Kawża C-565/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 43 KE u 49 KE — Avukati — Obbligu li jiġu osservati t-tariffi massimi fil-qasam tal-onorarji — Ostakolu għall-aċċess għas-suq — Assenza”

Sommarju tas-sentenza

Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-avukati l-obbligu li josservaw tariffi massimi għad-determinazzjoni tal-onorarji tagħhom — Ammissibbiltà

(Artikoli 43 KE u 49 KE)

Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu timponi fuq l-avukati l-obbligu li josservaw it-tariffi massimi fid-determinazzjoni tal-onorarji tagħhom, meta tali leġiżlazzjoni ma tkunx maħsuba b’mod li tikser l-aċċess, f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali u effettivi, għas-suq tas-servizzi tal-avukati, ma jonqosx mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Dan japplika għal sistema li tkun ikkaratterizzata minn flessibbiltà li tippermetti remunerazzjoni korretta għal kull tip ta’ servizz ipprovdut mill-avukati billi jkun possibbli li jinqabżu, f’ċerti kundizzjonijiet, il-limiti massimi tal-ammont tal-onorarji billi dawn jiżdiedu sad-doppju jew sa erba’ darbiet jew anki iktar minn hekk. Barra minn hekk, f’diversi sitwazzjonijiet, ikun mixtieq li l-avukati jikkonkludu ftehim speċjali mal-klijent tagħhom sabiex jiffissaw l-ammont tal-onorarji.

Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens tat-Trattat KE minħabba l-fatt biss li Stati Membri oħra japplikaw regoli inqas restrittivi jew ekonomikament iktar interessanti għal dawk li jipprovdu servizzi simili stabbiliti fit-territorju tagħhom. Għalhekk, l-eżistenza ta’ restrizzjoni fis-sens tat-Trattat ma tistax tiġi dedotta mill-fatt biss li xi avukati stabbiliti fi Stati Membri differenti mill-Istat Membru ospitanti għandhom, għall-kalkolu tal-onorarji tagħhom għas-servizzi pprovduti fl-Istat Membru ospitanti, jidraw ir-regoli applikabbli f’dan l-aħħar Stat Membru, iżda għandha tkun ibbażata fuq il-fatt li tali sistema tostakola l-aċċess tal-avukati provenjenti minn Stati Membri oħra għas-suq tal-Istat Membru ospitanti.

(ara l-punti 49, 50, 53, 54)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Marzu 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 43 KE u 49 KE – Avukati – Obbligu li jiġu osservati t-tariffi massimi fil-qasam tal-onorarji – Ostakolu għall-aċċess għas-suq – Assenza”

Fil-Kawża C‑565/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fid-19 ta’ Diċembru 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Traversa u L. Prete, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, inizjalment irrappreżentata minn I. Bruni, sussegwentement minn G. Palmieri, bħala aġenti, assistiti minn W. Ferrante, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts u J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus (Relatur), E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, p. Lindh u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Marzu 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Lulju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li, meta stabbilixxiet dispożizzjonijiet li jimponu fuq l-avukati l-obbligu li josservaw it-tariffi massimi, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2        Il-professjoni ta’ avukat hija rregolata fl-Italja bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1578, tas-27 ta’ Novembru 1933, li jirregola l-professjonijiet ta’ avukat u ta’ prokuratur legali (ordinamento delle professioni di avvocato e procuratore legale, GURI Nru 281, tal-5 ta’ Diċembru 1933, p. 5521), li nbidel f’liġi, wara emenda, bil-Liġi Nru 36, tat-22 ta’ Jannar 1934 (GURI Nru 24, tat-30 ta’ Jannar 1934), kif emendata sussegwentement (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Irjali”). Bis-saħħa tal-Artikoli 52 sa 55 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali, il-Consiglio nazionale forense (il-Kunsill Nazzjonali tal-Kamra tal-Avukati, iktar ’il quddiem il-“KNA”) huwa mwaqqaf taħt il-patroċinju tal-Ministeru tal-Ġustizzja u huwa kompost minn avukati eletti mill-kollegi tagħhom, b’elett għal kull qorti tal-appell.

