OPINJONI 1/08 TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

30 ta’ Novembru 2009

Werrej

 

Il-kuntest tat-talba għal opinjoni

 

GATS

 

L-għan u l-oriġini tal-ftehim proposti

 

Il-forma u l-kontenut tal-ftehim inkwistjoni

 

It-talba għal opinjoni

 

In-noti ta’ osservazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet

 

Fuq il-konnessjoni bejn iż-żewġ domandi magħmula fit-talba għal opinjoni u l-ordni li fiha huma eżaminati

 

Fuq l-ewwel domanda

 

Fuq it-tieni domanda

 

Fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE

 

Fuq l-Artikoli 71 KE u 80(2) KE

 

L-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq l-għan tal-ftehim inkwistjoni

 

Fuq l-għan tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja u l-ordni li fiha huma eżaminati

 

Fuq il-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi l-ftehim inkwistjoni u fuq il-bażijiet legali għal tali konklużjoni

 

Fuq l-użu tal-Artikolu 133(1) u (5) KE dwar il-politika kummerċjali komuni

 

Fuq l-użu tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE u fuq il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni

 

Fuq l-użu tal-Artikoli 71 KE u 80(2) KE dwar il-politika komuni tat-trasport

“Opinjoni mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 300(6) KE — Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) — Skedi ta’ rabtiet speċifiċi — Konklużjoni ta’ ftehim dwar l-aġġustamenti kumpensatorji li għandhom jiġu pprovduti fid-dawl tal-modifika u l-irtirar ta’ ċerti rabtiet wara l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda fl-Unjoni Ewropea — Kompetenza kondiviża — Bażijiet legali — Politika kummerċjali komuni — Politika komuni tat-trasport”

Fil-proċeduri għal Opinjoni 1/08,

li għandhom bħala suġġett talba għal opinjoni taħt l-Artikolu 300(6) KE imressqa fit-18 ta’ Frar 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, R. Silva de Lapuerta u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, K. Schiemann (Relatur), J. Malenovský, T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Frar 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. White, M. Huttunen u L. Prete, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Daniż, minn C. Pilgaard Zinglersen, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn A. Samoni-Rantou u S. Chala kif ukoll minn G. Karipsiadis, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins u M. Collins, SC,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u E. Matulionytė, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz u C. Herma kif ukoll minn M. Kamejsza, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. João Palma, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, minn A. Ciobanu-Dordea u N. Mitu kif ukoll minn E. Gane u C. Osman, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn A. Dashwood, barrister,

għall-Parlament Ewropew, minn R. Passos u D. Gauci, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J.-P. Hix u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

wara li, fit-3 ta’ Ġunju 2009, semgħet in camera lil E. Sharpston, Avukat Ġeneral Prinċipali, D. Ruiz-Jarabo Colomer, J. Kokott, M. Poiares Maduro, P. Mengozzi, Y. Bot, J. Mazák u V. Trstenjak, Avukati Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Opinjoni

1

It-talba tirrigwarda n-natura kondiviża jew esklużiva tal-kompetenza tal-Komunità Ewropea u l-bażi legali xierqa li għandha tintuża għall-konklużjoni, ma’ ċerti membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ta’ ftehim li jimmodifikaw l-Iskedi ta’ Rabtiet Speċifiċi tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha skont il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS).

2

Skont l-Artikolu 300(6) KE, “[i]l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew Stat Membru jista’ jikseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim prospettat ikunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat. Meta l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun negattiva, il-ftehim ikun jista’ jidħol fis-seħħ biss fit-termini ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

Il-kuntest tat-talba għal opinjoni

GATS

3

Permezz tad-Deċiżjoni 94/800/KE tiegħu, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21 P. 80), il-Kunsill approva l-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO kif ukoll l-ftehim li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, fosthom il-GATS.

4

Skont l-Artikolu I(2) tal-GATS:

“Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim, kummerċ fis-servizzi huwa definit bħala l-provvista ta’ servizz:

(a)

aspetti kummerċjali u tekniċi tal-provvista ta’ servizzi [mit-territorju ta’ Membru wieħed għat-territorju ta’ xi Membru ieħor] [(iktar ’il quddiem il-‘mod 1’)];

(b)

fit-territorju ta’ Membru wieħed għall-konsumatur tas-servizz ta’ xi Membru ieħor [(iktar ’il quddiem il-‘mod 2’)];

(ċ)

minn fornitur ta’ servizz ta’ Membru wieħed, permezz ta’ preżenza kummerċjali fit-territorju ta’ Membru ieħor [(iktar ’il quddiem il-‘mod 3’)];

(d)

minn fornitur ta’ servizz ta’ Membru wieħed, permezz ta’ preżenza ta’ persuni naturali ta’ Membru fit-territorju ta’ xi Membru ieħor [(iktar ’il quddiem il-‘mod 4’)].”

5

L-Artikolu V tal-GATS, li huwa intitolat “Integrazzjoni Ekonomika”, jipprovdi li:

“1.   Dan il-Ftehim ma għandux iżomm lil xi Membru milli jkun Parti jew jidħol f’xi ftehim li jilliberalizza l-kummerċ fis-servizzi bejn il-partijiet ta’ dak il-ftehim, sakemm dak il-ftehim [jissodisfa ċerti kundizzjonijiet].

[…]

5.   Jekk, fil-konklużjoni, fit-tkabbir jew f’kull modifikazzjoni sinifikanti ta’ xi ftehim taħt il-paragrafu 1, xi Membru jaħseb biex jirtira jew biex jimmodifika rabta speċifika b’mod inkonsistenti mat-termini u l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Iskeda tiegħu, għandu jipprovdi notifika minn qabel ta’ mill-inqas 90 ġurnata ta’ dawk il-modifiki jew irtirar u l-proċedura msemmija fil-paragrafi 2, 3, u 4 ta’ l-Artikolu XXI għandha tapplika.

[…]”

6

L-Artikolu XVI tal-GATS, li jinsab fil-Parti III ta’ dan il-ftehim intitolata “Rabtiet Speċifiċi”, jipprovdi li:

“1.   Fejn jidħol aċċess għas-suq permezz tal-modi ta’ provvista identifikati fl-Artikolu I, kull Membru għandu jagħti lis-servizzi u lill-fornituri tas-servizzi ta’ Membru ieħor trattament mhux inqas favorevoli minn dak ipprovdut taħt it-termini, limitazzjonijiet u kondizzjonijiet miftehma u speċifikati fl-Iskeda tiegħu […]

2.   F’setturi fejn ir-rabtiet tal-aċċess għas-suq ikunu ttieħdu, il-miżuri li Membru ma jistax iżomm jew jadotta sew jekk fuq bażi ta’ suddiviżjoni reġjonali jew fuq il-bażi tat-territorju kollu tiegħu, sakemm mhux speċifikat mod ieħor fl-Iskeda tiegħu, huma definiti bħala:

(a)

limitazzjonijiet fuq in-numru ta’ fornituri tas-servizzi sew jekk fil-forma ta’ kwoti numeriċi, monopolji, fornituri tas-servizzi esklussivi jew il-ħtieġa tat-test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

(b)

limitazzjonijiet fuq il-valur totali tat-tranżazzjonijiet jew assi tas-servizz fil-forma ta’ kwoti numeriċi jew il-ħtieġa tat-test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

(ċ)

limitazzjonijet fuq in-numru totali ta’ operazzjonijiet tas-servizz jew fuq il-kwantità totali ta’ ħruġ espress f’termini ta’ units numeriċi fil-forma ta’ kwoti jew il-ħtieġa ta’ test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

(d)

limitazzjonijiet fuq in-numru totali ta’ persuni naturali li jistgħu jkunu impjegati f’settur tas-servizzi partikolari jew li fornitur tas-servizzi jista’ jimpjega u li huma neċessarji għal, u direttament irrelatati mal-provvista ta’ servizz speċifiku fil-forma ta’ kwoti numeriċi jew il-ħtieġa ta’ test tal-bżonnijiet ekonomiċi;

(e)

miżuri li jirrestrinġu jew jirrikjedu tipi speċifiċi ta’ entità legali jew intrapriża konġunta li permezz tagħha fornitur tas-servizzi jista’ jipprovdi servizz; u

(f)

limitazzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni ta’ kapital barrani f’termini ta’ limitu ta’ perċentwal massimu fuq azzjonarjat barrani jew il-valur totali ta’ l-investiment barrani totali jew individwali.”

7

Skont l-Artikolu XVII(1) tal-GATS:

“Fis-setturi imsemmija fl-Iskeda, bla ħsara għal xi kondizzjonijiet jew kwalifiċi imsemmija fiha, kull Membru għandu jħalli lil servizzi jew fornituri ta’ servizzi ta’ Membri oħrajn, fejn jidħlu miżuri li jaffettwaw il-provvista tas-servizzi, trattament mhux inqas favorevoli minn dak li jħalli għal servizzi u fornituri tas-servizzi simili tiegħu stess […]”

8

L-Artikolu XX tal-GATS jipprovdi li:

“1.   Kull Membru għandu jistabbilixxi fi skeda r-rabtiet speċifiċi li għamel taħt Parti III ta’ dan il-Ftehim. Fejn jidħlu setturi li fihom dawn ir-rabtiet ġew magħmulin, kull Skeda għandha tispeċifika:

(a)

termini, limitazzjonijiet u kondizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq;

(b)

kondizzjonijiet u kwalifiċi fuq it-trattament nazzjonali;

[…]

3.   Skedi tar-rabtiet speċifiċi għandhom ikunu annessi ma’ dan il-Ftehim u għandhom jiffurmaw parti integrali minnu.”

9

Ir-rabtiet speċifiċi kultant għandhom applikazzjoni orizzontali fis-sens li jirrigwardaw, bl-istess mod, is-servizzi kollha msemmija fl-iskeda tal-membru kkonċernat (iktar ’il quddiem ir-“rabtiet orizzontali”), u kultant applikazzjoni settorjali meta jirrigwardaw settur ta’ servizzi partikolari (iktar ’il quddiem ir-“rabtiet settorjali”).

10

L-Artikolu XXI tal-GATS, intitolat “Modifikazzjoni ta’ l-Iskedi”, jipprovdi li:

(a)

Membru (riferut f’dan l-Artikolu bħala ‘l-Membru modifikant’) jista’ jimmodifika jew jirtira minn xi rabta fl-Iskeda tiegħu, f’kull żmien wara li jkunu għaddew tliet snin mid-data li fiha r-rabta tkun daħlet fis-seħħ, skond id-dispożizzjonijiet f’dan l-Artikolu.

(b)

Membru modifikant għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jimmodifika jew jirtira minn xi rabta skond dan l-Artikolu lill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi mhux aktar tard minn tliet xhur qabel id-data maħsuba ta’ implimentazzjoni tal-modifika jew l-irtirar.

(a)

Fuq it-talba ta’ xi Membru li l-benefiċċji tiegħu taħt dan il-Ftehim jistgħu jiġu affettwati (irreferut fl-Artikolu bħala ‘l-Membru affettwat’) b’modifika jew l-irtirar propost kif innotifikat […], il-Membru modifikant għandu jidħol f’negozjati bl-iskop li jilħaq ftehim dwar xi aġġustament kompensatorju neċessarju. F’dawn in-negozjati u l-ftehim, il-Membri kkonċernati għandhom jagħmlu minn kollox sabiex iżommu livell ġenerali ta’ vantaġġi reċiproċi mhux inqas favorevoli għall-kummerċ milli hemm ipprovdut fl-Iskedi ta’ rabtiet speċifiċi qabel dawn in-negozjati.

(b)

L-aġġustamenti kompensatorji għandhom isiru fuq bażi ta’ nazzjon l-iktar favorit.

(a)

Jekk ma jintlaħaqx ftehim bejn il-Membru modifikant u l-Membru affettwat, qabel jispiċċa l-perjodu li jkun hemm ipprovdut fin-negozjati, dak il-Membru affettwat jista’ jirreferi l-kwistjoni għall-arbitraġġ. Kull Membru affetwat li jkun jixtieq jinforza xi dritt li jista’ jkollu għall-kumpens għandu jipparteċipa fl-arbitraġġ.

(b)

Jekk l-ebda Membru affettwat ma jitlob l-arbitraġġ, il-Membru modifikant għandu jkun liberu li jimplimenta l-modifika jew l-irtirar propost.

[…]

5.   Il-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi għandu jwaqqaf proċeduri għall-korrezzjoni jew modifika ta’ l-Iskedi. Kull Membru li jkun immodifika jew irtira minn xi rabtiet skedati taħt dan l-Artikolu għandu jimmodifika l-Iskeda tiegħu skond dawn il-proċeduri.”

11

Ir-Regoli tal-Proċedura, li jirrigwardaw il-modifika tal-iskedi stabbiliti mill-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi fid-19 ta’ Lulju 1999, jinsabu fid-dokument S/L/80, tad-29 ta’ Ottubru 1993, intitolat “Proċeduri għall-implementazzjoni tal-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (Modifika tal-Iskedi)” (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”).

