Kawża C-577/08

Rijksdienst voor Pensioenen

vs

Elisabeth Brouwer

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-arbeidshof te Antwerpen)

“Trattament ugwali bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali — Direttiva 79/7/KEE — Ħaddiema transkonfinali — Kalkolu tal-pensjonijiet”

Sommarju tas-sentenza

1.        Politika soċjali — Trattament ugwali bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali — Direttiva 79/7

(Direttiva tal-Kunsill 79/7, Artikolu 4(1))

2.        Domandi preliminari — Interpretazzjoni — Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni

(Artikolu 234 KE)

1.        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha, għal perijodu mill-1984 sal-1994, il-kalkolu tal-pensjonijiet ta’ rtirar u tal-anzjanità għal ħaddiema transkonfinali femminili kien ibbażat, fir-rigward tal-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur, fuq salarji ta’ kuljum preżunti u/jew standard li kienu inferjuri għal dawk tal-ħaddiema transkonfinali maskili.

(ara l-punt 31 u d-dispożittiv)

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’mod eċċezzjonali, filwaqt li tikkunsidra l-konsegwenzi serji li s-sentenza tagħha jista’ jkollha għall-passat, tiġi indotta li tillimita l-possibbiltà għal kull min hu kkonċernat li jinvoka l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni li tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiġi mitluba tagħmel dan permezz ta’ domanda preliminari. Madankollu, il-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minn sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma jiġġustifikawx, fihom infushom, il-limitazzjoni ratione temporis ta’ din is-sentenza.

(ara l-punti 33, 34)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ Lulju 2010 (*)

“Trattament ugwali bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Ħaddiema transkonfinali – Kalkolu tal-pensjonijiet”

Fil-Kawża C‑577/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-arbeidshof te Antwerpen (il-Belġju), permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2008, fil-proċedura

Rijksdienst voor Pensioenen

vs

Elisabeth Brouwer,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, K. Schiemann (Relatur), P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u C. Pochet, kif ukoll minn E. Pools, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215)

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn E. Brouwer kontra l-Rijksdienst voor Pensioenen (Uffiċċju nazzjonali tal-pensjonijiet, iktar ’il quddiem il-“Rijksdienst”) dwar il-kalkolu allegatament diskriminatorju tal-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar li ngħatalha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Id-Direttiva 79/7 hija intiża li telimina progressivament id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Skont l-Artikolu 3(1)(a) tagħha, din tapplika għal skemi statutorji li jiżguraw protezzjoni kontra, b’mod partikolari, l-anzjanità.

4        Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

[…]

–        il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

5        L-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li din mhix ser tipprekludi l-fakultà tal-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha:

“l-iffissar ta’ età tal-pensjoni sabiex jingħataw pensjonijiet ta’ l-anzjanità u rtirar u l-konsegwenzi li jistgħu jiġu minnhom għall-benefiċċji l-oħra”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        L-Artikolu 5(7) tad-Digriet Irjali, tat-23 ta’ Diċembru 1996, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 15 sa 17 tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 1996 li timmodernizza s-sigurtà soċjali u tiżgura l-vijabbiltà tal-iskemi statutorji tal-pensjonijiet jistabbilixxi:

“Ħaddiem ta’ ċittadinanza Belġjana:

a)      li kien abitwalment impjegat bħala ħaddiem, impjegat jew ħaddiem fil-minjieri f’pajjiż li jmiss mal-Belġju, bil-kundizzjoni li huwa żamm ir-residenza prinċipali tiegħu fil-Belġju u, bħala regola, kien imur lura l-Belġju kuljum,

b)      jew li kien impjegat f’pajjiż barrani bħala ħaddiem jew impjegat għal perijodi ta’ żmien ta’ inqas minn sena għal prinċipal stabbilit f’dan il-pajjiż, sabiex hemmhekk jeżerċita xogħol remunerat jew xogħol simili ta’ natura staġunali, bil-kundizzjoni li jkun żamm ir-residenza prinċipali tiegħu fil-Belġju u li l-familja tiegħu kienet baqgħet tirresjedi l-Belġju,

jista’ jikseb pensjoni ta’ rtirar ekwiparabbli għad-differenza bejn l-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar li kien jikseb kieku eżerċita din l-attività fil-Belġju bħala ħaddiem impjegat u l-ammont tal-pensjoni miksub mill-istess attività skont il-liġi tal-pajjiż tax-xogħol”.

