SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

25 ta’ Frar 2010 ( *1 )

“Sistema ta’ sorveljanza tal-enċefalopatija sponġiformi bovina — Regolament (KE) Nru 999/2001 — Annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 30 xahar — Qatla normali — Laħam destinat għall-konsum mill-bniedem — Test ta’ screening obbligatorju — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Obbligu ta’ screening — Estensjoni — Annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 24 xahar”

Fil-Kawża C-562/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Diċembru 2008, fil-proċedura

Müller Fleisch GmbH

vs

Land Baden-Württemberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, P. Lindh, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Novembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Müller Fleisch GmbH, minn A. Kiefer, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u N. Vitzthum, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 289-328), u tal-Anness III, Kapitolu A, Parti I, ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1248/2001, tat-22 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 450-460).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Müller Fleisch GmbH (iktar ’il quddiem “Müller Fleisch”) u l-Land Baden-Württemberg dwar il-miżata li ġiet imposta fuqha għat-testijiet ta’ screening tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (iktar ’il quddiem il-“BSE”) imwettqa f’din l-impriża f’Lulju 2001 fuq annimali tal-ifrat destinati għall-qatla.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Ir-Regolament Nru 999/2001 ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 152(4)(b) KE. Hekk kif jirriżulta mill-premessa (2) ta’ dan ir-regolament, huwa għandu bħala għan l-adozzjoni tar-regoli speċifiċi għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (iktar ’il quddiem it-“TSE”), fosthom il-BSE, skont id-daqs tar-riskju li huma għandhom għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.

4

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Sistema ta’ sorveljanza”, jipprovdi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jwettaq programm annwali għas-sorveljanza ta’ BSE u scrapie skond l-Anness III, Kapitolu A. Dak il-programm għandu jinkludi kull proċedura ta’ screening bl-użu ta’ testijiet rapidi.”

5

Fil-verżjoni oriġinali tar-Regolament Nru 999/2001, l-Anness III, Kapitolu A, Parti I, tiegħu jistabbilixxi r-“Rekwiżiti minimi għal kull programm ta’ sorveljanza ta’ l-ESB [BSE] f’annimali ta’ l-ifrat”. Huwa kien jipprovdi, b’mod partikolari, l-għażla ta’ ċerti sottopopolazzjonijiet ta’ annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 30 xahar, inkluż fosthom dawk sottoposti għal qatla normali għall-konsum tal-bniedem, għall-finijiet ta’ dan il-program.

6

Il-Parti III tal-imsemmi Kapitolu A kienet intitolata “Sorveljanza ta’ annimali b’riskju ogħla” u tipprovdi:

“Magħduda mal-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti fil-Partijiet I u II, l-Istati Membri jistgħu fuq bażi volontarja iwettqu sorveljanza mmirata għal EST [TSE] f’annimali b’riskju ogħla, bħal:

annimali li joriġinaw minn pajjiżi b’EST [TSE] indiġena,

annimali li kkonsmaw ġwież x’aktarx ikkontaminat,

annimali mwielda jew derivati minn damiġelli infettati b’EST [TSE].”

7

Il-premessi (2) u (7) tar-Regolament Nru 1248/2001 jipprovdu:

“(2)

Minħabba l-iskoperta ta’ l-enċifalopatija sponġiformi bovina (BSE) f’żewġ annimali fl-età ta’ 28 xahar fit-testjar ta’ rutina ta’ annimali maqtula wara xi diżgrazzja u biex tinħoloq sistema ta’ twissija kmieni ta’ l-okkorrenza ta’ xi tendenzi mhux favorevoli fl-inċidenza ta’ l-BSE f’annimali iżgħar, il-limitu ta’ l-età għandu jitnaqqas għal 24 xahar f’annimali li jappartjenu għal xi popolazzjonijiet fir-riskju.