12

Il-paragrafi 5 u 6 tar-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxu li:

“5.   Fl-aħħar ta’ kull negozjati mmexxija b’mod konformi mal-Artikolu XXI(2)(a), il-Membru modifikant għandu jibgħat lis-Segretarjat, ittra konġunta ffirmata mill-Membri kkonċernati, kif ukoll rapport dwar ir-riżultati tan-negozjati li jkun iffirmat mill-Membri kkonċernati. Is-Segretarjat għandu jqassam l-ittra u r-rapport lill-Membri kollha bħala dokument sigriet.

6.   Membru modifikant li jkun wasal għal ftehim mal-Membri [affettwati] kollha li jkunu identifikaw lilhom infushom […] għandu, mhux iktar tard minn 15-il ġurnata wara li jkunu ntemmu n-negozjati, jibgħat lis-Segretarjat rapport finali dwar in-negozjati skont l-Artikolu XXI, li jitqassam lill-Membri kollha bħala dokument sigriet. Wara li tintemm il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikoli 20 sa 22, dan il-Membru modifikant ikun liberu li jimplementa l-modifiki li jkun intlaħaq ftehim dwarhom waqt in-negozjati u li jkunu speċifikati fir-rapport, u huwa għandu jinnotifika d-data ta’ implementazzjoni lis-Segretarjat, għat-tqassim tiegħu lill-Membri tad-WTO. Dawn il-modifiki ma għandhomx imorru lil hinn mill-modifika jew mill-irtirar oriġinarjament innotifikati u għandhom jinkludu l-aġġustamenti kumpensatorji kollha li jkun intlaħaq ftehim dwarhom fin-negozjati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13

Il-paragrafu 8 tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli meta ma jkunx seta’ jintlaħaq ftehim dwar l-aġġustamenti kumpensatorji, jipprovdi li:

“Jekk l-ebda Membru [affettwat] li jkun identifika lilu nnifsu […] ma jippreżenta, fi żmien xieraq, talba għal arbitragg […], il-Membru modifikant ikun liberu li jimplementa l-modifika jew l-irtirar proposti, wara li tintemm il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikoli 20 sa 22. […] Il-Membru modifikant għandu jinnotifika d-data tal-implementazzjoni lis-Segretarjat għat-tqassim lill-Membri tad-WTO.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

Il-paragrafu 20 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li:

“Il-modifiki li jsiru lit-testi awtentiċi tal-iskedi annessi [mal-GATS] li jirriżultaw mill-miżuri meħuda skont l-Artikolu XXI jingħataw effett permezz ta’ Ċertifikazzjoni. L-abbozz tal-iskeda li jindika b’mod ċar id-dettalji tal-modifiki għandu jiġi nnotifikat lis-Segretarjat għat-tqassim lill-Membri kollha. Il-modifiki għandhom jidħlu fis-seħħ fl-aħħar ta’ perijodu ta’ 45 ġurnata mid-data tat-tqassim tagħhom jew f’data sussegwenti li għandha tiġi ppreċiżata mill-Membru modifikant […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

L-għan u l-oriġini tal-ftehim proposti

15

Il-Kummissjoni tqis li minn meta ġiet stabbilita, taħt il-GATS, l-iskeda ta’ rabtiet speċifiċi tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha, li dakinhar kienu għadhom tnax, it-tkabbir li seħħ fl-1995 u fl-2004 irrenda neċessarju l-elaborazzjoni ta’ skeda ġdida, li tinkludi t-tlettax-il Stat Membru ġdid li sa dakinhar kellhom l-iskedi tagħhom.

16

Fit-28 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu V(5) tal-GATS, innotifikat l-iskeda ta’ modifiki u rtirar ta’ rabtiet li kellhom isiru fir-rigward tal-iskedi tat-tlettax-il Stat Membru ġdid sabiex dawn jingħaqdu mal-iskeda attwali tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha (iktar ’il quddiem id-“Dokument S/SECRET/8”). Wara din il-modifika, saret oħra fl-4 ta’ April 2005 fir-rigward tal-irtirar ta’ ċerti rabtiet li kienu jinsabu fl-iskedi tar-Repubblika ta’ Malta u tar-Repubblika ta’ Ċipru, rispettivament (iktar ’il quddiem id-“Dokument S/SECRET/9”).

17

Wara d-dikjarazzjonijiet ta’ interess magħmula minn diversi membri tad-WTO li qiesu lilhom infushom affettwati mill-modifiki u mill-irtirar ta’ rabtiet proposti, in-negozjati sabiex jintlaħaq ftehim dwar l-aġġustamenti kumpensatorji, skont l-Artikolu XXI(2) tal-GATS, tmexxew mill-Kummissjoni f’isem il-Komunità u l-25 Stat Membru tagħha.

18

Fl-aħħar ta’ dawn in-negozjati, il-partijiet ftehmu dwar l-aġġustamenti kumpensatorji li għandhom jiġu pprovduti għall-modifiki u l-irtirar ta’ rabtiet imsemmija fid-Dokument S/SECRET/8. Min-naħa l-oħra, huma ma setgħux jiftehmu dwar kumpens f’dak li jirrigwarda l-irtirar elenkat fid-Dokument S/SECRET/9. Madankollu, ma ngħata bidu għal ebda arbitraġġ f’dan ir-rigward mill-membri affettwati tad-WTO.

19

Kif jirriżulta mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata tiffirma l-ftehim li ġew innegozjati u tibgħat l-iskeda kkonsolidata tar-rabtiet tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha lis-Segretarjat tad-WTO għaċ-ċertifikazzjoni.

20

Dawn il-konklużjonijiet jippreċiżaw, b’mod partikolari li, “meta tiċċirkola l-iskeda konsolidata ta’ impenji speċifiċi tal-Komunità Ewropea u ta’ l-Istati Membri tagħha […], il-Kummissjoni ser tindika li l-iskeda l-ġdida ser tidħol fis-seħħ wara l-ikkompletar tal-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet interni tal-Komunità Ewropea u ta’ l-Istati Membri tagħha, fejn xieraq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ser tissottometti proposta lill-Kunsill”.

21

Għalhekk ġew iffirmati sbatax-il ftehim mar-Repubblika tal-Arġentina, il-Commonwealth tal-Awstralja, ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, il-Kanada, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, it-territorju doganali distint ta’ Tajwan, Penghu, Kinmen u Matsu (Tajpei Ċiniża), ir-Repubblika tal-Kolombja, ir-Repubblika ta’ Kuba, ir-Repubblika tal-Ekwador, Ħong Kong (iċ-Ċina), ir-Repubblika tal-Indja, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, New Zealand, ir-Repubblika tal-Filippini, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika, rispettivament (iktar ’il quddiem il-“ftehim inkwistjoni”).

22

Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ġiet konkluża pożittivament fil-15 ta’ Diċembru 2006.

23

Fis-27 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni ressqet proposta għal deċiżjoni quddiem il-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 133(1) sa (5) KE, flimkien mal-Artikolu 300(2) KE.

24

Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għal din il-proposta, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li hija nnegozjat il-ftehim inkwistjoni f’isem u għan-nom tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha abbażi tal-premessa li ma setax, mill-ewwel, jiġi eskluż li dawn il-ftehim ma kinux jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Istati Membri. Fid-dawl tal-aġġustamenti kumpensatorji li ġew effettivament innegozjati, il-Kummissjoni tikkunsidra, madankollu, li dawn ma jmorrux lil hinn mil-limiti tal-kompetenza interna tal-Komunità u lanqas ma jwasslu għal armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri f’qasam li fir-rigward tiegħu t-Trattat jeskludi tali armonizzazzjoni, b’mod li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE ma huwiex applikabbli u l-konklużjoni tal-imsemmija ftehim taqa’ għalhekk taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità.

25

Min-naħa l-oħra, il-Kunsill u l-Istati Membri, f’laqgħa fi ħdanu, ikkunsidraw li l-kompetenza sabiex jiġu konklużi l-ftehim inkwistjoni kienet kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha.

26

Konsegwentement, l-Istati Membri bdew il-proċeduri interni tagħhom sabiex japprovaw dawn il-ftehim.

27

Min-naħa tiegħu, fit-13 ta’ Lulju 2007, il-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament dwar il-proposta tal-Kummissjoni, imsemmija iktar ’il fuq. Il-Kunsill għarraf lill-Parlament li kien beħsiebu jibbaża d-deċiżjoni għall-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni kemm fuq l-Artikolu 133(1) sa (5) KE, flimkien mal-Artikolu 300(2) KE, kif ukoll fuq l-Artikoli 71 KE, 80(2) KE, u 133(6) KE, flimkien mal-Artikolu 300(3) KE.

28

Fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta’ Ottubru 2007, il-Parlament approva l-proposta msemmija iktar ’il fuq. Madankollu, il-premessi ta’ din ir-riżoluzzjoni jirreferu biss għall-Artikolu 133(1) u (5) KE kif ukoll għall-Artikolu 300(2) u (3) KE.

Il-forma u l-kontenut tal-ftehim inkwistjoni

29

Filwaqt li tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ftehim inkwistjoni huma, essenzjalment, kważi identiċi, il-Kummissjoni tillimita lilha nnifisha sabiex tippreżenta l-ftehim iffirmat mal-Ġappun. Il-Kunsill jikkonferma x-xebh li essenzjalment jeżisti bejn dawn iż-żewġ ftehim.

30

Skont il-paragrafu 5 tar-Regoli tal-Proċedura, il-ftehim iffirmat mal-Ġappun jieħu l-forma ta’ ittra konġunta ffirmata mill-Kummissjoni f’isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem l-“ittra konġunta”).

31

Mal-ittra konġunta hemm anness, kif stabbilit mill-imsemmi paragrafu 5, rapport dwar ir-riżultat tan-negozjati. Dan ir-rapport fih żewġ annessi (iktar ’il quddiem l-“Anness I” u l-“Anness II”).

32

L-Anness I jelenka l-modifiki u l-irtirar proposti fir-rigward tal-iskeda ta’ rabtiet tal-Istati Membri l-ġodda. Dan huwa maqsum f’żewġ partijiet.

33

L-Anness I(A) jipprovdi lista tal-modifiki u l-irtirar elenkati fid-Dokument S/SECRET/8.

34

Fir-rigward tar-rabtiet orizzontali, dan jestendi ċerti limitazzjonijiet li jinsabu fl-iskeda attwali ta’ rabtiet tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha, għall-Istati Membri l-ġodda. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-limitazzjonijiet orizzontali li jirrigwardaw l-aċċess għas-suq skont il-mod 3 fir-rigward tas-servizzi li fl-Istati Membri huma kkunsidrati bħala servizzi pubbliċi fuq livell nazzjonali jew lokali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ monopolji pubbliċi jew ta’ drittijiet esklużivi rriżervati għal fornituri privati. L-istess japplika għar-restrizzjonijiet marbuta mal-benefiċċju tat-trattament nazzjonali li huma suġġetti għalihom il-fergħat jew l-aġenziji stabbiliti fi Stat Membru minn kumpannija ta’ Stat terz jew ċerti fergħat ta’ kumpanniji ta’ Stati terzi stabbiliti skont il-liġi ta’ Stat Membru (mod 3) u għar-restrizzjonijiet marbuta mal-benefiċċju ta’ trattament nazzjonali għal dak li jikkonċerna s-sussidji (modi 3 u 4). Huma estiżi wkoll għal diversi Stati Membri ġodda, ċerti restrizzjonijiet orizzontali marbuta mal-aċċess għas-suq skont il-mod 4 fir-rigward tar-residenza temporanja, l-ewwel nett, ta’ persuni kkollokati fi ħdan il-kumpannija tagħhom, it-tieni nett, ta’ rappreżentanti kummerċjali inkarigati li jinnegozjaw il-bejgħ ta’ servizzi jew li jikkonkludu kuntratti għal servizzi, it-tielet nett, ta’ persuni inkarigati li jistabbilixxu preżenza kummerċjali fi Stat Membru, u r-raba’ nett, ta’ persuni naturali rreklutati sabiex jipprovdu servizz fuq bażi temporanja minn persuna ġuridika li ma jkollha ebda preżenza kummerċjali f’xi Stat Membru tal-Komunità.

35

Barra minn hekk, l-Anness I(A) jipprovdi għall-irtirar ta’ ċerti rabtiet orizzontali fir-rigward tal-aċċess għas-suq li kienu ttieħdu preċedentement mir-Repubblika ta’ Ċipru u mir-Repubblika tal-Litwanja, u li jirrigwardaw il-mod 4.

