20.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 327/9


Rikors ippreżentat fis-17 ta' Settembru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-401/08)

(2008/C 327/15)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: B. Schima, A. Sipos, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li peress li l-awtoritajiet Awstrijaċi kompetenti naqsu milli jfasslu pjani ta' emerġenza esterni għall-istabbilimenti kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (1), tad-9 ta' Diċembru 1996, dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 11(1)(ċ) ta' din id-direttiva.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Artikolu 11(1)(ċ) tad-Direttiva 96/82/KE jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu, għall-istabbilimenti kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 9 ta' din id-direttiva, sabiex l-awtoritajiet innominati għal dan il-għan ifasslu pjan ta' emerġenza estern għall-miżuri li għandhom jittieħdu barra l-istabbiliment. Tali pjani ta' emerġenza esterni m'għandhomx jinkludu biss informazjoni rigward il-miżuri ta' intervent fi ħdan u barra mis-sit, iżda għandhom ukoll jipprovdu lill-pubbliku informazzjoni specifica fuq l-inċident u fuq l-aġir li għandu jiġu adottat. Barra minn hekk, fil-pjani ta' emerġenza esterni għandhom jiġu inklużi, pereżempju, f'każ ta' inċident rilevanti bil-possibbiltà ta' konsegwenzi transkonfinali, ukoll informazzjoni intima għas-servizzi ta' emerġenza u tal-ewwel għajnuna fl-Istati Membri l-oħrajn.

Dan ir-rikors huwa intiż sabiex jiġi stabbilit jekk, peress li ma fasslitx pjani ta' emerġenza esterni għall-istabbilimenti kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 96/82/KE, ir-Repubblika tal-Awstrija kisritx l-Artikolu 11(1)(ċ) ta' din id-direttiva.


(1)  ĠU L 10, p. 13.