3        L-Artikolu 57 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali jipprovdi li l-kriterji li jiddeterminaw l-onorarji u l-kumpens dovut lill-avukati u lill-prokuraturi legali fil-qasam ċivili, kriminali u extraġudizzjarji huma stabbiliti kull sentejn b’deċiżjoni tal-KNA. Sussegwentement, dawn il-kriterji għandhom jiġu approvati mill-Ministru tal-Ġustizzja fuq parir tal-Comitato interministeriale dei prezzi (il-Kumitat Interministerjali tal-Prezzijiet) wara konsultazzjoni mal-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat).

4        Skont l-Artikolu 58 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali, il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tiegħu jiġu stabbiliti b’relazzjoni mal-valur tal-kawżi u l-grad tal-qorti li għandha tiddeċiedi l-kawża kif ukoll, għall-proċeduri kriminali, b’relazzjoni mat-tul tagħhom. Għal kull att jew serje ta’ atti, għandhom jiġu ffissati limitu massimu u limitu minimu tal-ammont tal-onorarji. F’każijiet extraġudizzjarji, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tal-każ.

5        L-Artikolu 60 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali jiddisponi li l-likwidazzjoni tal-onorarji titwettaq mill-qorti abbażi tal-kriterji msemmija, b’kunsiderazzjoni tal-gravità u tan-numru ta’ kwistjonijiet ittrattati. Din il-likwidazzjoni għandha sseħħ fil-limiti massimi u minimi stabbiliti minn qabel. Madankollu, fil-każ ta’ importanza eċċezzjonali, b’kunsiderazzjoni tan-natura speċjali tal-kontroversja u meta l-valur intrinsiku tas-servizz jiġġustifikah, il-qorti tista’ taqbeż il-limitu massimu. B’mod kuntrarju, din tista’, meta l-kawża tirriżulta faċli fit-trattazzjoni, tiffissa onorarji inferjuri għal-limitu minimu. Fiż-żewġ każijiet, id-deċiżjoni tal-qorti għandha tkun motivata.

6        Skont l-Artikolu 61(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali, l-onorarji pprattikati mill-avukati fil-konfront tal-klijenti tagħhom, fil-qasam kemm ġudizzjarju kif ukoll extraġudizzjarju, huma determinati, ħlief fil-każ ta’ ftehim speċjali, abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57, b’kunsiderazzjoni tal-gravità u tan-numru ta’ kwistjonijiet ittrattati. B’mod konformi mal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, l-onorarji msemmija jistgħu jkunu ogħla minn dawk ikkalkolati għall-parti kkundannata għall-ispejjeż jekk in-natura speċjali tal-kontroversja jew il-valur tas-servizz jiġġustifikaw dan.

7        L-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 794, tat-13 ta’ Ġunju 1942, dwar l-onorarji tal-avukati għal servizzi ġudizzjarji f’materji ċivili (GURI Nru 172, tat-23 ta’ Lulju 1942), jipprovdi li ma jistgħux ikunu dderogati l-onorarji minimi stabbiliti għas-servizzi tal-avukati, taħt piena ta’ nullità għal kull ftehim derogatorju.

8        L-Artikolu 13 tal-Liġi Nru 31, tad-9 ta’ Frar 1982, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn avukati ċittadini tal-Istati Membri l-oħra (Libera prestazione di servizi da parte degli avvocati cittadini di altri Stati membri della Comunità europea, GURI Nru 42, tat-12 ta’ Frar 1982, p. 1030), li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52), jestendi l-obbligu li jiġu osservati t-tariffi professjonali fis-seħħ għall-avukati ta’ Stati Membri oħra li jwettqu attivitajiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji fl-Italja.

9        Id-drittijiet u l-onorarji tal-avukati ġew suċċessivament irregolati minn diversi digrieti ministerjali li l-aħħar tlieta minnhom huma d-Digrieti Nru 392, tal-24 ta’ Novembru 1990, Nru 585, tal-5 ta’ Ottubru 1994 u Nru 127, tat-8 ta’ April 2004.

10      B’mod konformi mad-deliberazzjoni tal-KNA annessa mad-Digriet Ministerjali Nru 127, tat-8 ta’ April 2004 (GURI Nru 115, tat-18 ta’ Mejju 2004) (iktar ’il quddiem id-“deliberazzjoni tal-KNA”), it-tariffi applikabbli għall-onorarji tal-avukati jinqasmu fi tliet kapitoli, jiġifieri l-Kapitolu I dwar is-servizzi ġudizzjarji f’materji ċivili, amministrattivi u fiskali, il-Kapitolu II dwar is-servizzi ġudizzjarji f’materji kriminali u l-Kapitolu III dwar is-servizzi extraġudizzjarji.

