POIARES MADURO
ippreżentata fil-11 ta’ Ġunju 2008 ( 1 )
Kawża C-127/08
Blaise Baheten Metock et
vs
Minister for Justice, Equality and Law Reform
“Direttiva 2004/38/KE — Drittijitet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru — Membri tal-familja li huma ċittadini ta’ pajjiż terz — Ċittadini ta’ pajjiż terz li daħlu fl-Istat Membru ospitanti qabel ma saru konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni”
1. |
Dan ir-rinviju, li huwa suġġett għall-proċedura b’urġenza skont l-Artikolu 104(b) tar-Regoli tar-Regoli tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrigwarda l-portata tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni. Il-kwistjoni hija waħda delikata peress li twassal għal obbligu li ssir diviżjoni bejn dak li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu u r-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u dak li jaqa’ taħt il-kontroll tal-immigrazzjoni li huwa qasam li jibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri sakemm u sa fejn il-Komunità Ewropea ma pproċedietx għall-armonizzazzjoni totali. Il-portata kostituzzjonali tas-suġġett tispjega d-dibattitu jaħraq; b’xejn anqas minn għaxar Stati Membri intervjenu insostenn tal-Gvern konvenut fil-kawża prinċipali sabiex jikkontestaw l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Huwa minnu li d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja komplew isaħħnu d-dibattitu minħabba n-nuqqas ta’ koerenza fil-linja ta’ ġurisprudenza tagħha. Id-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE ( 2 ) magħmula fil-kawżi preżenti, joffru opportunità tajba għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkjarifika l-kwistjoni. |
I — Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
2. |
Dan ir-rinviju preliminari qed isir mill-High Court (l-Irlanda) fil-kuntest ta’ kontroversja li tikkonċerna erba’ kawżi maqgħuda intiżi sabiex jiġi kkontestat ir-rifjut ta’ għoti ta’ awtorizazzjoni għar-residenza lil ċittadin ta’ pajjiżi terzi, miżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni li stabbilit fl-Irlanda. F’kull waħda minn dawn l-erba’ kawżi, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz daħal direttament l-Irlanda u ressaq talba għall-ażil politiku, li nċaħdet. Wara l-wasla tiegħu fl-Irlanda, l-interessat iżżewweġ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jgħix u jaħdem fl-Irlanda. Wara dan iż-żwieġ, huwa talab titolu ta’ residenza (“residence card”) bħala konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li jirrisjedi legalment fl-Irlanda. Din it-talba nċaħditlu mill-Ministru tal-Ġustizzja għar-raġuni li l-persuna li ressqet it-talba ma ġabet l-ebda prova li turi li kien għex legalment fi Stat Membru ieħor qabel il-wasla tiegħu fl-Irlanda, kif teżiġi l-leġiżlazzjoni Irlandiża adottata għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38. L-applikanti għalhekk, appellaw minn dawn id-deċiżjonijiet ministerjali li rrifjutaw l-ħruġ tat-titolu ta’ karta ta’ residenza, abbażi tal-fatt li l-kundizzjoni tar-residenza legali minn qabel fi Stat Membru ieħor imposta mil-leġiżlazzjoni Irlandiża u li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha ġġustifika ċ-ċaħdiet ikkontestati, tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38. |
3. |
Huwa għalhekk, sabiex tkun tista’ teżamina l-fondatezza tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut tat-titolu ta’ residenza kkontestati, il-qorti tar-rinviju qieset neċessarju li tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 u iktar preċiżament id-dritt ta’ residenza favur konjuġi mhux Komunitarju miżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni jistax ikun suġġett għall-kundizzjoni tar-residenza legali fi Stat Membru ieħor qabel il-wasla ta’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru ospitanti. Dan huwa l-għan tal-ewwel domanda preliminari. U jekk dan mhux il-każ, xorta għandu jiġi ddeterminat jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħux, f’dan il-każ, minkejja dan, jiġu rrifjutati l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, peress li l-Artikolu 3(1) tagħha jirriżerva d-dritt lill-membri tal-familja li “jakkompanjaw” jew “jingħaqdu” ma’ ċittadin tal-Unjoni, meta huma jkunu żżewġu biss wara l-wasla tagħhom fit-territorju Irlandiż. Minn hawn ħarġu t-tieni u t-tielet domandi preliminari li jikkonċernaw, essenzjalment, l-impatt tad-data taż-żwieġ fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38. Dawn iż-żewġ domandi ser jiġu eżaminati suċċessivament. |
