SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Novembru 2009 ( *1 )

“Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital — Self magħmul minn kumpannija b’kapital azzjonarju qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea — Issuġġettar għad-dazju fuq il-kapital skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali — Konverżjoni ta’ self f’azzjonijiet wara l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea — Dazju fuq il-kapital fuq din l-operazzjoni ta’ żieda tal-kapital azzjonarju — Applikazzjoni immedjata tal-leġiżlazzjoni l-ġdida”

Fil-Kawża C-441/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (Il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ottubru 2008, fil-proċedura

Elektrownia Pątnów II sp. zoo

vs

Dyrektor Izby Skarbowej w Poznaniu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tar-Raba’ Awla, aġent President tas-Sitt Awla, K. Schiemann u P. Kūris, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Elektrownia Pątnów II sp. zoo, minn N. Półtorak, radca prawny,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz u A. Rutkowska u A. Kraińska, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Afonso u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11), kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 69/335”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Elektrownia Pątnów II sp. zoo (iktar ’il quddiem “Elektrownia Pątnów”) u Dyrektor Izby Skarbowej w Poznaniu (Direttur tal-Awtorità Fiskali ta’ Poznan) rigward l-applikazzjoni tal-Liġi Pollakka dwar it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet ta’ ġbir ta’ kapital.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 69/335 jippermetti lill-Istati Membri jimponu ħlas fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital lil kumpanniji b’kapital azzjonarju, taxxa armonizzata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 sa 9 u msejħa “dazju kapitali [fuq il-kapital]”.

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 69/335 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kumpannija kapitali [b’kapital azzjonarju]”. Din hija, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna r-Repubblika tal-Polonja, kumpannija inkorporata skont id-dritt Pollakk u msejħa kif ġej: “spółka akcyjna” (société anonyme) u “spółka z ograniczoną odpowiedzialnością” (kumpannija b’responsabbiltà limitata).

5

L-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jelenka, fost l-operazzjonijiet suġġetti għad-dazju fuq il-kapital, “żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali [b’kapital azzjonarju] bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip”.

6

L-Artikolu 4(2)(ċ) jipprovdi:

“2.   Is-segwenti transazzjonijiet [operazzjonijiet] jistgħu, sakemm kienu ġew intaxxati bir-rata ta’ 1% sal-1 ta’ Lulju 1984, jissoktaw ikunu bla ħsara [suġġetti] għad-dazju kapitali [fuq il-kapital]:

[…]

ċ)

self ikkuntrattat minn kumpannija kapitali [b’kapital azzjonarju], jekk il-kreditur huwa ntitolat għal sehem mill-profitti tal-kumpannija”.

7

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 69/335 jistabbilixxi l-bażi għall-impożizzjoni tad-dazju fuq il-kapital. Skont l-Artikolu 5(1):

“Id-dazju għandu jiġi mpost:

a)

fil-kaz ta’ formazzjoni ta’ kumpannija kapitali [b’kapital azzjonarju] jew ta’ żieda fil-kapital jew l-assi tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a), (ċ) u (d): fuq il-valur attwali ta’ l-assi ta’ kull tip ikkontribwiti jew li għandhom jiġu kkontribwiti mill-membri, wara t-tnaqqis tar-responsabbiltajiet assunti u ta’ l-ispejjeż magħmula mill-kumpannija bħala riżultat ta’ kull kontribuzzjoni. L-Istati Membri jistgħu jippostponu l-imposta ta’ dazju kapitali [fuq il-kapital] sakemm il-kontribuzzjonijiet ikunu ġew effetwati. […]

[…]

e)

fil-każ ta’ self imsemmi fl-Artikolu 4(2)(ċ) u (d): fuq l-ammont nominali tas-self kuntrattat”.