11      Għall-Kapitolu I, l-Artikolu 4(1) tad-deliberazzjoni tal-KNA jipprekludi kull deroga għall-onorarji u għad-drittijiet iffissati għas-servizzi tal-avukati.

12      Fir-rigward tal-Kapitolu II, l-Artikolu 1(1) u (2) tad-deliberazzjoni msemmija jipprovdi li, għad-determinazzjoni tal-onorarji msemmija fit-tabella, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura, il-kumplessità u l-gravità tal-każ, tal-akkużi u tal-kapi ta’ akkuża, tan-numru u tal-importanza tal-kwistjonijiet ittrattati u tal-impatt patrimonjali tagħhom, tat-tul tal-proċedura u tal-fajls, tal-valur tas-servizz mogħti, tan-numru ta’ avukati li kkollaboraw u qasmu bejniethom ir-responsabbiltà tad-difiża, tar-riżultat miksub, fid-dawl ukoll tal-konsegwenzi ċivili, kif ukoll tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent. Għall-każijiet li jeħtieġu implikazzjoni partikolari, minħabba l-kumplessità tal-fatti jew tal-kwistjonijiet ġuridiċi ttrattati, l-onorarji jistgħu jammontaw għal erba’ darbiet il-massimi stabbiliti.

13      Fir-rigward tal-Kapitolu III, l-Artikolu 1(3) tad-deliberazzjoni tal-KNA jistabbilixxi li, fil-fajls li għandhom importanza, kumplessità jew diffikultà partikolari, il-limitu massimu tal-onorarji jista’ jiżdied sad-doppju, u dak tal-fajls li għandhom importanza eċċezzjonali, sa erba’ darbiet, fuq parir tal-kunsill tal-Kamra tal-Avukati kompetenti. L-Artikolu 9 ta’ din id-deliberazzjoni jippreċiża li, f’każ ta’ nuqqas ta’ proporzjoni ċara, għal raġunijiet relatati mal-każ, bejn is-servizz u l-onorarji stabbiliti mit-tabella, il-massimi jistgħu, fuq parir tal-kunsill tal-Kamra tal-Avukati kompetenti, jiżdiedu lil hinn minn dak li jipprovdi l-Artikolu 1(3) tad-deliberazzjoni msemmija, u l-minimi jistgħu jitnaqqsu.

14      Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006 (GURI Nru 153, tal-4 ta’ Lulju 2006), li nbidel f’liġi bil-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006 (GURI Nru 186, tal-11 ta’ Awwissu 2006, iktar ’il quddiem id-“digriet Bersani”), intervjena fuq id-dispożizzjonijiet dwar l-onorarji tal-avukati. L-Artikolu 2 tad-digriet imsemmi, intitolat “Dispożizzjonijiet urġenti għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi professjonali” jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2), is-segwenti:

“1.      F’konformità mal-prinċipju Komunitarju ta’ kompetizzjoni ħielsa u ma’ dak tal-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi, u sabiex jiġi żgurat li l-utenti jkollhom għażla effettiva fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u l-fakultà li jipparagunaw is-servizzi offerti fuq is-suq, mid-data tal-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet għandhom jiġu mħassra d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari li jipprevedu, fir-rigward tal-professjonijiet liberali u l-attivitajiet intellettwali:

a)      tariffi fissi jew minimi mandatorji u għaldaqstant il-projbizzjoni li jiġi stabbilit kuntrattwalment ħlas li jiddependi mit-twettiq tal-għanijiet imfittxija;

[…]

2.      Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar […] eventwali tariffi massimi stabbiliti minn qabel, b’mod ġenerali, fl-interessi tal-protezzjoni tal-utenti. Il-qorti tipproċedi bil-likwidazzjoni tal-ispejjeż u tal-onorarji, f’każ ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja u ta’ assistenza ġudizzjarja, fuq il-bażi tat-tariffa professjonali […]”

15      Skont l-Artikolu 2233 tal-Kodiċi Ċivili Taljan (codice civile), b’mod ġenerali, ir-remunerazzjoni abbażi ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, jekk din ma tkunx miftiehma mill-partijiet u ma tistax tiġi stabbilita skont it-tariffi jew il-prattika fis-seħħ, tiġi stabbilita mill-qorti, wara li tkun semgħet l-opinjoni tal-assoċjazzjoni professjonali li l-fornitur huwa parti minnha. F’kull każ, l-ammont tar-remunerazzjoni għandu jkun adattat skont l-importanza tax-xogħol u d-dinjità tal-professjoni. Kull ftehim konkluż bejn l-avukati jew l-assistenti awtorizzati u l-klijenti tagħhom li jistabbilixxi r-remunerazzjonijiet professjonali huwa null, jekk dan ma jkunx bil-miktub.