36

Fir-rigward tar-rabtiet settorjali, l-Anness I(A), l-ewwel nett, jestendi l-limitazzjonijiet stabbiliti fl-iskeda attwali ta’ rabtiet tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha, għal diversi Stati Membri ġodda. Dawn il-limitazzjonijiet jirrigwardaw l-aċċess għas-suq f’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, is-servizzi ta’ leasing jew ta’ kiri ta’ ajruplani mingħajr operaturi (modi 2 u 3), it-tieni nett, is-servizzi edukattivi inkwantu huma koperti mill-iskeda tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha sakemm huma servizzi privati ta’ edukazzjoni, u t-tielet nett, is-servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħra (modi 1 u 3). L-imsemmija limitazzjonijiet jikkonċernaw ukoll it-trattament nazzjonali għal dak li jikkonċerna ċerti servizzi tat-trasport bl-ajru, jiġifieri l-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni tat-trasport kif ukoll is-sistemi ta’ reżervazzjoni kompjuterizzata.

37

Min-naħa l-oħra, l-Anness I(A) jistabbilixxi l-irtirar ta’ rabtiet settorjali meħuda preċedentement minn uħud mill-Istati Membri l-ġodda, fir-rigward tat-trasport fl-ispazju u s-setturi tas-servizzi marbuta mal-industrija tal-manifattura. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ wħud mill-Istati Membri l-ġodda, huwa jintroduċi limitazzjonijiet settorjali ġodda fir-rigward tal-aċċess għas-suq f’dak li jikkonċerna t-trasport bl-ajru (kiri ta’ ajruplani bl-ekwipaġġ) (modi 1 sa 3) u s-servizzi awżiljarji tal-modi kollha ta’ trasport (mod 3).

38

L-Anness I(B) jelenka l-iskeda ta’ rabtiet orizzantali kif ukoll dawk settorjali tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Repubblika ta’ Malta f’dak li jirrigwarda t-trattament nazzjonali skont il-mod 4, inkluża fid-Dokument S/SECRET/9. Ir-rabtiet settorjali kkonċernati jirrigwardaw is-servizzi tal-informatika u servizzi relatati, is-servizzi ta’ riċerka u l-iżvilupp fix-xjenzi soċjali u fix-xjenzi umani, is-servizzi ta’ assigurazzjoni u servizzi relatati, is-servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħra, is-servizzi ta’ lukandi, ristoranti u provvista ta’ ikel, is-servizzi ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar u ta’ organizzaturi turistiċi kif ukoll is-servizzi ta’ trasport marittimu ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija.

39

L-Anness II jirrigwarda r-rabtiet li sar ftehim dwarhom bħala kumpens għall-modifiki u l-irtirar ta’ rabtiet imsemmija fid-Dokument S/SECRET/8 u riprodotti fl-Anness I(A). Fir-rigward tar-rabtiet orizzontali, l-Anness II jirreferi għal aġġustament marbut mal-limitazzjoni orizzontali msemmija iktar ’il fuq dwar l-aċċess għas-suq skont il-mod 3 f’dak li jikkonċerna s-servizzi kkunsidrati bħala servizzi pubbliċi fl-Istati Membri, u jirreferi wkoll għal irtirar ta’ limitazzjoni orizzontali marbuta mal-investiment li jikkonċerna r-Repubblika tal-Awstrija (mod 3) u rabtiet orizzontali meħuda mir-Repubblika ta’ Malta u mir-Repubblika ta’ Ċipru f’dak li jikkonċerna l-kollokamenti fi ħdan kumpannija kif ukoll ir-rappreżentanti kummerċjali (mod 4). Barra minn hekk, rabtiet settorjali jew irtirar ta’ limitazzjonijiet marbuta magħhom fir-rigward tal-aċċess għas-suq jew tat-trattament nazzjonali huma elenkati fir-rigward ta’ diversi Stati Membri. Dawn jirrigwardaw, rispettivament, is-servizzi ta’ inġinerija (modi 2 u 3), is-servizzi integrati ta’ inġinerija (modi 3 u 4), is-servizzi ta’ żvilupp urban u ta’ arkitettura ta’ pajsaġġ (modi 2 u 3), is-servizzi tal-informatika u servizzi relatati (modi 1 sa 4), ir-reklamar (mod 1), is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji (bank u assigurazzjoni) (mod 3), is-servizzi ta’ lukandi, ristoranti u provvista ta’ ikel (mod 3), is-servizzi ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar u ta’ organizzaturi turistiċi (mod 3) kif ukoll is-servizzi ta’ parrukkier (modi 2 u 3).

40

L-ittra konġunta tistabbilixxi li hija, flimkien mal-Annessi I u II, tifforma l-ftehim bejn il-partijiet. Hija tipprovdi li l-Komunità u l-Istati Membri għandhom jibagħtu lis-Segretarjat tad-WTO l-iskeda kkonsolidata tar-rabtiet tagħhom sabiex din tiġi ċċertifikata u li r-riżultat tan-negozjati li jkunu saru bejn il-partijiet għandhom jidħlu fis-seħħ wara li tintemm il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, f’data li għandha tiġi speċifikata mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha wara li jitwettqu l-proċeduri interni ta’ approvazzjoni. Din l-ittra tippreċiża wkoll li l-modifiki u l-irtirar previsti f’dawn id-Dokumenti S/SECRET/8 u S/SECRET/9 ma jidħlux fis-seħħ qabel ma jidħlu fis-seħħ l-arranġamenti kumpensatorji nnegozjati.

It-talba għal opinjoni

41

It-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni hija magħmula b’dan il-mod:

“1)

Il-konklużjoni ta’ ftehim mal-Membri affettwati [tad-WTO] fis-sens tal-Artikolu XXI [tal-GATS], kif deskritti f’din it-talba għal opinjoni, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità jew taħt il-kompetenza kondiviża tal-Komunità u tal-Istati Membri?

2)

L-Artikolu 133(1) u (5) [KE], flimkien mal-Artikolu 300(2) [KE], jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-att li jikkonkludi, f’isem il-Komunità Ewropea, jew inkella f’isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, il-ftehim imsemmija iktar ’il fuq?”

In-noti ta’ osservazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet

Fuq il-konnessjoni bejn iż-żewġ domandi magħmula fit-talba għal opinjoni u l-ordni li fiha huma eżaminati

42

Il-Kummissjoni tenfasizza li ż-żewġ domandi magħmula fit-talba għal opinjoni huma marbuta mill-qrib u li ħafna mill-argumenti ppreżentati fir-rigward ta’ waħda minnhom huma validi wkoll fir-rigward tal-oħra. Hija ssostni li, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-ftehim inkwistjoni jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità skont il-politika kummerċjali komuni, il-bażijiet legali supplimentari proposti mill-Kunsill għandhom jiġu esklużi ex officio.

43

Il-Kunsill, kif ukoll il-Gvern Ċek, Daniż, Portugiż u dak tar-Renju Unit jikkunsidraw li r-risposta għat-tieni domanda tirriżulta awtomatikament minn dik għall-ewwel waħda. Fil-fatt, il-bżonn li l-Artikoli 133(6) KE, 71 KE u 80(2) KE jintużaw bħala bażijiet legali, ifisser ipso facto li l-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha. Skont il-Gvern Portugiż u dak tar-Renju Unit, il-Kummissjoni qalbet l-ordni naturali bejn il-premessa u l-konklużjoni tat-talba tagħha għal opinjoni.

Fuq l-ewwel domanda

44

Skont il-Kummissjoni, il-ftehim inkwistjoni jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni u, għaldaqstant, taħt kompetenza Komunitarja minnha nnifisha esklużiva.

45

Din il-politika, li hija ta’ natura miftuħa u evoluttiva, tirrikjedi adattament kostanti għat-tibdiliet ta’ perspettivi fis-soċjetà internazzjonali, sabiex ma tkunx is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva li tikkundannaha ssir gradwalment insinjifikanti. Dan ikun il-każ jekk din il-politika tkun limitata għall-aspetti tradizzjonali tal-kummerċ mingħajr ma tinkludi ftehim, bħal f’dan il-każ, li jemendaw it-termini u l-kundizzjonijiet li bihom il-Komunità tintrabat li tiftaħ is-suq tagħha għas-servizzi u għall-fornituri minn pajjiżi oħra membri tad-WTO. Fil-fatt, l-għan dirett u immedjat ta’ ftehim bħal dawn huwa li jippromwovu u jirregolaw il-kummerċ f’dawn is-servizzi.

46

Il-prinċipji stabbiliti fl-Opinjoni 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994 (Ġabra p. I-5267), li jipprovdu li huma biss is-servizzi pprovduti skont il-mod 1 li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità fl-affarijiet kummerċjali, ma għadhomx japplikaw f’dan ir-rigward minħabba l-emendi li saru għall-Artikolu 133 KE permezz tat-Trattat ta’ Nice. Fil-fatt, illum il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-“kummerċ f’servizzi” — terminoloġija meħuda mill-GATS u li hija differenti minn dik tal-Artikoli 49 KE sa 55 KE li jirreferu għal-“libertà li jiġu provduti servizzi” jew għal-“liberalizzazzjoni ta’ servizzi” — jaqa’, b’mod ġenerali, taħt il-politika kummerċjali komuni, salv dak li hemm ipprovdut fl-Artikolu 133(6) KE.

47

L-għan ta’ dawn l-emendi kien li tiġi ssimplifikata s-sitwazzjoni u li jissaħħaħ ir-rwol tal-Komunità fin-negozjati li jsiru fi ħdan id-WTO sabiex jiġu żgurati l-koerenza, l-effettività u l-kredibbiltà tal-azzjoni tal-Komunità, billi tkun tista’ twettaq l-obbligi tagħha in bona fide u iktar malajr. In-negozjati bilaterali jew multilaterali fi ħdan id-WTO huma kontinwi u l-ftehim li jirriżultaw minnhom, bħall-ftehim inkwistjoni, li sempliċement jimmodifikaw l-iskedi ta’ rabtiet skont il-GATS permezz ta’ proċedura ta’ negozjati li tkun flessibbli u veloċi, jirrikjedu konklużjoni u implementazzjoni li jkunu kemm jista’ jkun sempliċi. L-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti tal-Artikolu 133 KE hija għalhekk l-iktar waħda konformi mal-preżunzjoni ta’ kompatibbiltà tal-ordinament ġuridiku Komunitarju mar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku.

48

Skont il-Kummissjoni, il-ftehim inkwistjoni ma jistgħux, barra minn hekk, jirriżultaw mill-Artikolu 133(6) KE li, billi jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 5 tal-istess artikolu, għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

49

B’hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, li jibda bil-kliem “f’dan ir-rigward”, sempliċement jispjega l-konsegwenzi neċessarji tal-prinċipju stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE. L-eċċezzjoni li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE għalhekk tapplika biss meta l-konklużjoni ta’ ftehim mill-Komunità tkun tikkostitwixxi azzjoni li tmur lil hinn mis-setgħat tagħha peress li dak il-ftehim ikun iwassal għal armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fis-setturi tas-servizzi msemmija f’dan it-tieni subparagrafu. Għaldaqstant, dan it-tieni subparagrafu huwa l-korollarju tal-Artikoli 137(2) KE, 149(4) KE, 151(5) KE u 152(4) KE li jeskludu preċiżament kompetenza li ssir armonizzazzjoni fis-setturi kkonċernati, jiġifieri dawk tas-servizzi soċjali, edukattivi, kulturali u awdjoviżivi kif ukoll tas-saħħa tal-bniedem.

50

Skont il-Kummissjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi interpretat bħala li jfisser li kull ftehim li jkollu impatt, anki jekk limitat, fuq wieħed minn dawn is-setturi, jaqa’ taħt il-kompetenza kondiviża tal-Komunità u tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-fatt li din id-dispożizzjoni tirreferi għal ftehim “li għandu x’jaqsam” ma’ dawn is-setturi jwassal sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-ftehim li ma jirreferux speċifikatament għaliha, iżda li jkopru l-kummerċ fis-servizzi bħala kategorija ġenerali. Li tingħata deċiżjoni differenti jkun ifisser li jintilef is-sinjifikat tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, li jipprovdi li l-Kunsill għandu jaġixxi b’unanimità fir-rigward tal-konklużjoni ta’ ftehim orizzontali li jirrigwardaw dawn l-istess setturi.

51

F’dan il-każ, il-ftehim inkwistjoni ma jwettqu l-ebda armonizzazzjoni tas-setturi kkonċernati. Barra minn hekk, ebda waħda mill-miżuri kumpensatorji stabbiliti f’dawn il-ftehim ma jirreferu speċifikament għal dawn is-setturi u l-uniku rtirar ta’ rabta li jirrigwardahom, li jikkonċerna s-servizzi edukattivi, huwa l-inqas li probabbilment jidħol fuq is-setgħat tal-Istati Membri peress li jagħti iktar libertà lilhom. Ir-rabtiet orizzontali li jirrigwardaw l-imsemmija ftehim jikkonċernaw il-kummerċ fis-servizzi b’mod ġenerali mingħajr ma jispeċifikaw dawn is-setturi.

