22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 301/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England and Wales) (Queen's Bench Division), Leeds District Registry, fit-18 ta' Settembru 2008 — Uniplex (UK) Ltd vs NHS Business Services Authority

(Kawża C-406/08)

(2008/C 301/36)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (Queen's Bench Division).

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Uniplex (UK) Ltd.

Konvenuta: NHS Business Services Authority.

Domandi preliminari

Meta operatur ekonomiku jikkontestata, fi proċedimenti nazzjonali, l-għoti ta' ftehim qafas minn awtorità kontraenti wara sejħa għal offerti pubbliċi li fiha huwa kien offerenti u li din kellha titmexxa skont id-Direttiva 2004/18/KE (1) (u d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' implementazzjoni applikabbli), u qiegħed, f'dawk il-proċedimenti, jitlob dikjarazzjonijiet u kumpens għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar is-sejħa għal offerti pubblika fir-rigward ta' din is-sejħa u l-għoti:

(a)

dispożizzjoni nazzjonali bħar-Regulation 47(7)(b) tal-Public Contracts Regulations 2006, li tgħid li għandhom jitressqu l-proċedimenti minnufih u f'kull każ mhux iktar tard minn tliet xhur mid-data ta' meta jkunu seħħu l-fatti li jiġġustifikaw it-tressiq tal-proċedimenti, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hemm raġuni valida għall-proroga ta' dan it-terminu, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fid-dawl tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 89/665/KEE (2), u l-prinċipju tad-dritt Komunitarju ta' ekwivalenza u r-rekwiżit tad-dritt Komunitarju ta' protezzjoni legali effettiva, u/jew il-prinċipju ta' effettività, u fid-dawl ta' kull prinċipju ieħor rilevanti tad-dritt Komunitarju, tagħti lill-offerent dritt suġġettiv u inkundizzjonat fil-konfront tal-awtorità kontraenti tali li t-terminu sabiex jitressqu l-proċedimenti li jikkontestaw tali sejħa għal offerti u għoti jibda jiddekorri mid-data li fiha l-offerenti kien jaf, jew kellu jkun jaf, li l-proċeduri tal-għoti tal-kuntratt u l-għoti kienu kisru l-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi Komunitarja, jew mid-data tal-ksur tad-dispożiżżjonijiet dwar il-kuntratti pubbliċi nazzjonali applikabbli?

(b)

f'kull każ, kif għandha għaldaqstant il-qorti nazzjonali tapplika (i) kull rekwiżit sabiex il-proċedimenti jitressqu minnufih u (ii) kull setgħa sabiex tipproroga t-terminu nazzjonali sabiex jitressqu tali proċedimenti?


(1)  Direttiva 2004/18/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal-provvisti u servizzi] (ĠU L 134, p. 114).

(2)  Direttiva Tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal-provvisti u servizzi] (89/665/KEE) (ĠU L 395, p. 33).