 Il-proċedura prekontenzjuża

16      B’ittra ta’ intimazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet Taljani fuq il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-attivitajiet extraġudizzjarji tal-avukati mal-Artikolu 49 KE. L-awtoritajiet Taljani rrispondew b’ittra tad-19 ta’ Settembru 2005.

17      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkompletat f’darbtejn l-analiżi magħmula fl-ittra ta’ intimazzjoni. Fl-ewwel ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari, tat-23 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala mhux kompatibbli mal-Artikoli 43 KE u 49 KE id-dispożizzjonijiet Taljani li jistabbilixxu l-obbligu li jiġu osservati tariffi mandatorji għall-attivitajiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji tal-avukati.

18      Ir-Repubblika Taljana wieġbet b’ittri tad-9 ta’ Marzu, tal-10 ta’ Lulju u tas-17 ta’ Ottubru 2006, billi informat lill-Kummissjoni bil-leġiżlazzjoni Taljana l-ġdida applikabbli fil-qasam tal-onorarji tal-avukati, jiġifieri d-digriet Bersani.

19      Fit-tieni ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari, tat-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni għal din il-leġiżlazzjoni Taljana l-ġdida, reġgħet tenniet il-pożizzjoni tagħha. Ir-Repubblika Taljana wieġbet b’ittra tal-21 ta’ Mejju 2007.

20      B’ittra tat-3 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani informazzjoni dwar kif taħdem is-sistema tar-rimbors tal-ispejjeż inkorsi mill-avukati. Ir-Repubblika Taljana wieġbet b’ittra tat-28 ta’ Settembru 2007.

21      Billi ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana, fl-4 ta’ April 2008, opinjoni motivata, fejn osservat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu fuq l-avukati l-obbligu li josservaw it-tariffi massimi kienu inkompatibbli mal-Artikoli 43 KE u 49 KE. B’mod partikolari, dan l-obbligu kien jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali, mill-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 794, tat-13 ta’ Ġunju 1942, mill-Artikolu 13 tal-Liġi Nru 31, tad-9 ta’ Frar 1982, mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Digrieti Ministerjali Nru 392, tal-24 ta’ Novembru 1990, Nru 585, tal-5 ta’ Ottubru 1994 u Nru 127, tat-8 ta’ April 2004, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tad-digriet Bersani (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”). Hija stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu, f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din l-opinjoni, il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha. Ir-Repubblika Taljana wieġbet b’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2008.

22      Peress li qieset li r-Repubblika Taljana ma kinitx irrimedjat il-ksur ilmentat, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

23      Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Taljana stabbilixxiet, bi ksur tal-Artikoli 43 KE u 49 KE, dispożizzjonijiet li jimponu fuq l-avukati l-obbligu li josservaw it-tariffi massimi fid-determinazzjoni tal-onorarji tagħhom.

24      Skont il-Kummissjoni, l-obbligu msemmi jirriżulta mid-digriet Bersani li, filwaqt li jħassar it-tariffi fissi jew minimi applikabbli għall-onorarji tal-avukati, żamm b’mod espliċitu l-obbligu li jiġu osservati tariffi massimi f’isem il-protezzjoni tal-konsumaturi. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-KNA, mill-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Torino kif ukoll mill-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità Garanti tal-Kompetizzjoni u tas-Suq) fid-dokumenti uffiċjali tagħhom.

25      Il-fatt li dan l-istess digriet abolixxa l-projbizzjoni tal-ftehim quota litis ma jistax ixejjen il-konklużjoni li l-osservanza ta’ dawn it-tariffi massimi tibqa’ obbligatorja fil-każijiet kollha fejn tali ftehim ma jkunx ġie konkluż. Barra minn hekk, matul il-fażi prekontenzjuża, l-awtoritajiet Taljani qatt ma ċaħdu n-natura obbligatorja tat-tariffi massimi msemmija.