52

Il-Parlament Ewropew jaqbel, essenzjalment, mal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. In-natura esklużiva tal-kompetenza Komunitarja hija ġġustifikata kemm mill-bżonn li l-Komunità tkun tista’ tħares l-obbligu tagħha fid-difiża tal-interess komuni kif ukoll mill-bżonn li tipprevjeni d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u d-devjazzjoni tal-kummerċ fi ħdanha.

53

L-Artikolu 133(5) KE juri r-rieda tal-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tal-politika kummerċjali fil-qafas ta’ Unjoni mkabbra, billi jintegra fl-iskop tiegħu, is-servizzi li jikkostitwixxu fattur prinċipali fir-regolarizzazzjoni tal-kummerċ ekonomiku internazzjonali.

54

Li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE jiġi interpretat fis-sens li l-politika kummerċjali komuni ma tibqax tkun ta’ natura esklużiva meta din tiġi eżerċitata fir-rigward tal-kummerċ fis-servizzi, ikollu l-konsegwenza li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE u l-emendi introdotti mit-Trattat ta’ Nice, jiġu mċaħħda mill-effettività tagħhom. L-istess japplika jekk it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 133(6) KE jiġu interpretati fis-sens li ftehim kummerċjali orizzontali li jista’ jkollhom impatt fuq is-servizzi msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet ikollhom ikunu ta’ natura mħallta.

55

Il-Gvernijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u l-Kunsill jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li l-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni taqa’ taħt kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Il-pożizzjonijiet u l-argumenti tagħhom jistgħu jinġabru fil-qosor bil-mod li ġej.

56

Fl-ewwel lok, il-Gvern Taljan isostni li billi l-GATS ġie konkluż bħala ftehim imħallat, il-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali u ta’ ċertezza legali jirrikjedu li jsir l-istess fir-rigward ta’ ftehim li jemendah, bħall-ftehim inkwistjoni.

57

Fit-tieni lok, il-Gvern Pollakk iqis li, peress li l-Komunità għandha biss kompetenzi attribwiti, il-kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri hija r-regola, filwaqt li l-kompetenza esklużiva tal-Komunità, li hija l-eċċezzjoni, teħtieġ, jew li tissemma espressament fit-Trattat, jew li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stretti sabiex tingħaraf l-eżistenza ta’ kompetenza esklużiva impliċita abbażi tal-ġurisprudenza.

58

Fit-tielet lok, il-Kunsill, il-Gvern Ċek, Daniż, Elleniku, u dak Spanjol kif ukoll l-Irlanda, il-Gvern Taljan, Olandiż, Pollakk, Rumen, Finlandiż, Svediż u dak tar-Renju Unit josservaw li kunsiderazzjonijiet relatati ma’ allegat dewmien jew diffikultajiet prattiċi li jista’ jkun hemm fil-modifika tal-iskedi ta’ rabtiet jew allegat riskju ta’ telf ta’ kredibbiltà u ta’ effikaċja fl-azzjoni Komunitarja ma jistgħux jinfluwenzaw il-kondiviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha. Il-Gvern Ġermaniż iżid jgħid li l-kondiviżjoni tal-kompetenzi fl-ordinament ġuridiku Komunitarju ma tistax tiġi affettwata minn kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq ftehim internazzjonali li ma għandhom ebda supremazija fuq it-Trattat u li l-legalità tagħhom hija, għall-kuntrarju, suġġetta għall-konformità ma’ dan tal-aħħar.

59

Uħud mill-Gvernijiet għandhom ukoll dubji serji dwar il-fatt li d-dewmien li jirriżulta mill-proċeduri nazzjonali ta’ approvazzjoni jista’ jikkontribwixxi, b’mod determinanti, għad-dewmien fil-proċess ta’ modifika tal-iskedi ta’ rabtiet speċifiċi. Il-prattika ta’ ftehim imħallta hija fil-fatt ferm stabbilita, fejn l-eżerċizzju, mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha, tal-kompetenza tagħhom isir b’mod koordinat taħt it-tmexxija de facto tal-Kummissjoni. L-Irlanda, kif ukoll il-Gvern Olandiż u dak tar-Renju Unit ifakkru, barra minn hekk, fid-dmir ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji li jeżisti f’dan il-kuntest.

60

Fir-raba’ lok, il-Kunsill isostni li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, li jipprovdi li l-Kunsill ma jistax jikkonkludi ftehim li jinkludi dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kompetenzi interni tal-Komunità, japplika f’dan il-każ, minkejja li l-ftehim inkwistjoni kellhom jiġu konklużi wkoll mill-Istati Membri. Fil-fatt, diversi rabtiet kumpensatorji f’dawn il-ftehim, bħar-rabta li jiġu rtirati t-testijiet għall-bżonnijiet ekonomiċi applikati mir-Renju Unit għas-servizzi ta’ inġinerija, jew ir-rabta li ssir inqas restrittiva l-kundizzjoni ta’ residenza permanenti għas-servizzi finanzjarji pprovduti skont il-mod 3 għal dak li jikkonċerna r-Repubblika tal-Finlandja, jirrigwardaw oqsma li għalihom ma teżisti ebda bażi legali fit-Trattat sabiex tkun iġġustifikata kompetenza interna tal-Komunità.

61

Fil-ħames lok, il-biċċa l-kbira tal-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward u l-Kunsill jikkunsidraw, kif jispjegaw meta jeżaminaw it-tieni domanda marbuta mal-għażla tal-bażi legali, li l-ftehim inkwistjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE. Il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jikkonferma n-natura kondiviża tal-kompetenza billi jeżiġi l-intervent konġunt tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha sabiex jikkonkludu ftehim fl-oqsma li tirreferi għalihom.

62

Fis-sitt lok, fir-rigward tal-Artikoli 71 KE u 80(2) KE, li, kif ġie spjegat fil-kuntest tal-eżami tat-tieni domanda, setgħu wkoll jirregolaw il-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni skont dak li hemm stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, l-imsemmija Gvernijiet u l-Kunsill isostnu li l-kompetenza Komunitarja fil-qasam tat-trasport ma hijiex minnha nnifisha esklużiva. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza li tirrigwarda l-eżistenza ta’ kompetenza esterna impliċita abbażi tal-eżerċizzju ta’ kompetenzi interni ma għandhiex l-effett, f’dan il-każ, li twassal sabiex l-imsemmija ftehim jaqgħu taħt il-kamp ta’ tali kompetenza Komunitarja esklużiva, peress li dawn ma jaffettwawx regoli Komunitarji interni fil-qasam tat-trasport.

63

Fis-seba’ lok, l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kunsill jissottomettu, b’mod iktar ġenerali, li ma jaqblux mal-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti lill-Artikolu 133 KE fl-intier tiegħu.

64

Il-Gvern Ċek, l-Irlanda, il-Gvern Taljan, Litwan, Olandiż, Pollakk, Rumen, Finlandiż, Svediż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill, jikkunsidraw li, b’differenza mill-aspetti tal-politika kummerċjali komuni koperti mill-Artikolu 133(1) KE li jinkludu, b’mod partikolari, il-kummerċ fil-prodotti u l-provvista ta’ servizzi skont il-mod 1 u li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità, l-oqsma koperti mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, fosthom dak tas-servizzi pprovduti skont il-modi 2 sa 4, li l-ftehim inkwistjoni huma prinċipalment dwarhom, ma jaqgħux taħt tali kompetenza esklużiva.

65

Din il-konklużjoni tirriżulta b’mod partikolarment ċar u evidenti mill-kliem stess tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, li jipprovdi li l-paragrafu 5 ma għandux jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jżommu jew jikkonkludu ftehim.

66

Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, il-fatt li l-Artikolu 133(5) KE jiġi interpretat fis-sens li ma jagħtix kompetenza esklużiva lill-Komunità ma jċaħħadx lill-emendi introdotti bit-Trattat ta’ Nice mill-effettività tagħhom. Skont il-Gvern Spanjol u dak Svediż, din id-dispożizzjoni għandha l-vantaġġ li tafferma, b’mod ċar, l-eżistenza ta’ kompetenza Komunitarja ta’ natura kummerċjali fil-qasam tas-servizzi, u li tippreċiża l-limiti tagħha. Skont il-Gvern Svediż u dak tar-Renju Unit, l-Artikolu 133(5) KE, u b’mod partikolari t-tieni u t-tielet subparagrafi tiegħu, għandu l-għan speċifiku li jistabbilixxi diversi regoli proċedurali f’dan ir-rigward.

67

Kuntrarjament għall-Gvernijiet l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet u għall-Kunsill, il-Gvern Spanjol jikkunsidra li l-kunċett ta’ “kummerċ f’servizzi” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE ma jistax jiġi mqabbel mal-kunċett korrispondenti li jinsab fil-GATS, u li dan jinkludi biss is-servizzi pprovduti skont il-modi 1 u 2, li huma l-uniċi li essenzjalment jikkorrispondu għall-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens tat-Trattat KE.

Fuq it-tieni domanda

68

Skont il-Kummissjoni, irrispettivament mill-fatt dwar jekk il-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni taqax jew le taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità jew kompetenza kondiviża mal-Istati Membri, l-unika bażi legali għall-att Komunitarju adottat għal tali finijiet huwa l-Artikolu 133(1) sa (5) KE, flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE.

69

Il-Gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward u l-Kunsill jikkunsidraw, għall-kuntrarju, li għandhom jintużaw ukoll l-Artikoli 71 KE u 80(2) KE, fuq naħa, kif ukoll l-Artikolu 133(6) KE, fuq in-naħa l-oħra, flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3) KE.

Fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE

70

Il-Kummissjoni tfakkar li, għar-raġunijiet esposti minnha fl-eżami tal-ewwel domanda, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE ma jistax, fil-fehma tagħha, japplika fir-rigward tal-ftehim inkwistjoni.

71

Il-Kummissjoni żżid tgħid, b’mod sussidjarju, li anki li kieku kienet applikabbli, din id-dispożizzjoni ma tistax isservi bħala bażi legali għall-att Komunitarju li jikkonkludi dawn il-ftehim. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi sempliċement eċċezzjoni għall-kompetenza esklużiva tal-Komunità fil-qasam tal-politika kummerċjali billi tirreżerva kompetenza konkorrenti għall-Istati Membri.

72

Il-Gvern Ġermaniż, Olandiż, Pollakk, Rumen u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE jista’, fil-fatt, jikkostitwixxi bażi legali għall-azzjoni Komunitarja, peress li jippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 133 KE, jillimita l-kompetenza tal-Komunità taħt il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu u jistabbilixxi kompetenza Komunitarja speċifika ta’ natura kondiviża.

73

Il-biċċa l-kbira tal-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kunsill isostnu, barra minn hekk, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE fil-fatt japplika għal dan il-każ.

74

Fil-fatt, il-ftehim inkwistjoni jimmodifikaw rabtiet li huma speċifikament relatati ma’ servizzi koperti minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri rabtiet settorjali li jirrigwardaw is-servizzi edukattivi u rabtiet orizzontali li jirrigwardaw is-sussidji. Barra minn hekk, ir-rabtiet orizzontali modifikati permezz ta’ dawn il-ftehim ikopru s-setturi kollha li huma fl-iskeda ta’ rabtiet tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha, u b’mod partikolari dawk tas-servizzi kulturali, edukattivi, tas-saħħa tal-bniedem u soċjali, skont il-modi 3 u 4.

75

Minn naħa, il-Gvern Ċek, Daniż, Ġermaniż, Grieg u dak Spanjol, l-Irlanda, il-Gvern Litwan, Portugiż, Rumen, Finlandiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill ma jaqblux mad-distinzjoni li l-Kummissjoni tagħmel bejn l-irtirar ta’ rabtiet u ż-żieda tagħhom. Kull modifika ta’ rabta, irrispettivament mill-fatt jekk din tillimitax il-libertà tal-Istati Membri jew jekk tintegrahiex mill-ġdid, tikkostitwixxi rabta li tista’ tittieħed biss mid-detentur tal-kompetenza fil-qasam ikkonċernat.

76

Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, kif esposta minn din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel domanda, hija kkontestata għal diversi raġunijiet.

77

L-ewwel nett, il-Gvern Olandiż, Pollakk u Svediż isostnu li l-imsemmija dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata b’mod restrittiv peress li, b’mod partikolari, hija ma tistabbilixxix eċċezzjoni għal allegata kompetenza esklużiva tal-Komunità.

78

It-tieni nett, il-Gvern Ċek, Taljan, Litwan, Olandiż, Pollakk, Rumen, Finlandiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill isostnu li l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 133(6) KE ma jistgħux jingħaqdu, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni. L-argumenti tagħhom, f’dan ir-rigward, jistgħu jinġabru fil-qosor bil-mod li ġej.