II — Kunsiderazzjonijiet
A — Il-kompatibbiltà tar-rekwiżit tar-residenza legali minn qabel fi Stat Membru ieħor mad-Direttiva 2004/38
4. |
Il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2004/38 tippermettix li l-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza li hija tagħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti jiġi suġġett għall-kundizzjoni tar-residenza legali minn qabel fi Stat Membru ieħor, hija waħda relatata mal-applikazzjoni tal-imsemmi test: dan japplika biss għall-familji li kienu residenti fi Stat Membru qabel marru fl-Istat Membru ospitanti? Fi kliem ieħor, id-Direttiva 2004/38 tiggarantixxi biss il-moviment liberu tal-membri mhux Komunitarji tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Unjoni jew ukoll, f’ċerti każijiet, l-aċċess għal dawn tal-aħħar għat-territorju tal-Unjoni? |
5. |
Id-Direttiva 2004/38 ma tipprovdix risposta espliċita. Hija sempliċement tirrikonoxxi, fl-Artikoli 6, 7 u 16 tagħha, id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li m’għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u li “jakkompanjaw jew jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni”. Peress li l-analiżi tat-test mhuwiex ta’ għajnuna, jeħtieġ li jsir riferiment għall-għanijiet tiegħu. Id-Direttiva 2004/38 tfittex li tiggarantixxi d-“dritt fondamentali u individwali tal-moviment liberu u tar-residenza fuq it-territorju tal-Istati Membri”, attribwit liċ-ċittadini tal-Unjoni direttament mill-Artikolu 18 KE ( 3 ). Għaldaqstant huwa fid-dawl ta’ dan id-dritt fundamentali ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni li jridu jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Id-drittijiet li din tipprevedi jridu jinftiehmu minn perspettiva prattika b’tali mod li jingħataw il-portata kollha neċessarja sabiex tkun assigurata l-effikaċja tad-dritt tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, iżda mhux iktar. Fi kliem ieħor, irid jiġi ddeterminat jekk it-tgawdija sħiħa u kompleta tad-dritt ta’ residenza miċ-ċittadin tal-Unjoni jimplikax li d-dritt ta’ residenza tal-membri mhux Komunitarji tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, li huwa dritt derivanti minn u dipendenti fuq dak taċ-ċittadin tal-Unjoni ( 4 ), jinkludi dritt tad-dħul fit-territorju tal-Unjoni. |
6. |
Għal tali approċċ u għar-risposta li tista’ tirriżulta minnha, l-Istati Membri intervenjenti ma jistgħux jopponu b’mod validu d-diviżjoni kostituzzjonali vertikali tal-kompetenzi. Għalkemm huwa minnu li l-Istati Membri jibqgħu, fil-prinċipju, kompetenti fil-qasam tal-kontroll tal-immigrazzjoni u, konsegwentement, għall-aċċess ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġejjin minn barra t-territorju Komunitarju, ma jistax jiġi dedott minn dan li d-Direttiva 2004/38 tirrigwarda biss il-moviment bejn Stati Membri taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom u ma tirrigwardax l-aċċess ta’ dawn tal-aħħar għat-territorju tal-Unjoni. Hemm, fil-fatt, ġurisprudenza stabbilita li tikkonstata li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi nazzjonali tagħhom b’osservanza għad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali tal-moviment ( 5 ). Għaldaqstant, diġà ġie espressament deċiż li r-rekwiżiti tal-osservanza tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jillimitaw l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenzi tagħhom ( 6 ), partikolarment dawk li huma għandhom fil-qasam tal-kontroll tal-immigrazzjoni ( 7 ). |
7. |
