiskutu l-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u l-motivi li fuqhom din tal-aħħar ikollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Sabiex ikunu ssodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (ara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 2009, M vs EMEA, C-197/09 RX-II, Ġabra p. I-12033, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

181

Fi kliem ieħor, dan id-dritt għandu jinftiehem fis-sens li jiżgura li l-partijiet ma jkunux ikkonfrontati minn deċiżjoni ġudizzjarja kompletament mhux mistennija. Madankollu, dan ma jfissirx li l-qorti għandha tagħti lill-partijiet id-dritt li jinstemgħu fir-rigward ta’ kull punt tal-evalwazzjoni ġuridika tagħha qabel ma tagħti d-deċiżjoni tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il-Kummissjoni, T-491/08 P, Ġabra p. II-2579, punt 85).

182

Fir-rigward tal-motiv li jirrigwarda l-“prattika komuni” tal-użu ta’ tirqid għall-finijiet tal-eżami ta’ paragun, diġà ġie espost, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, li dan jikkonċerna l-konstatazzjoni ta’ fatt magħruf. Peress li l-organi tas-CPVO ma humiex marbuta li jistabbilixxu, fid-deċiżjonijiet tagħhom, l-eżattezza ta’ tali fatti, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent ma jistgħux ikunu ġew miksura minħabba sempliċi konstatazzjoni bħal din, meta din il-kwistjoni lanqas biss ma ġiet dibattuta bil-miktub jew waqt seduta quddiem il-Bord tal-Appell.

183

F’kull każ, ir-rikorrent ma huwiex kredibbli meta jippretendi li ma jafx bl-eżistenza ta’ tali prattika, li r-realtà tagħha hija ammessa kemm mis-CPVO kif ukoll mill-intervenjent. B’hekk, kemm mir-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni dwar it-talba għal annullament, ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell fid-19 ta’ Ottubru 2007, kif ukoll fin-noti kumplimentari tiegħu tat-12 ta’ Jannar 2009, huwa stess kien semma’ l-possibbiltà li l-pjanti mibgħuta mill-intervenjent kienu tirqid u li dan it-tirqid sussegwentement intuża waqt l-eżami tekniku (ara l-punti 72 u 74 iktar ’il fuq).

184

Fir-rigward tal-bqija, dan il-motiv huwa ineffettiv, sa fejn huwa dirett kontra l-motivi l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata li jsemmi r-rikorrent. Fil-fatt, dawn il-motivi l-oħra huma superfluwi fl-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv. Konsegwentement, l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tad-dikjarazzjoni tagħhom, anki jekk tiġi stabbilita, ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

185

Għalhekk, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 63(1) u (2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

186

Ir-rikorrent isostni li, waqt is-seduta tat-23 ta’ Jannar 2009 quddiem il-Bord tal-Appell kif ukoll fil-proċess verbal ta’ din is-seduta (annessa bin-numru K 12 mat-talba), id-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 63 tar-Regolament ta’ implementazzjoni ġew “miksura b’mod intensiv”. Il-proċess verbal ma ġie moqri lill-ebda waħda mill-partijiet fil-proċeduri u konsegwentement, dan tal-aħħar ma ġie approvat minn ebda waħda minnhom. Barra minn hekk, il-proċess verbal fih diversi ineżattezzi. Id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari dawk ta’ Dr. Menne, li kienu favorevoli għalih, ma ġewx inklużi fil-proċess verbal, liema ħaġa għamlet kunsiderevolment iktar diffiċli r-rivendikazzjoni tad-drittijiet tiegħu. Fir-rigward tal-bqija, ir-rikorrent jirreferi għat-termini tan-nota tiegħu lill-Bord tal-Appell tat-30 ta’ Marzu 2009, li jinsabu riprodotti fil-punt 77 iktar ’il fuq.

187

Is-CPVO u l-intervenjent jikkontestaw din l-argumentazzjoni.

188

Peress li b’mod iktar partikolari l-intervenjent sostna li l-proċess verbal effettivament inqara, għaliex il-President tal-Bord tal-Appell kienet iddettatu fuq apparat li jirreġistra, waqt is-seduta, ir-rikorrent irribatta, permezz tad-dikjarazzjoni personali tal-avukat tiegħu, li din l-aħħar affermazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-proċess verbal tas-seduta u dwar il-qari tiegħu lill-partijiet hija falza. Huwa joffri li jipproduċi l-prova ta’ dan bis-smigħ bħala xhieda tal-President tal-Bord tal-Appell u tal-President tas-CPVO.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

189

Skont l-Artikolu 63(1) u (2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni:

“1.   Il-minuti tal-proċedimenti orali u tat-teħid tax-xiehda għandhom iniżżlu l-essenzjali fil-proċedimenti orali jew tat-teħid tax-xiehda, id-dikjarazzjonijiet rilevanti magħmula mill-partijiet fil-proċedimenti, is-sottomissjonijiet tal-partijiet fil-proċedimenti, tax-xhieda jew ta’ l-esperti u r-riżultat ta’ kull spezzjon.

2.   Il-minuti tat-testimonjanza ta’ xhud, espert jew ta’ parti fil-proċedimenti għandhom jinqraw jew jiġu ssottomessi lilhom sabiex ikunu jistgħu jeżaminawhom. Għandu jiġi nnotat fil-minuti illi din il-formalità tkun saret u li l-persuna li tkun tat it-testimonjanza tapprova l-minuti. Meta l-approvazzjoni tiegħu ma tingħatax, l-oġġezzjonijet tiegħu jiġu nnotati.”

190

B’hekk, il-funzjoni primarja tal-proċess verbal tas-seduta (u tax-xhieda li takkumpanjah, jekk ikun il-każ), kemm jekk ikun quddiem il-Qorti Ġenerali jew quddiem organu kważi ġudizzjarju, bħall-Bord tal-Appell tas-CPVO, hija li jkun fih l-elementi “essenzjali” (Artikolu 63(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni) tal-proċedura orali u tax-xhieda. B’hekk, dan bl-ebda mod ma huwa traskrizzjoni tas-seduta, u lanqas rendikont eżawrjenti tagħha, li jirripproduċi fid-dettall id-dibatti li jkun saru fiha.