79

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE bl-ebda mod ma huwa limitat għas-setturi tas-servizzi msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni, iżda jikkonċerna l-każijiet kollha fejn ma teżistix kompetenza interna tal-Komunità, u minn dawn il-każijiet, l-armonizzazzjoni, kif jidher mill-użu tal-kelma “partikolarment”, hija biss eżempju. Għaldaqstant, dan it-tieni subparagrafu ma huwiex limitat li jiċċara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE billi jidentifika l-oqsma ta’ servizzi fejn l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali mill-Komunità, li taġixxi waħedha, ma hijiex possibbli. L-oqsma msemmija f’dan it-tieni subparagrafu ma jikkorrispondux kompletament għal dawk li fihom il-Komunità ma għandhiex kompetenza interna sabiex twettaq armonizzazzjoni, peress li ma jissemmiex il-qasam tal-impjieg jew dak tat-taħriġ professjonali, li fir-rigward tagħhom l-Artikoli 129 KE u 150(4) KE xorta waħda jeskludu tali armonizzazzjoni. Barra minn hekk, it-Trattat ma jinkludi l-ebda projbizzjoni li ssir armonizzazzjoni fir-rigward tas-servizzi awdjoviżivi minkejja li dawn huma msemmija wkoll fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE.

80

It-tielet nett, il-Gvern Ċek, Ġermaniż, Grieg, Pollakk, Portugiż u dak Finlandiż isostnu li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE jikkostitwixxi dispożizzjoni strettament proċedurali li bl-ebda mod ma tirrigwarda n-natura esklużiva jew kondiviża tal-kompetenza Komunitarja.

81

Ir-raba’ nett, il-ftehim inkwistjoni fil-fatt jirrigwardaw il-“qasam” tas-setturi tas-servizzi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE.

82

Skont il-Gvern Ċek u dak Ġermaniż, l-Irlanda kif ukoll il-Gvern Taljan u dak Rumen, l-espressjoni “li għandu x’jaqsam”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, bl-ebda mod ma hija, irrispettivament mill-verżjoni lingwistika kkunsidrata, nieqsa minn ambigwità, u lanqas ma twassal sabiex l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun limitata biss għal ftehim li jirrigwardaw “esklużivament” jew “fuq kollox” servizzi bħal dawn, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni abbażi ta’ interpretazzjoni meqjusa li hija purament semantika jew litterali.

83

Skont il-Gvern Litwan u dak tar-Renju Unit, il-kliem użat b’dan il-mod jindika, għall-kuntrarju, li kull ftehim li jirregola aspetti tal-kummerċ fis-servizzi li jaqgħu taħt wieħed mis-setturi msemmija, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Gvern Ċek, Rumen u dak tar-Renju Unit jikkunsidraw li din hija l-unika interpretazzjoni li hija konformi mal-intenzjoni manifesta tal-awturi tat-Trattat ta’ Nice sabiex is-setturi sensittivi msemmija f’dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, li fihom il-Komunità għandha biss, fuq livell intern, kompetenzi ta’ sostenn, ta’ koordinazzjoni jew kompetenzi supplimentari, ma jkunux jistgħu jaqgħu barra mill-kompetenza tal-Istati Membri.

84

Fil-fehma tal-Gvern Olandiż, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija kontradetta mill-kliem stess tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, peress li din id-dispożizzjoni tippreċiża r-regoli ta’ votazzjoni applikabbli fil-każ ta’ “ftehim ta’ natura orizzontali”“safejn da[w]n ikun[u] jirrigwarda[w] [u]koll […] it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6”.

Fuq l-Artikoli 71 KE u 80(2) KE

85

Il-Kummissjoni ssostni li, filwaqt li mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE jirriżulta li l-ftehim fil-qasam tat-trasport ma jaqgħux taħt il-politika kummerċjali komuni, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-ftehim inkwistjoni li jikkonċernaw il-kummerċ fis-servizzi. Fil-fatt, la huwa l-għan, la s-suġġett u lanqas l-effett ta’ dawn il-ftehim li jirregolaw is-servizzi tat-trasport u, barra minn hekk, dawn huma limitati, f’dan ir-rigward, sabiex jirtiraw ċerti rabtiet li jikkonċernaw is-servizzi ta’ trasport marittimu jew trasport bl-ajru.

86

Skont il-Kummissjoni, kull effett fuq is-servizzi tat-trasport huwa sempliċement, fi kwalunkwe każ, inċidentali meta mqabbel mal-għan essenzjalment kummerċjali tal-ftehim inkwistjoni, b’mod li għandha tingħata preferenza lill-Artikolu 133(1) sa (5) KE biss inkwantu bażi legali, kif jirriżulta kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għażla tal-bażi legali xierqa, kif ukoll mill-prattika leġiżlattiva li toffri diversi eżempji ta’ atti interni u internazzjonali li, filwaqt li inċidentalment kellhom effetti diretti fuq is-servizzi ta’ trasport, ġew adottati mingħajr referenza għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar it-trasport.

87

Il-Parlament Ewropew essenzjalment jaqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

88

Il-biċċa l-kbira tal-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kunsill jikkunsidraw, għall-kuntrarju, li l-użu tal-Artikoli 71 KE u 80(2) KE huwa neċessarju, peress li ċerti rabtiet settorjali modifikati u rtirati permezz tal-ftehim inkwistjoni jirrigwardaw is-servizzi ta’ trasport u peress li r-rabtiet orizzontali rtirati, modifikati jew anki mogħtija bħala kumpens jirrigwardaw ukoll, fost l-oħrajn, tali servizzi. Huma jikkontestaw l-interpretazzjoni invokata mill-Kummissjoni, li tipprovdi li huma biss il-ftehim li jikkonċernaw esklużivament jew prinċipalment il-qasam tat-trasport u mhux il-ftehim orizzontali li huma koperti mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE.

89

Fl-ewwel lok, il-Gvern Ċek u dak Daniż, l-Irlanda, il-Gvern Taljan, Litwan, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Finlandiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill jenfasizzaw li, skont ġurisprudenza stabbilita t-trasport, inkluż fil-qafas ta’ ftehim kummerċjali bħall-GATS, ma jaqax taħt il-politika kummerċjali komuni. Dan il-prinċipju issa huwa espressament stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE li jipprovdi, f’dan ir-rigward, li n-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehim fil-qasam tat-trasport “jibqgħu jiġu regolati” mid-dispożizzjonijiet dwar il-politika komuni tat-trasport.

90

Fit-tieni lok, il-Gvern Daniż u dak tar-Renju Unit jinsistu fuq it-terminoloġija użata f’din id-dispożizzjoni li, f’diversi verżjonijiet lingwistiċi, tirreferi b’mod wiesa’ għal ftehim “fil-qasam” tat-trasport.

91

Fit-tielet lok, il-Gvern Daniż isostni li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tmur kontra kemm l-għan tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, kif ukoll il-bżonn li tingħata applikazzjoni effettiva lil din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, ikun għal xejn li fil-kuntest tal-Artikolu 133 KE jiġi ppreċiżat li ftehim li jaqa’ taħt il-qasam tat-trasport biss jaqa’ taħt il-politika komuni tat-trasport. L-għan u l-applikazzjoni effettiva tal-indikazzjonijiet ċari fit-test tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE huma preċiżament li tiġi eskluża kull possibbiltà li tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar l-għażla tal-bażi legali skont l-elementi prinċipali jew inċidentali ta’ miżura.

92

Fir-raba’ lok, skont il-Gvern Ċek u dak tar-Renju Unit, din il-ġurisprudenza hija applikabbli biss fejn ikollha ssir għażla bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jagħtu kompetenzi lill-Komunità għal għanijiet differenti u mhux fejn, lil hinn mill-kunflitt ta’ bażijiet legali, ikun hemm kunflitt ta’ kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha.

93

Fil-ħames lok, il-Gvern Ċek, Olandiż, Rumen, Finlandiż u dak tar-Renju Unit u l-Kunsill isostnu li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim inkwistjoni dwar is-settur tat-trasport bl-ebda mod ma huma ta’ natura inċidentali. L-ewwel nett, skont il-Kunsill, ebda kriterju ma jippermetti li jiġu identifikati setturi ta’ servizzi li huma iktar inċidentali minn oħrajn. Sussegwentement, il-Gvern Rumen jenfasizza li d-diversi modifiki li saru għall-iskedi ta’ rabtiet mill-ftehim inkwistjoni huma, bl-istess mod, neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan tagħhom, jiġifieri li tiġi żgurata l-konsolidazzjoni ta’ dawn l-iskedi wara t-tkabbir li sar. Fl-aħħar nett, il-Gvern Olandiż, Rumen u dak Finlandiż isostnu li r-rabtiet speċifiċi li saru f’dawn il-ftehim u li jirrigwardaw il-qasam tat-trasport lanqas ma huma miżuri inċidentali neċessarji sabiex jiggarantixxu l-effettività ta’ miżura prinċipali stabbilita fl-imsemmija ftehim.

94

Skont il-Gvern Daniż u dak tar-Renju Unit, is-settur tat-trasport, li huwa milqut minn numru sinjifikattiv ta’ modifiki għar-rabtiet speċifiċi, huwa l-iktar predominanti. Il-Gvern Daniż iżid jgħid li modifiki bħal dawn huma, barra minn hekk, partikolarment importanti peress li dawn jaffettwaw, b’mod partikolari l-modi 3 u 4, li huma partikolarment essenzjali fil-qasam tat-trasport marittimu internazzjonali ta’ persuni li huwa kkaratterizzat mill-bżonn li ċerti attivitajiet partikolari għall-provvista ta’ servizzi jitwettqu fuq il-post.

95

Fis-sitt lok, fir-rigward tal-prattika leġiżlattiva deskritta mill-Kummissjoni, kemm il-Gvern Ċek u dak Daniż, l-Irlanda u l-Gvern Taljan, Litwan, Olandiż, Rumen, Finlandiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill, iqisu li din hija irrilevanti.

L-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-għan tal-ftehim inkwistjoni

96

Huwa paċifiku li, skont it-termini tal-Artikolu XXI(2)(a) tal-GATS, l-aġġustamenti kumpensatorji stabbiliti fl-Anness II tal-ftehim inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ “ftehim” innegozjat mal-membri tad-WTO li ddikjaraw lilhom infushom affettwati mill-irtirar u l-modifiki tar-rabtiet proposti fid-Dokument S/SECRET/8.

97

Fir-rigward tal-irtirar u l-modifiki ta’ rabtiet stabbiliti fid-Dokumenti S/SECRET/8 u S/SECRET/9 u li ġew riprodotti fl-Annessi I(A) u I(B) tal-ftehim inkwistjoni, rispettivament, il-Kummissjoni, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, sostniet, waqt is-seduta, li dawn ma kinux ser ikunu s-suġġett ta’ ftehim bejn il-partijiet u li, għaldaqstant, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas tal-proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 300(6) KE. L-ewwel nett, il-membri tad-WTO għandhom dritt li jirtiraw jew jimmodifikaw rabtiet anki jekk membri oħra ma jaqblux ma’ dan. It-tieni nett, qatt ma saru ftehim dwar l-aġġustamenti kumpensatorji fir-rigward tar-rabtiet identifikati fid-Dokument S/SECRET/9.

98

Dan l-argument, li huwa kkontestat mill-Gvern Daniż, Elleniku u dak Spanjol, l-Irlanda, il-Gvern Pollakk, Finlandiż u dak Svediż kif ukoll il-Kunsill, ma jistax jintlaqa’.

99

Kif sostnew dawn tal-aħħar, jeħtieġ, fil-fatt, li qabel kollox jiġi mfakkar li l-ittra konġunta tipprovdi espressament li l-Anness I jifforma, flimkien ma’ din l-ittra u l-Anness II, il-ftehim bejn il-partijiet u li hija tipprovdi wkoll li l-modifiki u l-irtirar proposti fid-Dokumenti S/SECRET/8 u S/SECRET/9 ma kellhomx jidħlu fis-seħħ qabel ma jidħlu fis-seħħ l-aġġustamenti kumpensatorji stabbiliti fl-Anness II tal-ftehim inkwistjoni.

100

Sussegwentement, u fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-modifiki u l-irtirar ta’ rabtiet stabbiliti fid-Dokument S/SECRET/8 u riprodotti fl-Anness I(A) tal-ftehim inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi mfakkar li mill-Artikolu XXI(2)(a) tal-GATS jirriżulta li, filwaqt li jippruvaw jilħqu ftehim dwar l-aġġustamenti kumpensatorji, id-diversi membri involuti għandhom jippruvaw iżommu livell ġenerali ta’ rabtiet li jkunu reċiprokament vantaġġużi u li ma jkunux inqas favorevoli għall-kummerċ minn dak li kien previst fl-iskedi ta’ rabtiet speċifiċi qabel in-negozjati. L-“aġġustamenti kompensatorji” innegozjati jiddependu direttament mill-irtirar u l-modifiki proposti u għandhom, bħala korrispettiv, jikkontribwixxu sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid bilanċ li seta’ jkun ġie affettwat minnhom.

