25.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 272/13


Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Korkein oikeus (Il-Finlandja) fil-5 ta' Settembru 2008 — Artur Leymann, Aleksei Pustovarov vs Virallinen syyttäjä

(Kawża C-388/08)

(2008/C 272/23)

Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Artur Leymann, Aleksei Pustovarov.

Parti l-oħra: Virallinen syyttäjä

Domandi preliminari

1)

Kif jeħtieġ li tiġi interpretata l-espressjoni “offiża [reat] […] barra dik [dak] għal liema l-persuna kienet ġiet ċeduta [ikkunsinjata]”, li hija użata fl-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas (1) u, b'mod iktar preċiż, liema huma l-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deskrizzjoni tal-fatti li fuqhom kien ibbażat l-att ta' l-akkuża kinitx differenti minn dik li fuqhom kienet ibbażata l-kunsinja, b'mod li jkollu jiġi kkunsidrat li dan ikun “reat ieħor”, li persuna tista' tiġi akkużata bih biss bil-kunsens imsemmi fl-Artikolu 27(3)(g) u (4)?

2)

L-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċedura ta' kunsens imsemmija fil-paragrafi 3(g) u 4 tal-istess Artikolu għandha tapplika f'każ fejn kemm il-mandat ta' arrest kif ukoll il-kundanna definittiva kienu jirrigwardaw reat (aggravat) tat-traffiku tad-drogi iżda fejn id-deskrizzjoni tal-fatti fil-kundanna ġiet sussegwentement mibdula b'mod li din ġiet tirrigwarda kategorija oħra ta' drogi differenti minn dik imsemmija fil-mandat ta' arrest?

3)

Kif jeħtieġ li jiġi interpretat l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas li jipprovdi li persuna li tkun ġiet ikkunsinjata ma tistax tiġi akkużata, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà tagħha għal reat ieħor, fid-dawl tal-proċedura ta' kunsens imsemmija fil-paragrafu 4 tal-istess Artikolu u tenut kont tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 27(3)(ċ) li tipprovdi li ir-“regola ta' l-ispeċjalità” ma tapplikax meta l-proċeduri kriminali ma jwasslux għall-applikazzjoni ta' miżuri li jirrestrinġu l-libertà personali?

a)

Fil-każijiet li jaqgħu taħt il-proċedura ta' kunsens, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li r-reat inkwistjoni jagħti lok għal prosekuzzjonijiet, li jsir proċess u li tingħata sentenza qabel jiġi rċevut il-kunsens, bil-kundizzjoni li l-persuna ssuspettata bir-reat ma tkunx suġġetta għal miżuri li jċaħħduha mil-libertà tagħha jew li jirrestrinġu l-libertà tagħha?

b)

X'importanza għandha tingħata lill-fatt li proċeduri kriminali li jinvolvu restrizzjoni tal-libertà jkunu jirrigwardaw diversi reati fosthom wieħed li jkun jaqa' taħt il-proċedura ta' kunsens? F'każ bħal dan, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li dan ir-reat tal-aħħar jagħti lok għal prosekuzzjonijiet, li jsir proċess u li tingħata sentenza qabel jiġi rċevut il-kunsens, u dan minkejja li matul il-proċeduri l-persuna ssuspettata tkun ġiet suġġetta għal miżuri li jirrestrinġu l-libertà tagħha, peress li din ir-restrizzjoni kienet legalment iġġustifikata minn kapijiet oħra ta' l-akkuża?


(1)  Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill, tat-13 ta' Ġunju 2002, fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment [kunsinja] bejn l-Istati Membri, ĠU L 190, 18.07.2002, p. 1.