Kawża C-537/08 P

Kahla Thüringen Porzellan GmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Sommarju tas-sentenza

1.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna — Portata — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Artikoli 87 KE u 88 KE)

2.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Skema ġenerali ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni — Skema li teskludi l-impriżi f’diffikultà u l-impriżi privati — Nuqqas ta’ restrizzjonijiet espliċiti li jikkonċernaw dawn l-impriżi fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fiha nfisha — Aspettattivi leġittimi tal-impriżi li bbenefikaw illegalment minn din l-għajnuna — Assenza

(Artikoli 87 KE u 88 KE)

1.        Il‑portata ta’ deċiżjoni li biha l-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjoni fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata minn Stat Membru għandha tiġi ddeterminata mhux biss b’riferiment għat-test stess tal-imsemmija deċiżjoni, li tagħha jiġi ppubblikat biss sunt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, imma wkoll billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mill-Istat Membru kkonċernat.

Talba għal informazzjoni supplimentari, li biha l-Kummissjoni titlob tagħrif komplementari fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata minn Stat Membru, kif ukoll ir-risposta tal-awtoritajiet nazzjonali lil din it-talba, għandhom jitqiesu li huma parti indiviżibbli mill-iskema ta’ għajnuna nnotifikata. Dan jgħodd iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, huwa preċiżament fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjoni fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata.

(ara l-punti 44, 45)

2.        Id-dritt li wieħed jinvoka l‑protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa miftuħ għal dawk li jinsabu f’sitwazzjoni li fiha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, hija u tagħtihom assigurazzjonijiet preċiżi, tkun ħolqot aspettattivi leġittimi fil-konfront tagħhom. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata.

Issa, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata, in-nuqqas, f’deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ din l-iskema, ta’ restrizzjoni espliċita f’dak li jirrigwarda l-impriżi f’diffikultà u l-impriżi privati ma jistax, fih innifsu, jiġi assimilat ma informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti mogħtija mill-Kummissjoni lill-persuna interessata fir-rigward tal-fatt li dawn l-iskemi jippermettu l-għoti ta’ għajnuna lil dawn l-impriżi, u ma jistax għaldaqstant joħloq l-aspettattivi leġittimi tagħha fir-regolarità tas-sussidji li jkunu ngħataw lilha. Bil-kontra, peress li l-possibbiltà li tingħata għajnuna lil dawn l-impriżi hija almenu inċerta, dan in-nuqqas ta’ restrizzjoni espliċita ma għandux joħloq assigurazzjonijiet preċiżi li jistgħu joħolqu xi forma ta’ aspettattivi leġittimi fil-persuna interessata.

(ara l-punti 63-66)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Diċembru 2010(*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l‑inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C-537/08 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-3 ta’ Diċembru 2008

Kahla Thüringen Porzellan GmbH, stabbilita f’Kahla (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Schütte, S. Zühlke u P. Werner, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u K. Gross, bħala aġenti, assistiti minn C. Koenig, professur, b’indirizz għan-notifika fil Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Freistaat Thüringen, irrappreżentat minn A. Weitbrecht u M. Núñez-Müller, Rechtsanwälte,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u W.‑D. Plessing, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, J.-J. Kasel, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2010,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Kahla Thüringen Porzellan GmbH qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tal-24 ta’ Settembru 2008, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni (T‑20/03, Ġabra p. II-2305, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha ċaħdet ir-rikors tagħha għall‑annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/643/KE, tat-13 ta’ Mejju 2003, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur Kahla Porzellan GmbH u Kahla Thüringen Porzellan GmbH (ĠU L 227, p.27, iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        L-appellanti kienet ġiet ikkostitwita f’Novembru 1993, u f’Jannar 1994 hija ħadet kontroll tal-artijiet, tal-makkinarju u tat-tagħmir, kif ukoll ta’ 380 impjegat ta’ Kahla Porzellan GmbH, kumpannija fi stat ta’ stralċ. Din tal-aħħar, li kienet tipproduċi platti u oġġetti tal-porċellana, kienet tinsab fil-Land ta’ Thuringe, waħda mir-reġjuni li tista’ eventwalment tibbenefika mill-għajnuna skont l‑Artikolu 87(3)(a) KE.

3        Għal din ir-reġjuni, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet b’mod partikolari awtorizzat żewġ skemi ġenerali ta’ għajnuna, jiġifieri, b’deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 1993, dwar il-programm tal-Land ta’ Thuringe favur l‑investimenti tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju [KMU-Investitionsprogramm des Landes Thüringen [għajnuna Nru N 408/93 – SG(93) D/19245 tas-26. 11. 1993, ĠU C 335, p. 7] u, b’deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 1994, programm li jipprevedi miżuri favur l-impjiegi fis-setturi tal-ambjemt u tas-siġurtà soċjali kif ukoll favur iż-żgħażagħ fit-territorju tal-ex RDĠ [għajnuna Nru NN 117/92 – SG(95) D/341, ĠU C 401, p. 2].