[…]

(7)

L-Istati Membri għandhom jitħallew li jittestjaw annimali bovini [tal-ifrat] oħra fuq bażi volontarja, partikolarment fejn dawk l-annimali jitqiesu li jippreżentaw riskju ogħla, sakemm dan isir mingħajr disturb [effett ħażin fuq il-] tal-kummerċ.”

8

Ir-Regolament Nru 1248/2001 emenda, b’mod partikolari, l-Anness III tar-Regolament Nru 999/2001. Il-Parti I tal-Kapitolu A ta’ dan l-anness, kif emendata, hija applikabbli sa mill-1 ta’ Lulju 2001 u hija intitolata “Monitoraġġ f’annimali bovini [tal-ifrat]”.

9

Skont il-punt 2 tal-imsemmija parti, li tirrigwarda l-monitoraġġ tal-annimali maqtula għall-finijiet tal-konsum tal-bniedem:

“2.1.

L-annimali bovini [tal-ifrat] kollha ta’ aktar minn 24 xahar:

soġġetti għal qtil speċjali ta’ emerġenza kif definit fl-Artikolu 2(n) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE [, tas-26 ta’ Ġunju 1964, fuq problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ ġewwa l-Kommunità ta’ prodotti tal-laħam (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 34 - 46)], jew

maqtula skond l-ANNESS I, Kapitolu VI, punt 28(c), tad-Direttiva 64/433/KEE,

għandhom jiġu ttestjati għall-BSE.

2.2.

L-annimali bovini [tal-ifrat] kollha ta’ aktar minn 30 xahar suġġetti għal qatla normali għall-konsum tal-bniedem għandhom jiġu ttestjati għall-BSE.

[…]”

10

Il-punt 3 tal-istess Parti I jipprovdi li l-annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 24 xahar li mietu jew inqatlu għal finijiet oħra milli, b’mod partikolari, il-konsum tal-bniedem, huma suġġetti għal test bla mira għall-BSE b’mod konformi skont id-daqs tal-kampjun minimu indikat f’dan il-punt.

11

Il-punt 5 tal-imsemmija Parti I, intitolata “Monitoraġġ ta’ annimali oħra”, jipprovdi:

“Minbarra t-tesjtar imsemmi fil-punti 2 sa 4, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu fuq bażi volontarja li jittestjaw annimali oħra bovini [tal-ifrat] fit-territorju tagħhom, partikolarment fejn dawk l-annimali joriġinaw minn pajjiżi bil-BSE indiġena, ikkonsmaw għalf potenzjalment ikkontaminat jew twieldu jew ġew derivati minn speċi femminili infettati bil-BSE.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12

Ir-Regolament dwar l-eżami tal-iġene tal-laħam tal-annimali tal-ifrat maqtula għal finijiet ta’ ittestjar għall-BSE (Verordnung zur fleischhygienerechtlichen Untersuchung von geschlachteten Rindern auf BSE), tal-1 ta’ Diċembru 2000 (BGBl. 2000 I, p. 1659), kif emendat bir-regolament tal-25 ta’ Jannar 2001 (BGBl. 2001 I, p. 164, iktar ’il quddiem il-“BSE-Untersuchungsverordnung”), jeżiġi testijiet ta’ screening għall-BSE.

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li wara li nstab każ ta’ BSE fil-Ġermanja f’annimal tal-ifrat ta’ età ta’ 28 xahar, ġie introdott, permezz tal-imsemmi regolament tal-25 ta’ Jannar 2001, tnaqqis fil-limitu tal-età ġenerali għat-test ta’ screening tal-BSE fuq annimali tal-ifrat, minn 30 għal 24 xahar.

14

Sadanittant, l-Artikolu 1(1) tal-BSE-Untersuchungsverordnung jipprovdi li l-annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 24 xahar għandhom jiġu sottoposti għal wieħed mit-testijiet rikonoxxuti fl-Annes IVa tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/272/KE, tat-23 ta’ April 1998, dwar is-sorveljanza tat-tixrid tal-epidemija tal-enċefalopatija sponġiformi li tinxtered u li temenda d-Deċiżjoni 94/474/KE (ĠU L 122, p. 59).