7        Skont l-Artikolu 25 tad-Digriet Irjali, tal-21 ta’ Diċembru 1967, dwar regoli ġenerali tal-iskema tal-pensjoni ta’ rtirar u tas-superstiti tal-ħaddiema impjegati (Moniteur belge tas-16 ta’ Jannar 1968), ir-remunerazzjoni li għandha titqies sabiex tiġi ddeterminata l-pensjoni ta’ rtirar li ħaddiem kopert mill-Artikolu 5(7) tad-Digriet Irjali tat-23 ta’ Diċembru 1996 kien jikseb kieku din l-attività bħala ħaddiem impjegat kienet ġiet eżerċitata fil-Belġju jew sabiex tiġi ddeterminata l-pensjoni tas-superstiti hija stabbilita mir-Re għal kull sena kalendarja, b’kunsiderazzjoni għad-data marbuta mas-sena kalendarja preċedenti li tinsab fil-kont personali.

 Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        E. Brouwer, ta’ ċittadinanza Belġjana u residenti l-Belġju, ħadmet fil-Pajjiżi l-Baxxi, bħala ħaddiema transkonfinali, mill-15 ta’ Awwissu 1960 sal-31 ta’ Diċembru 1998. Mill-1 ta’ Jannar 1999, hija waqfet taħdem u rċeviet il-benefiċċji ta’ rtirar kmieni fil-Belġju.

9        Peress li kellha dritt għal pensjoni ta’ rtirar sħiħa fil-Belġju sakemm tagħlaq sitta u ħamsin sena, u l-oneru ta’ dan il-piż sussegwentement kien fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi minħabba perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati f’dan il-pajjiż, E. Brouweer, fl-2003, talbet pensjoni ta’ rtirar mingħand il-Rijksdienst. Il-pensjoni ta’ rtirar, ikkalkolata pro rata għall-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati, ġiet stabbilita għal EUR 11 724.61 u ngħatatilha mill-1 ta’ Mejju 2004.

10      L-ammont tal-imsemmi pensjoni ġie kkalkolat, skont il-leġiżlazzjoni Belġjana applikabbli, b’mod partikolari l-Artikolu 5(7) tad-Digriet Irjali tat-23 ta’ Diċembru 1996, fuq il-bażi ta’ salarji ta’ kuljum preżunti u/jew standard stabbiliti annwalment b’digriet irjali fuq il-bażi tas-salarju medju rċevut mill-ħaddiema fil-Belġju matul is-sena preċedenti.

11      Fl-1 ta’ Ġunju 2004, E. Brouwer ikkontestat l-ammont tal-pensjoni mogħti lilha, billi sostniet li, għal perijodu mill-1 ta’ Jannar 1968 sal-31 ta’ Diċembru 1994, il-kalkolu tal-imsemmi ammont kien ibbażat fuq salarji preżunti u/jew standard li, matul dan il-perijodu, kienu inqas għal ħaddiema femminili minn dawk għall-ħaddiema maskili.

12      Fil-5 ta’ Lulju 2004, il-Rijksdienst informa lil E. Brouwer li huwa kien ser iżomm id-deċiżjoni inizjali tiegħu, billi sostna li, matul il-perijodu inkwistjoni, is-salarju reali medju, li fuqu ġiet ikkalkolata l-pensjoni ta’ rtirar, ma kienx l-istess għal ħaddiema femminili u għal ħaddiema maskili, u dan jispjega d-differenza fl-ammonti tal-pensjonijiet. Madankollu, mill-1995, is-salarju ta’ kuljum sar identiku għal ħaddiema maskili u femminili. Dan l-iżvilupp kien influwenzat kemm mill-fatt li l-ekwivalenza fir-remunerazzjonijiet kienet fi stadju avvanzat kif ukoll mill-fatt li n-numru ta’ nisa qegħdin jaħdmu perijodi itwal.

13      E. Brouwer ippreżentat rikors quddiem l-arbeidsreschtbank te Hasselt (qorti tax-xogħol ta’ Hasselt) kontra d-deċiżjoni tar-Rijksdienst. B’sentenza tat-16 ta’ Ġunju 2006, din il-qorti annullat l-imsemmija deċiżjoni u kkundannat lill-Rijksdienst sabiex iwettaq kalkolu ġdid tal-pensjoni ta’ rtirar ta’ E. Brouwer fuq il-bażi tar-remunerazzjonijiet preżunti u/jew standard li kienu ntużaw għal ħaddiema transkonfinali maskili matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1968 sal-31 ta’ Diċembru 1994.

