Kawża C-375/08
Proċeduri kriminali
vs
Luigi Pontini et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Treviso)
“Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Laħam taċ-ċanga u tal-vitella — Regolament (KE) Nru 1254/1999 — Għajnuna finanzjarja Komunitarja relatata mal-primjums speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u mal-ħlas għall-estensifikazzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Kalkolu tad-densità tal-annimali miżmuma fuq l-impriża — Kunċett ta’ ‘żona tal-mergħa disponibbli’ — Regolamenti (KEE) Nru 3887/92 u (KE) Nru 2419/2001 — Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-produzzjoni ta’ titolu legali validu li jiġġustifika l-użu taż-żoni tal-mergħa użati”
Sommarju tas-sentenza
Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Laħam taċ-ċanga u tal-vitella — Primjums speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili — Ħlas għall-estensifikazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 1254/1999)
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja, u b’mod partikolari r-Regolament Nru 1254/1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella, ma tikkondizzjonax l-eliġibbiltà ta’ applikazzjoni għal primjums speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u għal ħlas għall-estensifikazzjoni għall-preżentazzjoni ta’ titolu legali validu li jiġġustifika d‑dritt tal-applikant għall-għajnuna li juża ż-żoni tal-mergħa li huma s‑suġġett ta’ din l-applikazzjoni. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tipprekludix l-Istati Membri milli jimponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom obbligu li jiġi ppreżentat tali titolu bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni Komunitarja u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
(ara l-punt 90 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
24 ta’Ġunju 2010 (*)
“Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Laħam taċ-ċanga u tal-vitella – Regolament (KE) Nru 1254/1999 – Għajnuna finanzjarja Komunitarja relatata mal-primjums speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u mal-ħlas għall‑estensifikazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Kalkolu tad-densità tal-annimali miżmuma fuq l-impriża – Kunċett ta’ ‘żona tal-mergħa disponibbli’ – Regolamenti (KEE) Nru 3887/92 u (KE) Nru 2419/2001 – Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-produzzjoni ta’ titolu legali validu li jiġġustifika l-użu taż-żoni tal-mergħa użati”
Fil-Kawża C‑375/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Treviso (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Awwissu 2008, fil-proċeduri kriminali kontra
Luigi Pontini et,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (President tal-Awla), P. Lindh, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Emanuele Rech, Giovanni Forato u Laura Forato, minn B. Nascimbene u F. Rossi dal Pozzo, avukati,
– għal Adele Adami et, minn W. Viscardini, avukat,
– għal Ivo Colomberotto, minn A. Mascotto u O. Bigolin, avukati,
– għal Agrirocca di Rech Emanuele u Asolat di Rech Emanuele & C., minn G. Donà, avukat,
– għall-Agenzia Veneta per i Pagamenti in Agricoltura - AVEPA, minn A. dal Ferro u A. Cevese, avukati,
– għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Elleniku, minn A. Vassilopoulou u E. Leftheriotou, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Rossi u N. Rasmussen, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-applikazzjonijiet għall-għajnuna “bhejjem”, u b’mod partikolari dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l‑organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 339).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra L. Pontini, E. Rech, G. Forato, D. Bonora, I. Colomberotto kif ukoll L. Forato u A. Adami. Dawn huma akkużati b’diversi reati, imwettqa għad-dannu tal-Komunità Ewropea, b’rabta mal-fatt li rċevew, skont il-prosekuzzjoni b’mod indebitu, għajnuna finanzjarja Komunitarja relatata mal-premji speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u mal-ħlas għall-estensifikazzjoni matul is-snin 2000 sal-2004.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Ir-Regolament (KEE) Nru 3508/92
3 L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92, tas-27 ta’ Novembru 1992, li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 223) jipprovdi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema integrata ta’ ġestjoni u kontroll (minn hawn ’l quddiem is‑“sistema integrata ”), li tapplika għal diversi skemi ta’ għajnuna Komunitarja fis-setturi tal-uċuħ tar-raba’ u tal-bhejjem.
4 L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1593/2000, tas-17 ta’ Lulju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 94), jipprovdi li s-sistema integrata tinkludi database ikkompjuterizzata, sistema tal-identifikazzjoni għal qatgħat agrikoli, sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tal-annimali, applikazzjonijiet għall-għajnuna u sistema integrata tal-kontroll.
5 L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3508/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1593/2000, huwa fformulat kif ġej:
“1. Sabiex ikun eliġibbli taħt waħda jew aktar mill-iskemi Komunitarji rregolati minn dan ir-Regolament, kull bidwi għandu jissottometti, għal kull sena, applikazzjoni għall-għajnuna għall-’erja’ [għaż-‘żona’] li tindika:
– il-qatgħat agrikoli, inklużi l-erji taħt l-uċuħ [iż-żoni] tal-mergħa, u l-qatgħat agrikoli koperti b’miżura għar-raba’ mserraħ u għall-art mhix maħduma [tajba għall-ħrit],
– fejn japplika, kwalunkwe tagħrif ieħor meħtieġ ipprovdut jew mir-Regolamenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iskemi Komunitarji, jew mill-Istat Membru interessat.
[…]
6. Għal kull qagħta agrikola ddikjarata, il-bdiewa għandhom jindikaw l-erja u l-lokalità tagħha, liema informazzjoni għandha tiffaċilita li l-qagħta tiġi identifikata fis-sistema għall-identifikazzjoni tal-qatgħat agrikoli.
[…]”.
Ir-Regolament (KEE) Nru 3887/92
6 Is-seba’ u d-disa’ premessi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3887/92, tat-23 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ amministrazzjoni integrata u ta’ kontroll relatat ma’ ċerti skemi ta’ għajnuna Komunitarja (ĠU L 391, p. 36) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1678/98, tad-29 ta’ Lulju 1998, (ĠU L 212, p. 23, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3887/92”), jipprovdu dan li ġej:
“[…] l-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ għajnuna Komunitarja għandha tiġi kkontrollata b’mod effikaċi; […]
[…]
[…] fid-dawl tal-esperjenza miksuba u filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l‑prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tal-problemi partikolari marbuta mal-każijiet ta’ forza maġġuri u maċ-ċirkustanzi naturali, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipprevjenu u jippenalizzaw l-irregolaritajiet u l‑frodi; […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”
7 L-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 3887/92 jipprovdi li, meta żoni tal-mergħa jiġu użati b’mod konġunt, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqassmuhom bejn il-bdiewa interessati prorata skont l-użu tagħhom jew skont id-dritt tagħhom li jużaw dawn l-artijiet.