8

It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“3.   L-ammont li fuqu hu mpost id-dazju fil-każ ta’ żieda fil-kapital m’għandux jinkludi:

[…]

l-ammont ta’ self ikkuntrattat mill-kumpannija kapitali [b’kapital azzjonarju] li hu konvertit f’ishma fil-kumpannija u li diġà ġew suġġetti għad-dazju kapitali [fuq il-kapital]”.

9

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva jippreċiża:

“Barra d-dazju kapitali [fuq il-kapital], l-Istati Membri m’għandhom jimponu ebda ntaxxar affattu, fir-rigward ta’ kumpanniji, ditti, assoċjazzjonijiet jew persuni ġuridiċi li jaħdmu għal profit:

a)

fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;

b)

fir-rigward ta’ kontribuzjonijiet, self jew il-provvista ta’ servizzi, li jsiru bħala parti mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4.

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-leġiżlazzjoni applikabbli qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea

10

Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili (ustawa o podatku od czynności cywilnoprawnych), tad-9 ta’ Settembru 2000 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Pcc”):

“1.   Għandhom jiġu ntaxxati:

1)

it-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili segwenti:

[…]

k)

il-memoranda ta’ assoċjazzjoni (atti ta’ formazzjoni);

2)

l-emendi lill-memoranda msemmija fis-subparagrafu (1) jekk jinvolvu żieda fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili,

[…]

3.   Fil-każ ta’ memorandum ta’ assoċjazzjoni, emenda lill-memorandum tfisser:

[…]

4)

sussidji, self mogħti lill-kumpannija mis-soċji (azzjonisti), kif ukoll id-donazzjonijiet ta’ assi jew ta’ drittijiet fuq proprjetà minn soċju (azzjonist) tal-kumpannija”.

11

L-Artikolu 4(1) tal-Liġi Pcc jipprovdi:

“4.   L-obbligu fiskali tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili għandu jiġi impost:

1)

fuq il-partijiet tat-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili […]”.

12

Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi:

“B’riżerva għall-paragrafu 2, għandhom l-obbligu li jħallsu t-taxxa in solidum, il-persuni fiżiċi, il-persuni ġuridiċi u l-entitajiet organizzati mingħajr personalità ġuridika li huma parti fit-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili […]”.

13

Skont l-Artikolu 6(1)(8)(d) tal-imsemmija liġi, il-bażi tat-taxxa għandha tkun ikkostitwita minn:

“fil-każ ta’ self mogħti lill-kumpannija mis-soċji jew mill-azzjonisti — mill-ammont jew mill-valur tas-self”.

14

Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi li temenda l-Liġi dwar it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili (ustawa o zmianie ustawy o podatku od czynności cywilnoprawnych), tad-19 ta’ Diċembru 2003:

“It-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili li fil-konfront tagħhom inħoloq l-obbligu fiskali qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jibqgħu rregolati mid-dispożizzjonijiet preċedenti għaliha”.

Il-leġiżlazzjoni applikabbli wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea u sal-31 ta’ Diċembru 2006

15

Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Pcc, kif emendata bil-liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Pcc emendata”):

“1.   Għandhom jiġu ntaxxati:

1)

it-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili segwenti:

[…]

k)

il-memoranda ta’ assoċjazzjoni (atti ta’ formazzjoni),

2)

emendi lill-memoranda msemmija fis-subparagrafu (1) jekk jinvolvu żieda fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili […]

3.   Fil-każ ta’ memorandum ta’ assoċjazzjoni, emenda lill-memorandum tfisser:

[…]

2)

għal kumpannija b’kapital azzjonarju: il-kontribuzzjoni jew iż-żieda ta’ kontribuzzjoni lill-kumpannija, li l-valur tagħha jirriżulta f’żieda tal-kapital azzjonarju, kif ukoll is-sussidji […]”.

16

L-Artikolu 1a tal-Liġi Pcc emendata jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

[…]

2)

kumpannija b’kapital azzjonarju tfisser kumpannija b’responsabbilità limitata jew b’kapital azzjonarju […]”.