Biex tiġi kkontestata l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 għall-kwistjoni tal-dħul tal-membri mhux Komunitarji tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Komunità, lanqas huwa possibbli li jsir riferiment għall-organizzazzjoni tal-kompetenzi Komunitarji, kif tirriżulta mill-bażijiet legali differenti previsti mit-Trattat KE. Ċertament, huwa biss it-Titolu IV tat-Trattat KE li jippermetti l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi Komunitarji fil-qasam tal-immigrazzjoni u tal-kontroll tal-fruntieri esterni ( 8 ), filwaqt li d-Direttiva 2004/38 hija bbażata fuq it-Titolu III tat-Trattat KE. Iżda din tal-aħħar tirregola b’mod dirett id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni biss, filwaqt li dawk tal-membri tal-familja tagħhom huma koperti biss inkwantu jikkostitwixxu aċċessorju għal dawk preċedenti. Il-fatt li, b’hekk, din jista’ jkollha impatt fil-qasam tal-kontroll tal-immigrazzjoni ma jimpinjax fuq il-kompetenza, fondata fuq it-Titolu IV, peress li l-għan essenzjali tagħha huwa limitat għall-garanzija tal-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni. |
8. |
Jibqa’ għalhekk li jiġi ddeterminat jekk l-effett komplet tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni jippresupponix li d-dritt tar-residenza, mogħti lill-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni mid-Direttiva 2004/38, jistax jinkludi fih, f’ċerti każijiet, id-dritt ta’ aċċess għat-territorju Komunitarju. Għal dan il-għan, huwa importanti, fl-ewwel lok, li jiġi mfakkar l-enfasi kontinwa magħmula kemm mil-leġiżlatur ( 9 ) kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ) għall-importanza tal-ħarsien tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadini tal-Istati Membri, bl-għan li jiġu eliminati l-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Din ir-rabta strumentali stabbilita bejn id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja u l-libertajiet tal-moviment, wasslet, b’mod partikolari, lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) u dawk tad-Direttiva 73/148/KEE ( 11 ) għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jimponu obbligu fuq Stat Membru li jawtorizza d-dħul u r-residenza fit-territorju tiegħu tal-konjuġi, tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu, taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat li jkunu daħal, mal-imsemmi konjuġi, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex hemmhekk jeżerċita attività ta’ impjegat, fis-sens tal-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, Artikolu 39 KE) u li jkun reġa’ mar lura jgħix, fis-sens tal-Artikolu 52 tat-Trattat KE, fit-territorju tal-Istat Membru tal-oriġini; skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jkun skuraġġat milli jħalli l-pajjiż tal-oriġini tiegħu biex jeżerċita attività ta’ impjegat jew jaħdem għal rasu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jekk meta jiġi biex imur lura fl-Istat Membru li tiegħu jkollu n-nazzjonalità, biex jeżerċita attività ta’ impjegat jew jaħdem għal rasu, il-mara jew ir-raġel u t-tfal ma jkunux awtorizzati huma wkoll li jidħlu jgħixu fit-territorju ta’ dan l-Istat, f’kundizzjonijiet li huma tal-anqas ugwali għal dawk mogħtija lilhom mil-liġi Komunitarja fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ( 12 ). L-imsemmija rabta strumentali tispjega wkoll għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, li l-Artikolu 49 KE, moqri fid-dawl tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li l-Stat Membru tal-oriġini ta’ provditur ta’ servizzi stabbilit f’dan l-istess Stat Membru, li jipprovdi servizzi lil destinatarji stabbiliti fi Stati Membri oħra, jirrifjuta r-residenza fit-territorju tiegħu lill-konjuġi ta’ dak il-fornitur, li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz ( 13 ). Anki fis-sentenza Akrich ( 14 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat tirrikonoxxi, abbażi tar-Regolament Nru 1612/68, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru tal-oriġini li fih iċ-ċittadin tal-Unjoni kien irritorna sabiex jgħix mal-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, peress li dan ma kienx għex legalment minn qabel fi Stat Membru, hija mandankollu imponiet l-obbligu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini li jevalwaw it-talba tal-konjuġi ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju tagħhom, fid-dawl tad-dritt fundamentali tar-rispett għall-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 KEDB ( 15 ), peress li l-kwistjoni kienet tolqot il-libertà tal-moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni. |