8 L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3887/92 huwa fformulat kif ġej:
“Mingħajr ħsara għall-eżiġenzi stabbiliti fir-regolamenti settorjali, l-applikazzjoni għal għajnuna “żona” għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha neċessarja, u b’mod partikolari:
– l-identifikazzjoni tal-produttur;
– l-informazzjoni li permezz tagħha tista’ ssir l-identifikazzjoni tal-qatgħat agrikoli tar-razzett, id-daqs taż-żona tagħhom, il-lokalità tagħhom, l-użu tagħhom, u jekk ikun il-każ jekk tkunx qatgħa saqwija, kif ukoll l-iskema ta’ għajnuna kkonċernata;
– dikjarazzjoni tal-produttur li huwa informat bil-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata.
“Użu” għandha tfisser it-tip ta’ uċuħ tar-raba’ jew il-kopertura veġetali jew in‑nuqqas ta’ uċuħ tar-raba’.
[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”
Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95
9 L-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340) jipprovdi:
“L-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu.”
10 L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:
“1. Skond il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw ir-regolarità u r-realtà tat-transazzjonijiet li jinvolvu l-interessi finanzjarji tal-Komunità.
2. Il-miżuri li jipprovdu l-verfiki għandhom ikunu adattati għan-natura speċifika ta’ kull settur u fi proporzjon għall-għanijiet segwiti. […]
[…]”
Ir-Regolament (KE) Nru 1254/1999
11 Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 1254/1999 tipprovdi li, “minħabba t-tendenzi ta’ intesifikazzjoni lejn il-produzzjoni taċ-ċanga u l-vitella, il-premju [primjums] għall-irziezet tat-trabbija ta’ l-annimali għandu jkun illimitat [limitati] għall-possibbiltà ta’ l-għalf f’kull qasam f’dak li għandu x’jaqsam man-numru u l-ispeċi ta’ l-annimali mrobbija; billi, sabiex tiġi evitata tip ta’ produzzjoni intensiva, l‑għoti ta’ dan il-premju [dawn il-primjums] għandu jkun suġġett għall-konformità mad-densità massima tal-merħliet fl-impriża”.
12 F’dak li jikkonċerna n-neċessità li tinħoloq sistema sempliċi ta’ ħlas Komunitarju addizzjonali, il-premessa 15 tal-istess regolament tipprovdi li “huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu obbligati li jużaw il-poteri ta’ diskrezzjoni tagħhom esklussivament fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, biex jieħdu ħsieb bis-sħieħ tal-kunċett ta’ trattament ugwali u jevitaw xkiel fis-suq u għall-kompetizzjoni.”
13 Il-kunċett ta’ “impriża” huwa mfisser fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 1254/1999 bħala “l-unitajiet kollha tal-produzzjoni amministrati mill-produttur u li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed”.
14 Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess regolament, il-produttur li għandu fuq ir-razzett tiegħu annimali tal-ifrat ta’ sess maskili jista’, fuq it-talba tiegħu, jibbenefika minn premju speċjali.
15 L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Id-densità tal-merħliet”, huwa fformulat kif ġej:
“1. In-numru totali ta’ annimali li jikkwalifikaw għal premju [primjum] speċjali u għall-premju [primjum] għal baqar li jreddgħu għandu jkun illimitat bl-applikazzjoni ta’ densità ta’ merħliet fl-impriża taż-żewġ unitjiet tal-merħliet (LU) għal kull ettaru u għal kull sena kalendarja. Id-densità tal-merħliet għandha tkun espressa f’LU għal kull unità ta’ żona tal-mergħa tal-qasam użat għall-annimali li jkun hemm fiha. Madanakollu, produttur għandu jkun eżenti mill-applikazzjoni tad-densità ta’ merħliet jekk in-numru ta’ annimali miżmuma fl-impriża tiegħu u li jridu jiġu meqjusa għall-kalkolu tad-densità tal-merħliet ma tkunx ta’ aktar minn 15 LU.
2. Sabiex tiġi kkalkulata d-densità tal-merħliet fuq l-impriża, għandhom jiġu meqjusa:
(a) il-bhejjem ta’ l-ifrat irġiel, il-baqar li jreddgħu u l-għoġġiela, in-nagħaġ u/jew il-mogħoż li għalihom ikunu ġew sottomessi l-applikazzjonijiet għall-premji [primjum], kif ukoll il-baqar tal-ħalib meħtieġa biex jipproduċu t‑total tal-kwantità ta’ referenza ta’ ħalib allokata lill-produttur. In-numru ta’ annimali għandu jinqeleb għal LU b’referenza għat-tabella ta’ konverżjoni fl-Anness III,
(b) l-arja tal-mergħa, jiġifieri l-arja ta’ l-impriża disponibbli matul is-sena kalendarja għat-trobbija ta’ bhejjem ta’ l-ifrat u nagħaġ u/jew mogħoż. [Mhumiex inklużi f’din iż-żona:]
– bini, boskijiet, għadajjar, mogħdijiet,
– żoni użati għall-uċuħ oħra li huma eliġibbli għal għajnuna tal-Komunità jew għal uċuħ permanenti jew uċuħ ta’ l-ortikoltura, ħlief mergħat permanenti li għalihom jingħataw ħlasijiet taż-żona permezz ta’ l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 19 tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1255/1999, [tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l‑organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 366)]
– żoni li jikkwalifikaw għal sistema ta’ appoġġ stabbilita għal produtturi ta’ ċertu uċuħ tal-ħrit, użati għall-iskema ta’ għajnuna għal għalf niexef jew suġġetti għal skemi ta’ twarrib nazzonali jew tal-Komunità.
Żoni tal-mergħat għandhom jinkludu żoni ta’ użu konġunt li jkunu suġġetti għal kultivazzjoni mħallta.
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43. Dawn ir-regoli għandhom, b’mod partikolari, jirrigwardaw dawk:
- li għandhom x’jaqsmu ma’ żoni b’użu konġunt u żoni li jkunu suġġetti għal kultivazzjoni mħallta,
- li jgħinu sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ħażina tad-densità tal-merħliet.”
16 L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1254/1999 ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1512/2001, tat-23 ta’ Lulju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 194), biż-żieda, wara l-ewwel sentenza ta’ din id‑dispożizzjoni, ta’ din is-sentenza:
“Din id-densità ta’ l-irjus għandha tkun ta’ 1,9 LU mill-1 ta’ Jannar 2002 u ta’ 1,8 LU mill-1 ta’ Jannar 2003.”
