Sommarju
1. Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19, u Anness I, Artikolu 7(1) u (3); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(d) u (e))
2. Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Ħatra ta’ uffiċjal ieħor qabel id-dħul fil-kariga tar-rikorrent – Esklużjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))
1. Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt imressqa. Dawn għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex abbażi tagħhom il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ebda informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt, li fuqhom dan ir-rikors ikun ibbażat, joħorġu b’mod koerenti u li jista’ jinftiehem mit-test tar-rikors stess.
Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinkludi biss, bħala prinċipju, skambju wieħed ta’ noti, sakemm ma l-istess Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jiddeċidix mod ieħor. Barra minn hekk, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-imsemmi Statut, applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess Statut, uffiċjal għandu jkun rappreżentat minn avukat. Ir-rwol essenzjali ta’ dan tal-aħħar, bħala aġent tal-ġustizzja, huwa preċiżament li jibbaża t-talbiet tar-rikors fuq argumenti legali li jkunu komprensibbli u koerenti biżżejjed, fid-dawl preċiżament tal-fatt li l-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tinkludi biss, bħala prinċipju, skambju wieħed ta’ noti.
Rikors li fih il-fatti jkunu esposti b’mod imħawwad u mingħajr ordni, mingħajr ma l-qarrej ikun jista’ jorbothom b’mod li jagħmel sens ma’ talba tar-rikors jew ma’ wieħed mill-motivi mqajma insostenn tiegħu ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa.
Bl-istess mod, rikors ta’ uffiċjal li ma jidentifikax b’mod preċiż l-atti kkontestati u li għalhekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 35(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa manifestament inammissibbli.
(ara l-punti 24 sa 27 u 46)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Marzu 1993, Benzler vs Il‑Kummissjoni, T‑72/92, Ġabra p. II‑347, punti 16, 18 u 19; 28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20; 21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor Franza et vs Il‑Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 42; 15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑277/97, Ġabra p. II‑1825, punt 29
2. Huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tiegħu, u li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni li jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
Dan ma jkunx il-każ fil-każ tal-ħatra, fi ħdan l-istess istituzzjoni, ta’ uffiċjal ieħor meta din tkun seħħet qabel id-dħul fil-kariga tar-rikorrent.
(ara l-punti 34 u 35)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Ottubru 2005, Fardoom u Reinard vs Il‑Kummissjoni, T‑43/04, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑1465, punt 26; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 21 ta’ April 2008, Boudova et vs Il‑Kummissjoni, F‑78/07, Ġabra p. I‑0000, punt 31