9. |
Jekk wieħed isegwi din il-linja, irid jiġi rrikonoxxut li bl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38 fis-sens li d-dritt tar-residenza li hija tagħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, ma jagħtihomx il-garanzija tad-dritt ta’ aċċess għat-territorju Komunitarju, jiġifieri dan jintervjeni biss meta huma kienu għexu legalment minn qabel fi Stat Membru ieħor, tippreġudika d-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu ħajja tal-familja normali u, għaldaqstant, id-dritt tiegħu ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti. Fil-kawżi prinċipali inkwistjoni, l-impossibbiltà għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu l-Irlanda li jġibu l-konjuġi tagħhom minn barra l-Komunità hija ta’ natura li taffettwa l-għażla libera tagħhom li jgħixu f’dak l-Istat Membru peress li tinkorraġixxihom jitilqu mill-Irlanda biex imorru lura fi Stat ieħor, sew jekk dan ikun Stat Membru, sew jekk ikun Stat terz, fejn ikunu jistgħu jgħixu ħajja komuni mal-konjuġi tagħhom. Konsegwentement, l-effettività tad-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni li jgħix fi Stat Membru ieħor għajr dak tal-oriġini tiegħu, jitlob li d-dritt ta’ residenza derivanti rrikonoxxut lill-membri mhux Komunitarji tal-familja tiegħu mid-Direttiva 2004/38 jiġi interpretat bħala li jimplika d-dritt li dawn jingħaqdu miegħu, anki jekk ikunu ġejjin direttament minn barra l-Unjoni. Minn dan jirriżulta li Stat Membru ma jistax validament jeżiġi minn dawn il-membri tal-familja li għexu legalment minn qabel fi Stat Membru ieħor sabiex dawn ikollhom id-dritt jibbenefikaw ruħhom mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. |
10. |
Fl-isfond ta’ interpretazzjoni simili mogħtija lid-Direttiva 2004/38, il-Gvern Irlandiż u l-Istati Membri intervenjenti qed jopponu s-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza Akrich ( 16 ), li tistabbilixxi li l-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza konferit mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 lil ċittadin ta’ Stat terz, miżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni, li jmur fi Stat Membru li fih iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun emigra, huwa suġġett għall-kundizzjoni ta’ residenza legali minn qabel fi Stat Membru ieħor, inkwantu l-imsemmi regolament jikkonċerna biss il-moviment liberu ġewwa l-Komunità u ma jgħid xejn dwar id-drittijiet tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz, miżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni, inkwantu għall-aċċess għat-territorju tal-Komunità. |
11. |
Is-soluzzjoni fis-sentenza Akrich, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax, madanakollu, għal diversi raġunijiet, ikollha l-portata ġenerali li qed jattribwulha l-Istati Membri. Is-sentenza ma timxix mal-linja ġurisprudenzjali eżistenti li tissuġġetta d-dritt ta’ residenza konferit mil-leġiżlazzjoni Komunitarja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni biss għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “rabta tal-familja”. Din kienet il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel l-2003 ( 17 ). Din baqgħet il-pożizzjoni wara ( 18 ). Minn dan id-dritt ta’ residenza direttament mogħti mid-dritt Komunitarju mill-aspett uniku tar-rabta tal-familja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet l-impossibbiltà għal Stat Membru li jadotta miżuri li jbegħdu membru mhux Komunitarju mill-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għar-raġuni unika li l-formalitajiet legali relatati mal-kontroll tal-barranin ma ġewx sodisfatti ( 19 ) u n-natura sempliċiment rikonjitorja tal-ħruġ tat-titolu ta’ residenza lill-imsemmi membru ( 20 ). |
12. |