4        Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dawn l-iskemi, l-awtoritajiet pubbliċi Ġermaniżi awtorizzaw 23 intervent ta’ għajnuna finanzjarja lill-appellanti bejn l-1994 u l-1999, għal ammont totali ta’ DEM 39.028 miljun. Fost dawn il‑miżuri hemm sussidju għall-investimenti tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (IŻM) ta’ DEM 2.5 miljuni, imħallsa f’Mejju 1994 mil-Land ta’ Thuringe (iktar ’il quddiem il-“miżura 15”), u sussidji favur l-impjiegi assoċjati ma’ investimenti fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent għal ammont totali ta’ DEM 1.549 miljun, awtorizzat mill-Bundesanstalt für Arbeit (direttorat federali tal-impjiegi) bejn l‑1994 u l-1996, bis-saħħa tal-Artikolu 249h tal-liġi dwar il-promozzjoni tal‑impjiegi (Arbeitsförderungsgesetz, iktar ’il quddiem l-“AFG”) (iktar ’il quddiem il-“miżura 26”).

5        F’dak li jirrigwarda l-miżura 15, il-Kummissjoni madankollu kkonstatat, fil-punti 128 u 129 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx konformi mal‑iskema ta’ għajnuna awtorizzata minn qabel, sa fejn, fiż-żmien tal-ħruġ tas‑sussidju inkwistjoni, l-appellanti kellha titqies li kienet impriża f’diffikultà, filwaqt li din il-kategorija ta’ impriża kienet espliċitament eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskema. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet adottat sadanittant id-Deċiżjoni 2003/225/KE, tad-19 ta’ Ġunju 2002, dwar il-programm tal-Land ta’ Thuringe favur l-investimenti tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u l‑implementazzjoni tiegħu (ĠU 2003, L 91, p.1), deċiżjoni negattiva dwar l‑imsemmija skema minħabba li kienet ġiet applikata, b’mod partikolari, għall‑impriżi f’diffikultà, bil-kontra tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzati mill-Kummissjoni.

6        Fir-rigward tal-miżura 26, il-Kummissjoni rrilevat, fil-punti 134 sa 139 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sussidji ma jaqgħux taħt l-Artikolu 249 h tal-AFG, li hija kienet approvat bħala waħda li ma tikkostitwix skema tal-għajnuna. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat li barra mill-iskemi tat-Treuhandanstalt, l‑iskema awtorizzata kienet tikkornċerna l-impriżi pubbliċi (punt 134), filwaqt li l‑appellanti kienet impriża privata fil-mument tal-ħruġ tas-sussidji inkwistjoni (punt 135).

7        Il-Kummissjoni b’hekk iddikjarat, fost affarijiet oħra, li l-miżuri 15 u 26 kienu inkompatibbli mas-suq komuni u talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tieħu dawk il-miżuri neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna kkonċernata mill-appellanti.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

8        Bir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti talbitha tannulla d‑deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tirrigwardaha, u invokat erba’ motivi insostenn tat-talbiet tagħha. L-ewwel tliet motivi, li kienu jikkonċernaw esklużivament il‑miżuri 15 u 16, kienu rispettivament ibbażati fuq ksur, fl-ewwel motiv, tal‑Artikoli 87 KE u 88 KE, fit-tieni motiv, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u, fit‑tielet motiv, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ir-raba’ motiv, li ma huwiex inkwistjoni għaliex ma huwiex indikat fl-appell, kien ibbażat fuq diversi żbalji ta’ fatti u ta’ evalwazzjoni li l-kummissjoni allegatament wettqet.

9        Fl-ewwel motiv tagħha, l-appellanti sostniet li l-miżuri inkwistjoni kienu nħarġu skont skema ta’ għajnuna awtorizzata u għaldaqstant kienu jikkostitwixxu għajnuna eżistenti. Il-Kummissjoni b’hekk kisret l-Artikoli 87 KE u 88 KE billi daħħlet retroattivament kundizzjonijiet supplimentari f’dak li jirrigwarda dawn l‑iskemi, li fil-konfront tagħhom kienet qieset, bi żball, li dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida.

10      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-miżura 15, il-Qorti Ġenerali qabel kollox ikkonstatat li l-programm ta’ għajnuna awtorizzat kien indirizzat – hekk kif ikkonfermat mir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja f’komunikazzjoni tas-26 ta’ Awwissu 1993 bħala risposta għal talba tal-Kummissjoni intiża li tikseb informazzjoni komplementari – lil impriżi privatizzati wara l-1989 li, “għalkemm b’saħħithom, jinsabu ħafna drabi f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja” (punti 102 sa 105 tas‑sentenza appellata).