14      L-arbeidsreschtbank te Hasselt ikkunsidrat li r-regoli kostituzzjonali tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni ma jeskludux il-possibbiltà li jkun hemm differenza fit-trattament bejn il-kategoriji ta’ persuni, kemm-il darba din id-differenza tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, issegwi għan leġittimu u tkun proporzjonali għall-għan imfittex. F’din il-kawża, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti.

15      Skont l-arbeidsreschtbank te Hasselt, anki jekk, preċedentement, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq is-sess kienet tirriżulta mis-sitwazzjoni fattwali ta’ dak iż-żmien u li kienet ikkaratterizzata bid-differenza fil-livell tar-remunerazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa, tali sitwazzjoni ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 141 KE u mal-obbligu li jirriżulta minnu li huwa li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema maskili u ħaddiema femminili għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur. Konsegwentement, il-leġiżlatur Belġjan ma jistax jibqa’ jibbaża ruħu fuq sistema li tipprovdi li, għan-nisa, hija remunerazzjoni inferjuri li għandha tiġi kkunsidrata fil-kalkolu tal-pensjoni tagħhom bħala ħaddiema transkonfinali, billi jiddikjara li dan jirrifletti sitwazzjoni li fiha, bħala medja, il-ħaddiema femminili jirċievu remunerazzjoni inferjuri għal dik li jirċievu l-ħaddiema maskili.

16      Il-Rijksdienst ippreżenta appell mis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2006 quddiem l-Arbeidshof te Antwerpen.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-arbeidshof te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-Digrieti Rjali ta’ 01.12.1969, 18.06.1970, 08.06.1971, 14.09.1972, 31.07.1973, 12.07.1974, 13.02.1975, 28.11.1975, 26.11.1976, 26.09.1977, 31.07.1978, 31.08.1979, 02.12.1980, 13.01.1982, 14.03.1983, 11.01.1984, 30.11.1984, 24.01.1986, 30.12.1986, 06.01.1988, 02.12.1988, 30.11.1989, 10.12.1990, 01.06.1993, 08.12.1993, 19.12.1994 u 10.10.1995, adottati skont l-Artikolu 25 tad-Digriet Rjali tal-21 ta’ Diċembru 1967, dwar regoli ġenerali fuq l-iskema tal-pensjoni ta’ rtirar u tas-superstiti tal-persuni impjegati, li jipprevedu li, għall-kalkolu tal-pensjoni ta’ rtirar tal-ħaddiema transkonfinali nisa, jiġu ffissati remunerazzjonijiet preżunti u/jew standard inferjuri minn dawk ta’ ħaddiema transkonfinali rġiel, huma konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      Il-Kummissjoni Ewropea titlaq mill-premessa li tipprovdi li s-salarji reali medji tal-ħaddiema fil-Belġju għas-snin 1968 sal-1994, li fuq il-bażi tagħhom ġew ikkalkolati l-pensjonijiet ta’ rtirar, kienu jirrigwardaw l-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur. Il-Kummissjoni tqis li, peress li l-awtoritajiet Belġjani ma kkoreġewx id-differenzi fis-salarji li jeżistu fil-prattika, dawn id-differenzi influwenzaw ukoll is-salarji preżunti u/jew standard użati għall-kalkolu tal-pensjoni ta’ rtirar.

19      Hija ssostni li t-tali kalkolu jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fis-sens tad-dritt Komunitarju, inkompatibbli mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7.

20      Il-Gvern Belġjan sostna, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li t-tali diskriminazzjoni ma teżistix. Matul il-perijodu bejn l-1968 u l-1994, kien hemm differenza notevoli fir-remunerazzjoni bejn ħaddiema maskili u femminili, impjegati f’settur differenti, u spiss bi pjan ta’ ħidma mnaqqas għan-nisa. B’hekk jirriżulta li r-remunerazzjoni li għandha titqies għall-kalkolu tas-salarji medji hija differenti. Għalhekk, huwa normali li hemm differenzi fir-remunerazzjonijiet ta’ kuljum preżunti u standard, u dan iwassal għal differenzi fl-ammont tal-pensjonijiet. Mill-1995, ir-remunerazzjoni ta’ kuljum saret, skont il-Gvern Belġjan, l-istess għal ħaddiema femminili u maskili għaliex is-salarji saru ugwali u n-nisa saru iktar attivi f’attivitajiet professjonali tradizzjonalment riżervati għall-irġiel.