17 L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1254/1999, bit-titolu “Ħlas ta’ estentifikazzjoni”, fl-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:
“Il-produtturi li jirċievu premju [primjum] speċjali u/jew il-premju tal-baqar li jreddgħu jistgħu jikkwalifikaw għal pagament ta’ estensifikazzjoni.”
18 L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1254/1999 jipprovdi li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414) u d-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tiegħu għandhom ikunu applikabbli għall-prodotti mniżżla fl-Artikolu 1 tar-Regolament 1254/1999.
Ir-Regolament Nru 1258/1999
19 Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1258/1999, il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (minn hawn ’il quddiem il-“FAEGG”) jinkludi taqsima “garanzija”, li b’mod partikolari tiffinanzja l-għajnuna intiża għar-regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli.
20 L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom, skond id-disposizzjonijiet nazzjonali stabiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex
a) ikunu sodisdfatti illi t-transazzjonijiet iffananzjati mill-[FAEGG] ikunu attwalment imwettqa u mwettqa korrettement;
b) jipprevjienu l-irregolaritajiet u jittrattawhom [jieħdu proċeduri dwarhom];
c) jirkupraw is-somom mitlufa bħala riżultat ta’ l-irregolaritajiet jew tan-negliġenza.
L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda għal dawn il-għanijiet u b’mod partikolari dwar l-istat ta’ l-amministrazzjoni u l‑proċeduri ġudizzjarji.”
Ir-Regolament (KE) Nru 1259/1999
21 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 424) japplika għall-ħlas konċess direttament lill-bdiewa taħt l-iskemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni (iktar ’il qiddiem il-“PAK”) u li huma ffinanzjati fl-intier tagħhom jew f’parti minnhom mit-Taqsima “Garanziji” tal-FAEGG, għajr għal dawk ipprovduti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391).
22 Skont it-termini tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1259/1999, minkejja d‑dispożizzjonijiet speċifiċi fl-iskemi individwali ta’ appoġġ, ma għandu jsir l‑ebda ħlas favur il-benefiċjarji li dwarhom ikun ġie stabbilit illi dawn ikunu ħolqu artifiċjalment il-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex jiksbu dan il-ħlas bl-għan li jiksbu vantaġġ għall-kuntrarju tal-miri ta’ din l-iskema ta’ appoġġ.
Ir-Regolament (KE) Nru 2419/2001
23 L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001, tal-11 ta’ Diċembru 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 308), bit-titolu “Identifikazzjoni u daqs minimu tal-pakketti [qatgħat] agrikoli” jipprovdi fl-Artikolu 4(1):
“Is-sistema ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 3508/92 għandhom joperaw fil-livell ta’ pakkett [qatgħa] agrikolu. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li unità oħra, bħal roqgħa [qatgħa] art cadastral jew blokka ta’ produzzjoni, tista’ tkun użata minnflok ir-roqgħa [qatgħa] art agrikola. F’tali każijiet l-Istati Membri għandhom jassiguraw li rqajja’ [qatgħat] ta’ art agrikoli jkunu identifikati b’mod li ta’ min jistrieħ fuqhom u b’mod partikolari għandhom jeħtieġu applikazzjonijiet għall-għajnuna taż-żona li jkunu forniti b’dettalji jew akkumpanjati b’dokumenti speċfikati mill-awtorità kompetenti li tassigura kull roqgħa [qatgħa] art agrikola li għandha tkun misjuba u mkejla.”
24 L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2419/2001 jipprovdi:
“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
(b) fejn żona ta’ forage [żona tal-mergħa] huwa użat in komuni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom bil-ħsieb jallokawha bejn il-bdiewa individwali fil-proporzjon ta’ l-użu tagħhom jew id-dritt ta’ użu tagħha;
(ċ) kull żona ta’ forage [żona tal-mergħa] għandha tkun disponibbli għall-annimali li qegħdin jitkabbru għal perjodu minimu ta’ sebgħa xhur, li jibda f’data li għad trid tkun determinata mill-Istat Membru, li għandha tkun bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Marzu.”
25 L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2419/2001 bit-titolu “Ħtiġijiet li jappartjenu l‑applikazzjonijiet ta’ għajnuna għall-bhejjem miżmuma għal xi użu” huwa fformulat kif ġej:
“1. Applikazzjoni ta’ għajnuna għall-bhejjem miżmuma għal xi użu għandu jkollha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex ikun stabbilit l-eliġibbilità għall-għajnuna, b’mod partikolari:
(a) l-identità tal-bidwi;
(b) referenza għall-applikazzjoni ta’ għajnuna tal-qasam [‘żona’] jekk din diġà ntbagħtet;
(ċ) in-numri ta’ annimali ta’ kull tip li fir-rigward tagħhom kwalunkwe għajnuna hi applikata għalihom u, għall-bovini [annimali tal-ifrat], l-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ l-annimali;
(d) fejn applikabbli, obbligu mill-bidwi li jżomm l-annimali msemmija f’punt (c) fuq l-art tiegħu matul il-perjodu ta’ żamma u informazzjoni fuq l‑art jew artijiet fejn l-annimali jkunu miżmuma inkluż il-perjodu jew perjodi konċernati;
(e) fejn applikabbli, l-limitu individwali jew parametru individwali għall-annimali konċernati;
[…]
(g) stqarrija mill-bidwi li huwa jaf il-ħtiġijiet li jappartjenu l-għajnuna in kwistjoni.
Jekk l-annimali jittieħdu f’post ieħor matul il-perjodu ta’ żamma l-bidwi għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bil-miktub minn qabel.
2. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull min iżomm l-annimali d‑dritt li jġib mill-awtorità kompetenti mingħajr restrizzjoni f’intervalli raġjonevoli u mingħajr dewmien eċċessiv informazzjoni dwar id-data li tirrigwarda lilu u l-annimali tiegħu miżmuma f’database kompjuterizzata. Meta qed jibgħat l-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna, il-bidwi għandu jiddikjara li l‑informazzjoni tiegħu hija korretta u lesta jew għandu jikkorreġi kwalunkwe informazzjoni żbaljata jew nieqsa.
[…]”
26 Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2419/2001, il-verifiki amministrattivi u l‑verifiki fuq il-post għandhom ikunu magħmula b’tali mod li jassiguraw verifikazzjoni effettiva ta’ konformità mat-termini li taħthom l-għajnuniet huma mogħtija.