11      Issa, skont il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ir-riferiment għal sitwazzjoni finanzjarja bħal din għandu jiġi mifhum li jirreferi għal diffikultajiet marbuta mat-tranżizzjoni minn ekonomija pjanifikata lejn ekonomija tas-suq, u mhux għal dawk il‑karatteristiċi tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà (punt 106 tas-sentenza appellata). Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Land ta’ Thuringe kien ukoll innotifika programm indirizzat speċifikament għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà, jikkonferma li dawn tal-aħħar ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema inkwistjoni, hekk kif il-Kummissjoni qisitu fid-deċiżjoni kkontestata (punti 108, 109 u 111 tal-imsemmija sentenza).

12      Wara li ppreċiżat dan, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonstatat li l-appellanti kienet impriża f’diffikultà.

13      Hija għaldaqstant qieset, fil-punti 134 u 135 tas-sentenza appellata, li din l‑istituzzjoni ġustament kienet ikkunsidrat li l-għajnuna fil-miżura 15 ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ stabbiliti mill-programm tal-Land ta’ Thuringe u li kellha, għaldaqstant, tiġi kkwalifikata bħala għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE.

14      Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-miżura 26, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l‑kundizzjonijiet previsti fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna stabbilita bl-Artikolu 249h tal-AFG, kif awtorizzat, ma kinux ġew osservati. Fil-fatt, hekk kif il‑Kummissjoni qieset fid-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi privati, bħal ma hija l‑appellanti, ma kinux eliġibbli bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni (punti 175 u 180 tas-sentenza appellata). Barra minn hekk, hekk kif kienet ippreċiżat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja stess f’komunikazzjoni tad-29 ta’ Lulju 1994, dawn il‑miżuri kellhom jiġu adottati fl-interess ġenerali, u mhux iservu l-interessi individwali ta’ impriża (punti 181, 182 u 185 tal-imsemmija sentenza). Issa, dan ma kienx il-każ f’din is-sitwazzjoni (punt 186 tal-istess sentenza).

15      Il-Qorti Ġenerali b’hekk ċaħdet l-argumenti kollha dwar ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE ukoll għal dak li jirrigwarda l-miżura 26 (punt 203).

16      Bit-tieni motiv tagħha, l-appellanti sostniet li l-Kummissjoni kienet kisret il‑prinċipju ta’ ċertezza legali billi bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq kundizzjonijiet restrittivi li ma kienu previsti la mill-iskemi inkwistjoni u lanqas mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tagħhom.

17      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv, filwaqt li kkonstatat, l-ewwel nett, li, fl‑evalwazzjoni tagħha tal-konformità tal-miżura 15 mal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata, il-Kummissjoni kienet sempliċemement u strettament wettqet eżami tal-kundizzjonijiet imposti fid-deċiżjoni li tapprova l-imsemmija skema (punt 138 tas-sentenza appellata).

18      Barra minn hekk, u f’kull każ, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu huma stess, fil‑komunikazzjoni tagħhom tas-26 ta’ Awwissu 1993, eskludew espliċitament l‑impriżi f’diffikultà mill-iskema inkwistjoni (punt 140 tal-imsemmija sentenza). Kien manifest, fid-dawl ta’ din il-komunikazzjoni, li dawn l-impriżi ma setgħux jibbenefikaw minn għajnuna taħt din l-iskema (punt 141 tal-istess sentenza).

19      Il-Qorti Ġenerali b’hekk qieset li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta kkonstatat li l-miżura 15 ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-kuntest tal-programm tal-Land ta’ Thuringe favur l-investimenti tal-IMŻ minħabba l-fatt li, fiż-żmien li bbenefikat minnha, l-appellanti kienet impriża f’diffikultà (punt 144 tas-sentenza appellata).

20      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għall-finijiet tal-eżami tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tas-sussidji li jikkostitwixxu l-miżura 26, il-Kummissjoni kienet esklużivament evalwat il-konformità tagħhom mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid‑deċiżjoni li tawtorizza l-iskema prevista fl-Artikolu 249 h tal-AFG. Issa, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet semmiet espliċitament, b’mod partikolari, il‑komunikazzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi tad-29 ta’ Lulju 1994 li tippreċiża l‑portata ta’ din id-dispożizzjoni, li hija kienet interpretat korrettament u applikat f’dak li jirrigwarda s-sussidji inkwistjoni (punt 205 tas-sentenza appellata).