21      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta, il-Gvern Belġjan biddel radikalment il-pożizzjoni tiegħu.

22      L-ewwel nett, huwa rrikonoxxa l-eżistenza ta’ trattament inugwali u spjega l-passi li ħa sabiex jikkoreġi din is-sitwazzjoni u jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti tad-Direttiva 79/7. Proposta għal digriet irjali intiż li s-salarji ta’ kuljum standard għan-nisa jkunu daqs dawk tal-irġiel għall-perijodu ta’ bejn l-1984 u l-1994 kienet ġiet b’mod partikolari abbozzata. Il-Gvern Belġjan sostna li l-Artikolu 2 ta’ din il-proposta jipprevedi li l-persuni li jixtiequ jibbenefikaw mill-imsemmija ekwivalenza għandhom iressqu talba skont ir-regolament ġenerali dwar il-pensjonijiet ta’ rtirar u tas-superstiti tal-ħaddiema.

23      It-tieni nett, il-Gvern Belġjan talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza tagħha, u din it-talba ta’ limitazzjoni ma tirrigwardax il-ħlas ta’ arretrati iżda tirrigwarda biss l-interessi dovuti fuq dawn l-arretrati. B’mod partikolari, il-Gvern Belġjan talab li l-benefiċċji ta’ dawn l-interessi jiġu limitati għal kategorija ta’ persuni li kellhom id-dritt jippreżentaw proċedura ġudizzjarja qabel it-18 ta’ Diċembru 2008, id-data li fiha ġiet ippreżentata d-deċiżjoni preliminari mill-arvedishof te Antwerpen.

24      Il-Gvern Belġjan isostni li ż-żewġ kundizzjonijiet rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jippermettu limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huma sodisfatti.

25      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ bone fide f’każ ta’ interpretazzjoni żbaljata ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, f’din il-kawża l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, il-Gvern Belġjan sostna li kkunsidra d-differenzi fir-remunerazzjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa bħala ġġustifikati minn fatturi oġġettivi. F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan ibbaża ruħu fuq il-fatt li l-ebda kawża simili qatt ma tressqet quddiem il-qrati Belġjani u li l-ebda rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dwar dan is-suġġett ma ġie ppreżentat mill-Kummissjoni kontra l-Istat tal-Belġju.

26      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, jiġifieri riskju ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji mit-tali sentenza għall-Istat Membru kkonċernat, il-Gvern Belġjan sostna li s-sempliċi ħlas tal-arretrati mingħajr interessi jirrappreżenta piż kbir ħafna għall-finanzi pubbliċi Belġjani.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li fil-kuntest ta’ proċedura abbażi tal-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali ma’ dik tad-dritt Komunitarju u għaldaqstant hemm bżonn li d-domanda preliminari tiġi rriformulata u interpretata bħala li hija intiża li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha, għal perijodu mill-1968 sal-1994, il-kalkolu tal-pensjonijiet ta’ rtirar u tal-anzjanità tal-ħaddiema transkonfinali femminili kien ibbażat fuq salarji ta’ kuljum preżunti u/jew standard li kienu inferjuri għal dawk tal-ħaddiema transkonfinali maskili.

28      Sabiex din id-domanda tingħata risposta, hemm lok, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, li l-perijodu bejn l-1968 sal-1994, li jikkonċerna l-kawża prinċipali, jinqasam. B’mod partikolari, għandha ssir distinzjoni bejn il-perijodu mit-23 ta’ Diċembru 1984, data li fiha skada t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 79/7, sal-31 ta’ Diċembru 1994, u l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1968 sat-22 ta’ Diċembru 1984.

29      Fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1968 sat-22 ta’ Diċembru 1984, peress li d-Direttiva 79/7 ġiet adottata biss fl-1978 u li t-terminu għat-traspożizzjoni kien iffissat għat-23 ta’ Diċembru 1984, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni setgħet biss tiġi eżaminata fir-rigward tal-Artikolu 119 tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew issostitwiti bl-Artikoli 136 KE sa 143 KE). Madankollu, id-dispożizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar l-iskemi statutorji tal-pensjonijiet, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala li jiksru l-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Mejju 1971, Defrenne, 80/70, Ġabra p. 445, punt 7).