191

Barra minn hekk, huwa komuni, quddiem il-Qrati tal-Unjoni, li d-dikjarazzjonijiet “rilevanti” tal-partijiet fil-proċedura, jiġifieri dawk li jistgħu jkollhom effett fuq il-konklużjoni tal-kwistjoni (bħar-rinunzja għal kap tat-talbiet, il-kalkolu tal-ammont ta’ pretensjoni, l-ammissjoni ta’ fatt rilevanti jew l-invokazzjoni ta’ argument jew ta’ fatt ġdid) jiġu annessi fil-proċess verbal tas-seduta mir-Reġistratur, jew ex officio, jew fuq talba tal-Qorti jew ta’ waħda mill-partijiet.

192

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-ftit kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali li għandhom jiġu eżaminati d-diversi lmenti tar-rikorrent.

193

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ qari tal-proċess verbal u, konsegwentement, tan-nuqqas ta’ approvazzjoni mill-partijiet, biżżejjed li jiġi kkonstatat li f’dan il-każ, ma kienx hemm “minuti tat-testimonjanza ta’ xhud, espert jew ta’ parti fil-proċedimenti”, fis-sens tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, b’tali mod li ma kienx hemm lok għalfejn isir qari tal-proċess verbal, u lanqas li jiġi approvat mill-“persuna li tkun tat it-testimonjanza”. Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq l-ommissjoni ta’ dawn il-formalitajiet għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti.

194

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-allegati “ħafna ineżattezzi li jinsabu fil-proċess verbal”, dan għandu jiġi miċħud immedjatament peress li r-rikorrent ma jidentifikomx. Madankollu, sa fejn dan l-ilment jikkoinċidi ma’ dawk ifformulati fl-ittra tal-Bord tal-Appell tat-30 ta’ Marzu 2009, u rripetuti fir-rikors T-242/09, issir riferenza għall-punt 196 iktar ’il quddiem.

195

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ riferenza fil-proċess verbal tad-dikjarazzjonijiet essenzjali tal-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari dawk ta’ Dr. Menne, li kienu favorevoli għar-rikorrent, dan għandu jiġi miċħud ukoll bħala nieqes mill-iktar preċiżjoni elementari. Madankollu, sa fejn ir-rikorrent jirreferi għad-dikjarazzjoni li tgħid li Dr. Menne qalet li hija ma tiftakarx iżjed jekk l-eżami tekniku tal-LEMON SYMPHONY fl-1997 kienx twettaq fuq il-pjanti mibgħuta mill-intervenjent lill-Bundessortenamt jew fuq tirqid meħud minnhom, dan għandu jiġi miċħud ukoll peress li d-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li kkonstatat b’mod impliċitu li l-eżami tekniku tal-1997 kien twettaq fuq tirqid, kienet ukoll, essenzjalment, ikkunsidrat iż-żewġ possibbiltajiet sabiex tikkonkludi, f’kull każ, li l-eżami tekniku kien regolari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fatt, id-dikjarazzjoni ta’ Dr. Menne ma tistax tiġi kkwalifikata bħala essenzjali.

196

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-ilmenti fformulati fl-ittra tar-rikorrent tat-30 ta’ Marzu 2009, hekk kif ġew ripetuti fir-rikors u riprodotti fil-punt 77 iktar ’il fuq, għandu jingħad is-segwenti:

l-ilment ibbażat fuq l-allegata “preżentazzjoni mhux preċiża tal-allegat ftehim konkluż bejn [is-CPVO] u l-Bundessortenamt”, b’mod partikolari dwar il-parteċipazzjoni ta’ Dr. Menne għas-seduta, bħala espert tekniku intern, aġent tas-CPVO, huwa irrilevanti, peress li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors (u diversament mir-rikorsi fil-Kawżi T-133/08, T-134/08 u T-177/08), ir-rikorrent ma jinvoka ebda motiv għal annullament ibbażat fuq il-fatt ta’ din il-parteċipazzjoni;

l-ilment ibbażat fuq l-ommissjoni mill-proċess verbal tal-“indikazzjonijiet ipprovduti minn Dr. Menne” waqt is-seduta huwa relatat, f’dak li jirrigwarda l-punt 3(a) tal-ittra tar-rikorrent tat-30 ta’ Marzu 2009, mal-ilment eżaminat fil-punt 195 iktar ’il fuq; barra minn hekk, dan għandu jiġi miċħud, f’dak li jirrigwarda l-punt 3(b) u (c) tal-ittra msemmija, fin-nuqqas ta’ kull artikolazzjoni komprensibbli mal-motivi u mal-argumenti ta’ dan ir-rikors;

l-ilment ibbażat fuq l-ommissjoni mill-proċess verbal tal-“offerti ta’ prova tar-rikorrent”, ifformulati waqt is-seduta, għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 136 sa 140 iktar ’il fuq;

l-ilment ibbażat fuq “impreċiżjonijiet u ommissjonijiet oħra” huwa relatat, f’dak li jirrigwarda l-punt 5(a) tal-ittra tar-rikorrent tat-30 ta’ Marzu 2009, mal-ilment espost fl-ewwel inċiż iktar ’il fuq; barra minn hekk għandu jiġi miċħud, f’dak li jirrigwarda l-punt 5(b) tal-ittra msemmija, fin-nuqqas ta’ kull artikolazzjoni komprensibbli mal-motivi u l-argumenti ta’ dan ir-rikors.

197

Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Konklużjonijiet fuq il-mertu tal-Kawża T-242/09

198

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors fil-Kawża T-242/09 għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma hemm il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrent (ara l-punt 94 iktar ’il fuq).