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Müller Fleisch hija attiva fl-industrija tat-trattament tal-laħam bħala impriża tal-qatla u tal-qtugħ. Permezz ta’ avviż għall-ħlas tat-18 ta’ Ottubru 2001, il-Landratsamt Enzkreis talbitha l-ħlas ta’ miżata għal testijiet ta’ screening tal-BSE li saru fiċ-ċentri tagħha fix-xahar ta’ Lulju 2001 fuq annimali tal-ifrat għall-qatla. Dan il-ħlas jinkludi, b’mod partikolari, ammont ta’ EUR 31401.56 għal testijiet li saru fuq annimali tal-ifrat ta’ età bejn 24 u 30 xahar.

16

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat, permezz ta’ rikors, il-legalità ta’ din il-miżata fejn sostniet, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 6(1) u tal-Anness III, Kapitolu A, Parti I, tar-Regolament Nru 999/2001 ma jawtorizzawx l-introduzzjoni ġenerali ta’ testijiet ta’ screening tal-BSE għall-annimali tal-ifrat f’din il-kategorija ta’ età.

17

La dan ir-rikors u lanqas l-appell ta’ Müller Fleisch ma rnexxew. Il-Qorti tal-Appell waslet għall-konklużjoni li l-obbligu ġenerali ta’ screening previst mid-dritt Komunitarju għall-annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 30 xahar ma jimplikax projbizzjoni ta’ screening tal-annimali tal-ifrat ta’ età iżgħar, peress li l-imsemmija Parti I tawtorizza espressament lill-Istati Membri, fil-punt 5 tagħha, iwettqu testijiet fuq annimali tal-ifrat oħra, sakemm screening bħal dan ma jaffettwax ħażin il-kummerċ. F’dan il-każ effett ħażin bħal dan ma seħħx.

18

Meta il-Bundesverwaltungsgericht kienet qeda titratta “Appell”, din min-naħa l-oħra, kienet tal-fehma li l-fatt li din l-istess Parti I tistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza partikolari, b’regoli dettaljati, huwa kontra estensjoni bħal din tal-obbligu ta’ screening. Skont din il-qorti, mit-tieni u mit-tielet eżempji li jidhru fl-imsemmi punt 5 jirriżulta li, permezz tiegħu, il-leġiżlatur Komunitarju kien qiegħed jaħseb biss f’żidiet speċifiċi għal programm ta’ screening previst. Barra minn hekk, annimali tal-ifrat ta’ età minn 24 sa 30 xahar ma jkunux ikkunsidrati bħala “animali oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-obbligi ta’ screening li jikkonċernawhom huma diġà rregolati b’mod preċiż. Fl-aħħar nett, tibdil sostanzjali għall-program Komunitarju jista’ jwassal għal effett ħażin fuq il-kummerċ.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 6(1) flimkien mal-Parti I tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 […] kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1248/2001 […], għandu jiġi interpretat b’mod li jipprekludi l-estensjoni tal-obbligu ta’ test għall-bovini kollha li għandhom iktar minn 24 xahar, kif previst mir-Regolament dwar screening għall-[…] BSE-Untersuchungsverordnung […]?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 999/2001 u l-Anness III, Kapitolu A, Parti I, tiegħu, kif emendat bir-Regolament Nru 1248/2001, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga li l-annimali tal-ifrat kollha ta’ iktar minn 24 xahar ikunu sottoposti għal testijiet ta’ screening tal-BSE.

21

Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 999/2001 jirriżulta li l-programm annwali għas-sorveljanza ta’ BSE li l-Istati Membri huma marbuta li jimplementaw, u li proċedura ta’ screening tagħmel parti sħiħa minnu, għandu jkun konformi mal-Anness III, Kapitolu A, ta’ dan ir-regolament.

