Kawża C-392/08
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 96/82/KE — Kontroll tal-perikoli ta’ inċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi — Artikolu 11(1)(ċ) — Obbligu ta’ tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni — Terminu”
Sommarju tas-sentenza
Ambjent — Kontroll tal-perikoli ta’ inċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi — Direttiva 96/82
(Direttiva tal-Kunsill 96/82, Artikolu 11(1)(ċ))
It-tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni skont l-Artikolu (1)(ċ), tad-Direttiva 96/82, dwar il kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti [inċidenti] kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi, jidħol fi proċess ta’ diversi fażijiet li fih, fl-ewwel lok, it-tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza interni għall-operaturi tal-istabbilimenti li fihom jinsabu kwantitajiet kbar ta’ sustanzi perikolużi u l-għoti tal-informazzjoni neċessarja lill-awtoritajiet kompetenti, fit-tieni lok, it-tfassil, minnhom, ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni u, fit-tielet lok, l-eżami mill-ġdid, u jekk ikun neċessarju, ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ emerġenza interni u esterni, rispettivament, mill-imsemmija operaturi u mill-imsemmija awtoritajiet.
Huwa minnu li l-Artikolu 11(1) u (4) tal-imsemmija direttiva ma jistabbilixxix terminu ħlief f’dak li jikkonċerna l-ewwel u t-tielet minn dawn il fażijiet. Madankollu, in-nuqqas, f’din id-dispożizzjoni, ta’ terminu ċar f’dak li jirrigwarda t-tfassil tal-pjanijiet ta’ emerġenza esterni ma jimplikax fih innifsu li l-ebda terminu ma huwa impost fuq l-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jfassluhom.
Mill-interdipendenza li teżisti bejn il-pjanijiet ta’ emerġenza interni u esterni fejn il-koordinazzjoni tagħhom tiżgura l-effikaċja tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti huma marbuta li jfasslu l-pjanijiet ta’ emerġenza esterni f’terminu li, minn naħa, ma jġibx miegħu r-riskju ta’ dannu għall-effettività tad dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, iżda li, min-naħa l-oħra jieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien neċessarju sabiex jiġu ffinalizzati l-imsemmija pjanijiet, għaldaqstant f’terminu raġonevoli li jibda jiddekorri mill-għoti tal-informazzjoni neċessarja mill-operaturi.
Barra minn hekk, jekk huwa minnu li, skont l-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva, l-obbligu ta’ tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni huwa marbut ma’ dak impost fuq l-operaturi tal-istabbilimenti kkonċernati li jibagħtu l-informazzjoni neċessarja lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn ikunu jistgħu jfasslu dawn il-pjanijiet, xorta jibqa’ l-fatt li din l-istess dispożizzjoni tissuġġetta lill-Istati Membri għall-obbligu li jiżguraw li l-imsemmija operaturi jipprovdu l-informazzjoni neċessarja fit-termini stabbiliti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx, fl imsemmija termini, l-informazzjoni neċessarja ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni.
(ara l-punti 13, 14, 17, 21, 25)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
25 ta’ Marzu 2010 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 96/82/KE – Kontroll tal-perikoli ta’ inċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi – Artikolu 11(1)(ċ) – Obbligu ta’ tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni – Terminu”
Fil-Kawża C-392/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fid-9 ta’ Settembru 2008,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Pardo Quintillán u A. Sipos, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn B. Plaza Cruz, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, T. von Danwitz u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal-10 ta’ Diċembru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma fassalx pjanijiet ta’ emerġenza esterni għall-istabbilimenti kollha mniżżla fl-Artikolu 9 tad Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE, tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il‑kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti [inċidenti] kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 2, p. 410) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 96/82”) ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.
Il-kuntest ġuridiku
2 Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/82, l-għan tagħha huwa li jiġu evitati inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi u l-limitazzjoni tal‑konsegwenzi tagħhom għall-bniedem u għall-ambjent, bil-ħsieb li jkunu żgurati livelli għolja ta’ protezzjoni fil-Komunità Ewropea kollha b’mod konsistenti u effettiv.