Kawżi T-133/08, T-134/08 u T-177/08

Fuq il-mertu tar-rikorsi

Espożizzjoni ġenerali tad-diversi motivi tar-rikorsi

199

Insostenn tar-rikors tiegħu fil-Kawża T-133/08, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi, rispettivament ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 71(1) u tal-Artikolu 68 tar-Regolament, fuq ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament u tal-Artikolu 230 KE u, finalment, fuq ksur tal-Artikolu 48 tar-Regolament.

200

Insostenn tar-rikors tiegħu fil-Kawża T-134/08, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 71(1) u tal-Artikoli 21, 67 u 68 tar-Regolament, fuq ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament u tal-Artikolu 230 KE u, finalment, fuq ksur tal-Artikolu 48 tar-Regolament.

201

Insostenn tar-rikors tiegħu fil-Kawża T-177/08, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi, rispettivament ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 81(2) u 48 tar-Regolament, fuq ksur tal-Artikolu 60 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, fuq ksur tal-Artikolu 62 tar-Regolament u, finalment, fuq ksur tal-Artikolu 48 tar-Regolament. Il-motiv il-ġdid li l-preżentazzjoni tiegħu intalbet b’att tal-25 ta’ Frar 2009 (ara l-punt 83 iktar ’il fuq) huwa relatat mat-tielet wieħed minn dawn il-motivi u ser jiġi, jekk ikun il-każ, eżaminat flimkien miegħu.

202

Għandha tingħata prijorità lill-eżami tal-motiv, komuni għat-tliet rikorsi, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni u tad-dritt għal smigħ.

Fuq il-motiv, komuni għat-tliet rikorsi, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni u tad-dritt għal smigħ

– L-argumenti tal-partijiet

203

Ir-rikorrent isostni li t-tliet deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati bi ksur tad-dritt għal smigħ tiegħu u tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, peress li l-proċedura orali saret, fl-4 ta’ Diċembru 2007, waqt seduta li huwa ma kienx ġie msejjaħ b’mod regolari għaliha u li huwa rrifjuta li jidher fiha għal motivi leġittimi.

204

Skont is-CPVO, ir-rikorrent ma jistax jilmenta mill-fatt li rċieva t-taħrika biss fis-6 ta’ Novembru 2007, peress li kien sar ftehim miegħu minn qabel fir-rigward tad-data tas-seduta prevista u peress li ma huwa ma ħassarx il-ftehim, b’mod iġġustifikat, fit-terminu li kien ingħatalu għal dan il-għan fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-proċedura orali.

205

L-ewwel nett, is-CPVO jenfasizza li l-Artikolu 59(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni ma jipprekludix li l-Bord tal-Appell u l-partijiet fil-kawża jiftiehmu dwar id-data tal-proċedura orali. Dan l-approċċ huwa indikat ukoll fid-dawl tan-numru kbir ta’ persuni involuti fil-proċedura u fid-dawl tat-terminu minimu qasir ta’ xahar stabbilit minn din id-dispożizzjoni.

206

It-tieni nett, is-CPVO isostni li, hekk kif jirriżulta mill-posta elettronika tas-segretarjat tal-Bord tal-Appell lill-President tiegħu tal-20 ta’ Settembru 2007, id-data tas-seduta kienet diġà ġiet miftiehma f’dak il-mument, b’tali mod li l-faks tal-Bord tal-Appell lill-partijiet tad-9 ta’ Ottubru 2007 ma tistax ħlief tiġi kkwalifikata bħala konferma bil-miktub ta’ dan il-ftehim. It-terminu li jiskadi fid-19 ta’ Ottubru 2007, mogħti lill-partijiet f’din il-faks, ma huwiex terminu għall-ftehim, iżda terminu sabiex jintbagħtu oġġezzjonijiet kontra ż-żamma tas-seduta, ibbażati biss fuq motivi ta’ impediment relattivi għad-data ffissata. Għalhekk, l-ittra tar-rikorrent tad-19 ta’ Ottubru 2007 ma fiha ebda argument li jippermetti li jiġu rikonoxxuti tali oġġezzjonijiet.

207

It-tielet nett, is-CPVO isostni li r-rimarki tal-President tal-Bord tal-Appell, fil-posta elettronika tagħha tas-17 ta’ Ottubru u tal-5 ta’ Novembru 2007, dwar il-ħlas tat-taxxi fil-Każ A 007/2007, ma jfissrux li d-data miftiehma kienet tpoġġiet indiskussjoni.

208

Ir-raba’ nett, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma ssegwix it-teżi tiegħu li tgħid li kien diġà ntlaħaq ftehim dwar data f’Ottubru 2007, is-CPVO jsostni li l-ftehim għandu jinftiehem fis-sens li l-partijiet fil-proċedura kienu ftiehmu fuq terminu għad-dehra iqsar skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

209

Il-ħames nett, f’kull każ, is-CPVO jsostni li s-sens u l-iskop tat-terminu għad-dehra, li huma li l-partijiet ikunu jistgħu jadottaw il-miżuri utli għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura orali u li jingħataw biżżejjed żmien sabiex jippreparaw, ġew osservati f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-fatt li t-terminu minimu ta’ xahar inqabeż b’jumejn biss huwa “ħaġa żgħira” li r-rikorrent ma jistax jinvokat fid-dawl tal-isfond. Tali “manuvra” għandha fil-fatt tiġi kkwalifikata bħala abbużiva, fid-dawl tal-fatti li ppreċedew is-sejħa. Finalment, is-CPVO jikkwalifika l-allegat difett proċedurali bħala “insinjifikanti” u jinvoka l-ġurisprudenza li tgħid li rikorrent ma għandu ebda interess leġittimu fl-annullament minħabba difett proċedurali ta’ deċiżjoni fil-każ fejn l-amministrazzjoni tkun tista’ biss tagħti deċiżjoni ġdida identika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il-Kummissjoni, 117/81, Ġabra p. 2191, punt 7). Dan huwa l-każ f’din il-kawża peress li, skont is-CPVO, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell kien korrett fir-rigward tal-mertu.