27 L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Determinazzjoni taż-żoni” jipprovdi:
“1. Żoni ta’ pakketti [qatgħat] agrikoli għandhom ikunu determinati permezz ta’ mezzi adegwati mfissra mill-awtorità kompetenti li jassiguraw miżura ta’ preċiżjoni għall-inqas ekwivalenti għal dik meħtieġa għall-kejl uffiċjali taħt regoli nazzjonali. […]
2. Żona totali tar-roqgħa [qatgħa] art agrikola tista’ jkun meħuda in konsiderazzjoni sakemm huwa utilizzat bis-sħiħ skond l-istandards tal-konswetudini ta’ l-Istat Membru jew r-reġjun konċernat. F’każijiet oħra ż-żona attwalment utilizzata għandha tittieħed in konsiderazzjoni.
[…]
3. L-eliġibbiltà ta’ rqajja’ ta’ art [qatgħat] agrikoli għandhom ikunu verifikati permezz ta’ mezzi adegwati. Għal dan il-għan prova addizzjonali għandha tkun mitluba fejn neċessarju.”
28 L-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2419/2001 ħassar ir-Regolament Nru 3887/92, filwaqt li jispeċifika li dan tal-aħħar għandu jkompli japplika f’dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet għal għajnuna li jirrigwardaw snin ta’ marketing jew perijodi ta’ referenza ta’ primjums li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2002.
29 Skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 2419/2001, dan japplika għall-applikazzjonijiet għal għajnuna li jirrigwardaw is-snin ta’ marketing jew perijodi ta’ primjums li jibdew fl-1 ta’ Jannar tal-2002.
Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003
30 L-Artikolu 153(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269) ħassar ir-Regolament Nru 3508/92 filwaqt li jipprovdi li dan għandu jkompli japplika għall-applikazzjonijiet ta’ ħlas dirett għas-snin kalendarji qabel l‑2005.
31 Ir-Regolament Nru 1782/2003 ħassar ukoll, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1254/1999.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
32 Id-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 503 tal-1 ta’ Diċembru 1999, dwar l‑adozzjoni tal-Karta tal-bidwi u tas-sajjied, u tar-reġistru ta’ irziezet (GURI Nru 305, tat-30 ta’ Diċembru 1999, Nru 305, iktar ’il quddiem id-“digriet Nru 503/1999”), jipprovdi l-informazzjoni li għandu jkun hemm fir-reġistru ta’ rziezet u fil-fajl tar-razzett jew tal-bidwi.
33 Skont l-Artikolu 3(1)(f) ta’ dan id-digriet, l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmi reġistru għandha tinkludi, b’mod partikolari, għal kull razzett, il-kontenut, it-titolu ta’ okkupazzjoni u r-referenzi katastali, jekk jeżistu, ta’ proprjetà immobbli inkluż l-informazzjoni ajrofotogrammetrika, kartografika u ta’ teledetezzjoni li jkunu jinsabu għand l-amministrazzjoni.
34 Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, jiġifieri d‑Digriet Nru 503/1999 u d-Digrieti tal-Ministru tal-Politika Agrikola u Forestali tal-4 ta’April 2000, tal-10 ta’ Awwissu 2001 u tas-17 ta’ April 2003, tipprovdi, f’dak li jikkonċerna l-obbligi relatati mal-fajl tal-bidwi, li, meta t-titolu li għandu fir-rigward tal-art tal-impriża ma jkunx titolu ta’ proprjetà, l-applikant għall-għajnuna għandu jannetti mal-applikazzjoni tiegħu d-dokumenti ġustifikattivi relatati ma’ dan l-użu.
35 L-Agenzia Veneta per i Pagamenti in Agricoltura – AVEPA (iktar ’il quddiem l‑“AVEPA”), aġenzija tal-ħlas tar-Reġjun ta’ Veneto, tikkonferma l‑implementazzjoni tad-Digriet Nru 503/1999 b’serje ta’ ċirkulari adottati mill-Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura, fosthom iċ-ċirkulari Nru 35, tal-24 ta’ April 2001, li tipprovdi dan li ġej:
“B) L-eżiġenzi speċifiċi għall-applikazzjonijiet [relatati mal-PAK, iktar ’il quddiem l-‘applikazzjonijiet PAK’] dwar l-uċuħ tal-ħrit:
Sabiex titjieb l-amministrazzjoni marbuta mal-fażi ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni PAK dwar l-uċuħ tal-ħrit, il-produttur interessat għandu jipproduċi kopja taċ-ċertifikati tar-reġistru tal-artijiet aġġornati relatati mal-artijiet kollha indikati fl-applikazzjoni.
Meta l-produttur li jippreżenta l-applikazzjoni ma huwiex il-proprjetarju msemmi fiċ-ċertifikati tar-reġistru tal-artijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, dan għandu jiġġustifika l-eżistenza tat-titolu ta’ użu tal-artijiet (pereżempju fl-ipoteżi ta’ kiri, ta’ kommodat, ta’ użufrutt jew ta’ enfitewsi, eċċ) inkwistjoni, billi jipproduċi kopja awtentika tat-titolu rreġistrat b’mod validu skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
[…] Fl-ipoteżi fejn il-bidwi li jippreżenta l-applikazzjoni ma huwiex f’pożizzjoni li jipproduċi d-dokumentazzjoni relatata mal-imsemmija titoli ta’ użu u/jew fl-ipoteżi ta’ kuntratt verbali, huwa għandu [jiċċertifika hu stess] l-eżistenza tar-relazzjoni kuntrattwali li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni u għandu jobbliga ruħu li jirrispetta l-obbligi li jirriżultaw mil-Liġi Nru 448 tat-23 ta’ Diċembru 1998; [dan iċ-ċertifikat personali] għandha tiċċertifika li l-produttur huwa l-utent leġittimu tal-artijiet u għandu jinkludi ċertifikat tal-istatus ċivili tal-proprjetarju, id-data tal-bidu u tat-tmiem tal-kuntratt, filwaqt li jsemmi taħt ir-responsabbiltà tiegħu t-titolu ta’ użu u r-raġunijiet li għalihom huwa neċessarju li ssir referenza għall-[imsemmi ċertifikat].”
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari
36 Wara investigazzjonijiet li bdew fl-2004 fuq talba tal-Procura della Repubblica di Treviso, L. Pontini et huma akkużati quddiem it-Tribunale di Treviso (qorti ta’ Treviso), abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Kriminali Taljan, b’assoċjazzjoni biex isir delitt u bi frodi aggravata u kontinwata għad-dannu tal-Komunità Ewropea. Il-prosekuzzjoni takkużahom li rċevew indebitament, matul is-snin 2000 sal-2004, għajnuna finanzjarja Komunitarja, jiġifieri primjums speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u ħlas għall-estensifikazzjoni previsti, rispettivament, fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1254/1999.
