SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)
30 ta’ Novembru 2009
Kawża F-86/08
Dietrich Voslamber
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Skema konġunta tal-assigurazzjoni għall-mard – Konjuġi ta’ ex uffiċjal – Kompetenza limitata – Artikolu 13 tar-Regolament dwar il-kopertura tar-riskji marbuta mal-mard”
Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l‑Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu D. Voslamber jitlob, b’mod partikolari, l‑annullament tad‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni, tad‑9 ta’ Lulju 2008, li tiċħad l‑ilment tiegħu kontra d‑deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2008 li tirrifjuta li tagħti lill‑konjuġi tiegħu l‑benefiċċju tal‑koperatura primarja taħt l‑Iskema konġunta tal‑assigurazzjoni għall‑mard tal‑istituzzjonijiet tal‑Komunitajiet Ewropej.
Deċiżjoni: Ir‑rikors huwa miċħud. It‑talbiet tal‑Kummissjoni mressqa taħt l‑Artikolu 94(a) tar‑Regoli tal‑Proċedura huma miċħuda. Il‑Kummissjoni għandha tbati, minbarra l‑ispejjeż tagħha, żewġ terzi mill‑ispejjeż tar‑rikorrent. Ir‑rikorrent għandu jbati terz mill‑ispejjeż tiegħu.
Sommarju
1. Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Sunt tal-motivi invokati – Motivi ta’ dritt li ma ġewx esposti fir-rikors – Riferiment għall-annessi kollha – Inammissibbiltà
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))
2. Uffiċjali – Direttiva interna ta’ istituzzjoni – Effetti legali – Limiti
(Regolament dwar il-kopertura tar-riskji marbuta mal-mard, Artikolu 13)
3. Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Kopertura primarja tal-konjugi ta’ uffiċjali mill-Iskema konġunta għall-assigurazzjoni għall-mard – Kundizzjonijiet
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72; Regolament dwar il-kopertura tar-riskji marbuta mal-mard, Artikolu 13)
1. Skont l‑Artikolu 21 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u skont l‑Artikolu 35(1)(e) tar‑Regoli tal‑Proċedura tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, ir‑rikors għandu jkun fih il‑motivi u l‑argumenti fattwali u legali invokati. Dawn il‑motivi u argumenti għandhom jiġu ppreżentati b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex il‑konvenut ikun jista’ jipprepara d‑difiża tiegħu u sabiex it‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku jkun jista’ jiddeċiedi dwar ir‑rikors, jekk ikun il‑każ, mingħajr informazzjoni addizzjonali. Sabiex jiġu ggarantiti ċ‑ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja, huwa meħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, il‑punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir‑rikors jirriżultaw, minn tal‑inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u komprensibbli, mit‑test tar‑rikors stess. Għalkemm it‑test ewlieni tar‑rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir‑rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal estratti mid‑dokumenti annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar‑rikors, ma jistax jirrimedja n‑nuqqas tal‑punti essenzjali tal‑argumenti legali, li, skont id‑dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir‑rikors. Barra minn hekk, ma huwiex il‑kompitu tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku li jfittex u li jistabbilixxi, fl‑annessi, il‑motivi u l‑argumenti li huwa jista’ jqis li jikkostitwixxu l‑bażi tar‑rikors, u dan sa fejn l‑annessi ikollhom funzjoni purament probatorja u strumentali.
(ara l‑punt 37)
Referenza:
Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza 8 ta’ Diċembru 2005, Just vs Il‑Kummissjoni, T‑91/04, ĠabraSP p. I‑A‑395 u II‑1801, punt 35
2. Id‑direttivi interni adottati mill‑istituzzjonijiet Komunitarji fl-ebda każ ma jistgħu jistabbilixxu, legalment, regoli li jidderogaw mid‑dispożizzjonijiet superjuri fil‑ġerarkija tan‑normi, bħalma huma d‑dispożizzjonijiet tar‑Regolamenti tal‑Persunal u tar‑regolamenti adottati għall‑applikazzjoni tagħhom jew il‑prinċipji ġenerali tad‑dritt. Għalhekk, ma jistax ikun hemm interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ dħul minn attività professjonali “fis‑sens ta’ informazzjoni amministrattiva” li tkun differenti minn dik mogħtija fl‑Artikolu 13 tar‑Regolament dwar il‑kopertura tar‑riskji marbuta mal‑mard tal‑uffiċjali.