210

Finalment, fir-rigward tas-sejħa tal-avukat tar-rikorrent quddiem il-Landgericht Hamburg, fil-5 ta’ Diċembru 2007, is-CPVO rrileva li din saret wara l-ftehim li seħħ f’dan il-każ u jżid li l-persuna interessata setgħet tidher f’Angers fl-4 ta’ Diċembru u f’Hamburg fil-5 ta’ Diċembru.

211

Skont l-intervenjent, l-uniku skop tan-notifika tad-9 ta’ Ottubru 2007 kien dak li jintlaħaq ftehim fuq data mal-partijiet, wara li l-President tal-Bord tal-Appell kienet żgurat ruħha permezz tat-telefon mal-avukati tagħhom li din id-data kienet minnha nnifisha tista’ tiġi kkunsidrata. Inizjalment, ir-rikorrent ma esprima ebda oġġezzjoni għal din in-notifika u għalhekk kellu jikkunsidra bħala kkonfermat li s-seduta kienet ser issir fid-data miftiehma. Barra minn hekk, ir-riferenza għall-Artikolu 59(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, fin-notifika tad-9 ta’ Ottubru 2007, turi b’mod ċar li din kienet meqjusa li kellha effett imperattiv.

212

L-intervenjent iqis ukoll li l-Bord tal-Appell ma kellux jieħu inkunsiderazzjoni l-oġġezzjonijiet espressi mir-rikorrent fl-ittra tiegħu tad-19 ta’ Ottubru 2007, peress li dawn ma kinux jikkonċernaw motiv ta’ impediment marbut mad-data tas-seduta bħala tali, iżda biss il-kwistjoni jekk l-istat tal-proċedura kienx jiġġustifika li tinżamm proċedura orali fil-bidu ta’ Diċembru. Għalhekk, id-deċiżjoni dwar din il-kwistjoni tifforma parti mis-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell.

213

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq is-sejħa tal-avukat tiegħu quddiem il-Landgericht Hamburg, l-intervenjent iqisu bħala ineffettiv peress li d-data tas-seduta quddiem il-Bord tal-Appell kienet ġiet miftiehma bil-quddiem. Għalhekk, l-imsemmi avukat kellu jitlob differiment tas-seduta quddiem il-Qorti Ġermaniża, jekk kellu dubju li seta’ jkun ippreparat biżżejjed minħabba s-seduta quddiem il-Bord tal-Appell.

214

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-kwistjoni tal-locus standi tar-rikorrent fil-Kawża T-133/08, l-intervenjent iqis li dan is-suġġett kien ġie kjarament indirizzat fil-posta elettronika tal-President tal-Bord tal-Appell.

215

Finalment, fil-kontroreplika tiegħu, l-intervenjent jenfasizza li, għalkemm, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, huwa possibbli li jsir ftehim fuq terminu għad-dehra iqsar, għandu a fortiori jiġi applikat l-istess prinċipju f’dak li jirrigwarda data għal seduta li ġiet iffissata ħafna qabel it-terminu ta’ xahar. L-iffissar ta’ tali data huwa barra minn hekk konformi mal-prinċipji li jsostnu l-ħtieġa ta’ sejħa, jiġifieri li tiġi żgurata r-regolarità u l-ekwità tal-proċedura.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

216

Skont l-Artikolu 59 tar-Regolament ta’ implementazzjoni:

“1.   Il-partijiet fil-proċedimenti għandhom jiġu mħarrka għall-proċedimenti orali kif ipprovvdut fl-Artikolu 77 tar-[Regolament] u għandha tiġi miġbuda l-attenzjoni tagħhom għall-paragrafu 2 tiegħu. Għandu jingħata mill-anqas xahar żmien min-notifika tat-taħrika mibgħuta lill-partijiet fil-proċedimenti għajr jekk il-partijiet fil-proċedimenti u [s-CPVO] jiftiehmu dwar perjodu inqas taż-żmien.

2.   Jekk parti fil-proċedimenti li tkun ġiet imħarrka [regolarment] għall-proċedimernti orali quddiem [is-CPVO] ma tidhirx kif imħarrka, il-proċedimenti jistgħu jissoktaw mingħajrha.”

217

F’dan il-każ, ma huwa kkontestat la mis-CPVO u lanqas mill-intervenjent, u wara kollox ġie espressament rikonoxxut mill-Bord tal-Appell, fit-tliet deċiżjonijiet ikkontestati, li t-terminu minimu għad-dehra ta’ xahar stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni ma ġiex osservat, peress li s-sejħa għas-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2007 ġiet innotifikata lir-rikorrent biss fis-6 ta’ Novembru 2007.

218

Fil-fatt, fid-dawl tat-titolu u tat-termini tagħha, il-faks tal-Bord tal-Appell tad-9 ta’ Ottubru 2007 ma jista’ f’ebda każ jitqies li ssodisfa l-funzjoni ta’ sejħa tar-rikorrent fil-forma t-tajba u dovuta u fit-terminu stabbilit, iktar u iktar meta din ma ġietx imfassla fil-lingwa tal-proċedura u meta ma ġietx innotifikata lid-destinatarju tagħha b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 64 u s-segwenti tar-Regolament ta’ implementazzjoni, jiġifieri b’ittra rreġistrata b’irċevuta. Qabel kollox, din il-faks tindika li l-Bord tal-Appell “għandu l-intenzjoni li” (intends to) jsejjaħ lill-partijiet għall-proċedura orali f’data partikolari.

219

L-unika kwistjoni hija b’hekk dik jekk dan in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu minimu ta’ xahar jikkostitwixxix difett proċedurali sostanzjali, ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tat-tliet deċiżjonijiet ikkontestati.

