Kawżi magħquda C-430/08 u C-431/08

Terex Equipment Ltd et

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-VAT and Duties Tribunal, Edinburgh u mill-VAT and Duties Tribunal, Northern Ireland)

“Regolament (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikoli 78 u 203 — Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Artikolu 865 — Proċedura tal-ipproċessar attiv — Kodiċi ta’ proċedura doganali żbaljat — Tnissil ta’ dejn doganali — Reviżjoni tad-dikjarazzjoni tad-dwana”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-14 ta’ Jannar 2010   I ‐ 324

Sommarju tas-sentenza

  1. Unjoni doganali – Tnissil ta’ dejn doganali fuq l-importazzjoni wara t-tneħħija mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija li fuqha huma dovuti dazji fuq l-importazzjoni – Kunċett ta’ tneħħija

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 203(1); Regolamenti tal-Kummissjoni Nri 2454/93, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 865, u 1677/98)

  2. Unjoni doganali – Dikjarazzjonijiet doganali – Stħarriġ a posteriori – Talba għal reviżjoni – Obbligi tal-awtoritajiet doganali

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 78)

  1.  L-użu, f’dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni, tal-kodiċi ta’ proċedura doganali 10 00 li jindika l-esportazzjoni ta’ merkanzija Komunitarja minflok il-kodiċi 31 51 relatat mal-merkanzija li hija suġġetta għal sospensjoni ta’ dazji skont il-proċedura tal-ipproċessar attiv iwassal, skont l-Artikolu 203(1) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 865, tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1677/98 sabiex jiġi inkors dejn doganali.

    Fil-fatt, l-użu tal-kodiċi ta’ proċedura doganali li jindika l-esportazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija suġġetta għal proċedura tal-ipproċessar attiv għandu l-għan li jiżgura sorveljanza effettiva mill-awtoritajiet doganali u li jawtorizzahom sabiex jidentifikaw, abbażi biss tad-dikjarazzjoni doganali, l-istatus tal-merkanzija kkonċernata, mingħajr il-bżonn li jirrikorru għal eżamijiet jew għal konstatazzjonijiet ulterjuri. Din l-indikazzjoni hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tippermetti lill-awtoritajiet doganali jiddeċiedu, f’qasir żmien, sabiex jagħmlu kontrolli doganali skont l-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri jivverfikaw jekk il-merkanzija esportata mill-ġdid tikkorrispondix effettivament għall-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv. Konsegwentement, meta, f’każ partikolari, l-użu tal-kodiċi ta’ proċedura doganali 10 00 fid-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni falzament ta lill-merkanzija kkonċernata l-istatus ta’ merkanzija Komunitarja u b’hekk affettwa l-kapaċità tal-awtoritajiet doganali li jagħmlu kontrolli skont l-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali, l-użu ta’ dawn il-kodiċi għandu jiġi kklassifikat bħala “tneħħija” ta’ din il-merkanzija mis-sorveljanza doganali, tneħħija li twassal għal tnissil ta’ dejn doganali.

    (ara l-punti 44-47 u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 2913/02, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jippermetti li tiġi riveduta d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni ta’ merkanzija sabiex jiġi kkorreġut il-kodiċi ta’ proċedura doganali li jkun ingħatalha mid-dikjarant u li l-awtoritajiet doganali huma mitluba, l-ewwel nett, jeżaminaw jekk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali kkonċernata ġewx applikati abbażi ta’ elementi ineżatti jew inkompleti u jekk l-għanijiet tal-proċedura tal-ipproċessar attiv ma ġewx mhedda, b’mod partikolari li l-merkanzija suġġetta għall-imsemmija proċedura doganali effettivament ġiet esportata mill-ġdid u, it-tieni nett, jieħdu, jekk ikun il-każ, il-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni filwaqt li jikkunsidraw l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.

    (ara l-punt 65 u d-dispożittiv 2)