26      Bl-istess mod, il-Kummissjoni tenfasizza li l-eċċezzjonijiet previsti fit-tariffi massimi applikabbli għall-onorarji tal-avukati ma jeskludux, iżda b’mod kuntrarju jikkonfermaw li t-tariffi massimi tal-onorarji japplikaw bħala regola ġenerali.

27      Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom l-effett li jiskoraġġixxu lill-avukati stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jistabbilixxu ruħhom fl-Italja jew li jipprovdu hemmhekk is-servizzi tagħhom b’mod temporanju u jikkostitwixxu, konsegwentement, restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE.

28      Fil-fatt, hija tqis li tariffa massima obbligatorja, li tapplika indipendentement mill-kwalità tal-provvista, mix-xogħol neċessarju għat-tlestija u mill-ispejjeż inkorsi mill-persuna li pprovdiet is-servizz, tista’ tippriva lis-suq Taljan tas-servizzi legali mill-possibbiltà li jattira professjonisti barranin.

29      Skont il-Kummissjoni, dawn ir-restrizzjonijiet jirriżultaw, l-ewwel nett, mill-obbligu impost fuq l-avukati li jikkalkolaw l-onorarji tagħhom abbażi ta’ mekkaniżmu estremament kumpless li jiġġenera spiża addizzjonali, b’mod partikolari għall-avukati stabbiliti barra mill-Italja. Fil-każ fejn dawn l-avukati kienu jużaw sa dak iż-żmien sistema oħra ta’ kalkolu tal-onorarji tagħhom, dawn ikollhom l-obbligu li jabbandunawha sabiex jadattaw ruħhom għas-sistema Taljana.

30      It-tieni nett, l-eżistenza tat-tariffi massimi applikabbli għall-onorarji tal-avukati tipprekludi li s-servizzi tal-avukati stabbiliti fi Stati Membri differenti mill-Italja jiġu rremunerati korrettement billi jiddiswadu lil ċerti avukati, li jitolbu onorarji għola minn dawk iffissati mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, milli jipprovdu b’mod temporanju s-servizzi tagħhom fl-Italja jew li jistabbilixxu ruħhom f’dan l-Istat Membru. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-marġni ta’ profitt massimu huwa ffissat indipendentement mill-kwalità tas-servizz ipprovdut, mill-esperjenza tal-avukat, mill-ispeċjalizzazzjoni tiegħu, mill-ħin li jiddedika għall-każ, mis-sitwazzjoni ekonomika tal-klijent u, l-iktar l-iktar, mill-eventwalità li l-avukat ikollu jivvjaġġa distanzi kbar.

31      It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li s-sistema tariffarja Taljana tikser il-libertà kuntrattwali tal-avukat billi tipprekludih milli jgħamel offerti ad hoc f’ċerti sitwazzjonijiet u/jew lil klijenti partikolari. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħu għalhekk iwasslu għal telf ta’ kompetittività għall-avukati stabbiliti fi Stati Membri oħra għaliex dawn iċaħħduhom minn tekniki ta’ penetrazzjoni effettivi fis-suq ġuridiku Taljan. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu ostakolu għall-aċċess għas-suq tas-servizzi ġuridiċi Taljan għall-avukati stabbiliti fi Stati Membri oħra.

32      B’mod prinċipali, ir-Repubblika Taljana tikkontesta mhux l-eżistenza, fis-sistema legali Taljana, tal-imsemmija tariffi massimi, iżda l-karattru vinkolanti tagħhom, billi ssostni li jeżistu diversi derogi sabiex jinqabżu dawn il-limiti, kemm bir-rieda tal-avukati u tal-klijenti tagħhom, kif ukoll bl-intervent tal-qorti.

33      Skont dan l-Istat Membru, il-kriterju prinċipali li jippermetti li jiġu ffissati l-onorarji tal-avukati jinsab, abbażi tal-Artikolu 2233 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, fil-kuntratt konkluż bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, filwaqt li r-rikors għat-tariffi applikabbli għall-onorarji tal-avukati jikkostitwixxi biss kriterju sussidjarju, li jista’ jintuża fin-nuqqas ta’ remunerazzjoni ffissata liberament mill-partijiet fil-kuntratt fl-eżerċizzju tal-awtonomija kuntrattwali tagħhom.

34      Barra minn hekk, l-onorarji kkalkolati fuq bażi ta’ ħin huma espressament ikkunsidrati fil-punt 10 tal-Kapitolu III tad-deliberazzjoni tal-KNA bħala metodu alternattiv ta’ kalkolu tal-onorarji fil-qasam extraġudizzjarju.