22

Il-punti 2 u 3 tal-Parti I ta’ dan il-kapitolu, kif emendati bir-Regolament Nru 1248/2001, jipprovdu li fl-ewwel lok, huma suġġett għal test ta’ screening tal-BSE l-annimali tal-ifrat kollha ta’ iktar minn 30 xahar, maqtula f’kundizzjonijiet normali u destinati għall-konsum tal-bniedem, u, fit-tieni lok, annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 24 xahar li jappartjenu għal ċerti popolazzjonijiet identifikati f’dawn il-punti.

23

Barra minn hekk, skont il-punt 5 tal-imsemmija Parti I, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħmlu testijiet fuq annimali tal-ifrat oħra barra minn dawk indikati, b’mod partikolari, fil-punti 2 u 3 imsemmija, li huma preżenti fit-territorju tagħhom.

24

Skont Müller Fleisch, din il-possibbiltà ma twassalx li tawtorizza lill-Istati Membri li jimponu proċedura ta’ screening għall-annimali kollha tal-ifrat ta’ iktar minn 24 xahar, hekk kif tipprovdi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda tippermetti biss screenings immirati lejn annimali b’riskju għoli.

25

F’dan ir-rigward, minn naħa, jekk l-annimali previsti mit-tieni u mit-tielet eżempji tal-lista li jidhru fl-imsemmi punt 5 jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jappartjenu għall-gruppi b’riskju għoli speċifiku u ristrett, l-ewwel eżempju, jiġifieri l-annimali li joriġinaw minn pajjiż fejn kien hemm każijiet indiġeni ta’ BSE, potenzjalment ikopri l-popolazzjoni kollha ta’ annimali tal-ifrat ta’ pajjiż bħal dan. Min-naħa l-oħra, il-kelma “partikolarment” li tinsab qabel din il-lista ta’ ċirkustanzi li fihom it-testijiet ta’ screening jistgħu jsiru fuq annimali tal-ifrat oħra apparti dawk indikati, turi li din il-lista mhijiex eżawrjenti.

26

Bl-istess mod, billi ntużat il-kelma “partikolarment” fil-premessa (7) tar-Regolament Nru 1248/2001, il-leġiżlatur Komunitarju indika li ma kellux l-intenzjoni jillimita l-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu testijiet bħal dawn fuq l-annimali biss ikkunsidrati bħala ta’ riskju għola.

27

Din l-aħħar imsemmija konstatazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-fatt li d-dispożizzjoni korrispondenti għall-punt 5 imsemmi iktar ’il fuq fil-verżjoni oriġinali tal-Anness III tar-Regolament Nru 999/2001, jiġifieri l-Parti III tal-Kapitolu A tiegħu, tippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jipproċedu b’sorveljanza ta’ annimali b’riskju għoli, filwaqt li m’hemmx limitazzjoni bħal din fl-imsemmi punt.

28

Għandu jiġi konkluż li l-kliem tal-Anness III, Kapitolu A, Parti I, punt 5, tar-Regolament Nru 999/2001, kif emendat bir-Regolament Nru 1248/2001, bl-ebda mod ma jikkonferma l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni proposta minn Müller Fleisch u ma jeskludix l-impożizzjoni, minn Stat Membru, ta’ testijiet ta’ screening għall-annimali tal-ifrat kollha ta’ iktar minn 24 xahar preżenti fit-territorju tiegħu.

29

Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkunsidra li, peress li l-obbligu ta’ screening għall-annimali tal-ifrat ta’ età minn 24 sa 30 xahar diġà ġie previst fil-punti 2 u 3 tal-imsemmija Parti I, l-annimali li jappartjenu għal din il-faxxa ta’ età ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “annimali bovini [tal-ifrat] oħra”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u li l-leġiżlatur Komunitarju ma ħalliex l-introduzzjoni tat-testijiet fuq annimali oħra għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