17

Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi:

“1.   L-obbligu fiskali jinħoloq:

[…]

2)

fid-data tal-adozzjoni tar-riżoluzzjoni dwar iż-żieda tal-kapital tal-kumpannija b’personalità ġuridika”.

18

Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi:

“L-obbligu fiskali tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili għandu jiġi impost:

[…]

2)

fuq kumpannija b’personalità ġuridika — fil-każ ta’ żieda fil-kapital azzjonarju”.

19

Skont l-Artikolu 6 tal-istess liġi:

“1.   Il-bażi ta’ taxxa hija magħmula:

[…]

8)

għall-memorandum ta’ assoċjazzjoni:

[…]

b)

fil-każ ta’ emendi lill-memorandum — mill-valur tal-kontribuzzjonijiet li jżidu l-kapital azzjonarju jew mill-ammont taż-żieda tal-kapital azzjonarju.

[…]”.

20

L-Artikolu 7 tal-Liġi Pcc emendata jipprovdi:

“1.   Ir-rati tat-taxxa huma stabbiliti għall-ammonti segwenti:

[…]

9)

fuq il-memoranda tal-assoċjazzjoni: 0.5%”.

21

Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija liġi:

“It-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili segwenti huma eżenti mit-taxxa:

[…]

10)

is-self mogħti:

[…]

h)

minn soċju (azzjonist) ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

22

Elektrownia Pątnów hija s-sussidjarja tal-kumpannija Zespół Elektrowni Pątnów-Adamów-Konin SA (iktar ’il quddiem il-“kumpannija parent”. Bejn l-2002 u l-2004, din tal-aħħar tat serje ta’ self lil Elektrowni Pątnów. Skont il-liġi Pollakka applikabbli f’dak iż-żmien, Elektrowni Pątnów ħallset it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili fuq is-self li hija kienet ħadet.

23

Permezz ta’ ftehim tal-25 ta’ Lulju 2005, il-kumpannija parent ikkonkludiet ftehim ma’ Elektrownia Pątnów li kien jistipula t-trasferiment, lil din tal-aħħar, ta’ krediti li kellha minħabba self, inkambju għal sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet ta’ Elektrownia Pątnów.

24

Din it-tpaċija wasslet sabiex jispiċċa d-dejn ta’ Elektrownia Pątnów fil-konfront tal-kumpannija parent u sabiex jiżdied il-kapital azzjonarju tas-sussidjarja.

25

Barra minn hekk, il-kumpannija parent issottoskriviet iż-żieda nominali ta’ kull waħda mill-imsemmija azzjonijiet għall-ammont totali li jikkorrispondi għall-kreditu tagħha fil-konfront ta’ Elektrownia Pątnów.

26

Iż-żieda tal-kapital azzjonarju ta’ Elektrownia Pątnów, deċiża permezz ta’ riżoluzzjoni adottata fis-27 ta’ Lulju 2005 fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ din il-kumpannija, kienet tikkostitwixxi, skont il-liġi Pollakka, emenda tal-memorandum ta’ assoċjazzjoni. Skont il-leġiżlazzjoni Pollakka, din l-operazzjoni ġiet suġġetta għat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili.

27

Għaldaqstant, Elektrownia Pątnów ressqet ilment quddiem l-amministrazzjoni fiskali minħabba li kienet ġiet intaxxata d-dazju fuq il-kapital darbtejn, fil-każ ta’ konverżjoni ta’ self f’kapital, bi ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 69/335, li daħlet fis-seħħ fit-territorju tar-Repubblika Pollakka fl-1 ta’ Mejju 2004, wara l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea.

28

Wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha, Elektrownia Pątnów bdiet proċeduri quddiem il-qorti amministrattiva. Din ċaħdet ir-rikors tagħha. Għaldaqstant, Elektrownia Pątnów appellat fuq punt ta’ liġi. Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Naczelny Sąd Administracyjny ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Id-dritt Komunitarju (b’mod partikolari d-Direttiva 69/335[…]) jobbliga lill-amministrazzjoni fiskali, meta tissuġġetta żieda fil-kapital għad-dazju fuq il-kapital, li tieħu inkunsiderazzjoni l-operazzjonijiet li jirrigwardaw l-istess kontribuzzjoni u li kienu s-suġġett ta’ dazju fuq il-kapital qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea?