37 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prosekuzzjoni tikkunsidra li l-akkużati rrikorrew għal mezzi jew għal atti frawdolenti sabiex iwasslu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal żball sabiex jagħmlu profitt indebitu għalihom infushom jew għal oħrajn. L-akkużi huma bbażati fuq it-teżi li rċevew il-premji speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u l-ħlas għall-estensifikazzjoni bi frodi grazzi għall-preżentazzjoni, f’anness mal-applikazzjonijiet, ta’ kuntratti ta’ kommodat relatati maż-żoni tal-mergħa użati mill-impriżi tal-applikanti għall- għajnuna, kuntratti li nħolqu mingħajr mal-proprjetarji tal-artijiet ikkonċernati kienu jafu.
38 Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprovdi li l‑applikant għall-għajnuna għandu jannetti mal-applikazzjoni tiegħu d-dokumenti li juru t-titolu li jiġġustifika l-użu taż-żoni li jikkostitwixxu l-kapaċità ta’ mergħa tal-impriża agrikola tiegħu. Meta l-applikant għall-għajnuna ma huwiex proprjetarju tal-artijiet li tirreferi għalihom l-applikazzjoni, dan għandu jannetti ma’ din l‑applikazzjoni dokumenti ġustifikattivi relatati mal-użu tagħhom. Skont din il‑qorti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għandha tiġi interpretata fis-sens li l-applikant għall-għajnuna għandu jippreżenta titolu validu li jiġġustifika l-użu tal-imsemmija artijiet u li ma huwiex biżżejjed, kuntrarjament għal dak li jsostnu l‑akkużati, li effettivament ikun juża żona tal-mergħa, ikunu xi jkunu l-metodi skont liema hu jippossedi jew juża dawn l-artijiet.
39 Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-akkużati sostnew li, f’ċerti Stati Membri, l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa suġġett biss għall-kundizzjoni tad-disponibbiltà u tal-użu effettiv taż-żoni tal-mergħa inkwistjoni, mingħajr ma jidħol inkunsiderazzjoni t-titolu legali li jiġġustifika l-użu tal-artijiet ikkonċernati.
40 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir‑Regolament Nru 1254/1999 jipprovdix kundizzjonijiet stretti, li l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw minnhom, jew jekk stabbilixxiex qafas ġenerali ta’ riferiment, filwaqt li jħalli lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti r-responsabbiltà tal-implementazzjoni neċessarja u li jirregolaw id-dettalji.
41 Peress li l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1254/1999, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “żona tal-mergħa disponibbli” msemmija fl‑Artikolu 12 tiegħu, għandha importanza kbira f’dak li jikkonċerna s-soluzzjoni tal-kawża quddiemu, it-Tribunale di Treviso ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Liema huma l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-primjums għall-annimali tal‑ifrat ta’ sess maskili u għall-ħlas għall-estensifikazzjoni u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit tal-użu ta’ żoni tal-mergħa, indipendentement mill-eżistenza ta’ titolu legali li jiġġustifikah, huwa suffiċjenti?”
42 Peress li din id-domanda teħtieġ risposta urġenti mill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-fatt li l-proċeduri kriminali mibdija kontra l-akkużati ilhom pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju sa mill-2004 u li, sadanittant, l-awtorità nazzjonali kompetenti ssospenditilhom l-għoti ta’ kwalunkwe għajnuna Komunitarja, l-imsemmija qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissottometti dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 104b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
43 It-tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din it-talba b’deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2008 minħabba l-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tikkonċernax qasam kopert mill-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikoli 23(a) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u 104(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u li, fi kwalunkwe każ, din ma tippreżentax l-urġenza meħtieġa għall-applikazzjoni tal-imsemmija proċedura.
44 Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, sussidjarjament u għall-istess raġunijiet, li tissottometti din it-talba għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura mħaffa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
45 Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Settembru 2008, billi kkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104(a) ma kinux sodisfatti.
Fuq id-domanda preliminari
46 Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id‑dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-applikazzjonijiet għal għajnuna “bhejjem”, u b’mod partikolari r-Regolament Nru 1254/1999, jimponux li applikazzjoni għal premji speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili jew għal ħlas għall-estensifikazzjonijiet tkun akkumpanjata minn titolu legali validu li jiġġustifika d-dritt tal-applikant għall-għajnuna li juża ż-żoni tal-mergħa li jkunu s-suġġett ta’ din l-applikazzjoni.
47 Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali jagħtu lok għal kontestazzjonijiet qawwijin, kif jirriżulta mid-dibattiti waqt is‑seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-kontestazzjonijiet huma b’mod partikolari dwar il-kwistjonijiet jekk il-kuntratti ta’ kommodat ġewx iffalsifikati u ppreżentati mill-akkużati jew minn uħud minnhom sabiex jibbenefikaw mill-premji Komunitarji u jekk il-biċċa l-kbira tal-artijiet msemmija fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu kkwalifikati bħala żoni tal-mergħa disponibbli skont ir-Regolament Nru 1254/1999.
48 Fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 234 KE, ibbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’ biss tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test Komunitarju skont il-fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is‑sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Schwarz, C-321/07, Ġabra p. I-1113, punt 49).
49 Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li wasslu għall-kawża u li tara l-konsegwenzi tagħhom għad-deċiżjoni li hi mitluba tagħti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 32).
50 L-akkużati jikkontestaw ukoll ir-relevanza tad-digrieti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju bħala leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, iċċitati fil-punt 34 ta’ din is‑sentenza, kif ukoll iċ-ċirkulari li tirreferi għalihom l-AVEPA, imsemmija fil-punt 35 tal-imsemmija sentenza, li ma kinux applikabbli fiż-żmien meta ġraw il‑fatti jew li għandhom biss valur amministrattiv, u mhux legali.
51 Madankollu, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti nazzjonali li għandha tispjega l-kuntest fattwali u legali tal-każ fil-kawża prinċipali (ara d-digriet tat-28 ta’ Ġunju 2000, Laguillaumie, C‑116/00, Ġabra p. I-4979, punt 23). Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tidentifika d‑dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali rilevanti għall-finijiet tal-imsemmija kawża, li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li tagħtihom il-qorti nazzjonali hijiex korretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C-378/07 sa C‑380/07, Ġabra, p. I-3071, punt 48).
52 Il-kawża prinċipali hija b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-applikazzjonijiet għal għajnuna “bhejjem”, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija leġiżlazzjoni għall-għoti ta’ primjums speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u l-ħlas għall-estensifikazzjoni previsti fl-Artikolu 4 u 13 tar-Regolament Nru 1254/1999, u l-mod kif l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti inkwistjoni japplikaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja.