101

Minn dan isegwi li, għalkemm il-modifiki u l-irtirar ta’ rabtiet proposti minn membru tad-WTO fil-bidu jkunu unilateralment stabbiliti minnu, wara li l-aġġustamenti kumpensatorji jkunu ġew innegozjati, dawn tal-aħħar u l-imsemmija modifiki u rtirar jingħaqdu b’tali mod li jkun impossibbli li jiġu sseparati. Dan huwa kkonfermat, b’mod partikolari, mill-paragrafu 6 tar-Regoli tal-Proċedura li jippreċiża li l-modifiki ma għandhomx imorru lil hinn mill-modifika jew mill-irtirar oriġinarjament innotifikati u għandhom jinkludu l-aġġustamenti kumpensatorji kollha li jkun intlaħaq ftehim dwarhom fin-negozjati.

102

Fl-aħħar nett, u fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-modifiki u l-irtirar ta’ rabtiet stabbiliti fid-Dokument S/SECRET/9 u riprodotti fl-Anness I(B) tal-ftehim inkwistjoni, mill-ittra konġunta jirriżulta b’mod ċar li huma la taw lok għal ftehim dwar l-aġġustamenti kumpensatorji u lanqas għal talba għal arbitraġġ. F’każ bħal dan, mill-Artikolu XXI(3)(b) tal-GATS u mill-paragrafu 8 tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li l-awtur ta’ tali modifiki u rtirar huwa, bħala prinċipju, liberu li jimplementahom unilateralment wara li tintemm il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

103

Madankollu, f’dan il-każ, jidher li kemm id-Dokument S/SECRET/8 kif ukoll id-Dokument S/SECRET/9 għandhom l-istess għan, jiġifieri l-aġġustament tal-iskedi ta’ rabtiet tal-Istati Membri l-ġodda kif ukoll l-għaqda tagħhom mal-iskeda attwali ta’ rabtiet tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħhom wara l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda fl-Unjoni, u f’din il-perspettiva u kif jirriżulta mill-preċiżazzjonijiet li saru fil-punt 99 ta’ din l-opinjoni, huma ma jistgħux jiġu sseparati minn xulxin.

104

Barra minn hekk, huwa paċifiku li kemm il-modifiki u l-irtirar tar-rabtiet riprodotti fl-Anness I kif ukoll l-aġġustamenti kumpensatorji stabbiliti fl-Anness II huma ta’ natura vinkolanti għall-partijiet fil-ftehim inkwistjoni, kif ukoll għall-membri l-oħra tad-WTO.

105

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dawn il-modifiki, l-irtirar u l-aġġustamenti kumpensatorji jifformaw il-kontenut tal-ftehim inkwistjoni, u għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tingħata risposta għat-talba għal opinjoni.

Fuq l-għan tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja u l-ordni li fiha huma eżaminati

106

It-talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni tirrigwarda, l-ewwel nett, il-kwistjoni dwar jekk il-Komunità għandhiex kompetenza sabiex tikkonkludi l-ftehim inkwistjoni waħedha u, it-tieni nett, l-għażla tal-bażi legali xierqa għall-att li permezz tiegħu l-Komunità ser tikkonkludi dawn il-ftehim. Fir-rigward ta’ dan il-punt tal-aħħar, l-għan iktar speċifiku tal-opinjoni huwa li jiġi ddeterminat jekk il-kunsens tal-Komunità li tintrabat għandux ikun ibbażat, kif issostni l-Kummissjoni, fuq l-Artikolu 133(1) sa (5) KE biss, flimkien mal-Artikolu 300(2) KE, jew jekk, f’dan ir-rigward, għandhomx jintużaw ukoll l-Artikolu 133(6) KE u l-Artikoli 71 KE u 80(2) KE, flimkien mal-Artikolu 300(3) KE, kif jipproponi l-Kunsill.

107

Jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-objettiv tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 300(6) KE huwa li, qabel il-konklużjoni ta’ ftehim, jiġi ddeterminat jekk dan huwiex kompatibbli mat-Trattat. Għaldaqstant, l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni huwa li jiġu evitati kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn kontestazzjonijiet quddiem il-qrati dwar il-kompatibbiltà tat-Trattat mal-ftehim internazzjonali li jorbtu lill-Komunità (ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/75, tal-11 ta’ Novembru 1975, Ġabra p. 1355, 1360).

108

Għaldaqstant, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 300(6) KE għandha tkun tista’ tintuża fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li jistgħu jkunu suġġetti għal evalwazzjoni ġudizzjarja, sakemm dawn il-kwistjonijiet jagħtu lok għal dubji dwar il-validità sostantiva jew proċedurali tal-ftehim fir-rigward tat-Trattat (Opinjoni 1/75, iċċitata iktar ’il fuq, p. 1361, u Opinjoni 2/92, tal-24 ta’ Marzu 1995, Ġabra p. I-521, punt 14). Sentenza dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim mat-Trattat tista’, f’dan ir-rigward, tiddependi mhux biss fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv, iżda wkoll fuq dawk li jikkonċernaw il-kompetenza, il-proċedura jew l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-Komunità (Opinjoni 1/78, tal-4 ta’ Ottubru 1979, Ġabra p. 2871, punt 30).

109

Skont interpretazzjoni stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-opinjoni tagħha tista’ tinkiseb fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kondiviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri sabiex jiġi konkluż ftehim partikolari ma’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 107(2) tar-Regoli tal-Proċedura jikkonferma din l-interpretazzjoni (ara, iktar reċenti, l-Opinjoni 1/03, tas-7 ta’ Frar 2006, Ġabra p. I-1145, punt 112).

110

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-għażla tal-bażi legali xierqa għandha importanza kostituzzjonali. Fil-fatt, peress li l-Komunità għandha biss kompetenzi attribwiti, hija jkollha torbot il-ftehim li jkun beħsiebha tikkonkludi ma’ dispożizzjoni tat-Trattat li tagħtiha s-setgħa li tapprova tali att. L-użu ta’ bażi legali żbaljata jista’ fil-fatt iwassal sabiex l-att stess li jikkonkludi l-ftehim jiġi ddikjarat invalidu, u għaldaqstant, jiġi vvizzjat il-kunsens tal-Komunità li tintrabat bi ftehim li tkun iffirmat. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta t-Trattat ma jagħtix kompetenza suffiċjenti lill-Komunità sabiex tkun tista’ tirratifika l-ftehim kollu, u f’sitwazzjoni bħal din ikun meħtieġ li tiġi eżaminata l-kondiviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri sabiex jiġi konkluż il-ftehim propost ma’ pajjiżi terzi, jew meta l-bażi legali xierqa tal-imsemmi att li jikkonkludi l-ftehim tistabbilixxi proċedura leġiżlattiva differenti minn dik li tkun ġiet effettivament segwita mill-istituzzjonijiet Komunitarji (Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, Ġabra p. I-9713, punt 5).

111

Fir-rigward tal-ordni li fiha għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ li jiġi rikonoxxut, kif sostnut mill-biċċa l-kbira tal-intervenjenti u kif tammetti wkoll il-Kummissjoni nnifisha, li n-natura, esklużiva jew le, tal-kompetenza Komunitarja għall-finijiet tal-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni u l-bażi legali li għandha tintuża għal dan l-għan huma żewġ domandi marbuta ħafna mill-qrib.

112

Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-Komunità waħedha għandhiex il-kompetenza sabiex tikkonkludi ftehim jew jekk tali kompetenza hijiex kondiviża mal-Istati Membri tiddependi, b’mod partikolari, mill-portata tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li jistgħu jattribwixxu lill-istituzzjonijiet Komunitarji s-setgħa li jipparteċipaw f’tali ftehim (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/92, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12).

113

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien il-kwistjoni dwar liema hija l-bażi legali li fuqha hija bbażata l-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi l-ftehim inkwistjoni u l-kwistjoni dwar jekk din il-kompetenza Komunitarja hijiex, jekk ikun il-każ, esklużiva jew jekk, għall-kuntrarju, l-Istati Membri jżommux parti mill-kompetenza sabiex jikkonkludu l-imsemmija ftehim.

Fuq il-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi l-ftehim inkwistjoni u fuq il-bażijiet legali għal tali konklużjoni

114

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, il-ftehim inkwistjoni jimmodifikaw il-GATS u iktar preċiżament, l-Anness tiegħu li jinkludi l-iskedi ta’ rabtiet speċifiċi tal-membri tad-WTO. Il-GATS jikkostitwixxi ftehim imħallat konkluż kemm mill-Komunità kif ukoll mill-Istati Membri tagħha. L-iskeda unika ta’ rabtiet tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha, li l-għan tagħhom huwa li jimmodifikaw il-ftehim inkwistjoni, telenka, l-istess bħall-iskedi tal-membri l-oħra tad-WTO, ġabra ta’ rabtiet speċifiċi li jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ bilanċ multilaterali bejn ir-rabtiet tad-diversi membri tad-WTO.

115

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi enfasizzat mill-bidu li l-iskeda ta’ rabtiet tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha ma tistax tiġi modifikata permezz ta’ azzjoni unilaterali mill-Istati Membri, u dan irrispettivament minn jekk jaġixxux individwalment jew flimkien. F’każ bħal dan, il-parteċipazzjoni tal-Komunità hija indispensabbli.

116

Għall-kuntrarju, minn dawn l-istess ċirkustanzi ma jirriżultax, neċessarjament, li l-istess japplika fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-ftehim inkwistjoni. Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni tal-imsemmija Stati tiddependi, f’dan il-każ, mill-kwistjoni dwar jekk, bis-saħħa tal-emendi li saru lill-Artikolu 133 KE mit-Trattat ta’ Nice, il-kompetenza esterna Komunitarja żviluppatx b’tali mod li jiġġustifika li l-Komunità tikkonkludi waħedha l-imsemmija ftehim, kwistjoni li ser tiġi eżaminata f’din l-opinjoni.

Fuq l-użu tal-Artikolu 133(1) u (5) KE dwar il-politika kummerċjali komuni

117

Il-kompetenza tal-Komunità sabiex tipparteċipa fil-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni skont l-Artikolu 133(1) u (5) KE hija ċerta.

118

L-ewwel nett, huwa paċifiku li l-imsemmija ftehim jinkludu dispożizzjonijiet li, fost l-oħrajn, jirrigwardaw servizzi pprovduti skont il-mod 1. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 44 tal-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, mod bħal dan, li jkopri l-provvista transkonfinali ta’ servizzi, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ politika kummerċjali komuni stabbilita fl-Artikolu 133(1) KE. Din id-dispożizzjoni, li, skont ġurisprudenza stabbilita, tagħti kompetenza esklużiva lill-Komunità, ma ġietx emendata.

119

It-tieni nett, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, li ġie introdott permezz tat-Trattat ta’ Nice, jirriżulta li l-Komunità issa għandha wkoll kompetenza sabiex tikkonkludi, skont l-imsemmija politika kummerċjali komuni, ftehim internazzjonali dwar il-kummerċ fis-servizzi pprovduti skont il-modi 2 sa 4. Tali modi ta’ provvista ta’ servizzi li l-GATS isejjaħ “il-konsum barra mill-pajjiż”, “preżenza kummerċjali” u “preżenza ta’ persuni naturali”, rispettivament, u li qabel ma kinux jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni (ara l-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47) issa jaqgħu taħtha skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 133(5) u (6) KE.

120

Kuntrarjament għal dak sottomess mir-Renju ta’ Spanja, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li huwa biss il-kummerċ fis-servizzi permezz ta’ provvisti magħmula skont il-mod 2, taħt il-GATS, li huwa kopert mill-kompetenza Komunitarja esterna kif stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE.

121

L-ewwel nett, jista’ jiġi osservat li, fid-dawl, kemm tan-natura ġenerali tiegħu kif ukoll tal-fatt li ġie konkluż fuq livell mondjali, il-GATS jassumi, fir-rigward b’mod partikolari tal-kunċett ta’ “kummerċ fis-servizzi”, terminoloġija użata kemm fil-GATS kif ukoll fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, importanza partikolari fl-isfera ta’ azzjoni internazzjonali relatata mal-kummerċ fis-servizzi.

122

It-tieni nett, l-affermazzjoni fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE li tindika li l-konklużjoni ta’ ftehim fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi issa taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni “safejn dawn il-ftehim ma jkunux koperti mill-[paragrafi 1 sa 4 tal-imsemmi Artikolu 133 KE]”, għandha tinqara fid-dawl tal-kuntest li jirriżulta mill-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, kif ġie mfakkar fil-punti 118 u 119 ta’ din l-opinjoni, iddeċidiet li l-kummerċ fis-servizzi pprovduti skont il-mod 1 taħt il-GATS kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 133(1) KE bl-esklużjoni tal-kummerċ fis-servizzi pprovduti skont il-modi 2 sa 4 fis-sens ta’ dan il-ftehim.