21      Bit-tielet motiv tagħha, l-appellanti invokat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi, u dan billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li la l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni u lanqas id-deċiżjonijiet li awtorizzawhom ma kienu jippermettu li jiġu indikati l-kundizzjonijiet restrittivi li hija kienet applikat fil‑kuntest tad-deċiżjoni kkontestata. L-appellanti b’mod partikolari invokat li operatur ekonomiku li jeżerċita l-attitivà tiegħu bħala bonus pater familias jista’ jippreżumi li għajnuna ma hijiex ġdida meta tiġbor fiha l-kundizzjonijiet kollha previsti fil-kuntest ta’ programm awtorizzat.

22      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett fakkret, fil-punt 146 tas-sentenza appellata, li kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l‑amministrazzjoni Komunitarja, billi tagħtih assigurazzjonijiet preċiżi, toħloq fih tamiet fondati, għandu d-dritt jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

23      Hija fakkret ukoll, fil-punt 148 ta’ din is-sentenza, li ma huwiex ammissibbli li l‑Kummissjoni tadotta deċiżjoni li timplika l-ħlas lura ta’ għajnuna għad-dannu ta’ benefiċjarju li jkun osserva l-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn dawk imposti minn din l-istituzzjoni fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni.

24      Il-Qorti Ġenerali madankollu ddeċidiet li dan ma kienx il-każ f’din is-sitwazzjoni, sa fejn kemm il-miżura 15 kif ukoll il-miżura 26 nħarġu lill-appellanti bi ksur tal‑kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal-programm tal‑Land ta’ Thuringe favur l-investimenti tal-IMŻ (punt 149 tas-sentenza appellata) u tal-Artikolu 249h tal-AFG (punt 207 ta’ din is-sentenza).

25      Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, qieset li l-assenza allegata ta’ restrizzjoni espliċita f’dak li jirrigwarda l-impriżi f’diffikultà u l-impriżi privati fl-iskemi inkwistjoni jew fil-pubblikazzjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li tagħhom huma s-suġġett ma tistax toħloq l-aspettattivi leġittimi fl‑appellanti tar-regolarità tal-ħruġ tas-sussidji li jikkostitwixxu l-miżuri 15 u 26. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza ma tista’ bl-ebda mod tiġi assimilata ma’ assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-Kummissjoni fis-sens li l-impriżi f’diffikultà u l-impriżi privati jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna bis-saħħa, rispettivament, tal-programm tal-Land ta’ Thuringe favur l-investimenti tal-IMŻ u tal-Artikolu 249 h tal-AFG (punti 150 u 208 tas-sentenza appellata).

26      Fl-aħħar nett, fir-rigward biss tal-miżura 15, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ukoll li, f’kull każ, l-appellanti ma kinitx eżenti milli tinforma ruħha dwar ir-regolarità tal‑ħruġ tal-għajnuna li ngħatat lilu (punt 150).

27      Għaldaqstant, peress li l-Qorti Ġenerali qieset li l-motivi ppreżentati insostenn tar‑rikors tagħha kollha kienu infondati, hija ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

28      L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn tirrigwarda l-miżuri 15 u 26 kif ukoll id‑deċiżjoni dwar l-ispejjeż, u

–        tannulla l-Artikolu 1(2)(d) u (g), kif ukoll l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ dan l-artikolu, sa fejn jirrigwarda l-miżuri 15 u 26 jew, f’kull każ, sa fejn jordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa b’applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri;

–        sussidjarament, tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat fiha li s-sussidji miksuba mill-appellanti bis-saħħa tal-miżura 26 għandhom jitqiesu li huma vantaġġ għal din tal-aħħar sal-ammont totali tagħhom u li huma, minħabba f’hekk, għandhom jiġu rkuprati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill‑appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

30      L-appellanti tinvoka, insostenn tal-appell tagħha, żewġ aggravji prinċipali u aggravju sussidjarju.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

 L-argumenti tal-partijiet

31      Bl-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il‑prinċipju ta’ ċertezza legali billi ddeċidiet, minn naħa, fil-punti 97 sa 111 u 138 tas-sentenza appellata, li l-iskema favur l-investimenti tal-IMŻ awtorizzata mill‑Kummissjoni kienet tipprevedi, mill-bidu, restrizzjoni f’dak li jirrigwarda l‑impriżi f’diffikultà u, min-naħa l-oħra, fil-punti 167 sa 188 u 205 tal-imsemmija sentenza, li l-iskema msemmija fl-Artikolu 249h tal-AFG ma kinitx tinkludi l‑impriżi privati.

