8.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 64/29


Appell ippreżentat fit-2 ta' Jannar 2008 minn U.S. Steel Košice, s.r.o. mid-Digriet tal-Qorti tal Prim' Istanza (It-Tielet Awla) mogħti fl-1 ta' Ottubru 2007 fil-Kawża T-27/07, U.S. Steel Košice, s.r.o. vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-6/08 P)

(2008/C 64/42)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellanti: U.S. Steel Košice, s.r.o. (rappreżentanti: Mr C. Thomas, solicitor, Mr E. Vermulst, advocaat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-1 ta' Ottubru 2007 fil-kawża T-27/07, U.S. Steel Košice, s.r.o. vs Il-Kummissjoni;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' l-appellanti.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li l-appell huwa ibbażat fuq żball ta' liġi mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-prinċipji li jmexxu l-ammissibbiltà tar-rikorsi u fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/87 (1), kif ukoll id-distorsjoni (żnaturament), tad-deċiżjoni kkontestata, mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

1.

Il-Qorti tal-Prim'Istanza inġustament naqset milli tirrikonoxxi li d-deċiżjoni kkontestata ċaħdet l-iskema tal-Gvern Slovakk li jagħti ammont speċifikat ta' kwoti lill-appellanti.

2.

Il-Qorti tal-Prim'Istanza inġustament naqset milli tirrikonoxxi li d-deċiżjoni kkontestata wasslet b'mod inevitabbli għal tnaqqis tal-kwoti ta' l-appellanti, u saħansitra espliċitament eżiġiet tnaqqis fil-benefiċċji ta' l-appellanti.

3.

Il-Qorti tal-Prim'Istanza inġustament naqset milli tirrikonoxxi s-similitudni proċedurali tad-deċiżjoni kkontestata ma' għajnuna mill-Istat jew deċiżjoni ta' kontroll tal-konċentrazzjonijiet;

l-aspetti fundamentali tal-proċedura taħt l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 huma simili għall-għajnuna mill-Istat jew deċiżjoni ta' kontroll tal-konċentrazzjonijiet;

id-deċiżjoni kkontestata fil-fatt wettqet evalwazzjoni tal-benefiċċji ta' l-appellanti.

4.

Il-Qorti tal-Prim'Istanza inġustament identifikat “diskrezzjoni” fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Fil-qosor, l-appellanti ssostni li hija direttament ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata li tiċħad skema formali sabiex jingħataw kwoti ta' emmissjonijiet lill-appellanti, b'mod inevitabbli naqqset il-kwoti li kienet tiġi allokata l-appellanti, u b'mod espliċitu imponiet li jiitnaqqsu dawn il-kwoti.


(1)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE). (ĠU L 275, p. 32).