123

F’dan il-każ, u kif jirriżulta mill-punti 34 sa 39 ta’ din l-opinjoni, huwa fil-fatt stabbilit li l-ftehim inkwistjoni, u b’mod partikolari, il-modifiki, l-irtirar u l-aġġustamenti kumpensatorji li huma jinkludu fir-rigward tar-rabtiet orizzontali u settorjali, jirrigwardaw, fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-kummerċ fis-servizzi pprovduti skont il-modi 2 sa 4.

124

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jista’ jiġi konkluż, fir-rigward tar-risposta għat-tieni domanda magħmula fit-talba għal opinjoni, li l-Komunità għandha kompetenza sabiex tikkonkludi l-ftehim inkwistjoni, taħt l-Artikolu 133(1) KE għal parti minnhom u taħt l-Artikolu 133(5) KE għal parti oħra, sabiex l-att Komunitarju li jikkonkludi dawn il-ftehim ikun neċessarjament ibbażat fuq dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

Fuq l-użu tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE u fuq il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni

125

Kuntrarjament għall-Kummissjoni u l-Parlament li jikkunsidraw li l-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità, l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kunsill huma tal-fehma li din il-konklużjoni tirrikjedi intervent konġunt tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha. Sabiex jiġġustifikaw tali parteċipazzjoni konġunta, huma jibbażaw l-argument tagħhom b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din l-opinjoni, fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE.

126

Jeħtieġ li jsiru żewġ osservazzjonijiet preliminari.

127

Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi mfakkar li tħassib bħal dak espress mill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa ta’ għaqda u ta’ veloċità fl-azzjoni esterna kif ukoll dwar id-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fil-każ ta’ parteċipazzjoni konġunta tal-Komunità u tal-Istati Membri fil-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni, ma jibdilx ir-risposta li għandha tingħata għall-kwistjoni dwar il-kompetenza. F’risposta għal argumenti simili magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-talba għal Opinjoni 1/94 dwar il-konklużjoni ta’ ftehim annessi mal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet li l-problema tal-kondiviżjoni tal-kompetenzi ma tistax tiġi rregolata skont id-diffikultajiet li eventwalment jistgħu jinqalgħu fl-amministrazzjoni tal-ftehim ikkonċernati (Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107; ara wkoll, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). Naturalment, l-istess japplika fir-rigward ta’ diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fir-rigward tal-konklużjoni tal-ftehim.

128

Fit-tieni lok, il-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni, li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim inkwistjoni li jinsabu fl-Anness I tagħhom jirtiraw jew jimmodifikaw rabtiet u, li għaldaqstant iwasslu sabiex is-swieq tas-servizzi tal-Istati Membri jkunu inqas miftuħa għall-fornituri ta’ servizzi minn Stati terzi u għalhekk, għal tnaqqis tar-rabtiet esterni li għandhom jiġu osservati minn dawn l-Istati Membri, lanqas jista’ jkollu effett fuq id-determinazzjoni tar-regoli li jistabbilixxu l-kompetenza sabiex isiru tali rtirar u modifiki.

129

Fil-fatt, il-kompetenza esterna li tippermetti li jittieħdu rabtiet sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom il-fornituri ta’ pajjiżi terzi jista’ jkollhom aċċess għal suq ta’ servizzi fil-Komunità, bilfors tinkludi wkoll il-kompetenza sabiex tali rabtiet jiġu rrinunzjati jew imnaqqsa.

130

Wara li saru dawn l-affermazzjonijiet, jeħtieġ li issa tiġi eżaminata l-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tirrikjedix, kif sostnew l-Istati Membri kollha li esprimew ruħhom dwar dan il-punt u l-Kunsill, konklużjoni konġunta tal-ftehim inkwistjoni mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha.

131

Sabiex tiġi interpretata l-imsemmija dispożizzjoni, jeħtieġ li jiġi mfakkar, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 110 ta’ din l-opinjoni, li l-kompetenzi tal-Komunità huma, kif jirriżulta mill-Artikolu 5 KE, kompetenzi attribwiti.

132

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, li jistabbilixxi l-kompetenza Komunitarja esterna fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali fis-servizzi skont il-modi 2 sa 4, jispeċifika espressament li din il-kompetenza hija “bla preġudizzju” għall-imsemmi paragrafu 6.

133

Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE jenfasizza li “b’deroga” għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, il-ftehim fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi kulturali u awdjoviżivi, edukattivi, soċjali u dawk tas-saħħa tal-bniedem jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u għandhom jiġu konklużi b’mod konġunt mill-Istati Membri u l-Komunità.

134

Mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta wkoll li, kuntrarjament għall-ftehim dwar il-kummerċ fis-servizzi li ma jikkonċernawx is-servizzi identifikati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, ftehim li huma relatati ma’ dawn is-servizzi ma jistgħux jiġu konklużi mill-Komunità waħedha, iżda tali konklużjoni tirrikjedi l-parteċipazzjoni konġunta tal-Komunità u tal-Istati Membri.

135

L-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE jirrifletti tħassib li jiġi evitat li l-kummerċ f’tali servizzi jkun jista’ jiġi rregolat permezz ta’ ftehim internazzjonali li jkunu konklużi mill-Komunità waħedha abbażi tal-kompetenza esterna tagħha fil-qasam kummerċjali. Mingħajr ma jeskludi b’xi mod il-kompetenza tal-Komunità f’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE jirrikjedi, min-naħa l-oħra, li din il-kompetenza, li l-Komunità tikkondividi f’dan il-każ mal-Istati Membri tagħha, tiġi eżerċitata b’mod konġunt bejn dawn tal-aħħar u l-Komunità.

136

Jista’ jiġi osservat li, billi b’dan il-mod huwa jipprovdi għal azzjoni komuni tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha abbażi tal-kompetenza kondiviża li għandhom, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE jippermetti li jiġi segwit l-interess tal-Komunità li tiġi implementata politika kummerċjali esterna kompleta, koerenti u effettiva, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi partikolari li l-Istati Membri jkunu jixtiequ jenfasizzaw fl-oqsma sensittivi li tidentifika din id-dispożizzjoni. Il-ħtieġa ta’ għaqda fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Komunità titlob, barra minn hekk, kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji fin-negozjati u fil-konklużjoni ta’ tali ftehim (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, l-Opinjoni 2/00, iċċitata iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata).

137

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-diversi argumenti magħmula mill-Kummissjoni u mill-Parlament sabiex jirrestrinġu l-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, ma jistgħux jintlaqgħu.

138

Fir-rigward tal-argument imressaq mill-imsemmija istituzzjonjiet li huma biss il-ftehim li jirrigwardaw esklużivament jew prinċipalment il-kummerċ fis-servizzi fis-setturi msemmija f’din id-dispożizzjoni li huma koperti minnha, jeħtieġ li jiġi osservat dan li ġej.

139

Minbarra l-fatt li tali interpretazzjoni ma ssib l-ebda sostenn fit-test tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, hija ma tistax tiġi rrikonċiljata mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li, kif ġie enfasizzat fil-punt 135 ta’ din l-opinjoni, huwa li l-Istati Membri jibqgħu jħaddnu kompetenza esterna effettiva fl-oqsma sensittivi koperti minn din id-dispożizzjoni.

140

Fil-fatt, il-konsegwenza ta’ tali interpretazzjoni kienet tkun li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE l-ftehim kollha msejħa “orizzontali” u li jirrigwardaw il-kummerċ fis-servizzi fit-totalità tagħhom. Barra minn hekk, minn din l-interpretazzjoni jirriżulta li dispożizzjonijiet internazzjonali b’suġġett strettament identiku fi ftehim u li jirrigwardaw is-setturi tas-servizzi sensittivi msemmija f’dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE jaqgħu jew ma jaqgħux taħt il-kompetenza kondiviża bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha li tirreferi għaliha din id-dispożizzjoni, sempliċement skont jekk il-partijiet kontraenti fil-ftehim ikunux iddeċiedew li jittrattaw biss il-kummerċ f’tali servizzi sensittivi, jew jekk ikunux ftehmu li jittrattaw fl-istess waqt dan il-kummerċ u kummerċ fi kwalunkwe tip ta’ servizzi oħra, jew is-servizzi kollha flimkien.

141

Għal dawn l-istess raġunijiet, il-fatt, enfasizzat ukoll mill-Kummissjoni, li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE jipprovdi li l-att Komunitarju li jikkonkludi ftehim orizzontali jeħtieġ l-unanimità fi ħdan il-Kunsill sakemm tali ftehim jirrigwarda wkoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE lanqas jista’ jwassal għall-konklużjoni li l-kompetenza Komunitarja sabiex jiġi konkluż tali ftehim għandha, kuntrarjament għall-każ ta’ ftehim settorjali li jirrigwardaw speċifikatament l-oqsma sensittivi msemmija f’dan it-tieni subparagrafu, hija waħda esklużiva.

142

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE jistabbilixxi regola li l-għan tagħha huwa li tindika b’liema mod għandha tiġi eżerċitata l-kompetenza Komunitarja u mhux li tispeċifika n-natura ta’ din il-kompetenza. Barra minn hekk, il-ħtieġa tal-unanimità fi ħdan il-Kunsill għall-adozzjoni tal-att Komunitarju li jikkonkludi ftehim ma huwa bl-ebda mod inkompatibbli mal-fatt li tali konklużjoni taqa’ taħt kompetenza kondiviża mal-Istati Membri.

143

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument imressaq mill-Kummissjoni li mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE jirriżulta li t-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni japplika biss fejn id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim iwasslu għal armonizzazzjoni fis-setturi tas-servizzi sensittivi msemmija f’dan it-tieni subparagrafu, għandu jiġi osservat dan li ġej.

144

Kif sostnew il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kunsill, il-premessa li fuqha jistrieħ dan l-argument, jiġifieri li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE għandu bħala uniku għan li jeskludi l-kompetenza Komunitarja esterna meta d-dispożizzjonijiet inklużi fil-ftehim propost iwasslu għal armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali f’qasam fejn it-Trattat jeskludi tali kompetenza, ma tistax tiġi dedotta mill-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, il-każ tal-armonizzazzjoni jissemma biss bħala eżempju kif juri l-użu tal-kelma “partikolarment”.

145

Din il-konstatazzjoni, waħedha, sservi sabiex teskludi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni intiża, fuq din il-bażi, li tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE għal dawk il-każijiet biss fejn id-dispożizzjoniijiet fil-ftehim propost iwasslu għal armonizzazzjoni f’wieħed mis-setturi tas-servizzi identifikati f’dan it-tieni subparagrafu.

146

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 131 sa 136 ta’ din l-opinjoni, u partikolarment tal-kliem stess tat-test tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE u tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, il-kontenut tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE ma jistax iwassal għall-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan it-tieni subparagrafu.

147

F’dan il-każ, mill-ftehim inkwistjoni jirriżulta li dawn jinkludu, b’mod partikolari, kif spjegat fil-punt 36 ta’ din l-opinjoni, estensjoni għal uħud mill-Istati Membri l-ġodda ta’ limitazzjoni settorjali fir-rigward tas-servizzi edukattivi msemmija fl-iskeda attwali ta’ rabtiet tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha u li tipprova tiżgura li dawn is-servizzi edukattivi jkunu koperti minn din l-iskeda sakemm jirrigwardaw servizzi privati ta’ edukazzjoni.

148

Kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din l-opinjoni, l-imsemmija ftehim jestendu għall-Istati Membri l-ġodda kollha jew uħud minnhom, diversi limitazzjonijiet orizzontali li jikkonċernaw l-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali. Tali limitazzjonijiet orizzontali huma, bħala regola ġenerali, applikati fis-setturi kollha ta’ servizzi koperti mill-iskeda ta’ rabtiet tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha, li jinkludu servizzi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, bħal servizzi privati ta’ edukazzjoni jew ċerti servizzi tas-saħħa jew servizzi soċjali.

149

Għalhekk, pereżempju, l-estensjoni għall-Istati Membri l-ġodda tal-limitazzjoni orizzontali, li tirrigwarda l-aċċess skont il-mod 3 għal servizzi kkunsidrati bħala servizzi pubbliċi fuq livell nazzjonali jew lokali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ monopolji pubbliċi jew ta’ drittijiet esklużivi rriżervati għal fornituri privati tista’, b’mod partikolari, tapplika fir-rigward ta’ servizzi tas-saħħa, hekk kif jirriżulta espressament min-nota ta’ spjegazzjoni li tirrigwarda din il-limitazzjoni li tinsab fl-iskeda attwali ta’ rabtiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri tagħha.

150

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE jirriżulta li l-Komunità u l-Istati Membri għandhom, f’dan il-każ, kompetenza kondiviża sabiex jikkonkludu b’mod konġunt il-ftehim inkwistjoni. Tali konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula fit-talba għal opinjoni li ġiet adita biha l-Qorti tal-Ġustizzja.

