Keywords
Summary

Keywords

1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)( a) u (b))

2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(b))

3. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Kunċett — Kundizzjonijiet meħtieġa li huma speċifikati mill-awtorità kontraenti — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(b))

4. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(3))

5. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Kamp ta’ applikazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(a))

Summary

1. Il-kunċett ta’ “kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]”, previst fl-Artikolu 1(2)(b), tad-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], ma jirrikjedix li x-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt jiġu eżegwiti materjalment jew fiżikament għall-awtorità kontraenti, ladarba dawn ix-xogħlijiet jiġu eżegwiti fl-interess ekonomiku dirett ta’ din l-awtorità. L-eżerċizzju ta’ kompetenzi regolatorji minn din tal-aħħar fil-qasam tal-urbaniżmu ma huwiex biżżejjed biex tiġi sodisfatta din l-aħħar kundizzjoni.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18, il-kuntratti pubbliċi huma kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub. In-natura oneruża tal-kuntratt timplika li l-awtorità kontraenti li kkonkludiet kuntratt pubbliku għal xogħlijiet tirċievi servizz bħala korrispettiv. Dan is-servizz jikkonsisti fit-twettiq tax-xogħlijiet li l-awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni li takkwista.

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, jimponi li x-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt jiġu eżegwiti fl-interess ekonomiku dirett tal-awtorità kontraenti, madankollu mingħajr ma jkun neċessarju li s-servizz jieħu forma ta’ xiri ta’ oġġett materjali jew fiżiku.

Issa, is-sempliċi eżerċizzju ta’ kompetenzi regolatorji fil-qasam tal-urbaniżmu, intiżi għat-twettiq tal-interess ġenerali, ma għandux bħala għan li jingħata servizz kuntrattwali u lanqas is-sodisfazzjoni tal-interess ekonomiku dirett tal-awtorità kontraenti, hekk kif jeżiġi l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18.

(ara l-punti 45, 48, 54, 57, 58 u d-dispożittiv 1)

2. Il-kunċett ta’ “kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]”, previst fl-Artikolu 1(2)(b), tad-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], jirrikjedi li l-kuntrattur jassumi direttament jew indirettament l-obbligu li jwettaq ix-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt kif ukoll li l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu tista’ tiġi inforzata legalment skont il-metodi stabbiliti mid-dritt nazzjonali.

Fir-rigward ta’ kuntratt b’titolu oneruż, kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jippreżupponi li l-kuntrattur jimpenja ruħu sabiex iwettaq is-servizz li huwa s-suġġett tal-kuntratt bi ħlas ta’ korrispettiv. Billi l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt huma legalment vinkolanti, l-eżekuzzjoni tagħhom għandha tkun tista’ tiġi inforzata legalment. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni, u b’konformità mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, il-metodi għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi jaqgħu taħt il-kamp tad-dritt nazzjonali.

(ara l-punti 60, 62, 63 u d-dispożittiv 2)

3. Il-“kondizzjonijiet meħtieġa li huma speċifikati mill-awtorità kuntrattwali [awtorità kontraenti]” fis-sens tat-tielet ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], ma jistgħux jikkonsistu fis-sempliċi fatt li awtorità pubblika teżamina ċerti pjanijiet ta’ kostruzzjoni ppreżentati lilha jew tieħu deċiżjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-regolamentazzjoni urbanistika.

Fil-fatt, sabiex ikun jista’ jiġi aċċettat li awtorità kontraenti speċifikat il-kundizzjonijiet tagħha fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li din tal-aħħar tkun adottat ċerti miżuri sabiex tiddefinixxi l-karatteristiċi tax-xogħol jew, minn tal-inqas, li teżerċita influwenza determinanti fuq id-disinn tiegħu.

(ara l-punti 67-69 u d-dispożittiv 3)

4. F’sitwazzjoni li fiha awtorità pubblika tbigħ art li fuqha x-xerrej kellu jeżegwixxi xogħlijiet iktar tard li jissodisfaw għanijiet ta’ żvilupp urbanistiku ddefiniti minn awtorità territorjali, konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] hija eskluża.

Sabiex awtorità kontraenti tkun tista’ tittrasferixxi lill-parti kontraenti d-dritt għall-ġestjoni ta’ xogħol fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li din l-awtorità kontraenti tkun f’pożizzjoni li tittrasferixxi l-ġestjoni ta’ dan ix-xogħol. Dan ma huwiex normalment il-każ meta d-dritt ta’ ġestjoni jirriżulta biss mid-dritt ta’ proprjetà tal-operatur ikkonċernat.

Fil-fatt, il-proprjetarju ta’ art għandu d-dritt li jiġġestiha skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli. Sakemm operatur igawdi mid-dritt li jiġġestixxi l-art li tagħha huwa l-proprjetarju, il-possibbiltà li awtorità pubblika tagħti konċessjoni fuq din il-ġestjoni bħala prinċipju hija eskluża.

Barra minn hekk, l-essenza tal-konċessjoni tinsab fil-fatt li l-konċessjonarju jsostni huwa stess ir-riskju ekonomiku prinċipali jew, f’kull każ, sostanzjali, marbut mal-ġestjoni. F’dan ir-rigward l-inċertezza tal-imprenditur fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dipartiment urbanistiku tal-komun ikkonċernat japprovax il-pjanijiet tiegħu jew le hija marbuta mal-kompetenzi regolatorji tal-awtorità kontraenti fil-qasam urbanistiku u mhux mar-relazzjoni kuntrattwali li tirriżulta minn konċessjoni. Għaldaqstant, ir-riskju ma huwiex marbut mal-ġestjoni.

F’kull każ, fir-rigward tat-terminu tal-konċessjonijiet, raġunijiet importanti, fosthom iż-żamma tal-kompetizzjoni, jagħtu x’jifhmu li l-għoti ta’ konċessjonijiet mingħajr limitazzjoni ta’ żmien imur kontra s-sistema legali tal-Unjoni.

(ara l-punti 72-80 u d-dispożittiv 4)

5. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] ma japplikawx għal sitwazzjoni li fiha awtorità pubblika tbigħ art lil impriża filwaqt li awtorità pubblika oħra jkollha l-intenzjoni li tagħti kuntratt għal xogħlijiet fuq din l-art minkejja li din ma tkunx għadha formalment iddeċidiet li tipproċedi sabiex tagħti dan il-kuntratt, u li la waħda mill-awtoritajiet pubbliċi u lanqas l-impriża kkonċernata ma kkuntrattaw obbligi li huma legalment vinkolanti f’dan ir-rigward.

Fil-fatt, anki jekk ikun opportun li ma tiġix eskluża mill-ewwel l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt f’żewġ fażijiet, ikkaratterizzata mill-bejgħ ta’ art li ulterjorment għandu jkun is-suġġett ta’ kuntratt għal xogħlijiet, billi dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda., madankollu, sempliċi intenzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt ma jikkostitwixxux obbligi vinkolanti u ma jistgħux jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ kuntratt bil-miktub rikjest mill-kunċett innifsu ta’ kuntratt pubbliku previst fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18.

(ara l-punti 82, 84, 88, 89 u d-dispożittiv 5)