Barra minn hekk, fis-sentenza Jia ( 21 ), kienet il-Qorti tal-Ġustizzja stess li rabtet b’mod espliċitu l-kundizzjoni tar-residenza legali minn qabel ifformulata fis-sentenza Akrich mal-kuntest fattwali partikolari tal-kawża prinċipali, b’ċittadin ta’ pajjiż terz, miżżewweġ lil ċittadin tal-Unjoni li għex illegalment fi Stat Membru u li fittex li jaħrab abbużivament mill-awtorità tal-liġi nazzjonali dwar l-immigrazzjoni. Akrich, li kien miżżewweġ ċittadina Ingliża u li ma kellux id-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit kien, fil-fatt, ta l-kunsens tiegħu biex jitkeċċa lejn l-Irlanda fejn kien ingħaqad ma’ martu, li kienet marret tgħix hemmhekk ftit qabel u kien beħsiebu jmur lura r-Renju Unit ma’ martu abbażi tad-dritt tar-residenza mogħti mid-dritt Komunitarju bħala konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni li eżerċitat d-dritt tagħha ta’ moviment. |
13. |
Fl-aħħar nett, għandhom jitqiesu l-bidliet introdotti mid-Direttiva 2004/38. Anki jekk wieħed jippresupponi li s-sentenza Akrich, iċċitata iktar ’il fuq, kellha portata illimitata għall-kuntest partikolari tal-kawża (l-abbuż tal-liġi), jibqa’ l-fatt li din kienet ingħatat fl-ambitu u għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament 1612/68. Kif indikat fil-Premessa 3 tagħha, id-Direttiva 2004/38 għandha l-għan mhux biss li tikkodifika iżda wkoll li tirrevedi l-istrumenti eżistenti biex “tinforza” id-dritt tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Barra minn hekk, filwaqt li r-Regolament 1612/68 jikkonċerna biss il-“moviment liberu” tal-ħaddiema fil-Komunità, u dan kif jistqarr it-titolu tiegħu stess, id-Direttiva 2004/38 tikkonċerna, fl-ambitu ġuridiku stabbilit mill-Artikolu 18 KE, id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni mhux biss li “jiċċaqalqu” minn pajjiż għal ieħor iżda li “jgħixu” liberament fit-territorji tal-Istati Membri. Fi kliem ieħor, il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema u l-leġiżlazzjoni adottata fir-rigward, kienu essenzjalment intiżi sabiex jeliminaw l-ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema. L-aċċenn għalhekk kien fuq l-effett skoraġġanti għall-ħruġ minn jew għad-dħul u l-ħruġ fi Stat Membru, li setgħu joħolqu l-miżuri meħuda mill-Istati Membri. U fl-aħħar mill-aħħar hija din il-perspettiva li ispirat ir-ratio decidendi tas-sentenza Akrich, iċċitata iktar ’il fuq. Wara li fakkret li l-istruttura tad-dispożizzjonijiet Komunitarji għandha l-għan li tiggarantixxi l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fil-Komunità, li l-eżerċizzju tagħha ma jistax jippenalizza l-ħaddiem immigrant u l-familja tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan ikkonkludiet fil-fatt li meta ċittadin tal-Unjoni, stabbilit fi Stat Membru, miżżewweġ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jibbenifikax mid-dritt tar-residenza f’dak l-Istat Membru, imur fi Stat Membru ieħor biex jaħdem bħala impjegat, in-nuqqas tad-dritt tal-konjuġi tiegħu, ibbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, li jgħix maċ-ċittadin tal-Unjoni f’dak l-Istat Membru, dan ma jistax jikkostitwixxi trattament anqas favorevoli minn dak li minnu kienu jibbenifikaw qabel mal-imsemmi ċittadin tal-Unjoni għamel użu mill-possibbiltajiet offerti bit-Trattat fil-qasam tal-moviment tal-persuni u, għalhekk, ma jistax ikun ta’ natura li jipperswadi liċ-ċittadin tal-Unjoni biex ma jagħmilx użu mid-drittijiet tal-moviment irrikonoxxuti mill-Artikolu 39 KE; min-naħa l-oħra, meta ċittadin tal-Unjoni li jgħix fi Stat Membru, miżżewweġ lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenifika mid-dritt tar-residenza f’dak l-Istat Membru, imur fi Stat Membru ieħor biex jeżerċita xogħol ta’ impjegat, dan il-moviment m’għandux isarraf fit-telf tal-possibbiltà li jgħixu flimkien leglament u huwa għal din ir-raġuni li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 jikkonċedi lill-konjuġi, id-dritt li jgħixu f’dak l-Istat Membru l-ieħor ( 22 ). Preżentament id-Direttiva 2004/38 tenfasizza d-dritt tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri. Għalhekk m’għadhiex iktar kwistjoni ta’ mobilità iżda wkoll ta’ stabbiltà, ta’ kontinwità tar-residenza fi Stat Membru ieħor li huwa intiż li jiġi garantit. Minn din il-perspettiva, huwa naturali li wieħed jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ta’ kundizzjoni ta’ residenza legali minn qabel, meħtieġa