53 L-akkużati jsostnu li interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti fis-sens li jistgħu biss jitrabbew annimali fuq iż-żoni tal-mergħa proprjetà tal-produttur jew fuq dawk li l-imsemmi produttur għandu titolu preċiż ta’ użu fuqhom huwa kuntrarju għall-ispirtu ta’ din il-leġiżlazzjoni, li tirreferi għaż-żoni li l-produttur juża jew għandu l-użu tagħhom, indipendentement minn kull kwistjoni dwar it-titolu li jiġġustifika dan l-użu jew drittijiet fuq l-art. Skont l-akkużati, l‑intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jissuġġetta l-ħlas sempliċiment għall-użu, jew għad-disponibbiltà, taż-żoni tal-mergħa jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 3, 12 u 17 tar-Regolament Nru 1254/1999, mill-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 3508/92 u mill-Artikoli 5, 6 u 22 tar-Regolament Nru 2419/2001.
54 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi regoli dwar l-għoti tal-primjums speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u dwar l-għoti ta’ ħlas għall-estensifikazzjoni ma fihom l-ebda riferiment għat-titolu ta’ okkupazzjoni taż-żoni tal-mergħa. Jgħodd biss l-użu effettiv tal-artijiet iddedikati għall-mergħa. Ir‑Regolament Nru 1254/1999 jipprovdi serje ta’ kundizzjonijiet stretti intiżi sabiex jiżguraw li l-bidwi jrabbi, fl-impriża tiegħu, numru ta’ annimali tal-ifrat biżżejjed sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-primjum. L-element essenzjali huwa l‑eżistenza ta’ rjus tal-bhejjem iddikkjarati.
55 Min-naħa l-oħra, l-AVEPA kif ukoll il-gvernijiet Taljan u dak Grieg iqisu li leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-applikant għall-għajnuna li jipproduċi titolu legali validu li jipprova li għandu ż-żona msemmija fl-applikazzjoni għall-primjum speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u għal ħlas għall-estensifikazzjoni ma hijiex kuntrarja għal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam. Huma l-Istati Membri, fil-kuntest tas-sistema integrata, li għandhom jistabbilixxu miżuri ta’ sorveljanza u ta’ metodi ta’ kontroll sabiex jiżguraw b’mod effikaċi r‑rispett tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna Komunitarja u jistabbilixxu dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipprevjenu u jippenalizzaw l-irregolaritajiet u l‑frodi b’mod effettiv.
56 L-AVEPA u l-Gvern Taljan isostnu, b’mod partikolari, li n-neċessità tal-produzzjoni ta’ titolu legali validu tippermetti l-kontroll tal-konkordanza bejn l‑informazzjoni pprovduta fl-applikazzjonijiet għal għajnuna, tgħin sabiex jiġi evitat li tiġi kkunsidrata darbtejn żona tal-mergħa mill-arja inkwistjoni u timpedixxi li l-bdiewa jistgħu japprofittaw illegalment mill-art ta’ ħaddieħor bl-għan manifest li jabbużaw mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-għajnuna.
57 Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari r-Regolament Nru 1254/1999, tistabbilixxix, bħala kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta’ primjums speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u għall-ħlas għall-estensifikazzjoni, obbligu relatat mal-preżentazzjoni ta’ titolu legali validu dwar l-użu taż-żoni tal-mergħa li huma s‑suġġett tal-applikazzjoni għal għajnuna u, fin-negattiv, jekk il-leġiżlazzjoni Komunitarja tipprekludix l-Istati Membri milli jipprovdu tali obbligu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
58 Skont ġurisprudenza kostanti, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il‑kuntest u l-għanijiet intiżi mil-liġi li minnha hija tifforma parti (sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2007, Schouten, C-34/05, Ġabra p. I-1687, punt 25, u tal-24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins, C-45/05, Ġabra, p. I-3997, punt 30).
59 L-ewwel nett, fir-rigward tat-termini tad-dispożizzjonijiet Komunitarji inkwistjoni, l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 1254/1999 jiddefinixxi l-impriża bħala l-unitajiet kollha tal-produzzjoni amministrati mill-produttur u li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.
60 L-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li n-numru totali ta’ annimali li jistgħu jibbenefikaw mill-primjum speċjali previst fl-Artikolu 4(1) tiegħu huwa limitat bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ densità tal-annimali miżmuma fl-impriża li jvarja matul is-snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali bejn 2 u 1.8 LU għal kull tomna u għal kull sena kalendarja ta’ refiriment.
61 Kif jirriżulta mill-Artikolu 12(2)(a) u (b) tal-imsemmi regolament, dan il-fattur ta’ densità jikkorrispondi għal frazzjoni fejn l-indikatur huwa n-numru ta’ annimali li għalihom ikunu ġew sottomessi l-applikazzjonijiet għall-premjums u li d‑denominatur tagħhom huwa ż-żona tal-mergħa tal-impriża disponibbli matul is‑sena kalendarja kollha għat-trobbija tal-annimali tal-ifrat, tan-nagħaġ u/jew tal-mogħoż. Konsegwentement, iktar kemm iż-żona tal-mergħa ddedikata għat-trobbija tal-annimali hija kbira, iktar ikun kbir in-numru ta’ annimali li għalihom jista’ jintalab primjum speċjali.
62 La t-tifsira ta’ impriża li tinsab fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 1254/1999 u lanqas ir-riferiment għal “l-arja ta’ l-impriża disponibbli” li tinsab fl-Artikolu 12(2)(b) ta’ dan ir-regolament ma jippermettu li jiġi dedott li, meta jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna, produttur għandu, skont l‑imsemmi regolament u sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-primjums kkonċernati, jipproduċi att legali validu li jew juri li hu stess huwa l-proprjetarju taż-żona inkunsiderazzjoni, jew li jiġġustifika d-dritt tiegħu li juża l-imsemmija art taħt titolu ieħor.
63 Kif issostni l-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux li s-sempliċi użu effettiv ta’ żona tal-mergħa matul is-sena kalendarja kollha ta’ riferiment jista’ jikkostitwixxi d-disponibbiltà ta’ din iż-żona skont ir-regolament Nru 1254/1999.
64 Mill-aħħar paragrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1254/1999 kif ukoll mill-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 3887/92 jirriżulta li ż-żoni tal-mergħa li huma s-suġġett ta’ applikazzjoni għal għajnuna jistgħu jintużaw b’mod konġunt. Skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 2419/2001, li japplika għall-applikazzjonijiet għal għajnuna mressqa bħala kampanji ta’ marketing jew ta’ perijodi ta’ referenza tal-premji li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2002, meta ż-żoni tal-mergħa jkunu użati b’mod konġunt, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaqsmuhom virtwalment prorata bejn il-produtturi interessati skont l-użu tagħhom jew id-dritt għall-użu ta’ dawn iż-żoni.