32      F’dan ir-rgward, l-appellanti ssostni li l-imsemmi prinċipju jeżiġi li restrizzjonijiet li jaffettwaw skema ta’ għajnuna mill-Istat għandhom jidhru b’mod ċar u mingħajr ekwivoku kemm fl-istess skema ta’ għajnuna, kemm fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew fl‑ittra tal-Kummissjoni li tikkonferma l-imsemmija awtorizzazzjoni, sabiex tippermetti lill-benefiċjarji potenzjali jiddeterminaw jekk humiex ikkonċernati jew le mill-programm awtorizzat.

33      Issa, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali bi żball ħadet inkunsiderazzjoni restrizzjonijiet li l‑appellanti ma setgħetx tidentifika u li ma setgħux, għaldaqstant, jiġu kkontestati lilha. Fil-fatt, dawn ir-restrizzjonijiet ma jirriżultaw b’mod ċar la mill-iskemi ta’ għajnuna awtorizzati u lanqas mid-dokumenti ppubblikati jew aċċessibbli għall‑appellanti, imma, l-iktar, minn interpretazzjoni possibbli tal-korrispondenza purament interna bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi.

34      Dan l-iżball wassal lill-Qorti Ġenerali tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u tikkonstata bi żball, bħall-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sussidji li jikkostitwixxu l-miżuri 15 u 26 ma kinux koperti mill-programmi ta’ għajnuna awtorizzati.

35      Il-Kummissjoni tenfasizza li kemm l-awtorizzazzjoni tal-programm tal-Land ta’ Thuringe favur l-investimenti tal-IMŻ kif ukoll dik li tirrigwarda l-iskema stabbilita bl-Artikolu 249h tal-AFG ġew indirizzati mill-Kummissjoni direttament u unikament lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest ta’ proċedura li tistabbilixxi relazzjoni ġuridika esklużiva bejn il-Kummissjoni u l-imsemmi Stat Membru, li fiha l-benefiċjarju tal-għajnuna, f’dan il-każ l-appellanti, ma ħax sehem. Barra minn hekk, dawn l-awtorizzazzjonijiet ma kinux jikkonċernaw speċifikament is-sussidji li jinsabu fil-miżuri 15 u 26, imma sempliċement “skema ġenerali” ta’ għajnuna li tagħha l-Kummissjoni – b’differenza mill-Istat Membru kkonċernat – ma setgħetx tkun taf minn qabel minn kienu l-benefiċjarji potenzjali. Fil-fatt, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jiddeċiedu waħedhom l-għoti individwali u konkret ta’ sussidju kopert minn skema ta’ għajnuna awtorizzata.

36      Issa, peress li l-appellanti ma hija d-destinatarja ta’ ebda deċiżjoni restrittiva tal‑Kummissjoni, hija ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ ċertezza legali fil-konfront ta’ din tal-aħħar. Il-ksur ta’ dan il-prinċipju jista’, min-naħa l-oħra, jiġi kkontestat lill-awtoritajiet Ġermaniżi li kellhom, huma, l-obbligu u r-responsabbiltà li jinformaw b’mod suffiċjentement ċar lill-benefiċjarji potenzjali bil-kundizzjonijiet konkreti li taħthom l-għajnuna nazzjonali tkun tista’ tingħatalhom skont il‑programmi awtorizzati.

37      Għaldaqstant, l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet Ġermaniżi, li huwa dak li tingħata għajnuna nazzjonali li tmur kontra l-iskemi awtorizzati u bil-kjarimenti mogħtija lill-Kummissjoni dwarhom ma għandux jiġi imputat lil din tal-aħħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi eżaminat jekk il‑Qorti Ġenerali kisritx il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta qieset fis-sentenza appellata li l-iskemi awtorizzati mill-Kummissjoni ma jippermettux il-ħruġ ta’ sussidji, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-miżura 15, lil impriżi f’diffikultà u, min‑naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-miżura 26, lil impriżi privati.

39      Fir-rigward tal-miżura 15, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali waslet għal din il‑konklużjoni wara li eżaminat, fil-punti 97 sa 111 tas-sentenza appellata, il‑portata tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata.

40      Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, hija l-ewwel nett irrilevat li, wara l-komunikazzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi tas-26 ta’ Awwissu 1993 – iċċitata fil-punt 10 ta’ din is‑sentenza, li biha huma kienu ppreċiżaw il-qasam ta’ applikazzjoni tal‑programm ta’ għajnuna nnotifikata, il-Kummissjoni kienet fid-dritt li tqis li l‑impriżi f’diffikultà kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il‑programm (punti 108, 109 u 111 tas-sentenza appellata).