għall-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza mogħti mid-Direttiva 2004/38 liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, hija tali li taffettwa l-kontinwità tar-residenza fl-Istat Membru li ċ-ċittadin tal-Unjoni għażel liberament. Jekk il-ħajja tal-familja tiegħu tinbidel u l-membru tal-familja ma jkunx jista’ jibbenifika mid-dritt Komunitarju sabiex jingħaqad miegħu minħabba n-nuqqas ta’ residenza legali minn qabel fi Stat Membru ieħor, iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun inċitat li jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru fejn ikun għażel li jgħix biex imur fi Stat ieħor, Stat Membru jew pajjiż terz, fejn ikun jista’ jerġa’ jgħaqqad l-unità tal-familja. Il-ksur tad-dritt għall-ħajja tal-familja normali li jinħoloq mill-eżiġenza ta’ residenza legali minn qabel fi Stat Membru ieħor, jaffettwa, kif jidher ċar, l-effettività tad-dritt ta’ residenza. M’hemm l-ebda raġuni għaliex il-ksur għall-ħajja tal-familja jiġu ttrattati b’mod differenti skont jekk dawn jostakolawx jew le fuq il-libertà taċ-ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq minn Stat Membru għall-ieħor jew li jgħix fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, peress li d-Direttiva 2004/38, bħar-Regolament Nru 1612/68 ( 23 ), għandha tiġi interpretata wkoll fid-dawl tad-dritt fundamentali tar-rispett għall-ħajja tal-familja, għandu jiġi konkluż li l-benefiċċju tad-dritt tar-residenza, mogħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2004/38, ma jistax ikun suġġett għall-eżistenza tar-residenza legali minn qabel tal-imsemmija ċittadini fi Stat Membru ieħor. |
14. |
Fl-aħħar nett irid jiġi mfakkar li l-fatt li d-dritt ta’ residenza, irrikonoxxut mid-Direttiva 2004/38 liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jinkludi d-dritt ta’ aċċess għat-territorju tal-Komunità, dan ma jfissirx li dan id-dritt ma jistax jiġi limitat mill-Istati Membri. Dawn il-limiti huma rrikonoxxuti b’mod espliċitu. L-Artikolu 27 tal-imsemmi test, jirreferi għar-riżerva klassika tal-ordni pubbliku għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni u ta’ membru tal-familja tiegħu, tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu. L-Artikolu 35 jagħmel referenza wkoll għall-każ tal-abbuż ta’ dritt jew ta’ frodi. B’dan il-mod, ġew koperti ż-żwiġijiet ta’ konvenjenza iżda jista’ jitqies li l-abbuż tad-dritt ikopri wkoll l-ipoteżi Akrich,tat-tentattiv li wieħed jaħrab b’mod abbużiv mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni. Wieħed jinnota li dawn il-limitazzjonijiet permessi fid-Direttiva 2004/38 ikopru dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja awtorizzat lill-Isati Membri li jimponu, fil-kuntest tal-libertà tal-provvista ta’ servizzi, fuq id-dritt tar-rispett għall-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 KEDB ( 24 ). |
15. |
Jeħtieġ għalhekk li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li d-Direttiva 2004/38 ma tawtorizzax lil Stat Membru jissuġġetta l-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza li din tagħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għall-kundizzjoni tar-residenza legali minn qabel tal-imsemmija ċittadini fi Stat Membru ieħor. |
B — L-impatt tad-data taż-żwieġ fuq il-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza mogħti mid-Direttiva 2004/38
16. |
It-tieni u t-tielet domandi preliminari jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, essenzjalment, dwar jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 biex jikseb id-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti ma’ ċittadin tal-Unjoni li lilu huwa miżżewweġ, jekk ikun daħal fl-Istat Membru ospitanti qabel iż-żwieġ, u anki qabel il-wasla taċ-ċittadin tal-Unjoni. Il-kwistjoni tqum għaliex l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jirriżerva l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet għaċ-ċittadini tal-Unjoni u “għall-membri tal-familja tagħhom […] li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom”. Hemm lok għalhekk li din il-formulazzjoni tippresupponi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz irid ikun kiseb l-istatus ta’ membru tal-familja qabel ma jasal fl-Istat Membru ospitanti? Din hija s-sottomissjoni tal-Gvern Irlandiż. Inkella, kif jista’ ċittadin ta’ pajjiż terz jitqies li jkun qed jakkompanja jew jingħaqad ma’ ċittadin tal-Unjoni, bħala membru tal-familja tiegħu? |