65 L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 2419/2001, bit-titolu “Determinazzjoni taż-żoni”, jipprovdi min-naħa tiegħu li d-determinazzjoni taż-żoni tal-qatgħat agrikoli għandha ssir permezz ta’ kwalunkwe mezz adegwat u li, jekk ma titteħidx inkunsiderazzjoni iż-żona totali ta’ qatgħa agrikola minħabba l-fatt li din tal-aħħar ma tkunx intużat kollha kemm hi, iż-żona realment użata għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.
66 Mid-dispożizzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-għoti tal-primjums kkonċernati huwa ddeterminat skont, minn naħa, iż-żoni tal-mergħa effettivament użati u, min-naħa l-oħra, in-numru ta’ annimali miżmuma fuq dawn iż-żoni matul is-sena kalendarja inkwistjoni u mhux fuq il-preżentazzjoni ta’ titolu validu li jiġġustifika l-użu tal-imsemmija żoni.
67 Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-għanijiet intiżi mir-Regolament Nru 1254/1999, mill-premessi 4 u 13 tiegħu jirriżulta li wieħed minnhom huwa li jwaqqaf it-tendenzi ta’ intensifikazzjoni tal-produzzjoni taċ-ċanga u l-vitella, peress li l-produtturi jżommu numru dejjem ikbar ta’ annimali tal-ifrat fl-impriża tagħhom mingħajr ma tiżdied iż-żona u, għaldaqstant, ma sservix sabiex dawn il‑bhejjem jieklu (sentenza Schouten, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
68 Għalhekkk, il-fattur ta’ densità stabbilit fl-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament huwa intiż sabiex jagħti biss primjum għall-annimali li jinsabu fl-impriża li l-art tagħha tikkontribwixxi b’mod suffiċjenti sabiex titmagħhom. Għalhekk, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, il-kalkolu tal-fattur ta’ densità abbażi taż-żona tal-mergħa disponibbli juri l-kapaċità ta’ mergħa effettiva tal-impriża u l-kontroll tal-użu effettiv ta’ din il-kapaċità, u mhux il-kapaċità ta’ mergħa formalment jew legalment disponibbli, imma mhux effettivament użata, ta’ din l-art.
69 Kif isostnu l-akkużati, it-twettiq ta’ dan il-għan tar-Regolament Nru 1254/1999 ma jeħtieġx, bħala kundizzjoni preliminari għall-għoti tal-primjums ikkonċernati, il-produzzjoni ta’ titolu legali validu li jiġġustifika l-użu taż-żoni tal-mergħa li huma s-suġġett tal-applikazzjoni għall-għajnuna, peress li l-prova tal-użu effettiv tal-imsemmija artijiet hija biżżejjed f’dan ir-rigward.
70 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1254/1999 ma jikkundizzjonax l-eliġibbiltà ta’ applikazzjoni għall-għajnuna għall-produzzjoni ta’ titolu legali validu li jiġġustifika d-dritt tal-applikant li juża ż-żoni tal-mergħa li huma s-suġġett ta’ din l-applikazzjoni. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1254/1999, il-kuntest li jinsabu fih kif ukoll l‑għanijiet intiżi b’mod partikolari minn dan ir-regolament jindikaw li huwa l-użu effettiv taż-żona tal-mergħa li jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għoti tal-primjums kkonċernati.
71 Madankollu, anki jekk tali kundizzjoni ma hijiex stabbilita mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, għandu jiġi eżaminat, kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, jekk din tipprekludix l-Istati Membri milli jipprovdu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ titolu legali validu li jiġġustifika d-dritt tal-applikant li juża ż-żoni tal-mergħa li huma s-suġġett tal-applikazzjoni tiegħu.
72 F’dan ir-rigward, għandha tiġi eżaminata n-natura u l-għanijiet tas-sistema integrata stabbilita mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sistemi ta’ għajnuna Komunitarja kif ukoll għandu jiġi ddeterminat liema huwa l-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lill-Istati Membri fir-rigward tal-kontroll tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti għall-għoti tal-għajnuna fil-kuntest tas-sistema integrata.
73 Skont l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 3508/92, kull Stat Membru għandu joħloq sistema integrata, li tinkludi database ikkompjuterizzata, sistema tal-identifikazzjoni għal qatgħat agrikoli, sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tal-annimali, applikazzjonijiet għall-għajnuna u sistema integrata tal-kontroll.
74 Is-sistema integrata għandha l-għan, skont is-seba’ u d-disa’ premessi tar-Regolament Nru 3887/92, li tikkontrolla, b’mod effikaċi, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna Komunitarja u tistabbilixxi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipprevjenu u jippenalizzaw l-irregolaritajiet u l‑frodi b’mod effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et, C-354/95, Ġabra p. I-4559, punt 51; tas-16 ta’ Mejju 2002, Schilling u Nehring, C-63/00, Ġabra p. I-4483, punt 25, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2004, Gerken, C‑295/02, Ġabra, p. I-6369, punt 41).
75 Mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sistema integrata, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità kif ukoll il-finanzjament tal-PAK, jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom il-kompitu li jodottaw miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-implementazzjoni xierqa tas-sistema integrata u li b’mod partikolari għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw ruħhom mir-realtà u r‑regolarità tat-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità b’mod ġenerali, u b’mod partikolari mill-FAEGG, kif ukoll sabiex jipprevjenu u jinvestigaw l‑irregolaritajiet.
76 Minn eżami tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is‑sistemi ta’ għajnuna Komunitarja u dwar is-sistema integrata jirriżulta li l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tal-imsemmija sistemi u fl-għażla tal-miżuri nazzjonali li huma jqisu neċessarji sabiex jipprevjenu u jippenalizzaw b’mod effikaċi l-irregolaritajiet u l-frodi.
77 Għalhekk, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3508/92 jipprovdi li, sabiex ikun eliġibbli taħt waħda jew aktar mill-iskemi Komunitarji rregolati minn dan ir‑Regolament, kull produttur għandu jissottometti, għal kull sena, applikazzjoni għall-għajnuna “żona” li tindika l-qatgħat agrikoli, inklużi ż-żoni tal-mergħa, u jekk ikun il-każ, “kwalunkwe tagħrif ieħor meħtieġ ipprovdut jew mir-Regolamenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iskemi [ta’ għajnuna] Komunitarji, jew mill-Istat Membru interessat”.