151

Fir-rigward tar-risposta għat-tieni domanda magħmula fl-imsemmija talba, jeħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li, ladarba jiġi stabbilit li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE jirregola l-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni, din id-dispożizzjoni, li turi b’mod ċar in-natura kondiviża tal-kompetenza Komunitarja għall-finijiet ta’ tali konklużjoni, u għaldaqstant, tikkompleta r-regola fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, għandha, bħal din id-dispożizzjoni tal-aħħar, isservi bħala bażi legali għall-att Komunitarju li jikkonkludi l-imsemmija ftehim.

Fuq l-użu tal-Artikoli 71 KE u 80(2) KE dwar il-politika komuni tat-trasport

152

Il-Kummissjoni u l-Parlament iqisu li l-Artikolu 133(1) u (5) KE jikkostitwixxi l-unika bażi legali li għandha tintuża għall-finijiet tal-adozzjoni tal-att Komunitarju li jikkonkludi l-ftehim inkwistjoni.

153

Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri kollha li intervenew f’dawn il-proċeduri u li esprimew ruħhom dwar dan il-punt u l-Kunsill, iqisu li, peress li l-imsemmija ftehim ikopru s-servizzi ta’ trasport, b’mod partikolari dak marittimu u bl-ajru, l-att Komunitarju li jikkonkludihom għandu, minbarra l-Artikolu 133(1), (5) u (6) KE, ikollu wkoll l-Artikoli 71 KE u 80(2) KE bħala bażi legali.

154

Sabiex tingħata deċiżjoni dwar dawn il-perspettivi differenti, jeħtieġ, kif jaqblu l-Gvernijiet u l-istituzzjonijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet, li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE li jipprovdi, b’mod speċifiku, li n-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport għandhom jibqgħu rregolati mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Trattat u tal-Artikolu 300 KE.

155

Skont il-Kummissjoni u l-Parlament, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika biss għal ftehim li jirrigwardaw esklużivament, jew tal-inqas prinċipalment, it-trasport. Skont l-istituzzjonijiet, dan ma huwiex il-każ tal-ftehim inkwistjoni li jirrigwardaw il-kummerċ fis-servizzi b’mod ġenerali, u s-servizzi tat-trasport, min-naħa tagħhom, huma biss inċidentali jew sekondarji f’dawn il-ftehim.

156

Sabiex tiġi ċċarata l-portata tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 133(5) KE, li kif diġà ġie osservat qabel jagħti lill-Kummissjoni kompetenza esterna fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi pprovduti skont il-modi 2 sa 4, jispeċifika espressament li din il-kompetenza hija “bla preġudizzju għall-paragrafu 6”.

157

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li huwa eċċezzjonali ħafna li dispożizzjoni tat-Trattat li tagħti kompetenza Komunitarja esterna f’qasam partikolari tirriżolvi, bħat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, kunflitt potenzjali ta’ bażijiet legali Komunitarji billi tindika speċifikatament li dispożizzjoni oħra tat-Trattat għandha tingħata preferenza sakemm tikkonċerna l-konklużjoni ta’ ċerti tipi ta’ ftehim internazzjonali li prima facie jistgħu jaqgħu taħt xi bażi legali jew oħra.

158

Fit-tielet lok, ma għandux ikun hemm dubju li l-espressjoni “ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport” tkopri, fost l-oħrajn, il-qasam tal-kummerċ li jirrigwarda s-servizzi tat-trasport. Fil-fatt ma jagħmilx sens li f’nofs dispożizzjoni dwar il-politika kummerċjali komuni jiġi speċifikat li ftehim fil-qasam tat-trasport li ma humiex relatati mal-kummerċ fis-servizzi tat-trasport jaqgħu taħt il-politika tat-trasport u mhux taħt l-imsemmija politika kummerċjali.

159

Fir-raba’ lok, l-affermazzjoni li n-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehim fil-qasam tat-trasport “jibqgħu” jiġu rregolati bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-politika tat-trasport tirrifletti intenzjoni li f’dan il-qasam tinżamm forma ta’ statu quo ante.

160

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li fl-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija preċiżament fir-rigward tal-konklużjoni tal-GATS li l-ftehim inkwistjoni għandhom jimmodifikaw, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehim internazzjonali fil-qasam tat-trasport ma humiex koperti mill-Artikolu 113 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 133 KE) filwaqt li speċifikat li dan kien il-każ irrispettivament mill-fatt li tali ftehim jirrigwardaw regoli ta’ sigurtà bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, magħrufa bħala “ERTA” (22/70, Ġabra p. 263), jew li jikkostitwixxu, bħall-GATS, ftehim ta’ natura kummerċjali (ara l-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 sa 53; ara wkoll, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/92, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

161

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 48 tal-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, spjegat li fit-Trattat, it-trasport huwa suġġett ta’ titolu speċjali, differenti mit-titolu ddedikat għall-politika kummerċjali komuni, u fakkret, f’dan ir-rigward, li skont ġurisprudenza stabbilita l-Komunità għandha kompetenza esterna impliċita taħt il-politika komuni tat-trasport.

162

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Nice, il-kummerċ fis-servizzi fil-qasam tat-trasport kien għadu kollu kemm hu jaqa’ barra mill-politika kummerċjali komuni. Anki jekk ipprovdut skont il-mod 1, il-kummerċ f’tali servizzi baqa’, kuntrarjament għal tipi oħra ta’ servizzi, kopert mit-titolu tat-Trattat dwar il-politika komuni tat-trasport (Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

163

Fil-ħames lok, l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni, li huma biss il-ftehim li jirrigwardaw esklużivament jew prinċipalment il-kummerċ fis-servizzi tat-trasport li huma koperti mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, iċċaħħad, b’mod sostanzjali, lil din id-dispożizzjoni mill-effettività tagħha. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni twassal sabiex dispożizzjonijiet internazzjonali b’suġġett strettament identiku fi ftehim xi drabi jaqgħu taħt il-politika tat-trasport, u xi drabi taħt il-politika kummerċjali, sempliċement skont jekk il-partijiet kontraenti tal-ftehim ikunux iddeċidew li jittrattaw biss il-kummerċ fis-servizzi tat-trasport, jew jekk ikunux ftehmu li jittrattaw fl-istess waqt dan il-kummerċ u kummerċ fi kwalunkwe tip ta’ servizzi oħra jew is-servizzi kollha flimkien.

164

Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jirriżulta li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE huwa intiż sabiex, fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali fis-servizzi tat-trasport, iżomm paralleliżmu fundamentali bejn il-kompetenza interna li hija eżerċitata bl-adozzjoni unilaterali ta’ regoli Komunitarji u l-kompetenza esterna li topera permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, biż-żewġ kompetenzi jibqgħu, bħal qabel, taħt it-titolu tat-Trattat speċifikament dwar il-politika komuni tat-trasport.

165

Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat li l-partikolarità tal-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tat-trasport hija enfasizzata fl-Artikolu 71(1) KE, li jispeċifika li l-Kunsill jistabbilixxi l-politika komuni tat-trasport billi jikkunsidra “il-fatturi partikolari tat-trasport”. Bl-istess mod, jista’ jiġi osservat li, fir-rigward, b’mod iktar partikolari tal-qasam tal-kummerċ fis-servizzi, l-Artikolu 71(1)(b) KE jagħti, espressament, kompetenza lill-Komunità sabiex tistabbilixxi, bil-għan li timplementa tali politika, “il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport f’xi Stat Membru”.

166

Fir-rigward tal-ġurisprudenza dwar l-għażla tal-bażi legali skont il-kriterju tal-għan prinċipali u inċidentali ta’ att Komunitarju, li tirreferi għaliha wkoll il-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-użu tal-Artikolu 133(1) u (5) KE biss għall-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni, huwa biżżejjed, f’dan il-każ, li jingħad li ma jistax jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim inkwistjoni dwar il-kummerċ fis-servizzi tat-trasport jikkostitwixxu l-aċċessorju neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehim li jirrigwardaw is-setturi l-oħra tas-servizzi (ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51) jew li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom portata ferm limitata (ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67, u s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1996, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-268/94, Ġabra p. I-6177, punt 75).

167

L-ewwel nett, il-kummerċ fis-servizzi tat-trasport, bħall-kummerċ ta’ tipi oħra ta’ servizzi koperti mill-GATS jew mill-ftehim inkwistjoni, jaqa’ taħt l-iskop stess tal-GATS u ta’ dawn il-ftehim, li barra minn hekk għandhom effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ ta’ kull tip ta’ servizzi kkonċernati, minkejja li ma tista’ ssir l-ebda distinzjoni f’dan ir-rigward bejn dawn tal-aħħar.

168

It-tieni nett, huwa stabbilit li l-ftehim inkwistjoni jinkludu, f’dan il-każ, numru relattivament għoli ta’ dispożizzjonijiet li għandhom l-effett li jimmodifikaw rabtiet kemm orizzontali kif ukoll settorjali meħuda mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tagħha skont il-GATS, f’dak li jirrigwarda t-termini, il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li abbażi tagħhom l-Istati Membri jagħtu aċċess għas-swieq tas-servizzi tat-trasport, b’mod partikolari dawk bl-ajru jew marittimu, lill-fornituri ta’ servizzi ta’ membri oħra tad-WTO u l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali.

169

Mill-punt 34 ta’ din l-opinjoni jirriżulta, pereżempju, li l-Anness I(A) tal-ftehim inkwistjoni jestendi għal diversi Stati Membri ġodda l-limitazzjoni orizzontali dwar l-aċċess skont il-mod 3 għal servizzi kkunsidrati bħala servizzi pubbliċi fuq livell nazzjonali jew lokali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ monopolji pubbliċi jew ta’ drittijiet esklużivi rriżervati għal fornituri privati. Kif jirriżulta espressament min-nota ta’ spjegazzjoni dwar din il-limitazzjoni orizzontali li tinsab fl-iskeda attwali ta’ rabtiet tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha, l-imsemmija limitazzjoni tista’ taffettwa, fost l-oħrajn, is-servizzi tat-trasport kif ukoll is-servizzi relatati u awżiljarji għall-modi kollha tat-trasport. Bl-istess mod, ir-restrizzjonijiet orizzontali relatati xi drabi mal-benefiċċju tat-trattament nazzjonali u xi drabi mal-aċċess għas-suq, li dwarhom jitkellem ukoll il-punt 34 ta’ din l-opinjoni, japplikaw, bħala prinċipju, fis-setturi tas-servizzi koperti mill-imsemmija skeda tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha, li jinkludu, pereżempju, ċerti servizzi tat-trasport bl-ajru bħal servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ ajruplani, il-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi tat-trasport jew anki servizzi ta’ sistemi ta’ reżervazzjoni kompjuterizzata, u s-servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija fuq l-art.

170

Barra minn hekk, u kif jirriżulta mill-punti 36 u 37 ta’ din l-opinjoni, l-Anness I(A) tal-ftehim inkwistjoni jinkludi wkoll ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet relatati mar-rabtiet settorjali fil-qasam tas-servizzi tat-trasport li xi drabi jestendu l-limitazzjonijiet settorjali għal ċerti Stati Membri, u xi drabi jintroduċu limitazzjonijiet bħal dawn fi ħdanhom stess.

171

Kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din l-opinjoni, l-Anness I(B) tal-ftehim inkwistjoni jirtira diversi rabtiet orizzontali li qabel kienu ttieħdu mir-Repubblika ta’ Malta u mir-Repubblika ta’ Ċipru fir-rigward tat-trattament nazzjonali skont il-mod 4, kif ukoll l-irtirar ta’ rabta settorjali meħuda mir-Repubblika ta’ Malta fil-qasam tas-servizzi tat-trasport marittimu ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija.

172

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prattika leġiżlattiva invokata mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li sempliċi prattika tal-Kunsill ma tistax tidderoga mir-regoli tat-Trattat u konsegwentement, ma tistax toħloq preċedent li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità dwar l-għażla tal-bażi legali korretta (Opinjoni 1/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju u mhux fuq il-bażi legali li tkun intgħażlet għall-adozzjoni ta’ atti Komunitarji oħra li jistgħu, f’ċerti każijiet, ikollhom karatteristiċi simili (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-155/07, Ġabra p. I-8103, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

173

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li jiġi konkluż, fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula fit-talba għal opinjoni, li l-aspett tat-“transport” tal-ftehim inkwistjoni jaqa’, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, taħt il-qasam tal-politika tat-trasport u mhux taħt dak tal-politika kummerċjali komuni.

 

Konsegwentement, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tagħti din l-opinjoni:

 

1)

Il-konklużjoni ta’ ftehim mal-Membri affettwati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fis-sens tal-Artikolu XXI tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), kif deskritti f’din it-talba għal opinjoni, taqa’ taħt il-kompetenza kondiviża tal-Komunità u tal-Istati Membri.

 

2)

L-att Komunitarju li jikkonkludi dawn il-ftehim għandu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 133(1) u (5) KE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE kif ukoll fuq l-Artikoli 71 KE u 80(2) KE, flimkien mal-Artikolu 300(2) KE u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3) KE.

 

Firem