15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 209/29


Rikors ippreżentat fid-9 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-248/08)

(2008/C 209/44)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: Eleni Tserepa — Lacombe u A. Markoulli)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

It-talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara lir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(2)(a) u (ċ), 5(2)(ċ), 6(2)(b), 10, 11, 12, 13, 14, 15, 17, 18 u 26 tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (1), li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikkjara li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l- Artikoli 4(2)(a) u (ċ), 5(2)(ċ), 6(2)(b), 10, 11, 12, 13, 14, 15, 17, 18 u 26 tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (iktar 'il quddiem, ir-“Regolament PSA”). Għandu jiġi osservat li dan ir-rikors jirreferi għal żewġ proċeduri għal nuqqas ta' twettieq ta' obbligu (nuqqas ta' twettieq ta' obbligu 2001/5217 u 2006/2221) dovuti għall-ksur, min-naħa tar-Repubblika Ellenika, ta' l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija artikoli ta' dan ir-regolament.

B'mod partikolari, ir-regolament jistabbilixxi li wara li skart li joriġina mill-annimali jkun inġabar, ġie ttrasportat u identifikat mingħajr dewmien mhux mistħoqq dan għandu jiġi fost affarijiet oħra meqrud, wara li jkun ġie pproċessat, skond metodi partikolari appartenenti għall-kategoriji previsti fir-regolament [(Artikoli 4(2)(ċ), 5(2)(ċ), 6(2)(b)]. Bl-istess mod, huma previsti l-proċeduri relatati mal-qerda ta' materjali speċifiċi ta' riskju permezz ta' inċinerazzjoni [Artikolu 4(2)(a)]. Barra minn hekk, ir-Regolament PSA jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta' impjanti ta' pproċessar ta' l-iskart, ta' impjanti intermedji, ta' ħażna, ta' inċinerazzjoni u ta' ko-inċinerazzjoni, ta' pproċessar ta' kategorija 1 u 2, ta' oleokimiċi ta' kategorija 2 u ta' karegorija 3, ta' biogas u impjanti tal-kompost (Artikoli 10 sa 15). B'mod analogu, ir-Regolament PSA jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet kompetenti tal-materjal ta' Kategorija 3 kief ukoll ta' ikel għall-annimali domestiċi u ta' l-impjanti tekniċi (Artikoli 17 u 18). Bl-istess mod, skond ir-regolament, hija l-awtorità kompetenti li għandha f'intervalli regolari twettaq spezzjonijiet u sorveljanza sabiex tiggarantixxi l-osservanza ta' dawn id-dispożizzjonijiet abbażi ta' kriterji differenti stabbiliti u li għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex dawn jiġu osservati (Artikolu 26).

Billi bbażat ruħha fuq numru kunsiderevoli ta' rapporti derivanti mill-missjonijiet ta' l-Uffiċċju Veterinarju u ta' l-Ikel (FVO), il-Kummissjoni tenfasizza li la fl-iskadenza tat-termini mogħtija mill-opinjoni motivata supplementari, u lanqas iktar 'il quddiem, ir-Repubblika Ellenika adottat il-provvedimenti kollha neċessarji sabiex ittemm il-ksur attribwit lilha u, b'hekk, sabiex tikkonforma ruħha ma' l-obbligi tagħha skond l-artikoli msemmija 'l fuq tar-Regolament PSA.

Mill-2004, il-FVO wettqet missjonijiet differenti fil-Greċja sabiex tikkonstata l-applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament PSA. Minkejja l-konstatazzjoni ta' ċertu progress li seħħ wara rakkomandazzjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet Elleniċi tal-FVO, abbażi tal-konstatazzjonijiet tagħha, kif ukoll l-approvazzjoni ta' leġiżlazzjoni speċifika f'Ottubru ta' l-2006 li kellha bħala għan li jiddaħħlu miżuri amministrattivi neċessarji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament PSA, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-approvazzjoni ta' l-impjanti ta' pproċessar ta' l-iskart, l-ispetturi tal-FVO ikkonstataw bosta drabi u fil-post innifsu, sa April ta' l-2007, data li fiha saret l-aħħar missjoni, li l-awtoritajiet Griegi ma kinux ħadu l-azzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma' l-obbligi taħt l-artikoli tar-Regolament PSA imsemmija 'l fuq.

Għandu jiġi osservat ukoll li n-nuqqas ta' twettiq jew it-twettiq insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet imsemmija 'l fuq huwa fil-biċċa l-kbira dovut għal koordinazzjoni ineffiċjenti min-naħa ta' l-awtoritajiet kompetenti fuq livell ta' amministrazzjonijiet lokali. Barra minn hekk, bħal ma jirriżulta mir-risposti ta' l-awtoritajiet Elleniċi għall-konstatazzjonijiet magħmula matul il-missjonijiet tal-FVO, il-livell ta' eżekuzzjoni tal-verifiki uffiċjali min-naħa ta' l-awtoritajiet kompetenti u ta' l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jassigurax b'mod effiċjenti l-applikazzjoni tar-Regolament PSA.


(1)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.