35      Bl-istess mod, wara l-adozzjoni tad-digriet Bersani, l-interdizzjoni li jiġi konkluż ftehim bejn klijent u avukat li jipprovdi għal remunerazzjoni li tiddependi mir-riżultat tal-kawża, imsejjaħ “ftehim quota litis”, ġiet abolita b’mod definittiv mis-sistema legali Taljana.

36      Fir-rigward tad-derogi mit-tariffi massimi applikabbli għall-onorarji tal-avukati, ir-Repubblika Taljana tenfasizza li fil-fajls kollha li għandhom importanza, kumplessità jew diffikultà partikolari minħabba l-kwistjonijiet legali ttrattati fihom, l-avukati u l-klijenti tagħhom jistgħu jiftiehmu, mingħajr ma jkun neċessarju l-parir tal-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati kompetenti, li l-onorarji jiżdiedu sad-doppju tal-massimi ta’ dawn it-tariffi, jew anki, f’każijiet kriminali, sa erba’ darbiet dawn il-massimi.

37      B’mod kuntrarju, il-parir minn qabel tal-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati kompetenti huwa meħtieġ fil-qasam ċivili u extraġudizzjarju meta l-każijiet ikollhom importanza straordinarja, sabiex l-onorarji jiżdiedu sa erba’ darbiet il-massimi stabbiliti, u meta jkun hemm sproporzjon ċar bejn is-servizz professjonali u l-onorarji previsti mit-tariffi applikabbli għal dawn l-onorarji, sabiex jiżdiedu anki l-onorarji msemmija lil hinn minn dawn il-massimi.

38      Sussidjarjament, ir-Repubblika Taljana ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma fihom ebda miżura li tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u li l-ilmenti tal-Kummissjoni ma humiex fondati.

39      Fil-fatt, fir-rigward tal-ispejjeż addizzjonali, l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni doppja, jiġifieri dik tal-Istat Membru ta’ oriġini u dik tal-Istat Membru ospitanti, ma tistax minnha nfisha tikkostitwixxi motiv li jippermetti li jiġi sostnut li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma restrittivi, peress li r-regoli professjonali fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti japplikaw għall-avukati provenjenti minn Stati Membri oħra bis-saħħa tad-Direttivi 77/249 u 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83), indipendentement mir-regoli applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini.

40      Fir-rigward tal-allegat tnaqqis tal-marġni benefiċjarji, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jipprovdu b’mod dettaljat għar-rimbors sħiħ tal-ispejjeż kollha tas-safar fuq il-preżentazzjoni ta’ dokumenti ġustifikattivi u jagħtu, barra minn hekk, kumpens għall-ivvjaġġar għas-sigħat tax-xogħol mitlufa matulu. Dawn l-ispejjeż jiżdiedu mad-drittijiet, mal-onorarji u mal-ispejjeż ġenerali tal-avukati u huma rimborsati, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kemm lill-avukati stabbiliti fl-Italja li għandhom jivvjaġġaw fit-territorju nazzjonali kif ukoll lill-avukati stabbiliti fi Stati Membri oħra li għandhom jivvjaġġaw fl-Italja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li mid-dispożizzjonijiet ikkontestati kollha jirriżulta li t-tariffi massimi applikabbli għall-onorarji tal-avukati jikkostitwixxu regoli legalment vinkolanti sa fejn huma stabbiliti minn test leġiżlattiv.

42      Anki jekk jitqies li l-avukati u l-klijenti tagħhom huma, fil-prattika, liberi li jiftiehmu kuntrattwalment fuq ir-remunerazzjoni tal-avukati fuq bażi ta’ ħin jew abbażi tat-twettiq tar-riżultat tal-kwistjoni, hekk kif tosserva r-Repubblika Taljana, xorta jibqa’ l-fatt li t-tariffi massimi jibqgħu obbligatorji fil-każ fejn ma jkunx hemm ftehim bejn l-avukati u l-klijenti.

43      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat, ġustament, li l-eżistenza tad-derogi li jippermettu li jinqabżu, f’ċerti kundizzjonijiet, il-limiti massimi tal-ammont tal-onorarji billi dawn jiżdiedu sad-doppju jew sa erba’ darbiet jew anki iktar minn hekk, tikkonferma li t-tariffi massimi tal-onorarji japplikaw bħala regola ġenerali.