41      Il-Qorti Ġenerali wara ddeċidiet, fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, li din il‑komunikazzjoni kienet parti mill-programm ta’ għajnuna awtorizzata sa fejn l‑informazzjoni komplementari u l-preċiżazzjonijiet mogħtija minnha tqiesu li huma rilevanti mill-Kummissjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tagħha li ma tqajjimx oġġezzjoni fir-rigward tal-implementazzjoni tal-iskema nnotifikata, kif hija informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 1993. Dan huwa kkonfermat miċ-ċirkustanza li, f’din l-ittra, il‑Kummissjoni rreferiet sepliċitament għall-imsemmija komunikazzjoni tas-26 ta’ Awwissu 1993 (punt 104 tal-imsemmija sentenza).

42      Fuq il-bażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 138 tas‑sentenza appellata, skartat kull ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx, bid-deċiżjoni kkontestata, daħħlet retroattivament kundizzjonijiet supplimentari meta mqabbla ma dawk li jidhru fid‑deċiżjoni tagħha ta’ awtorizzazzjoni tal-programm inkwistjoni.

43      Bil-kontra ta’ dak li qed issostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il‑prinċipju ta’ ċertezza legali meta waslet għal din il-konklużjoni.

44      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il‑portata ta’ deċiżjoni li biha l-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjoni fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata minn Stat Membru għandha tiġi ddeterminata mhux biss b’riferiment għat-test stess tal-imsemmija deċiżjoni, li tagħha jiġi ppubblikat biss sunt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, imma wkoll billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mill-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C-138/09, Ġabra p. I-4561, punt 31, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni, C‑67/09 P, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 64).

45      Talba għal informazzjoni supplimentari, li biha l-Kummissjoni titlob tagħrif komplementari fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata minn Stat Membru, kif ukoll ir-risposta tal-awtoritajiet nazzjonali lil din it-talba, għandhom jitqiesu li huma parti indiviżibbli mill-iskema ta’ għajnuna nnotifikata. Dan jgħodd iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, huwa preċiżament fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjoni fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata.

46      Isegwi li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li l-komunikazzjoni tas-26 ta’ Awwissu 1993 tal-awtoritajiet Ġermaniżi kienet parti mill-programm ta’ għajnuna awtorizzata u, għaldaqstant, li s-sussidju msemmi fil-miżura 15 ma kienx ingħata regolarment minħabba l-fatt li l-appellanti kienet, fil-mument li fih is-sussidju ngħata, impriża f’diffikultà.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest tal-implemetazzjoni tal‑programm ġenerali ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li evidentement kellha din il-komunikazzjoni, ma setgħetx twarrab l-informazzjoni li hija kienet tat lil din l-istituzzjoni, imma kellha, bil‑kontra, teħodha inkunsiderazzjoni sabiex l-għajnuna nazzjonali individwali tingħata skont din l-informazzjoni.

48      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li wieħed jikkonkludi li l-appellanti ma tistax validament tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali f’dak li jirrigwarda l‑miżura 15.

49      Fir-rigward tal-miżura 26, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-impriżi privati ma setgħux jibbenefikaw minn sussidji bħal dawk li jikkostitwixxu din il-miżura wara li eżaminat, fil-punti 167 sa 188 tas-sentenza appellata, il-portata tal-Artikolu 249h tal-AFG, li stabbilixxa l-iskema awtorizzata mill-Kummissjoni.

50      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, wara l‑komunikazzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi tad-29 ta’ Lulju 1994 – imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza –, li biha huma kienu ppreċiżaw il-qasam ta’ applikazzjoni tal-iskema stabbilita bl-Artikolu 249 h tal-AFG, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-implementazzjoni tal-miżuri hekk previsti (punti 172 u 173 tas-sentenza appellata).

51      Il-Qorti Ġenerali wara qieset li l-preċiżazzjonijiet li jinsabu f’din il‑komunikazzjoni, li minnhom jirriżulta li l-impriżi privati ma kinux eliġibbli bis‑saħħa tal-imsemmi artikolu, kienu rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-portata eżatta tal-iskema awtorizzata u effettivament ittieħdu inkunsiderazzjoni mill‑Kummissjoni sabiex tikkonstata jekk il-miżuri proposti ma kinux jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE (punti 175, 176 u 180 tas‑sentenza appellata).

52      Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 205 u 206 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali f’dak li jirrigwarda l-miżura 26 peress li kienet sempliċement evalwat il-konformità tas-sussidji li jikkostitwixxu din il-miżura mal‑kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-iskema kkonċernata.

53      Bil-kontra ta’ dak li qed tafferma l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il‑prinċipju ta’ ċertezza legali meta waslet għal din il-konklużjoni.

54      Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet indikati fil-punti 44 u 45 ta’ din is‑sentenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi tad-29 ta’ Lulju 1994 kienet parti mill-programm ta’ għajnuna awtorizzat li magħha hija marbuta l-miżura 26 u li huwa preċizament fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fiha li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjoni fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata.

