21.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 158/13


Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Commissione Tributaria Regionale di Trieste (l-Italja) fis-16 ta' April 2008 — Agenzia delle Dogane Circoscrizione doganale di Trieste vs Pometon SpA

(Kawża C-158/08)

(2008/C 158/19)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Qorti tar-rinviju

Commissione Tributaria Regionale di Trieste

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Agenzia delle Dogane Circoscrizione doganale di Trieste

Konvenuta: Pometon SpA

Domandi preliminari

1)

Jista' jiġi kkunsidrat b'mod ġust li s-sistema ta' l-ipproċessar tad-dħul, kif implementata minn POMETON SpA, tista' tikser il-prinċipji tal-politika doganali tal-Komunità, u b'mod partikolari dawk tal-leġiżlazzjoni ġenerali u speċifika ta' l-anti-dumping, barra minn dik tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (Regolament (KEE) Nru 2913/92) (1)? B'mod partikolari, l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 384/96 (2) għandu jiġi interpretat bħala prinċipju ta' portata ġenerali, applikabbli bħala klawżola ġenerali tas-sistema ġuridika Komunitarja, direttament vinkolanti wkoll fir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-persuni taxxabbli, minbarra fil-proċedura ta' impożizzjoni tad-dazju anti-dumping; bħala eżempju, dan il-prinċipji jista' jiġi invokat matul l-eżekuzzjoni tal-kontrolli doganali, b'mod konformi mal-kunċett fl-Artikolu 4(14) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (Regolament (KEE) Nru 2913/92)?

2)

Id-dispożizzjonijiet magħquda ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 384/96, fil-qasam ta' l-evażjoni tar-regolament anti-dumping, ta' l-Artikoli 114 et seq. tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (Regolament (KEE) Nru 2913/92, fil-qasam ta' l-ipproċessar tad-dħul u ta' l-Artikoli 202, 204, 212 u 214 tiegħu, fil-qasam tal-ħolqien ta' dejn doganali, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li s- suġġettar għal dazju anti-dumping ta' merkanzija mhuwiex eskluż fil-każ ta' xiri bil-quddiem ta' dan l-istess prodott minn ċittadin ta' pajjiż li mhuwiex suġġett għal dazju anti-dumping, li jkun xtrah minn pajjiż suġġett għal din il-miżura, u mingħajr bl-ebda mod ma jalterah, ikun temporanjament importah fil-Komunità taħt sistema ta' ipproċessar tad-dħul, sabiex wara li jkun ġie pproċessat jerġa' jimportah, iżda b'mod provviżorju u għal ftit siegħat, u jbiegħu mill-ewwel lill-istess kumpannija tal-pajjiż Komunitarju li kienet inkarigata mill-ipproċessar tad-dħul?

3)

Jekk, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet penali Komunitarji, billi din il-qorti ma sabithomx, il-qorti ta' l-Istat Membru tistax tapplika regoli tas-sistema ġuridika tagħha li jippermettu li jiġu ddikjarati nulli, ladarba jkun hemm dawn il-kundizzjonijiet, il-kuntratti ta' tqegħid fl-ipproċessar tad-dħul u ta' bejgħ tal-prodott li jikkumpensa ieħor, bħall-Artikoli 1343 (kawża illeċita), 1344 (kuntratt ta' evażjoni frawdolenti tal-liġi) u 1345 (motiv illeċitu) tal-kodiċi ċivili Taljan u l-Artikoli 1414 et seq. tal-kodiċi ċivili Taljan, fil-qasam ta' simulazzjoni, fil-każ fejn il-ksur tal-prinċipji Komunitarji msemmija iktar 'il fuq ikun stabbilit?

4)

Jekk, ukoll għal raġunijiet oħra jew elementi ta' interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq tindika, l-operazzjoni fuq deskritta, fil-każ fejn din hija implementata sabiex ikun hemm evażjoni tad-dazji anti-dumping, hijiex konformi mas-sistema ta' ipproċessar tad-dħul jew jekk għall-kuntrarju din effettivament tiksirx il-prinċipji doganali fil-qasam ta' applikazzjoni ta' dazju anti-dumping li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq tindika?

5)

Jekk, ukoll għal raġunijiet oħra jew elementi ta' interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq tindika, l-operazzjoni in kwistjoni tikkorrispondi għal importazzjoni definittiva ta' prodotti suġġetti għal dazju anti-dumping?


(1)  ĠU L 302, p. 1.

(2)  ĠU L 56, p. 1.