4.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 82/9


Appell ippreżentat fit-12 ta' Novembru 2008 minn Matthias Rath kontra d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Is-Seba' Awla) tat-8 ta' Settembru 2008 fil-Kawża T-374/06 — Matthias Rath vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-489/08 P)

(2009/C 82/17)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Matthias Rath (rappreżentanti: S. Ziegler, C. Kleiner u F. Dehn, avukati)

Parti oħra fil-proċeduri: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tal-appellant

tannulla d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Is-Seba' Awla) tat-8 ta' Settembru 2008 fil-Kawża T-374/06;

tilqa' t-talbiet li ġew ippreżentati fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-UASI kif ukoll lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonfermat, fid-digriet appellat, id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell li ddikjarat li hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark verbali “EPICAN” mitluba mill-appellant u t-trade mark verbali Komunitarja preċedenti “EPIGRAN FORTE” għal supplimenti tal-ikel u għal sustanzi tad-dieta għal użu mhux medikali.

L-appellant jibbaża l-appell tiegħu fuq ksur mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Skontu, il-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ruħha fuq fatti mhux preċiżi sabiex tevalwa x-xebh bejn il-prodotti u s-sinjali. Kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza evalwat il-fatti b'mod korrett, hija kienet neċessarjament tasal għall-konklużjoni li m'hemmx probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti. Dan jgħodd iktar u iktar jekk il-prodotti inkwistjoni jistgħu jitqiesu bħala li jibbenefikaw minn livell għoli ta' attenzjoni mill-konsumaturi.