30

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

31

L-ewwel nett, dan l-argument jammonta għal affermazzjoni li l-imsemmija punti 2 u 3 jirregolaw l-iscreening tal-annimali tal-ifrat ta’ età minn 24 sa 30 xahar b’mod eżawrjenti, b’mod li l-punt 5 tal-imsemmija Parti I tippovdi biss għall-annimali tal-ifrat ta’ faxxex oħra ta’ età. B’hekk għandu jiġi ammess li l-istess japplika fil-każ ta’ annimali ta’ iktar minn 30 xahar, peress li l-istess punti 2 u 3 jittrattaw ukoll it-testijiet fir-rigward tagħhom. B’konsegwenza ta’ dan, il-punt 5 ikun japplika biss għal annimali tal-ifrat ta’ età ta’ inqas minn 24 xahar, li jkollu l-effett li jċaħħdu mill-parti l-kbira tal-effettività tiegħu.

32

Sussegwentement, għandu jingħad li r-Regolament Nru 999/2001 għandu, b’mod konformi mal-bażi legali tiegħu, jiġifieri l-Artikolu 152(4)(b) KE, direttament bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, is-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost il-beni u l-interessi protetti mit-Trattat KE u huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu fuq il-livell sa fejn huma għandhom l-intenzjoni jħarsu l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-mod kif dan jintlaħaq, li jimplika l-għarfien għall-Istati Membri ta’ marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-141/07, Ġabra p. I-6935, punt 51; tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 30, kif ukoll tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C-171/07 u C-172/07, Ġabra p. I-4171, punt 19).

33

Marġni ta’ diskrezzjoni bħal din hija konformi mal-għan imsemmi fil-premessa (2) tar-Regolament Nru 1248/2001 li jfittex joħloq sistema ta’ twissija kmieni tal-okkorrenza ta’ xi tendenzi mhux favorevoli fl-inċidenza tal-BSE f’annimali żgħar. Barra minn hekk, dan jidher ċar fil-premessa (7) ta’ dan ir-regolament, li tindika, permezz tal-kelma “jitqiesu”, li l-opportunità li jsiru testijiet fuq annimali tal-ifrat oħra taqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

34

L-emendi li saru permezz tal-aħħar imsemmi regolament fl-Anness III tar-Regolament Nru 999/2001 huma xhieda ta’ marġni ta’ diskrezzjoni akbar meta kkomparata mal-verżjoni oriġinali ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 27 tas-sentenza preżenti, l-Istati Membri mhumiex iktar limitati li jwettqu screening, b’mod immirat, tal-annimali b’riskju għoli.

35

Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 999/2001 jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni għal dak li jirrigwarda l-annimali tal-ifrat li huma jistgħu jissottoponu għal testijiet ta’ screening tal-BSE.

36

Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 999/2001 inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jipprekludux, bħala prinċipju, l-estensjoni minn Stat Membru tal-obbligu ta’ screening tal-BSE għall-annimali tal-ifrat kollha ta’ iktar minn 24 xahar preżenti fit-territorju tiegħu.

37

Madankollu, il-premessa (7) tar-Regolament Nru 1248/2001 tipprovdi li l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jwettqu testijiet fuq annimali tal-ifrat oħra, sakemm dan ma jaffettwax ħażin il-kummerċ.

38

Għandu jiġi osservat mill-bidu li din il-kjarifika ma tkunx mifhuma li qegħda tirreferi għall-effetti ħżiena kollha għall-kummerċ. Minn naħa, kull proċedura ta’ screening jista’ jkollha effetti ħżiena bħal dawn, bħal pereżempju dewmien, ikun kemm ikun żgħir.

39

Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li l-awtorizzazzjoni għall-Istati Membri sabiex iwettqu, fuq bażi volontarja, testijiet fuq annimali tal-ifrat oħra tista’ twassal, fi Stat Membru li jimponi regoli iktar stretti f’dan ir-rigward, għal numru suffiċjentement għoli ta’ każijiet ta’ BSE sabiex dak l-Istat Membru jiġi kklassifikat fi klassi iktar baxxa skont il-kategoriji definiti fl-Anness II tar-Regolament Nru 999/2001, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-Istat ta’ ESB [BSE]”, xorta jibqa’ l-fatt li l-effetti ħżiena li jistgħu jirriżultaw fuq l-esportazzjoni ta’ annimali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom jikkontribwixxu għall-għan li tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.