55      Isegwi li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li din l-iskema ma tippermettix l-għoti ta’ sussidji favur impriżi privati, bħal ma hija l-appellanti, u, għaldaqstant, li l‑għajnuna li hija kienet irċeviet ma osservatx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil‑kuntest ta’ din l-iskema.

56      L-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandha għaldaqstant tiġi miċħuda wkoll f’dak li jirrigwarda l-miżura 26.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ qabel, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

 L-argumenti tal-partijiet

58      Bit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta ddeċidiet, fil-punti 150 u 208 tas‑sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ restrizzjonijiet espliċiti fid-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal-programm tal-Land ta’ Thuringe favur l-investimenti tal-IMŻ u ta’ dak stabbilit bl-Artikolu 249 h tal-AFG ma għandux jiġi assimilat ma “assigurazzjonijiet preċiżi”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, mogħtija mill-Kummissjoni b’tali mod li jnisslu l-aspettattivi leġittimi tal‑appellanti fir-rigward tar-regolarità tal-miżuri 15 u 26.

59      Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bi żball, il-fatt li l‑appellanti ma kinitx fil-pożizzjoni li tislet ir-restrizzjonijiet eventwali mid‑dokumenti dwar il-programmi awtorizzati kif kienu ġew ippubblikati. L‑appellanti kellha raġun għaldaqstant tqis li s-sussidji li jikkostitwixxu l‑imsemmija miżuri kienu ngħataw korrettament, b’osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-Kummissjoni dwar il-programmi awtorizzati, b’tali mod li hija ma kellhiex tistenna li tittieħed deċiżjoni li timponi l-irkupru ta’ dawn is-sussidji.

60      Min-naħa l-oħra, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li hija ddikjarat li hija “ma kinitx eżentata milli żżomm ruħha informata fuq ir-regolarità tal-għoti tal‑għajnuna li kienet ġiet mogħtija lilha” (punt 150 tas-sentenza appellata). Fil‑fatt, obbligu bħal dan ikun ta’ piż fuq benefiċjarju ta’ għajnuna biss meta – bil‑kontra ta’ dan il-każ – ikun hemm inċertezza identifikabbli mill-persuna kkonċernata fir-rigward tal-portata tal-awtorizzazzjoni li tagħha din it-tip ta’ għajnuna tkun is-suġġett.

61      Il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-appellanti ma hija la d-destinatarja tad‑deċiżjoni kkontestata u lanqas direttament imsemmija mill-programmi awtorizzati – għaliex, bil-kontra, huma jistgħu jiġu applikati għal numru indeterminat ta’ impriżi –, hija ma tistax tinvoka validament il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

62      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-appellanti kellha f’kull każ tistenna l‑irtirar tas-sussidji li jikkostitwixxu l-miżuri 15 u 26 fid-dawl tal-fatt li l‑awtoritajiet Ġermaniżi kienu taw dawn is-sussidji b’nuqqas ta’ osservanza tal‑kundizzjonijiet previsti fil-kuntest tal-programmi nnotifikati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63      Skont ġurisprudenza stabbilita, li lilha l-Qorti Ġenerali ġustament għamlet riferiment fil-punt 146 tas-sentenza appellata, id-dritt li wieħed jinvoka l‑protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa miftuħ għal dawk li jinsabu f’sitwazzjoni li fiha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, hija u tagħtihom assigurazzjonijiet preċiżi, tkun ħolqot aspettattivi leġittimi fil-konfront tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2005, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni C-506/03, punt 58, u tat-18 ta’ Lulju 2007, AER vs Karatzoglou, C-213/06 P, Ġabra p. I‑6733, punt 33). Informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġu kkomunikata [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, C-47/07 P, I‑9761, punti 34 u 81].

64      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ġustament applikat din il‑ġurisprudenza fil-kuntest tas-sentenza appellata.

65      Fil-fatt, hekk kif il-Qorti Ġenerali rrilevat, in-nuqqas ta’ restrizzjoni espliċita fl‑iskemi ta’ għajnuna kkonċernati ma jistax, fih innifsu, jiġi assimilat ma informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti mogħtija mill-Kummissjoni lill-appellanti fir-rigward tal-fatt li dawn l-iskemi jippermettu l-għoti ta’ għajnuna, rispettivament, favur impriżi f’diffikultà, fir-rigward tal-miżura 15, jew lil impriżi privati, fir-rigward tal-miżura 26, u ma jistax għaldaqstant joħloq l-aspettattivi leġittimi tagħha fir-regolarità tas-sussidji li jkunu ngħataw lilha.