220

F’dan ir-rigward, għandhom qabel kollox jiġu eżaminati ż-żewġ motivi mressqa mill-Bord tal-Appell, f’kull waħda mit-tliet deċiżjonijiet ikkontestati, sabiex jiġġustifika l-iffissar tad-data tas-seduta għall-4 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri f’terminu inferjuri għat-terminu minimu għad-dehra ta’ xahar stabbilit fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, minkejja l-oġġezzjonijiet imressqa mill-avukat tar-rikorrent fil-posta elettronika tiegħu tal-20 ta’ Settembru, 19 ta’ Ottubru, 5, 14 u 29 ta’ Novembru 2007.

221

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent aċċetta bil-miktub, fid-9 ta’ Ottubru 2007, id-data tas-seduta proposta mill-Bord tal-Appell, huwa minnu li, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, huwa mixtieq li l-partijiet jiftiehmu mas-CPVO fuq terminu għad-dehra iqsar minn dak ta’ xahar normalment stabbilit minn din l-istess dispożizzjoni.

222

Barra minn hekk, hemm bżonn li l-ftehim tal-partijiet fuq terminu iqsar ikun ċert, għaliex fin-nuqqas ta’ dan ikun hemm riskju li jinkiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. B’hekk, tali ftehim ma jistax jiġi sempliċement preżunt u lanqas dedott b’mod impliċitu mill-fatt li jseħħu ċerti ċirkustanzi konfużi jew ambigwi.

223

B’hekk, f’dan il-każ, il-ftehim tar-rikorrent fuq id-data tal-4 ta’ Diċembru 2007 ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi fatt li l-avukat tiegħu bagħat lura l-faks tad-9 ta’ Ottubru 2007 iffirmata, kif mitlub, bħala “konferma tal-irċevuta”. Fil-fatt, mid-definizzjoni tagħha stess, konferma tal-irċevuta tillimita ruħha sabiex tipprova li dokument ġie rċevut. Bħala tali, din ma tesprimi ebda manifestazzjoni ta’ volonta li tista’ tikkontribwixxi għall-formazzjoni ta’ ftehim bejn il-partijiet.

224

Kuntrarjament għal dak li jsostni s-CPVO fil-kitbiet tiegħu, il-ftehim tal-partijiet fuq id-data tal-4 ta’ Diċembru 2007 lanqas ma jista’ jiġi dedott mill-posta elettronika mibgħuta mis-segretarjat tal-Bord tal-Appell lill-President tiegħu fl-20 ta’ Settembru 2007 (ara l-punt 47 iktar ’il fuq; dokument anness Nru 11 man-noti tad-difiża). Minbarra l-fatt li tali posta elettronika, interna għas-CPVO, ma hijiex opponibbli kontra r-rikorrent f’każ ta’ kontestazzjoni min-naħa tiegħu, it-termini tagħha jsemmu biss kuntatti preliminari mal-partijiet interessati fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ data tas-seduta “li tista’ tkun konvenjenti għall-partijiet ikkonċernati kollha”, li kienet tidher “possibbli” biss matul l-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru 2007. Għalhekk, dawn it-termini ma jurux ftehim li diġà seħħ bejn il-partijiet, fir-rigward tad-data tas-seduta li kellha tiġi stabbilita, fl-20 ta’ Settembru 2007. Barra minn hekk, b’ittra tal-istess jum lill-Bord tal-Appell (ara l-punt 48 iktar ’il fuq; Anness Nru 7 fir-rikors T-133/08), mibgħut preċiżament b’reazzjoni għal dawn il-kuntatti telefoniċi ta’ esplorazzjoni, l-avukat tar-rikorrent kien ressaq xi oġġezzjonijiet ta’ prinċipju għaż-żamma ta’ seduta fil-Każijiet A 005/2007 u A 006/2007, sakemm is-CPVO jkun adotta deċiżjoni wkoll fil-Każ A 010/2007. Dawn l-oġġezzjonijiet ġew ripetuti b’ittra tad-19 ta’ Ottubru 2007.

225

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent ma għamilx użu mill-possibbiltà li kienet ġiet irriżervata lilu li jinvoka bil-miktub impediment milli jassisti għas-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2007, ibbażat fuq oġġezzjonijiet motivati, f’terminu ta’ għaxart-ijiem li jiskadi fid-19 ta’ Ottubru 2007, għandu jiġi mfakkar li l-faks tad-9 ta’ Ottubru 2007 kienet tindika: “Sakemm is-segretarjat tal-Bord tal-Appell tas-CPVO ma jirċevix oġġezzjonijiet immotivati mingħandkom, fi żmien għaxart-ijiem mid-data ta’ din il-faks, ikun preżunt li d-data proposta hija aċċettabbli u konsegwentement jintbagħtu n-notifiki.”

226

Madankollu, għar-raġunijiet, diġà esposti iktar ’il fuq, marbuta mat-trażmissjoni tal-ittra tal-oġġezzjonijiet tal-20 ta’ Settembru 2007 (għal liema ittra intbagħtet risposta biss fis-17 ta’ Ottubru 2007), ma kienx possibbli li n-nuqqas ta’ reazzjoni tar-rikorrent għall-faks tad-9 ta’ Ottubru 2007 tinbidel fi preżunzjoni ta’ aċċettazzjoni impliċita jew taċita tad-data msemmija fil-faks imsemmija.

227

Qabel kollox, il-President tal-Bord tal-Appell kienet taf tajjeb bl-oppożizzjoni ta’ prinċipju u mmotivata tar-rikorrent għaż-żamma tas-seduta fl-4 ta’ Diċembru 2007, hekk kif turi l-ittra tagħha lill-avukat tar-rikorrent tas-17 ta’ Ottubru 2007, li, b’risposta għall-posta elettronika tiegħu tal-20 ta’ Settembru 2007, kienet tinformah li “t-talba tar-rikorrent tal-20 ta’ Settembru 2007 intiża għall-ksib tad-differiment tas-seduta għat-tliet proċedimenti ma [kinitx ġiet] milqugħa mill-Bord”.