40

Huwa importanti li jingħad ukoll li l-kwistjoni tal-effett ħażin fuq il-kummerċ mhux imsemmi b’mod speċifiku fid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 999/2001 u 1248/2001. Il-premessi ta’ att Komunitarju m’għandhomx forza legali vinkolanti (sentenza tat-2 ta’ April 2009, Tyson Parketthandel, C-134/08, Ġabra p. I-2875, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’hekk, hekk kif sostniet il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fis-seduta, il-kjarifika fil-premessa (7) ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament għandha tiġi interpretata bħala riferiment għad-dritt primarju u, b’mod partikolari, għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

41

Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni deskritta fil-punti 32 sa 35 tas-sentenza preżenti, josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment ħieles tal-merkanzija, fejn applikabbli. L-imsemmija dispożizzjonijiet jinkludu l-projbizzjoni għall-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu fis-seħħ, għal dak li jirrigwarda l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, restrizzjonijiet inġustifikati għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C-372/04, Ġabra p. I-4325, punt 92, kif ukoll is-sentenzi ċċitati Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 23, u Apothekerkammer des Saarlandes et, punt 18).

42

Fir-rigward tat-testijiet ta’ screening li Stat Membru jiddeċiedi li jipprattika fuq parti mill-popolazzjoni tal-annimali tal-ifrat sabiex jintlaħaq dan l-għan, ma jkunx ammess effett ħażin sproporzjonat tal-kummerċ.

43

Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità ta’ testijiet ta’ screening bħal dawn hija suġġetta għall-kundizzjoni li huma jkunu xierqa u neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imħaddna, u huwa aċċettat li jekk ikun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas restrittiva u li l-inkonvenjenti kkawżati ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Lennox, C-220/01, Ġabra p. I-7091, punt 76).

44

F’dan ir-rigward, l-introduzzjoni tat-testijiet għall-annimali tal-ifrat kollha tal-età minn 24 sa 30 xahar tammonta għal miżura xierqa sabiex jinstabu l-każijiet ta’ BSE fl-annimali f’din il-faxxa ta’ età, u b’hekk sabiex jintlaħaq dan l-għan.

45

Barra minn hekk, fir-rigward tan-neċessità ta’ din il-miżura, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam. B’hekk, il-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn dawk imposti minn Stat Membru ieħor ma jfissirx li dawn huma sproporzjonati (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

46

Bl-istess mod, il-fatt li, bħala risposta għall-iskoperta ta’ każ iżolat ta’ BSE fl-annimali ta’ età ta’ 28 xahar, hekk kif jirriżulta mill-premessa (2) tar-Regolament Nru 1248/2001 kif ukoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlatur Komunitarju ippreskriva, għall-annimali tal-ifrat ta’ iktar minn 24 xahar, testijiet inqas estensivi minn dawk introdotti minn Stat Membru ma jfissirx li dan l-Istat ma jistax jikkunsidra validament li dawn huma neċessarji.

47

Fl-aħħar nett, ma jidhirx li miżura nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi sodisfatt l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, hekk kif jirriżulta mir-Regolament Nru 999/2001.

48

Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda li saret hija li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 999/2001 u l-Anness III, Kapitolu A, Parti I, tiegħu, kif emendat bir-Regolament Nru 1248/2001, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali milli teżiġi li l-annimali tal-ifrat kollha ta’ iktar minn 24 xahar għandhom jiġu sottoposti għal testijiet ta’ screening tal-BSE.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered u l-Anness III, Kapitolu A, Parti I, ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1248/2001, tat-22 ta’ Ġunju 2001, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali milli teżiġi li l-annimali tal-ifrat kollha ta’ iktar minn 24 xahar għandhom jiġu sottoposti għal testijiet ta’ screening tal-enċefalopatija sponġiformi bovina.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.