Kawżi magħquda C-410/08 sa C-412/08

Swiss Caps AG

vs

Hauptzollamt Singen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg)

“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja — Intestaturi 1515, 1517, 2106 u 3004 — Kapsuli tal-ġelatina — Żejt tal-ħuta, taż-żerriegħa tal-qamħ u tan-niġella — Kunċett ta’ ‘ippakkjar’”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2009   I ‐ 11993

Sommarju tas-sentenza

Tariffa Doganali Komuni – Intestaturi tariffarji – Supplimenti tal-ikel li jikkonsistu f’żejt tal-ħxejjex jew tal-annimali u f’vitamini, li jinsabu f’kapsoli tal-ġelatina

(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 3513/1992, Nru 2388/2000 u Nru 438/2007)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000, għandha tiġi interpretata fis-sens li:

preparazzjonijiet tal-ikel ippreżentati fil-forma ta’ kapsuli li fihom 600 mg ta’ żejt tal-ħuta konċentrat, ippressat bil-kiesaħ u 22. 8mg ta’ Vitamina E konċentrata, f’qoxra li tikkonsisti f’212.8 mg ta’ ġelatina, 77.7 mg ta’ gliċerina u 159.6 mg ta’ ilma msoffi u li jintużaw bħala supplimenti tal-ikel;

preparazzjonijiet tal-ikel ippreżentati fil-forma ta’ kapsuli li fihom 580 mg ta’ żejt taż-żerriegħa tal-qamħ f’qoxra li tikkonsisti f’250 mg ta’ trab tal-lamtu u li jintużaw bħala supplimenti tal-ikel;

preparazzjonijiet tal-ikel ippreżentati fil-forma ta’ kapsuli li fihom 500 mg żejt tal-kemmun iswed, ippressat bil-kiesaħ, 38.7 mg ta’ żejt tas-sojja, 18.8 mg ta’ Vitamina E, 16 mg ta’ xaħam tal-butir, 10 mg ta’ leċitina, 8.2mg ta’ xama’, 8 mg ta’ pantotenat tal-kalċju, 0.2 mg ta’ aċidu foliku u 0.11 mg ta’ bijotina, f’qoxra li tikkonsisti f’313.97 mg massa ta’ ġelatina (47.3% ta’ ġelatina, 17.2% ta’ gliċerina, 35.5% ta’ ilma), ta’ 4.3 mg ta’ pejst magħmul minn 50% ta’ dijossidu tat-titanju u 50% ta’ gliċerina u f’1.73 mg ta’ pejst magħmul minn 25% ta’ laker tal-kinolin isfar u minn 75% ta’ gliċerina u li jintużaw bħala supplimenti tal-ikel

jaqgħu taħt l-intestatura 2106 tal-imsemmija Nomenklatura Magħquda.

(ara l-punt 32 u d-dispożittiv)