24.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 128/18


Rikors ippreżentat fit-12 ta' Frar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-50/08)

(2008/C 128/31)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: MM. J.-P. Keppenne u M. H. Støvlbæk, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li, billi imponiet kundizzjoni ta' nazzjonalità għall-aċċess għall-professjoni ta' nutar, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond it-Trattat KE, b'mod partikolari l-Artikoli 43 KE u 45 KE;

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni takkuża lill-konvenuta li, billi imponiet kundizzjoni ta' nazzjonalità għall-aċċess għall-professjoni ta' nutar u l-eżerċizzju tagħha, hija kkawżat dannu sproporzjonat għal-libertà ta' l-istabbiliment prevista fl-Artikolu 43 KE. Huwa minnu li l-Artikolu 45 KE jeżenta mill-applikazzjoni tal-kapitolu rigward id-dritt ta' stabbiliment l-attivitajiet li huma parti, b'mod dirett u speċifiku, mill-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika. Skond il-Kummissjoni, il-kompiti li n-nutara huma inkarigati bihom mid-dritt Franċiż madankollu jippreżentaw livell ta' parteċipazzjoni tant dgħajjef f'dan l-eżerċiżżju li huma ma jistgħux jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, u jiġġustifikaw ostakolu bħal dan għal-libertà ta' l-istabbiliment.

Fil-fatt, minn naħa, dawn il-kompiti ma jagħtux lin-nutara setgħat reali ta' infurzar u l-funzjonijiet u l-istatus rispettivi ta' l-imħallef u tan-nutar huma ferm distinti.

Min-naħa l-oħra, miżuri inqas restrittivi minn kundizzjoni ta' nazzjonalità jistgħu jiġu imposti mil-leġiżlatur nazzjonali, bħal, per eżempju, l-issuġġettar ta' l-operaturi kkonċernati għal kundizzjonijiet stretti ta' aċċess għall-professjoni, għal dmirjiet professjonali partikolari u/jew għal kontroll speċifiku.