Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-11 ta’ Lulju 2008 – Proċeduri kriminali kontra Babanov

(Kawża C‑207/08)

“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Agrikoltura – Moviment liberu tal-merkanzija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kultivazzjoni ta’ kull tip ta’ qanneb”

1.                     Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Kittien u qanneb (Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, Premessa 27 u Artikolu 52) (ara l-punti 24-32 u d-dispożittiv 1)

2.                     Dritt Komunitarju – Effett dirett – Supremazija – Leġiżlazzjoni Komunitarja li tirregola l-kultivazzjoni tal-qanneb intiż għall-produzzjoni tal-fibra (Artikolu 10 KE) (ara l-punti 34-36 u d-dispożittiv 2)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Panevėžio Apygardos Teismas - Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal responsabbiltà kriminali għall-kultivazzjoni ta’ kull tip ta’ qanneb - Possibbiltà għal qorti li tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali meta l-kontenut ta’ sustanzi attivi tal-qanneb ma jaqbiżx ċertu limitu.

Dispożittiv

1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li tipprojbixxi l-kultivazzjoni u ż-żamma ta’ qanneb intiż għall-produzzjoni tal-fibra skont l-imsemmi regolament.

2)

Id-dritt Komunitarju jipprekludi li qorti ta’ Stat Membru tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali li, bi ksur tar-Regolament Nru 1782/2003, għandha bħala effett li tipprojbixxi l-kultivazzjoni u ż-żamma ta’ qanneb intiż għall-produzzjoni tal-fibra skont l-imsemmi regolament.