228

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li kien ukoll fid-19 ta’ Ottubru 2007 li r-rikorrent ippreżenta r-rikors quddiem il-Bord tal-Appell kontra d-deċiżjoni dwar it-talba għal annullament. Dan il-fatt, li jikkostitwixxi fatt ġdid u importanti għall-finijiet tal-iżvolġiment tajjeb tad-diversi proċeduri quddiem l-imsemmi Bord tal-Appell, kif ukoll it-termini tal-posta elettronika tal-avukat tar-rikorrent tal-istess jum lill-President tal-Bord tal-Appell, li tesponi r-raġunijiet għalfejn huwa kien iqis li l-kwistjoni tan-nullità kellha tiġi deċiża b’mod prijoritarju, b’tali mod li ma kienx jgħamel sens li tinżamm seduta fil-kawżi l-oħra qabel tmiem is-sena, huwa wkoll tali li jaqleb il-preżunzjoni ta’ aċċettazzjoni tad-data tal-4 ta’ Diċembru 2007.

229

F’tali kuntest ta’ oppożizzjoni espliċita u ta’ prinċipju għaż-żamma ta’ seduta għall-ewwel tliet każijiet biss, il-Bord tal-Appell ma kienx fondat li “jippreżumi” li r-rikorrent ftiehem dwar iż-żamma ta’ seduta lejn l-aħħar tal-2007, u wisq inqas dwar terminu iqsar minn dak, minimu, ta’ xahar stabbilit fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, għar-raġuni li dan ma rreaġixxiex fi żmien għaxart ijiem kurrenti mid-data meta ntbagħtet il-faks tad-9 ta’ Ottubru 2007.

230

B’hekk, mill-eżami taż-żewġ motivi mressqa mill-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li dawn ma jippermettux li jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fil-liġi li r-rikorrent ftiehem fuq terminu għad-dehra iqsar minn dak minimu ta’ xahar stabbilit fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

231

Peress li dan it-terminu minimu għad-dehra ma ġiex osservat, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma ġiex imħarrek b’mod regolari għall-proċedura orali quddiem il-Bord tal-Appell.

232

Għalhekk, l-assenza tar-rikorrent għal din is-seduta ma kinitx tawtorizza lill-Bord tal-Appell sabiex ikompli l-proċedura fin-nuqqas tiegħu. Fil-fatt, mill-Artikolu 59(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li l-proċedura ma tistax titkompla in absentia ħlief jekk parti “regolarment” imħarrka ma tidhirx.

233

Għalhekk, il-motiv ibbażat, fit-tliet kawżi, fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni u tad-dritt għal smigħ huwa fondat, u tali li jwassal għall-annullament tat-tliet deċiżjonijiet ikkontestati.

234

L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mis-CPVO u mill-intervenjent ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

235

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li s-sens u l-iskop tat-terminu għad-dehra ġew osservati f’dan il-każ, dan jikser dak li hemm stabbilit fl-Artikolu 59 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li jimponi terminu għad-dehra ta’ xahar bħala “minimu”. Kif jirrileva ġustament ir-rikorrent, in-notifika formali ta’ sejħa hija intiża sabiex tiżgura r-regolarità u l-ekwità tal-proċedura, u l-osservanza ta’ terminu ta’ żmien minimu għandha tagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jippreparaw ruħhom b’mod xieraq għall-proċedura orali. Peress li l-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa t-terminu ta’ żmien neċessarju għal dan il-għan għal minimu ta’ xahar, il-Bord tal-Appell ma għandux ipoġġi indiskussjoni din l-evalwazzjoni każ b’każ.

236

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li t-terminu minimu għad-dehra “inqabeż” b’jumejn biss, jiġifieri “ħaġa żgħira” li wasslet għal difett proċedurali kkwalifikat bħala “insinjifikanti” mis-CPVO, u li l-invokazzjoni tiegħu mir-rikorrent tikkostitwixxi “manuvra abbużiva”, jidher li dan huwa bbażat fuq evalwazzjoni tal-konsegwenzi konkreti tal-ksur ikkonstatat f’dan il-każ mill-imsemmi terminu.

237

Għalhekk, il-ksur ta’ dan it-terminu minimu għad-dehra jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali ta’ natura li jwassal għall-annullament tat-tliet deċiżjonijiet ikkontestati, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit, barra minn hekk, jekk il-ksur imsemmi kkawżax dannu lir-rikorrent. Tali difett proċedurali sostanzjali huwa relatat, fil-fatt, mal-ksur ta’ forma sostanzjali, li l-ksur tagħha jwassal għan-nullità tal-att indipendentement mill-konsegwenzi konkreti tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Solvay, C-287/95 P u C-288/95 P, Ġabra p. I-2391, punti 45 u 46 ; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Mejju 2007, Il-Parlament vs Eistrup, T-223/06 P, Ġabra p. II-1581, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata). Sussegwentement, il-ġurisprudenza invokata mis-CPVO ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.

238

F’kull każ, ir-rifjut tar-rikorrent milli jidher għas-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2007 ma jistax jiġi kkwalifikat bħala manuvra abbużiva. B’mod kuntrarju, ir-rikorrent kellu motiv leġittimu u fondat li jitlob li jkun hemm sospensjoni tal-proċeduri fit-tliet każijiet inkwistjoni quddiem il-Bord tal-Appell sakemm tiġi adottata deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-proċedura għal annullament (Każ A 010/2007).

239

Fir-rigward tar-rifjut ta’ din it-talba għal sospensjoni tal-proċeduri fit-tliet każijiet inkwistjoni, il-Bord tal-Appell immotivah b’dan il-mod fid-deċiżjoni dwar it-talba għal revoka (id-deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni u d-deċiżjoni ta’ ċaħda jirreferu għall-istess motivazzjoni):

“Proċedura ta’ appell addizzjonali tinsab pendenti, li fil-kuntest tagħha r-rikorrent jitlob li tiġi ddikjarata n-nullità tal-varjetà LEMON SYMPHONY, b’mod konformi mal-Artikolu 20 tar-[Regolament]. Peress li jqis li din l-aħħar proċedura hija preliminari fir-rigward tal-proċeduri preżenti, ir-rikorrent jitlob, b’mod konformi mal-Artikolu 106 tar-[Regolament], li dawn jiġu sospiżi sakemm il-proċedura ta’ annullament tiġi legalment deċiża.