17. |
It-test tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 ma jsostnix madanakollu t-teżi tal-Istat Membru konvenut fil-kawżi prinċipali. Il-kelma “jakkompanjawhom”, b’mod partikolari, tista’ wkoll tindika moviment u tinftiehem fis-sens li wieħed imur ma’, milli l-konnotazzjoni statika li tfisser ikun ma’. Dan is-sens doppju, jinsab fl-ekwivalenti tat-test Franċiżi, użat f’verżjonijiet oħra lingwistiċi, pereżempju l-kelma Ingliża “accompany”, dik Spanjola “acompañar”, dik Taljana “accompagnare” jew dik Portugiża “acompanhar”. Biex din l-ambigwità fit-test tixxejjen, trid għal darba oħra tiġi żviluppata interpretazzjoni prattika. F’dan ir-rigward jekk l-enfasi tkun unikament fuq il-mobilità taċ-ċittadini Komunitarji, fuq il-libertà tagħhom li jmorru fi Stat Membru ieħor, jista’ jingħad b’ċerta relevanza li d-dritt Komunitarju ma jiggarantixxix lill-membru tal-familja d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin tal-Unjoni immigrant peress li r-rabtiet tal-familja ġew stabbiliti biss wara l-eżerċizzju tal-libertà tal-moviment. F’din l-ipotesi fil-fatt, il-fatt li l-familja mhijiex se tkun flimkien ma jistax ikun ta’ skoraġġiment għaċ-ċittadin Komunitarju sabiex jeżerċita l-libertà li jmur minn Stat għal ieħor. |
18. |
Madankollu, kif nafu, fost id-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni skont l-Artikolu 18 KE, hemm ukoll d-dritt tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri. B’mod loġiku, id-Direttiva 2004/38, li hija intima sabiex tirregola l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, tapplika skont l-Artikolu 3 tagħha, għal kull ċittadin tal-Unjoni li “jmur jew jgħix” fi Stat Membru għajr dak tan-nazzjonalità tiegħu. Għaldaqstant, kif diġà enfasizzajt fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari, il-kontinwità tar-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti tkun ipperikolata kemm-il darba dan ma jkunx jista’ jgħix hemmhekk mal-membri tal-familja tiegħu. Il-mument li fih il-persuna saret membru mhux daqshekk importanti, għall-finijiet tal-effettività tad-dritt tar-residenza. Ftit jimporta wkoll jekk il-persuna li saret membru tal-familja kinitx diġà fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti qabel il-wasla taċ-ċittadin tal-Unjoni. Anki jekk, bħal fil-kawżi prinċipali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jkun iżżewweġ liċ-ċittadin tal-Unjoni bisst ir-residenza ta’ dawn tal-aħħar fl-Istat Membru ospitanti, u anki jekk fil-mument taż-żwieġ, ikun diġà daħa fl-Istat Membru ospitanti, ir-rifjut ta’ dan l-Istat Membru li jikkonċedilu titolu ta’ residenza fil-kapaċità tiegħu ta’ konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, liema rifjut ikun ta’ ostakolu għall-ħajja tal-familja, mhux se jaffettwa anqas ir-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tiegħu. |
19. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fil-kuntest tad-dritt tar-residenza marbut mal-libertà fundamentali tal-moviment tal-ħaddiema, Stat Membru ma jistax jiċħad il-ħruġ tat-titolu ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun iżżewweġ lil ħaddiem Komunitarju fil-pajjiż ospitanti, wara li jkun daħal fih illegalment ( 25 ), mingħajr ma jkun qed jinjora d-dritt ta’ residenza tal-ħaddiema Komunitarji u għalhekk tal-membri tal-familja tagħhom, konċess bid-Direttivi 68/360 KEE ( 26 ) u 73/148. Dak li kien veru, fl-ambitu tat-testi preċedenti għad-Direttiva 2004/38, huwa preżentement iktar veru a fortiori. M’hemmx għalfejn jerġa’ jiġi repetut li l-imsemmija Direttiva għandha l-għan li “issaħħaħ” id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni. Minn dan wieħed jista’ jikkonkludi li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jeżiġu l-benefiċċju tad-drittijiet konferiti mid-Direttiva 2004/38 lill-Membri tal-familja li “jakkumpanjaw” liċ-ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, tkun xi tkun id-data li fiha saru membri tal-familja tal-imsemmi ċittadin. |