(ara l-punt 53)
Referenza:
Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza 25 ta’ Ottubru 2005, Fardoom u Reinard vs Il‑Kummissjoni, T‑43/04, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑1465, punti 35 u 36
3. Il‑paragrafu 3 tal‑informazzjoni amministrattiva tal‑2007 dwar l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 13 tar‑Regolament komuni dwar ir‑riskji marbuta mal‑mard tal‑uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej, li jippreċiża l‑kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tal‑imsemmi Artikolu 13, jissuġġetta l‑benefiċċju, b’mod eċċezzjonali, tal‑kopertura primarja tal‑konjuġi ta’ uffiċjali mill‑Iskema komuni għall‑assigurazzjoni għall‑mard tal‑istituzzjonijiet tal‑Komunitajiet Ewropej għall‑osservanza ta’ waħda miż‑żewġ kundizzjonijiet li huwa jsemmi: l‑ewwel kundizzjoni teżiġi li dan il‑konjuġi ma jkunx jista’ jissieħeb fi skema ta’ assigurazzjoni għall‑mard legali, it‑tieni kundizzjoni teżiġi li l‑ammont tal‑premium sabiex tali konjuġi jissieħeb f’assigurazzjoni għall‑mard jirrappreżenta iktar minn 20 % tad‑dħul taxxabbli minn attività professjonali tal‑persuna kkonċernata.
Istituzzjoni twettaq żball ta’ liġi meta, fil‑kuntest ta’ talba ta’ uffiċjal sabiex il‑konjuġi tiegħu jibbenefika mill‑Iskema komuni għall‑assigurazzjoni għall‑mard fuq bażi primarja, tirrifjuta li tikkunsidra l‑pensjonijiet ta’ rtirar tal‑konjuġi tal‑uffiċjal bħala dħul minn attività professjonali filwaqt li l‑Artikolu 13 tar‑Regolament komuni dwar ir‑riskji marbuta mal‑mard tal‑uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej jipprovdi espressament li l‑pensjonijiet ta’ rtirar jikkostitwixxu dħul minn attività professjonali.
Madankollu, uffiċjal ma jistax jinvoka b’mod effettiv motiv sabiex jikseb l‑annullament ta’ deċiżjoni fil‑każ fejn l‑amministrazzjoni ma jkollha ebda marġni ta’ diskrezzjoni u tkun obbligata taġixxi kif fil‑fatt tkun għamlet. Għalhekk, il‑Kummissjoni hija obbligata, skont l‑Artikolu 13 tar‑Regolament komuni, tiċħad it‑talba ta’ uffiċjal sabiex il‑konjuġi jibbenefika mill‑Iskema komuni għall‑assigurazzjoni għall‑mard fuq bażi primarja meta l‑konjuġi tal‑uffiċjal ma jissodisfa ebda waħda miż‑żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fil‑paragrafu 3 tal‑informazzjoni amministrattiva msemmija, u dan irrispettivament mill‑interpretazzjoni mogħtija tat‑tieni waħda minn dawn il‑kundizzjonijiet.
(ara l-punti 52, 54, 55, 60, 75 u 76)
Referenza:
Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 20 ta’ Mejju 1987, Souna vs Il‑Kummissjoni, 432/85, Ġabra p. 2229, punt 20;
It‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku: 17 ta’ Ġunju 2008, De Fays vs Il‑Kummissjoni, F‑97/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 70 u 71