30      Fir-rigward tal-perijodu mit-23 ta’ Diċembru 1984 sal-31 ta’ Diċembru 1994, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju ma osservax, kif ammetta huwa stess matul is-seduta, l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 79/7 dwar il-kalkolu tal-pensjonijiet ta’ rtirar billi applika, sal-1 ta’ Jannar 1995, metodu ta’ kalkolu diskriminatorju li kien ibbażat fuq salarji ta’ kuljum preżunti u/jew standard li kienu ogħla għal ħaddiema transkonfinali maskili minn dawn rċevuti mill-ħaddiema transkonfinali femminili, għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur.

31      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, għal perijodu mill-1984 sal-1994, il-kalkolu tal-pensjonijiet ta’ rtirar u tal-anzjanità għal ħaddiema transkonfinali femminili kien ibbażat, fir-rigward tal-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur, fuq salarji ta’ kuljum preżunti u/jew standard li kienu inferjuri għal dawk tal-ħaddiema transkonfinali maskili.

32      Fir-rigward tat-talba tal-Gvern Belġjan li jiġu limitati ratione temporis l-effetti tas-sentenza fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, għandu jiġi rrilevat is-segwenti.

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’mod eċċezzjonali, filwaqt li tikkunsidra l-konsegwenzi serji li s-sentenza tagħha jista’ jkollha għall-passat, tiġi indotta li tillimita l-possibbiltà għal kull min hu kkonċernat li jinvoka l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni li tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiġi mitluba tagħmel dan permezz ta’ domanda preliminari (ara s-sentenza Barber, C‑262/88, Ġabra p. I‑1189, punt 41).

34      Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minħabba sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma jiġġustifikawx, fihom infushom, il-limitazzjoni ratione temporis ta’ din is-sentenza (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, Ġabra p. I-6193, punt 52, tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, Ġabra p. I-2119, punt 68, u tas-27 ta’ April 2006, Richards, C‑423/04, Ġabra p. I‑3585, punt 41).

35      Il-fatt li jiġu limitati l-effetti ta’ sentenza billi wieħed jibbaża ruħu biss fuq dawn it-tipi ta’ kunsiderazzjonijiet iwassal sabiex il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt Komunitarju titnaqqas b’mod sostanzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑35/97, Ġabra p. I‑5325, punt 52).

36      Minbarra l-eżistenza ta’ riskju ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji dovuti partikolarment għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ, fattur ieħor li għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-limitazzjoni ratione temporis huwa l-eżistenza ta’ inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva dwar il-portata tad-dispożizzjonijiet Komunitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Bidar punt 69, u Richards, punt 42)

37      Issa, f’din il-kawża, l-awtoritajiet nazzjonali Belġjani ma jistgħux jużaw l-eżistenza ta’ inċertezza oġġettiva dwar il-portata tal-obbligu li jiġi żgurat it-trattament ugwali li jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 li jipprovdi li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jimplika li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bbażta fuq is-sess, kemm direttament, kif ukoll indirettament, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kalkolu tal-benefiċċji.

38      Jekk jirriżulta tabilħaqq li s-salarji preżunti u/jew standard għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni bħala bażi għall-kalkolu tal-pensjonijiet ta’ rtirar, fatt li jappartjeni lill-qorti tar-rinviju li tivverifika, l-awtoritajiet Belġjani ma setgħux legalment jaħsbu li l-fatt li s-salarji tal-ħaddiema femminili kienu inferjuri għal dawk tal-ħaddiema maskili kien jirriżulta mill-eżistenza ta’ fatturi oġġettivi u mhux mis-sempliċi diskriminazzjoni fis-salarji.

39      Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju tal-Belġju f’dan ir-rigward, ma jistax jiġi interpretat bħala approvazzjoni taċita mill-Kummissjoni tad-diskriminazzjoni fis-salarji li l-awtoritajiet Belġjani ttolleraw għall-perijodu mill-1984 sal-1994 fil-kalkolu tal-pensjonijiet ta’ rtirar tal-ħaddiema transkonfinali femminili.

40      Peress li l-eżistenza ta’ inċertezza oġġettiva dwar il-portata tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 ma tistax tiġi stabbilita f’din il-kawża, dan il-fatt huwa biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat li l-effetti tas-sentenza preżenti ma jiġux limitati ratione temporis.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha, għal perijodu mill-1984 sal-1994, il-kalkolu tal-pensjonijiet ta’ rtirar u tal-anzjanità għal ħaddiema transkonfinali femminili kien ibbażat, fir-rigward tal-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur, fuq salarji ta’ kuljum preżunti u/jew standard li kienu inferjuri għal dawk tal-ħaddiema transkonfinali maskili.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.