66      Proprju bil-kontra ta’ dan, peress li l-possibbiltà li tingħata l-għajnuna lil impriżi bħal dawn hija almenu inċerta, dan in-nuqqas ta’ restrizzjoni espliċita ma jistax joħloq assigurazzjonijiet preċiżi li jistgħu joħolqu xi aspettattivi leġittimi fit-talba tal-appellanti.

67      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li s-sentenza appellata ma tiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, b’mod li t-tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE

 L-argumenti tal-partijiet

68      Bit-tielet aggravju tagħha, invokat sussidjarjament, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 87(1) KE billi kkonstatat, fil-punti 193 sa 201 tas‑sentenza appellata, li s-sussidji li jikkostitwixxu l-miżura 26 għandhom jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat għall-ammont kollu tagħhom.

69      Issa, billi għamlet din il-konstatazzjoni, hija, l-ewwel nett, kisret il-prinċipju tat‑tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti Ġenerali u l-Kummissjoni fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tħalli lill-Istat Membru l-possibbiltà li jikkalkola l‑vantaġġ effettivament irċevut mill-appellanti. It-tieni nett, dan ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza li tgħid li l-vantaġġ irċevut mill-benefiċjarju ma jiġix ikkalkolat fuq il-bażi tal-ispejjeż sostnuti mill-Istat Membru kkonċernat, imma fid-dawl tal-ammonti ffrankati minn dan il-benefiċjarju bil-kisba tal-miżura ta’ għajnuna illegali.

70      Il-Kummissjoni, li hija ta’ fehma opposta, tikkontesta kull kull ksur tal-imsemmi prinċipju, filwaqt li ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l‑ammont tal-vantaġġi mogħtija lill-appellanti, imma manifestament irreferiet għall‑ammont tal-għajnuna kif indikat fid-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, hija tqis li l-Qorti Ġenerali applikat korrettament il-kriterji stabbiliti mill‑ġurisprudenza fil-kalkolu tal-vantaġġ miksub mill-appellanti taħt il-miżura 26, b’tali mod li bbażat ruħha, fil-punti 196 sa 198 tas-sentenza appellata, fuq l‑ammonti ffrankati minnha permezz tas-sussidji tas-salarji li hija rċeviet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71      Huwa neċessarju, l-ewwel nett, li jiġi rrilevat li, bil-kontra ta’ dak li tallega l‑appellanti, il-Qorti Ġenerali ma affermatx, fil-punti 193 sa 201 tas-sentenza appellata, li s-sussidji li jikkostitwixxu l-miżura 26 għandhom jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat għall-ammont totali tagħhom.

72      Bil-kontra, hekk kif il-Kummissjoni ġustament issostni, minn qari ta’ dawn il‑punti jirriżulta li, mingħajr ma teżamina l-vantaġġi mogħtija lill-appellanti, il‑Qorti Ġenerali b’mod ċar irreferiet għall-imsemmi ammont kif imsemmi mill‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u, barra minn hekk, huwa espressament indikat fil-punti 18 u 192 tas-sentenza appellata.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax effettivament jintqal li l-Qorti Ġenerali kisret il‑prinċipju ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti Ġenerali u l-Kummissjoni billi marret lil hinn minn dak li din l-istituzzjoni kienet iddeċidiet fil-kuntest tad‑deċiżjoni kkontestata.

74      It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-ġurisprudenza Komunitarja li tgħid li l‑vantaġġ għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-ammonti ffrankati effettivament mill-benefiċjarju bil-kisba tal-miżura ta’ għajnuna illegali, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza appellata hija effettivament ibbażata fuq l-ipoteżi korretta li d-dħul ikkostitwit mis-sussidji inkwistjoni huwa l-vantaġġ li bbenefikat minnu l‑appellanti.

75      F’dan ir-rigward, għandu fil-fatt jiġi rrilevat li, fil-punt 196 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-appellanti “ġiet meħlusa minn parti tal-ispejjeż (spejjeż tas-salarji)” relatati max-xogħlijiet li hija eżegwiet fl-interess tagħha stess. Bl‑istess mod, fil-punt 198 ta’ din is-sentenza, hija kkonstatat, hekk kif il‑Kummissjoni kienet sostniet, li l-appellanti “ma sostnitx il-parti tal-ispiża li [kienet] tikkorrispondi għall-ammont tas-sussidju li hija rċeviet”.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ntqalu, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

77      Peress li l-appell ma ntlaqa’ fl-ebda wieħed mill-aggravji tiegħu, hemm lok li jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

78      Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-regoli, li sar applikabbli għall-proċedura tal‑appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 tal-istess regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-appellanti u din tal-aħħar tilfet fl-aggravji tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Kahla Thüringen Porzellan GmbH hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.