20. |
Għaldaqstant wieħed jista’ jirrispondi għat-tieni u għat-tielet domandi preliminari fis-sens li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 japplika għal ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, indipendentement mid-data u mill-post taż-żwieġ tagħhom, u indipendentement mid-data li fiha u mill-mod li bih daħal fl-Istat Membru ospitanti. |
III — Konklużjoni
21. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-High Court:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77).
( 3 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, Ġabra p. I-7091, punt 84).
( 4 ) Bħala riferiment, ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, Ġabra p. I-10719, punti 23, 24 u 30).
( 5 ) Bħala riferiment, ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 29).
( 6 ) Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2000, Elsen (C-135/99, Ġabra p. I-10409, punt 33); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 25); tad-29 ta’ April 2004, Pusa (C-224/02, Ġabra p. I-5763, punt 22); tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 33); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas (C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 22), u tat-22 ta’ Mejju 2008, Nerkowska (C-499/06, Ġabra p. I-3993, punt 24).
( 7 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX (C-459/99, Ġabra p. I-6591). Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-157/03, Ġabra p. I-2911).
( 8 ) Bħala eżempju, ara d-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, p. 12), li jikkonferixxi d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
( 9 ) Wara li fakkar fil-ħames premessa tiegħu li “d-dritt għal-libertà tal-moviment, sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat, bi standards oġġettivi, bil-libertà u d-dinjità, […] ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema għandhom ikunu eliminati, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-ħaddiem li tingħaqad miegħu l-familja tiegħu”, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 127, p. 2) jistabbilixxi, fl-Artikolu 10 tiegħu, id-dritt tal-membri tal-familja, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, li jistabbilixxu ruhħom mal-ħaddiem, ċittadin ta’ Stat Membru li jkun impjegat fit-territorju ta’ Stat Memrbu ieħor. F’termini simili ħafna, il-Premessa 5 tad-Direttiva 2004/38 tfakkar li “(i)d-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza”.
( 10 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, Ġabra p. I-6279, punt 38); MRAX, iċċitata iktar ’il fuq (punt 53); tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26); tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-503/03, Ġabra p. I-1097, punt 41), u Eind, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).
( 11 ) Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE, tal-21 ta' Mejju 1973, dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU L 172, p. 14).
( 12 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90, Ġabra p. I-4265).
( 13 ) Ara s-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq.
( 14 ) Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003 (C-109/01, Ġabra p. I-9607).
( 15 ) Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.
( 16 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punti 49 sa 51).
( 17 ) Ara s-sentenza MRAX, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59).
( 18 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).
( 19 ) Ara s-sentenza MRAX, iċċitata iktar ’il fuq (punti 73 sa 80).
( 20 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).
( 21 ) Sentenza tad-9 ta’ Jannar 2007 (C-1/05, Gabra p. I-1).
( 22 ) Ara s-sentenza Akrich, iċċitata iktar ’il fuq (punti 51 sa 54).
( 23 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (249/86, Ġabra. p. 1263, punt 10), u Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72).
( 24 ) Ara s-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq.
( 25 ) Ara s-sentenza MRAX, iċċitata iktar ’il fuq (punti 63 sa 80).
( 26 ) Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU L 257, p. 13).