B’mod partikolari, il-mekkaniżmu previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 69/335[…] japplika fil-każ fejn il-konverżjoni f’azzjonijiet ta’ self mogħti lill-kumpannija b’kapital azzjonarju, kif ipprovdut fl-Artikolu 4(2)(ċ) tad-Direttiva, isseħħ wara l-adeżjoni, iżda fejn dan is-self kien diġà suġġett qabel, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ sad-data tal-adeżjoni, għal taxxa skont il-prinċipji ddefiniti fil-Liġi [Pcc]?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-probizzjoni imposta fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 69/335 li, għall-kalkolu tal-ammont li fuqu huwa impost id-dazju fil-każ ta’ żieda fil-kapital, jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont ta’ self meħud mill-kumpannija b’kapital azzjonarju li hu konvertit f’azzjonijiet fil-kumpannija u li diġà ġie suġġett għad-dazju fuq il-kapital, tapplikax fil-każ li l-konverżjoni f’azzjonijiet tas-self mogħti lil kumpanija b’kapital azzjonarju, seħħet wara l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea meta dan is-self sar qabel dan u, dak iż-żmien, kien diġà intaxxat skont il-liġi nazzjonali li kienet fis-seħħ dakinhar.

30

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-Direttiva 69/335, is-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat, bħar-Repubblika tal-Polonja, li sar membru tal-Unjoni Ewropea b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Optimus — Telecomunicações, C-366/05, Ġabra p. I-4985, punt 25).

31

Minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li d-Direttiva 69/335 ma kinitx tapplika f’dan l-Istat Membru qabel din id-data. Kull miżura dwar tassazzjoni jew eżenzjoni tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ġbir tal-kapital kienet ittieħdet fis-sistema legali Pollakka, qabel id-data msemmija, abbażi tad-dritt nazzjonali biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Optimus — Telecomunicações, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

32

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li regola ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun oriġinat taħt ir-regola qadima (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Licata/CES, 270/84, Ġabra p. 2305, punt 31). Skont dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tat-Trattat KE fl-att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni ta’ Stat Membru, din id-dispożizzjoni għandha titqies li tapplika immedjatament u li hi vinkolanti fuq dan l-Istat Membru mid-data tal-adeżjoni tiegħu, b’mod li tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li oriġinaw qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru ġdid mal-Komunitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS, C-122/96, Ġabra. p. I-5325, punt 14, u tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C-162/00, Ġabra p. I-1049, punt 50).

33

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, bil-għan li tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-regoli sostantivi Komunitarji għandhom jiġu interpretati bħala li japplikaw għal sitwazzjonijiet preżenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1982, Bout, 21/81, Ġabra p. 381, punt 13; u tal-15 ta’ Lulju 1993, GruSa Fleisch, C-34/92, Ġabra p. I-4147, punt 22, u Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

34

Fin-nuqqas, fl-att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, ta’ dispożizzjoni speċifika fir-rigward tal-kundizzjonjijiet tal-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 69/335, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu konsegwentement jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix sitwazzjoni li oriġinat qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 69/335 fil-Polonja u li għaldaqstant, din id-direttiva ma tistax tapplika għaliha b’mod retroattiv ħlief bil-kundizzjoni li riedet, b’mod ċar, tipproduċi dan l-effett jew jekk tirrigwarda sitwazzjoni li oriġinat qabel id-dħul fis-seħħ fil-Polonja ta’ din id-direttiva, iżda li l-effetti futuri tagħha huma rregolati minn din id-direttiva mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, skont il-prinċipju li r-regoli l-ġodda japplikaw immedjatament għas-sitwazzjonijiet attwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-intaxxar tas-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li sar qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, seħħ abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-fatt li ta lok għall-intaxxar, ikkostitwit bit-tfassil tal-atti tad-dritt ċivili li bihom ġie kkonstatat dan is-self. F’din id-data, fil-leġiżlazzjoni Pollakka ma kinux jeżistu regoli li jipprekludu li dawn it-tranżazzjonijiet jiġu intaxxati għall-ewwel darba bħala self u mbagħad, għat-tieni darba, meta ssir il-konverżjoni eventwali tagħhom biż-żieda tal-kapital.