Din it-talba ma hijiex fondata. L-Artikolu 106 tar-[Regolament] huwa kjarament inapplikabbli. Dan jikkonċerna kawżi quddiem qrati ordinarji. Madankollu, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni prinċipju ġenerali li abbażi tiegħu tkun possibbli sospensjoni tal-proċedura u din tkun taħt id-diskrezzjoni tal-Bord tal-Appell, sospensjoni tal-proċedura ma tistax tiġi applikata f’dan il-każ. Sospensjoni tal-proċedura tippresupponi li jeżisti effett preliminari marbut mal-proċedura l-oħra. Dan ikun il-każ f’din il-kawża biss kieku r-rikors li jikkonċerna n-nullità kien favorevoli għar-rikorrent. Għalhekk, sabiex il-proċedura tiġi sospiża f’dan il-każ, hemm bżonn mill-inqas ta’ perspettiva raġjonevoli ta’ suċċess. Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Il-proċedura għal nullità ma għandhiex tiġi ppremjata, peress li, għar-raġunijiet esposti f’din id-deċiżjoni, ma jeżistix id-dritt li jintalab [lis-CPVO] li jagħti deċiżjoni li abbażi tagħha t-titolu ta’ drittijiet tal-varjetà ta’ pjanti kkontestata LEMON SYMPHONY għandu jiġi ddikjarat null u ineffettiv.”

240

Għalhekk, kif diġà ġie indikat fil-punt 98 iktar ’il fuq, it-tliet kawżi inkwistjoni f’dan il-każ huma relatati mal-Kawża T-242/09 (proċedura għal annullament tal-LEMON SYMPHONY) b’relazzjoni ta’ dipendenza, peress li r-riżultat ta’ din huwa effettivament determinanti għar-riżultat tal-kawżi l-oħra.

241

Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma kkontestax l-eżistenza ta’ din ir-relazzjoni ta’ dipendenza, fit-tliet deċiżjonijiet ikkontestati. Dan anzi mmotiva r-rifjut tat-talba għal sospensjoni tal-proċedura bil-kunsiderazzjoni li l-proċedura għal annullament ma kellha ebda “perspettiva raġjonevoli ta’ suċċess”, b’tali mod li din ma setgħet fl-ebda każ tolqot b’mod favorevoli l-pożizzjoni tar-rikorrent fit-tliet każijiet l-oħra.

242

Madankollu, meta għamel hekk, il-Bord tal-Appell ippreġudika b’mod gravi d-deċiżjoni li kellu jadotta fil-kuntest tal-proċedura msemmija, meta din kienet għadha fil-bidu tagħha.

243

Barra minn hekk, irriżulta li dan il-preġudizzju kien żbaljat, fil-fatt u fid-dritt. Fil-fatt, il-motiv invokat sabiex tiġi ġġustifikata din l-evalwazzjoni, jiġifieri, essenzjalment, li r-rikorrent ma kellux id-dritt li jitlob lis-CPVO għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament, lanqas biss ma ġie kkunsidrat mill-Bord tal-Appell, diversament kompost, fid-Deċiżjoni A 10/2007, sabiex jiġġustifika ċ-ċaħda tal-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni dwar it-talba għal annullament. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell jidher li ċaħad il-motiv inkwistjoni bħala infondat, fil-paragrafu 1 tad-Deċiżjoni A 010/2007, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Jannar 2008, Federación de Cooperativas Agrarias de la Comunidad Valenciana vs CPVO – Nador Cott Protection (Nadorcott) (T-95/06, Ġabra p. II-31), li l-punt 81 tagħha jistabbilixxi li, “skond l-Artikoli 20 u 21 tar-regolament […], wara li jkunu ngħataw id-drittijiet u independentament minn azzjoni meħuda quddiem il-Bord ta’ l-Appell, kull persuna tista’ tistieden lis-CPVO sabiex jiddikjara tali għoti ta’ drittijiet null u invalidu jew li jippriva l-propjetarju mid-drittijiet tiegħu, billi ssostni li l-imsemmija drittijiet ingħataw lill-varjetà li ma tissodisfax il-kriterji materjali tal-Artikoli 7 u 10 tal-imsemmi regolament”.

244

Għalhekk, ir-rikorrent kellu motiv leġittimu u fondat sabiex jopponi ruħu għaż-żamma ta’ seduta fl-4 ta’ Diċembru 2007. Min-naħa l-oħra, u huma x’inhuma l-motivazzjonijiet profondi għad-deċiżjoni tagħha, il-President tal-Bord tal-Appell għamlet użu mhux xieraq, saħansitra abbużiv, tas-setgħa tagħha meta ppretendiet li żżomm seduta f’dik id-data, minkejja l-oġġezzjonijiet raġjonevoli u fondati tar-rikorrent.

245

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-motiv, komuni għall-Kawżi T-133/08, T-134/08 u T-177/08, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 59 tar-Regolament ta’ implementazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża huwa fondat.

246

Konsegwentement, għandhom jiġu annullati t-tliet deċiżjonijiet ikkontestati fil-kuntest tal-Kawżi T-133/08, T-134/08 u T-177/08, mingħajr ma hemm il-bżonn għalhekk li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi u l-argumenti l-oħra tar-rikors.

Fuq is-segwitu li għandu jingħata lit-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors fil-Kawża T-133/08

247

Is-CPVO jsostni li r-rikors fil-Kawża T-133/08 huwa inammissibbli sa fejn jitlob, permezz tat-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet tiegħu, l-annullament tad-deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni. Anki jekk jitqies li r-rikorrent kien ġustifikat li jressaq appell quddiem il-Bord tal-Appell kontra din id-deċiżjoni, quod non, ma huwiex prevedibbli, skont is-CPVO, li l-Qorti Ġenerali tannullaha, peress li l-Bord tal-Appell ma adottax deċiżjoni f’dan ir-rigward. Skont is-CPVO, hemm bżonn li l-Bord tal-Appell jkun fil-fatt adotta deċiżjoni, ipotetikament illegali, sabiex id-deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni tkun tista’ tiġi ddikjarata nulla.