3 L-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/82 jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-istabbilimenti kollha li għalihom japplika l-Artikolu 9:
a) l-operatur ifassal pjan ta’ emerġenza interna għall-miżuri li għandhom jittieħdu ġewwa l-istabbiliment:
– għal stabbilimenti ġodda, qabel ma dan jibda jitħaddem,
– għal stabbilimenti eżistenti li ma kinux koperti minn qabel bid-Direttiva [tal-Kunsill] 82/501/KEE, [tal-24 ta’ Ġunju 1982 dwar il-perikoli ta’ aċċidenti [inċidenti] kbar ta’ ċerti attivitajiet industrijali (ĠU L 230, p. 1] tliet snin mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1),
– għal stabbilimenti oħra, sentejn mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1);
b) l-operatur jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti, biex dawn ta’ l-aħħar ikunu jistgħu jfasslu pjanti ta’ emerġenza esterna, l-informazzjoni meħtieġa f’dawn il-limiti ta’ żmien:
– għal stabbilimenti ġodda, qabel ma dawn jibdew jitħaddmu,
– għal stabbilimenti eżistenti li ma kinux koperti minn qabel bid-Direttiva 82/501/KEE, tliet snin mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1),
– għal stabbilimenti oħra, sentejn mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1);
ċ) l-awtoritajiet innominati għal dak il-għan mill-Istat Membru ifasslu pjan ta' emerġenza esterna għall-miżuri li għandhom jittieħdu barra l-istabbiliment..
2. Il-pjani [pjanijiet] ta’ emerġenza għandhom jiġu stabbiliti bl-għanijiet ta’:
– li jkun fihom u jikkontrollaw inċidenti biex jimminimizzaw l-effetti, u biex jillimitaw il-ħsara lill-bniedem, lill-ambjent u lill-proprjetà,
– jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipproteġu lill-bniedem u lill-ambjent mill-effetti ta’ aċċidenti serji,
– jikkomunika l-informazzjoni neċessarja lill-pubbliku u lis-servizzi jew lill-awtoritajiet ikkonċernati fiż-żona,
– jipprovdu għar-restawr u t-tindif ta’ l-ambjent wara aċċident maġġuri.
Il-pjani ta’ emerġenza għandu jkollhom l-informazzjoni stabbilita fl-Anness IV.
[…]
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li pjani ta’ emereġenza interna u esterna jkunu riveduti, ittestjati, u fejn meħtieġ riveduti u aġġornati mill-operaturi u l-awtoritajiet innominati f'intervalli konvenjenti ta’ mhux aktar minn tliet snin. Ir-reviżjoni għandha tikkunsidra bidliet li jseħħu fl-istabbilimenti kkonċernati jew fi ħdan is-servizzi ta’ emerġenza kkonċernati, għarfien tekniku ġdid, u għarfien li jikkonċerna r-rispons għal aċċidenti serji.
[…]”
4 B’applikazzjoni tal-Artikoli 24 u 24 tad-Direttiva 96/82, l-Istati Membri kienu marbuta li jimplementaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sat-3 ta’ Frar 1999.
Il-proċedura prekontenzjuża
5 Billi qieset li l-Artikolu 11(1)(ċ) tad-Direttiva 96/82 ma ġiex osservat mir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni, fit-23 ta’ Marzu 2007, tat bidu għall-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE billi intimat lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward.
6 B’ittri tat-12 u tal-25 ta’ Ġunju 2007, l-awtoritajiet Spanjoli rrispondew għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni, fejn informawha b’numru ta’ stabbilimenti kkonċernati bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/82 u bin-numru ta’ stabbilimenti li għandhom pjan ta’ emerġenza esterna.
7 Billi kkonstatat, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, li kien għad hemm xi stabbilimenti li ma kellhomx tali pjan, il-Kummissjoni ħarġet, fit-23 ta’ Ottubru 2007, opinjoni motivata li biha stiednet lir-Renju ta’ Spanja jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.
8 B’ittra tal-10 ta’ Jannar 2008, l-awtoritajiet Spanjoli rrispondew għall-imsemmija opinjoni billi ppreċiżaw li, mill-istabbilimenti kkonċernati, li kienu 238 fl-2005 u 280 f’Diċembru 2007, 186 kellhom pjan ta’ emerġenza estern approvat. Barra minn hekk, huma osservaw li, jekk l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 96/82 jistabbilixxi termini rigward l-obbligu, għall-operaturi ta’ stabbiliment ikkonċernat li jipprovdu l-informazzjoni neċessarja lill-awtoritajiet kompetenti, min-naħa l-oħra, huwa ma jipprovdi l-ebda terminu għat-tfassil, minn dawn tal-aħħar, ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni.
9 Billi kkunsidrat li s-sitwazzjoni baqat mhux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.
Fuq ir-rikors
10 Ir-Renju ta’ Spanja jammetti li, fil-ġurnata li fiha skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri t-23 ta’ Diċembru 2007, 94 stabbilimenti li jinsabu fit-territorju tiegħu u li huma suġġetti għall-Artikolu 9 tad-Direttiva 96/82 ma kellhomx pjan ta’ emerġenza estern.
11 Madankollu, huwa jsostni li l-Artikolu 11(1)(ċ) tad-Direttiva 96/82 ma jistabbilixxix terminu għat-tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni mill-awtoritajiet kompetenti u li dawn ma setgħux jiddisponu mill-istess terminu previst fl-Artikolu 11(1)(a) ta’ din id-direttiva għat-tfassil, mill-operaturi tal-istabbilimenti kkonċernati, ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni. Huwa jqis, sussidjarjament, li n-nuqqas ta’ notifika tal-informazzjoni neċessarja mill-imsemmija operaturi, prevista fl-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 96/82, huwa f’kull każ ta’ natura li jiġġustifika n-nuqqas ta’ pjan ta’ emerġenza estern għal ċertu numru ta’ stabbilimenti kkonċernati. Fl-aħħar nett, huwa jindika li seba’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni tfasslu waqt is-sena 2008.
12 Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/82, dwar l-istabbilimenti li fihom jinsabu kwantitajiet kbar ta’ sustanzi perikolużi, jifformaw ġabra ta’ normi intiżi sabiex jiżguraw sistema koerenti u effikaċji tal-limitazzjoni tal-konsegwenzi ta’ inċidenti kbar.
13 B’hekk, it-tfassil tal-pjanijiet ta’ emerġenza jidħol fi proċess ta’ diversi fażijiet li fih, fl-ewwel lok, it-tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza interni għall-operaturi tal-istabbilimenti kkonċernati u l‑għoti tal-informazzjoni neċessarja lill-awtoritajiet kompetenti, fit-tieni lok, it-tfassil, minnhom, ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni u, fit-tielet lok, l-eżami mill-ġdid, u jekk ikun neċessarju, ir-reviżjoni u l‑aġġornament tal-pjanijiet ta’ emerġenza interni u esterni, rispettivament, mill-imsemmija operaturi u mill-imsemmija awtoritajiet.
14 Huwa minnu li l-Artikolu 11(1) u (4) tad-Direttiva 96/82 ma jistabbilixxix terminu ħlief f’dak li jikkonċerna l-ewwel u t-tielet minn dawn il‑fażijiet. Madankollu, in-nuqqas, f’din id-dispożizzjoni, ta’ terminu ċar f’dak li jirrigwarda t-tfassil tal-pjanijiet ta’ emerġenza esterni ma jimplikax fih innifsu li l-ebda terminu ma huwa impost fuq l-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jfassluhom.
15 Fil-fatt, dan l-obbligu jiġi mċaħħad mis-sinjifikat tiegħu u s-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/82 tiġi mċaħħda minn kull effettività jekk it-tfassil tal-imsemmija pjanijiet mill‑awtoritajiet kompetenti jkollu jibqa’ sospiż indefinittivament.
16 F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 11(2) tad‑Direttiva 96/82, il-pjanijiet ta’ emerġenza interni u esterni huma stabbiliti sabiex, b’mod partikolari, jinżammu u jiġu kkontrollati l-inċidenti b’mod li jiġu mminimizzati l-effetti u sabiex jiġi limitat id-dannu kkawżat lill-bniedem, lill-ambjent u lill-proprjetà u sabiex jiġu implementati l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal‑bniedem u tal-ambjent kontra l-effetti ta’ inċidenti kbar.
17 Barra minn hekk, mill-Anness IV tad-Direttiva 96/82 dwar l‑informazzjoni li għandha tidher fil-pjanijiet ta’ emerġenza, jirriżulta b’mod partikolari li teżisti interdipendenza bejn il-pjanijiet ta’ emerġenza interni u esterni fejn il-koordinazzjoni tagħhom tiżgura l-effikaċja tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/82.
18 Isegwi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżviluppaw mingħajr dewmien l-informazzjoni pprovduta mill-operaturi tal‑istabbilimenti kkonċernati sabiex ifasslu pjanijiet ta’ emerġenza esterni.
19 Dan jgħodd b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li l‑perijodu ta’ validità qasir tagħha huwa ta’ natura li jirrendi ineffettiv pjan ta’ emerġenza bbażat fuqha. Huwa minħabba din ir-raġuni li l-Istati Membri huma marbuta jistabbilixxu, skont l-Artikolu 11(4) tad‑Direttiva 96/82, sistema li tiggarantixxi li l-pjanijiet ta’ emerġenza interni u esterni jiġu eżaminati mill-ġdid u, jekk ikun neċessarju, irriveduti u aġġornati f’intervalli xierqa ta’ mhux iktar minn tliet snin.
20 Konsegwentement, it-terminu li jirrigwarda t-twettiq tal-obbligu previst fl-Artikolu 11(1)(ċ) ta’ din id-direttiva ma jistax, bħala prinċipju, jibda jiddekorri minn meta tingħata l-imsemmija informazzjoni.
21 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi konkluż li l‑awtoritajiet kompetenti huma marbuta li jfasslu l-pjanijiet ta’ emerġenza esterni previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 96/82 f’terminu li, minn naħa, ma jġibx miegħu r-riskju ta’ dannu għall-effettività tad‑dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, iżda li, min-naħa l-oħra jieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien neċessarju sabiex jiġu ffinalizzati l‑imsemmija pjanijiet, għaldaqstant, f’terminu raġonevoli li jibda jiddekorri mill-għoti tal-informazzjoni neċessarja mill-operaturi.
22 Fil-kawża preżenti, ma huwiex ikkontestat li ma jeżistux pjanijiet ta’ emerġenza esterni għall-istabbilimenti kollha kkonċernati għal diversi snin.
23 F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 96/82 jistabbilixxi diversi termini fil-konfront tal‑kategoriji diversi ta’ stabbilimenti. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu li fih l-operaturi tal-istabbilimenti previsti minn din id-dispożizzjoni għandhom jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni neċessarja għat-tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni kien jew qabel ma jibdew joperaw dawn l‑istabbilimenti, jew mhux iktar tard mit-3 ta’ Frar 2002, jiġifieri tliet snin wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni tad-direttiva.
24 Issa, iż-żmien li għadda bejn din id-data u d-data ta’ skadenza tat‑terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri t-23 ta’ Diċembru 2007, huwa manifestament irraġonevoli u ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni għall-istabbilimenti kkonċernati kollha.
25 Barra minn hekk, jekk huwa minnu li, skont l-Artikolu 11(1) tad‑Direttiva 96/82, l-obbligu ta’ tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni huwa marbut ma’ dak impost fuq l-operaturi tal-istabbilimenti kkonċernati li jibagħtu l-informazzjoni neċessarja lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn ikunu jistgħu jfasslu dawn il-pjanijiet, xorta jibqa’ l-fatt li din l-istess dispożizzjoni tissuġġetta lill-Istati Membri għall-obbligu li jiżguraw li l-imsemmija operaturi jipprovdu l‑informazzjoni neċessarja fit-termini stabbiliti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li, f’ċerti każijiet, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx, fl‑imsemmija termini, l-informazzjoni neċessarja ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tagħha.
26 Fir-rigward tat-tfassil ta’ diversi pjanijiet ta’ emerġenza waqt is-sena 2008, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑456/05, Ġabra p. I‑10517, punt 15).
27 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat bħala fondat ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni.
28 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma fassalx pjanijiet ta’ emerġenza esterni għall-istabbilimenti kollha previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 96/82, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11(1)(ċ) tagħha.
Fuq l-ispejjeż
29 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi ma fassalx pjanijiet ta’ emerġenza esterni għall‑istabbilimenti kollha previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE, tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il‑kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti [imċidenti] kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11(1)(ċ) tagħha.
2) Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.