Kawża C-376/08

Serrantoni Srl u Consorzio stabile edili Scrl

vs

Comune di Milano

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia)

“Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Direttiva 2004/18/KE — Artikoli 43 KE u 49 KE — Prinċipju ta’ trattament ugwali — Gruppi ta’ impriżi — Projbizzjoni għall-‘consorzio stabile’ (‘grupp stabbli’) u għall-kumpannija li tifforma parti minnu, milli jipparteċipaw fl-istess kuntratt, b’mod kompetittiv”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-23 ta’ Diċembru 2009   I ‐ 12172

Sommarju tas-sentenza

Dritt Komunitarju – Prinċipji – Trattament ugwali – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Kuntratt li ma jiksibx il-livell ta’ valur stabbilit bid-Direttiva 2004/18

(Artikoli 43 KE u 49 KE)

Id-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens illi dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, li tistabbilixxi, fil-każ ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li l-ammont tiegħu ma jilħaqx il-livell stabbilit mill-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], iżda li għandu interess transkonfinali ċert, l-esklużjoni awtomatika mill-parteċipazzjoni f’din il-proċedura u li timponi sanzjonijiet penali fuq kemm il-grupp stabbli kif ukoll l-impriżi li jifformaw parti minnu, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, fuq l-impriżi li jifformaw parti minnu, meta dawn tal-aħħar ikunu ppreżentaw offerti kompetittivi minn dawk tal-grupp fil-kuntest tal-istess proċedura, u minkejja l-fatt illi l-offerta tal-imsemmi grupp ma saritx f’isem u fl-interess ta’ dawn l-impriżi.

Fil-fatt, it-tali miżura ta’ esklużjoni awtomatika, li tirrigwarda biss il-forma ġuridika tal-grupp stabbli u l-impriżi li jifformaw parti minnu, u li hija applikabbli f’każ ta’ offerti kompetittivi, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-grupp inkwistjoni pparteċipax jew le fil-kuntratt pubbliku inkwistjoni f’isem u fl-interess tal-impriżi li għamlu offerta, tikkostitwixxi trattament diskriminatorju għad-detriment ta’ din il-forma ta’ grupp, u għaldaqstant, ma hijiex konformi mal-prinċipju tal-ugwaljanza.

Barra minn hekk, regola ta’ esklużjoni sistematika, li tistabbilixxi wkoll, għall-awtoritajiet kontraenti, l-obbligu assolut li jeskludu lill-impriżi kkonċernati anki fil-każ fejn ir-relazzjoni bejn dawn tal-aħħar hija bla effet fuq l-aġir tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri li huma pparteċipaw fihom, hija kuntrarja għall-interess Komunitarju li jitlob li tiġi żgurata l-ikbar parteċipazzjoni ta’ offerenti possibbli f’sejħa għal offerti u tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex l-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji tat-trattament ugwali u tat-trasparenza jintlaħaq. Għalhekk, it-tali regola ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Barra minn hekk, l-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludu kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr ma jsir diskriminazzjoni fir-rigward tan-nazzjonalità, hija ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-użu, miċ-ċittadini Komunitarji, tal-libertà ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti minn dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. F’dan ir-rigward, regola nazzjonali li tistabbilixxi miżura ta’ esklużjoni awtomatika għad-detriment tal-konsorzji stabbli u għad-detriment tal-impriżi li jifformaw parti minnhom, hija ta’ natura li teżerċita influwenza dissważiva fuq l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, jiġifieri, minn naħa, l-operaturi li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz tal-ħolqien ta’ grupp stabbli, ikkostitwit eventwalment minn impriżi nazzjonali u barranin, u, min-naħa l-oħra, l-operaturi li għandhom f’moħħhom li jidħlu f’tali konsorzji li huma diġà kkostitwiti, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod iktar ħieles fil-proċeduri għall-kuntratti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet kontraenti ta’ dan l-Istat Membru u b’hekk ikunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom b’mod iktar faċli. Tali restrizzjoni, skont l-Artikoli 43 KE u 49 KE, ma tistax tiġi ġġustifikata, fid-dawl tal-għan leġittimu tagħha li tiġġieled kontra l-prattiki miftiehma potenzjali bejn il-grupp inkwistjoni u l-impriżi li jifformaw parti minnu, peress li hija tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq.

(ara l-punti 37, 38, 40-42, 45, 46 u d-dispożittiv)