Kawża C-462/08

Ümit Bekleyen

vs

Land Berlin

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Dritt tal-wild ta’ ħaddiem Tork li jwieġeb għal kull offerta ta’ impjieg fl-Istat Membru ospitanti fejn huwa jkun ħa taħriġ professjonali — Bidu tat-taħriġ professjonali wara t-tluq definittiv tal-ġenituri minn dan l-Istat Membru”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fid-29 ta’ Ottubru 2009   I ‐ 565

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Jannar 2010   I ‐ 587

Sommarju tas-sentenza

Ftehim internazzjonali – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Deċiżjoni Nru 1/80 – Aċċess għall-impjieg għall-ulied ta’ ħaddiema Torok – Membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru

(Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7)

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ħaddiem Tork ikun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru ospitanti għal iktar minn tliet snin, il-wild ta’ dan il-ħaddiem jista’ jinvoka f’dan l-Istat Membru, wara li jkun lesta t-taħriġ professjonali tiegħu f’dan l-Istat, id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u d-dritt ta’ residenza korrispondenti, minkejja l-fatt li wara li kien mar lura mal-ġenituri tiegħu fl-istat ta’ oriġini jkun ġie lura waħdu f’dan l-Istat Membru sabiex jibda dan it-taħriġ.

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, intiża mhux sabiex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-membri tal-familja fl-Istat Membru ospitanti iżda sabiex tiffavorixxi l-aċċess għas-suq tax-xogħol lill-ulied il-ħaddiema Torok, ma tissuġġettax id-drittijiet li tagħti lill-ulied il-ħaddiema Torok għall-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri tagħhom għad għandu l-kwalità ta’ ħaddiem jew ta’ residenti f’dan l-Istat Membru ospitanti fil-mument fejn il-wild beda t-taħriġ professjonali tiegħu. Meta l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huma sodisfatti, jiġifieri li wild il-ħaddiem ikkonċernat ikun temm taħriġ professjonali fl-Istat Membru inkwistjoni u li wieħed mill-ġenituri tiegħu jkun eżerċita legalment impjieg f’dan l-Istat għal minn tal-inqas tliet snin, din id-dispożizzjoni tagħti lill-wild dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti u, korrelettivament, dritt ta’ residenza.

Id-dritt tal-wild ta’ ħaddiem Tork li jkun jista’ jaċċedi liberament għas-suq tax-xogħol huwa bbażat fuq ix-xogħol imwettaq fil-passat mill-ġenitur fl-Istat Membru ospitanti. Madankollu, ir-rekwiżit li wieħed mill-ġenituri jkun ħadem f’dan l-Istat għal minn tal-inqas tliet snin ma għandux jinftiehem bħala li jimponi li, fil-mument fejn il-wild beda t-taħriġ professjonali tiegħu, dan il-ġenitur dejjem għad għandu l-istatus ta’ ħaddiem. Dan ir-rekwiżit għandu biss l-għan li jistabbilixxi, fl-istess ħin mat-taħriġ professjonali tal-wild, il-livell ta’ integrazzjoni suffiċjenti ta’ dan fl-Istat Membru ospitanti li huwa suxxettibbli li jagħmlu jibbenefika mit-trattament speċifiku previst f’din id-dispożizzjoni.

Minn tali interpretazzjoni ma jirriżultax li wild ħaddiem Tork ikun f’pożizzjoni iktar favorevoli minn dak ta’ wild ta’ ċittadin ta’ Stat Membru.

(ara l-punti 18, 27-31, 44, 45 u d-dispożittiv)