36

L-introduzzjoni, fid-dritt Pollakk, ta’ tali regola li tipprojbixxi l-intaxxar mill-ġdid tal-istess ammonti minħabba l-inkorporazzjoni tagħhom fil-kapital, ma tistax titqies bħala kontestazzjoni tal-intaxxar li jkun diġà seħħ, u li għaldaqstant huwa ta’ natura retroattiva.

37

L-uniku għan u portata ta’ din ir-regola huwa li tiġi evitata taxxa doppja tal-istess bażi ta’ taxxa u hija tapplika mad-dħul fis-seħħ tagħha kemm għas-self li kien diġà sar qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, u għalhekk, mad-dħul fis-seħħ tagħha fl-ordinament ġuridiku Pollakk, u kkonvertit f’azzjonijiet wara din l-adeżjoni, kif ukoll għas-self li sar wara din l-adeżjoni.

38

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 69/335 jikkostitwixxi biss regola ġdida li tapplika immedjatament għall-operazzjonijiet imwettqa wara d-dħul fis-seħħ tagħha fil-Polonja u li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

39

Minn dan jirriżulta li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 69/335 jimponi li, waqt l-iffissar tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tad-dazju fuq il-kapital fuq iż-żieda tal-kapital ta’ kumpannija li seħħ permezz tal-konverżjoni f’azzjonijiet, wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, ta’ self meħud minn din l-istess kumpannija qabel din l-adeżjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-tassazzjoni ta’ qabel dan is-self abbażi tal-liġi nazzjonali fis-seħħ f’dak iż-żmien.

40

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, tali interpretazzjoni tad-Direttiva 69/335 ma twassalx għall-applikazzjoni retroattiva tagħha għal fatti li seħħew qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru, iżda sempliċiment għall-applikazzjoni, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, tal-projbizzjoni ta’ taxxa doppja li hija tistabbilixxi, u dan iwassal neċessarjament għat-teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-intaxxar li kien diġà seħħ qabel dan id-dħul fis-seħħ.

41

Barra minn hekk, ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina jekk, bħalma dehret li qiegħda ssostni r-Repubblika tal-Polonja matul is-seduta, l-elementi intaxxati qabel l-adeżjoni tagħha abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien, jikkorrispondux fl-intier tagħhom jew parzjalment, għall-elementi intaxxati wara din l-adeżjoni, ħaġa li għandha ssir mill-qorti adita mill-kawża prinċipali.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 69/335 jimponi li, waqt l-iffissar tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tad-dazju fuq il-kapital fuq iż-żieda tal-kapital ta’ kumpannija li seħħ permezz tal-konverżjoni f’azzjonijiet, wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, ta’ self meħud minn din l-istess kumpannija qabel din l-adeżjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-tassazzjoni ta’ qabel dan is-self abbażi tal-liġi nazzjonali fis-seħħ f’dak iż-żmien.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, jimponi li, waqt l-iffissar tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tad-dazju fuq il-kapital fuq iż-żieda tal-kapital ta’ kumpannija li seħħ permezz tal-konverżjoni f’azzjonijiet, wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, ta’ self meħud minn din l-istess kumpannija qabel din l-adeżjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-tassazzjoni ta’ qabel dan is-self abbażi tal-liġi nazzjonali fis-seħħ f’dak iż-żmien.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk.