Keywords
Summary

Keywords

1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Domanda magħmula fil-kuntest ta’ kawża limitata għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed

(Artikolu 267 TFUE)

2. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Dispożizzjonijiet tat‑Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni

(Artikoli 43 KE, 48 KE, 49 KE u 56 KE)

3. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet

(Artikoli 43 KE u 48 KE)

Summary

1. Meta, fil-kuntest ta’ domanda preliminari, l-elementi kollha tal-kwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali jkunu limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta lill-qorti nazzjonali meta, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburant, b’ebda mod ma jkun jista’ jiġi eskluż li kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra l-Istat Membru kkonċernat kienu jew huma interessati li jikkummerċjalizzaw karburanti f’dan l‑Istat Membru tal‑aħħar.

(ara l-punti 22-24)

2. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il‑libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, peress li l-bini ta’ tali faċilitajiet mill‑persuni ġuridiċi fis‑sens tal‑Artikolu 48 KE jimplika neċessarjament l‑aċċess ta’ dawn tal‑aħħar għat‑territorju tal‑Istat Membru ospitanti għall‑finijiet ta’ parteċipazzjoni stabbli u kontinwa fil‑ħajja ekonomika ta’ dan l‑Istat, b’mod partikolari permezz tal‑ħolqien ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji, id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li japplikaw biss jekk ma jkunux applikabbli dawk dwar il-libertà ta’ stabbiliment, ma humiex rilevanti. Barra minn hekk, jekk jitqies li din il‑leġiżlazzjoni għandha effetti fuq il‑moviment liberu tal‑kapital, tali effetti huma l‑konsegwenza inseparabbli ta’ eventwali ostakolu għal‑libertà ta’ stabbiliment u, għalhekk, ma jiġġustifikawx eżami awtonomu tal‑leġiżlazzjoni msemmija fid‑dawl tal‑Artikolu 56 KE.

(ara l-punti 39-41)

3. L-Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal‑Artikolu 48 KE, għandu jiġi interpretat fis‑sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tistabbilixxi distanzi minimi obbligatorji bejn il‑faċilitajiet fit‑toroq għad‑distribuzzjoni ta’ karburanti u li tapplika biss fil‑każ tal‑bini ta’ faċilitajiet ġodda, tikkostitwixxi restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment stabbilita fit‑Trattat KE. Din ir‑restrizzjoni ma jidhirx li hija ta’ natura tali li tista’ tiġi ġġustifikata minħabba l‑għanijiet ta’ sigurtà fit‑toroq, ta’ protezzjoni tas‑saħħa u tal‑ambjent, kif ukoll ta’ razzjonalizzazzjoni tas‑servizz mogħti lill‑utenti, ħaġa li din għandha tiġi vverifikata mill‑qorti nazzjonali.

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni, li tapplika biss għal faċilitajiet ġodda u mhux għall‑faċilitajiet eżistenti qabel id‑dħul fis‑seħħ tagħha, tissuġġetta għal kundizzjonijiet l‑aċċess għall‑attività ta’ distribuzzjoni ta’ karburanti. Billi b’hekk tiffavorixxi lill‑operaturi li diġà jinsabu fit‑territorju nazzjonali, din il-leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tiskoraġġixxi, jekk mhux ukoll tostakola, l‑aċċess għas‑suq nazzjonali tal‑operaturi ġejjin minn Stati Membri oħra u tikkostitwixxi restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 43 KE.

Din ir‑restrizzjoni ma jidhirx li hija ta’ natura tali li tista’ tiġi ġġustifikata minħabba l‑għanijiet ta’ sigurtà fit‑toroq, ta’ protezzjoni tas‑saħħa u tal‑ambjent, peress li ma jidhirx li tissodisfa, b’mod reali, ix-xewqa li dawn l-għanijiet jintlaħqu b’mod koerenti u sistematiku u, għalhekk, ma jidhrix li hija adegwata sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet invokati mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu, ħaġa li din għandha tiġi vverifikata mill‑qorti nazzjonali.

Fir-rigward tar-razzjonalizzazzjoni tas‑servizz mogħti lill‑utenti, motivi ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit‑Trattat. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li dan l‑għan jista’ jiġi kkunsidrat, sa fejn jikkonċerna l‑protezzjoni tal‑konsumaturi, bħala għan li jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u mhux bħala raġuni ta’ natura purament ekonomika, huwa diffiċli li wieħed jidentifika kif din il‑leġiżlazzjoni tista’ tkun adegwata sabiex tipproteġi lill‑konsumaturi jew sabiex trendilhom benefiċċji. Għall‑kuntrarju, billi tostakola l‑aċċess ta’ operaturi ġodda għas‑suq, tali leġiżlazzjoni tidher li pjuttost tiffavorixxi l‑pożizzjoni tal‑operaturi li diġà jinsabu fit‑territorju nazzjonali, mingħajr ma l‑konsumaturi jissiltu vantaġġi reali minn dan. Fi kwalunkwe każ, jidher li l‑leġiżlazzjoni msemmija tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq eventwali għan ta’ protezzjoni tal‑konsumaturi, ħaġa li din għandha tiġi vverifikata mill‑qorti nazzjonali.

(ara l-punti 45, 51, 52, 55-57 u d-dispożittiv)