44      Konsegwentement, l-argument tar-Repubblika Taljana li jgħid li fis-sistema legali tagħha, ma jeżisti ebda obbligu fuq l-avukati li josservaw tariffi massimi fid-determinazzjoni tal-onorarji tagħhom ma jistax jintlaqa’.

45      Fir-rigward, sussegwentement, tal-eżistenza tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti fl-Artikoli 43 KE u 49 KE, rispettivament, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali restrizzjonijiet huma komposti minn miżuri li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 22; tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, Ġabra p. I‑8961, punt 11; tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 31, u tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra, C‑330/07, Ġabra p. I‑9099, punt 19).

46      B’mod partikolari, il-kunċett ta’ restrizzjoni jkopri l-miżuri meħuda minn Stat Membru li, minkejja li huma applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-operaturi ekonomiċi ta’ Stati Membri oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12, u tat-28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑518/06, Ġabra p. I‑3491, punt 64).

47      F’dan il-każ, huwa stabbilit li s-sistema Taljana dwar l-onorarji tapplika mingħajr distinzjoni fuq l-avukati kollha li jipprovdu servizzi fuq it-territorju Taljan.

48      Madankollu, il-Kummissjoni tqis li din is-sistema tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-artikoli msemmija iktar ’il fuq, peress li din tista’ timponi, fuq l-avukati stabbiliti fi Stati Membri differenti mill-Italja u li jipprovdu servizzi f’dan l-aħħar Stat, spejjeż addizzjonali ġġenerati mill-applikazzjoni tas-sistema Taljana dwar l-onorarji kif ukoll tnaqqis fil-marġni ta’ profitt u għalhekk, telf ta’ kompetittività.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens tat-Trattat minħabba l-fatt biss li Stati Membri oħra japplikaw regoli inqas restrittivi jew ekonomikament iktar interessanti għal dawk li jipprovdu servizzi simili stabbiliti fit-territorju tagħhom (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għalhekk, l-eżistenza ta’ restrizzjoni fis-sens tat-Trattat ma tistax tiġi dedotta mill-fatt biss li xi avukati stabbiliti fi Stati Membri differenti mill-Italja għandhom, għall-kalkolu tal-onorarji tagħhom għal servizzi pprovduti fl-Italja, jidraw ir-regoli applikabbli f’dan l-Istat Membru.

51      Min-naħa l-oħra, tkun teżisti restrizzjoni, b’mod partikolari, jekk l-avukati msemmija jkunu pprivati mill-possibbiltà li jippenetraw is-suq tal-Istat Membru ospitanti f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali u effettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq, punti 13 u 14; tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 59, kif ukoll tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C‑384/08, Ġabra p. I‑2055, punt 45).

52      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pprovatx li s-sistema Taljana fuq l-onorarji għandha tali skop jew effett.

53      Fil-fatt, hija ma rnexxilhiex turi li s-sistema inkwistjoni hija maħsuba b’tali mod li tmur kontra l-aċċess, f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali u effettivi, għas-suq Taljan tas-servizzi inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sistema Taljana dwar l-onorarji hija kkaratterizzata minn flessibbiltà li tidher li tippermetti remunerazzjoni korretta ta’ kull tip ta’ servizz ipprovdut minn avukati. B’hekk, huwa possibbli li jiżdiedu l-onorarji sad-doppju tat-tariffi massimi applikabbli b’mod awtomatiku għall-fajls li għandhom importanza, kumplessità jew diffikultà partikolari, jew sa erba’ darbiet it-tariffi msemmija għal dawk li għandhom importanza eċċezzjonali, jew anki iktar minn hekk f’każ ta’ sproporzjon ċar, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, bejn is-servizzi tal-avukat u t-tariffi massimi stabbiliti. Barra minn hekk, f’diversi sitwazzjonijiet, huwa mixtieq li l-avukati jikkonkludu ftehim speċjali mal-klijent tagħhom sabiex jiffissaw l-ammont tal-onorarji.

54      Għalhekk, peress li ma stabbilixxietx li s-sistema kkunsidrata minn dan ir-rikors tostakola l-aċċess tal-avukati provenjenti minn Stati Membri oħra għas-suq Taljan inkwistjoni, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni intiża għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni fis-sens tal-Artikoli 43 KE u 49 KE ma tistax tintlaqa’.

55      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

56      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Taljana ma talbitx li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.