248

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bit-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali sabiex tadotta d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell tas-CPVO kellu jadotta, jiġifieri deċiżjoni li tiddikjara nulla d-deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni. Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li, b’din il-parti tal-ewwel kap tat-talbiet, ir-rikorrent jitlob ir-riforma tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, abbażi tal-kompetenza mogħtija lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 73(3) tar-Regolament, li jgħid li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti kemm sabiex tannulla kif ukoll sabiex tirriforma d-deċiżjoni A 007/2007.

249

Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ din it-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet għalhekk tinsab fl-istess termini bħal dik tal-ammissibbiltà tal-kapijiet tat-talbiet simili intiżi għar-riforma tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), fil-proċedimenti dwar it-trade mark Komunitarja, abbażi tal-kompetenza mogħtija lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li l-kliem tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 73(3) tar-Regolament.

250

Għalhekk, fir-rigward ta’ dawn il-proċedimenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C-263/09 P, Ġabra p. I-5853, punt 72), li s-setgħa ta’ bdil mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex bħala effett li tagħti lill-din il-qorti s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal-Appell u lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell għadu ma ddeċidiex. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bdil għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta.

251

F’dan il-każ, kif ġustament irrileva s-CPVO, il-Bord tal-Appell ma ddeċidiex dwar il-kwistjonijiet fil-mertu dwar il-legalità tad-deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni.

252

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok għalfejn tintlaqa’ l-parti tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors fil-Kawża T-133/08 intiża għall-annullament tad-deċiżjoni dwar l-aġġustament tad-deskrizzjoni [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Edwin vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74, li tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2009, Fiorucci vs UASI – Edwin (ELIO FIORUCCI), T-165/06, Ġabra p. II-1375, punt 67].

Fuq l-ispejjeż

L-argumenti tal-partijiet

253

F’kull waħda mill-erba’ kawżi magħquda, is-CPVO jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddikjara li s-CPVO għandu jbati biss l-ispejjeż tiegħu fil-każ u sa fejn tiġi milqugħa xi waħda mit-talbiet tar-rikors.

254

Ir-rikorrent isostni li din it-talba ma hijiex immotivata u li ma hemm ebda raġuni manifesta għalfejn jiġi miċħud lilu r-rimbors tal-ispejjeż tiegħu jekk jirbaħ il-kawża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

255

Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

256

Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

257

Skont l-Artikolu 136 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli meta jsir rikors kontra s-CPVO abbażi tal-Artikolu 130 tagħhom, meta jintlaqa’ rikors dirett kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li s-CPVO għandu jbati biss l-ispejjeż tiegħu stess.

258

Fid-dawl taċ-ċirkustanza doppja li, min-naħa waħda, ir-rikorrent tilef it-talbiet tiegħu fil-kuntest tal-Kawża T-242/09, li r-riżultat tagħha kien determinanti għar-riżultat tat-tliet kawżi l-oħra, u li, min-naħa l-oħra, is-CPVO u l-intervenjent tilfu l-parti essenzjali tat-talbiet tagħhom fil-kuntest tat-tliet kawżi l-oħra, issir applikazzjoni ġusta tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jekk jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Komunità ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti (CPVO) tat-23 ta’ Jannar 2009 (Każ A 010/2007), dwar talba għal annullament tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità mogħti lill-varjetà LEMON SYMPHONY, huwa miċħud.

 

2)

Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tal-4 ta’ Diċembru 2007 (Każ A 007/2007), dwar kontestazzjoni tad-deċiżjoni ta’ aġġustament ex officio tad-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà LEMON SYMPHONY fir-Reġistru tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, hija annullata.

 

3)

Ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni huwa miċħud għall-bqija.

 

4)

Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tal-4 ta’ Diċembru 2007 (Każ A 006/2007), dwar talba għar-revoka tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità mogħti lill-varjetà LEMON SYMPHONY, hija annullata.

 

5)

Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tal-4 ta’ Diċembru 2007 (Każ A 005/2007), dwar applikazzjoni għal dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità għall-varjetà SUMOST 01, hija annullata.

 

6)

Kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2012.

Firem

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Proċeduri amministrattivi quddiem is-CPVO

 

Il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO fil-Każijiet A 005/2007, A 006/2007 u A 007/2007

 

Il-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tas-CPVO fil-Każ A 010/2007

 

Il-proċedura

 

It-talbiet tal-partijiet

 

Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar ir-relazzjonijiet eżistenti bejn l-erba’ kawżi magħquda u dwar l-ordni li fih dawn għandhom jiġu eżaminati

 

Kawża T-242/09

 

Fuq l-ammissibbiltà

 

Fuq il-mertu

 

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 76 u 81 tar-Regolament

 

– L-argumenti tal-partijiet

 

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 20 u 7 tar-Regolament

 

– L-argumenti tal-partijiet

 

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament

 

– L-argumenti tal-partijiet

 

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 63(1) u (2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni

 

– L-argumenti tal-partijiet

 

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

Konklużjonijiet fuq il-mertu tal-Kawża T-242/09

 

Kawżi T-133/08, T-134/08 u T-177/08

 

Fuq il-mertu tar-rikorsi

 

Espożizzjoni ġenerali tad-diversi motivi tar-rikorsi

 

Fuq il-motiv, komuni għat-tliet rikorsi, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 59(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni u tad-dritt għal smigħ

 

– L-argumenti tal-partijiet

 

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

Fuq is-segwitu li għandu jingħata lit-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors fil-Kawża T-133/08

 

Fuq l-ispejjeż

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.