78 Bl-istess mod, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3887/92 jipprovdi li talba għal għajnuna “żona” għandha jkollha l-informazzjoni kollha neċessarja, u b’mod partikolari l-elementi li permezz tagħhom tista’ ssir l-identifikazzjoni tal-qatgħat agrikoli tar-razzett, l-art tagħhom, il-lokalità tagħhom kif ukoll l-użu tagħhom.
79 Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l‑kontroll tal-applikazzjonijiet jirriżulta wkoll mir-Regolament Nru 2419/2001. Mill-premessa 48 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura addizzjonali neċessarja sabiex jiżguraw l‑implementazzjoni xierqa tiegħu. Skont l-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-qatgħat agrikoli jiġu identifikati b’mod li ta’ min jistrieħ fuqhom u b’mod partikolari għandhom jeħtieġu applikazzjonijiet għall-għajnuna “żona” li jkunu forniti b’dettalji jew akkumpanjati b’dokumenti speċfikati mill-awtorità kompetenti li tassigura kull qatgħa art agrikola li għandha tkun misjuba u mkejla. Skont l-Artikolu 22(3) tal-istess regolament, l-eliġibbilità tal-qatgħat agrikoli għandha tkun ivverifikata permezz ta’ mezzi adegwati, u għal dan il-għan, prova addizzjonali għandha tkun mitluba fejn neċessarju.
80 Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1259/1999 jipprovdi li ma għandu jsir l-ebda ħlas favur il-benefiċjarji li dwarhom ikun ġie stabbilit illi dawn ikunu ħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiksbu dawn il‑ħlasijiet bl-għan li jiksbu vantaġġ għall-kuntrarju tal-miri ta’ din l-iskema ta’ appoġġ.
81 Barra minn hekk, il-miżuri msemmija fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, li l-Istati Membri għandhom jieħdu sabiex jiżguraw ir-realtà u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-Komunitajiet, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2988/95 u mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1258/1999, għandhom jittieħdu skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali.
82 Mil-liġijiet kollha msemmija iktar ’il fuq tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is‑sistemi ta’ għajnuna u r-regoli dwar l-implementazzjoni tas-sistema integrata jirriżulta li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna d-dokumenti ġustifikattivi u l-provi li għandhom jitolbu mingħand l-applikant għall-għajnuna fir-rigward ta’ żoni tal-mergħa li huma s-suġġett tal-applikazzjoni tiegħu. Fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu xi preċiżazzjonijiet f’dak li jikkonċerna l-provi prodotti insostenn ta’ applikazzjoni għall-għajnuna billi jirreferu, b’mod partikolari, għall-prattiki abitwali fuq it-territorju tagħhom fil-qasam tal-agrikoltura dwar l-użu u d-drittijiet fuq iż-żoni tal-mergħa kif ukoll għat-titoli li għandhom jipproduċu fir-rigward ta’ dan l-użu.
83 Madankollu għandu jitfakkar li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa suġġett għal ċerti limiti.
84 Għalhekk, kif jirriżulta mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 1254/1999, l-Istati Membri huma obbligati li jużaw il-poteri ta’ diskrezzjoni tagħhom esklussivament abbażi ta’ kriterji oġġettivi, sabiex jieħdu ħsieb bis-sħiħ tal-kunċett ta’ trattament ugwali u jevitaw xkiel fis-suq u għall-kompetizzjoni. Għalkemm l-eżiġenza li jiġi prodott titolu ġuridiku validu jikkostitwixxi, bħala regola, tali kriterju oġġettiv, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din tapplikax għall-applikanti għall-għajnuna kollha inkwistjoni li jinsabu f’sitwazzjonijiet analogi.
85 Bl-istess mod, mill-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li l‑miżuri ta’ kontroll adottati mill-Istati Membri sabiex jiżguraw ir-regolarità u r‑realtà tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-interessi finanzjarji tal-Komunità bħat-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-FEAGG, għandhom jiġu adattati għan-natura speċifika ta’ kull settur u fi proporzjon għall-għanijiet segwiti.
86 Konsegwentement, l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom dwar il-provi li għandhom jittressqu insostenn tal-applikazzjoni għall- għajnuna, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li applikant ikun obbligat jippreżenta titolu legali validu li jiġġustifika d-dritt tiegħu li juża ż-żoni tal-mergħa li huma s-suġġett tal-applikazzjoni tiegħu, għandu jirrispetta l-għanijiet intiżi mill-leġiżlazzjoni Komunitarja kkonċernata u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
87 Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-aħħar prinċipju, li jeħtieġ li l-mezzi implementati minn dispożizzjoni jkunu jistgħu jilħqu l-għan intiż u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħquh, għandu jiġi rrispettat kemm mil-leġiżlatur Komunitarju kif ukoll mil-leġiżlaturi u l-qrati nazzjonali li japplikaw id‑dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel u ZVK, C‑37/06 u C‑58/06, Ġabra p. I-69, punt 33). Konsegwentement, dan il-prinċipju għandu jiġi rrispettat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1254/1999 u dawk dwar is-sistema integrata.
88 Kif jirriżulta mill-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is‑sistema integrata, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità kif ukoll il-finanzjament tal-PAK, teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali intiżi sabiex jiżguraw l-implementazzjoni xierqa tas-sistema integrata kif ukoll ir-realtà u r‑regolarità tas-sistemi ta’ għajnuna finanzjarja mill-Komunità. Leġiżlazzjoni bħal dik applikabbli f’dan il-każ fil-kawża prinċipali, li, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, hija intiża b’mod partikolari sabiex tevita li l-produtturi japprofittaw b’mod abbużiv mill-artijiet ta’ ħaddieħor sabiex jiksru l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-imsemmija sistemi, tfittex li tosserva dawn il-għanijiet. L‑eżiġenża li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni ta’ titolu legali validu tidher li tirrispetta l-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
89 Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan il-prinċipju huwiex irrispettat fiċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali.
90 Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-leġiżlazzjoni Komunitarja, u b’mod partikolari r-Regolament Nru 1254/1999, ma tikkondizzjonax l-eliġibbiltà ta’ applikazzjoni għal primjums speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u għal ħlas għall-estensifikazzjoni għall-preżentazzjoni ta’ titolu legali validu li jiġġustifika d-dritt tal-applikant għall-għajnuna li juża ż-żoni tal-mergħa li huma s-suġġett ta’ din l-applikazzjoni. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tipprekludix l-Istati Membri milli jimponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom obbligu li jiġi ppreżentat tali titolu bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni Komunitarja u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Fuq l-ispejjeż
91 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja, u b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella, ma tikkondizzjonax l-eliġibbiltà ta’ applikazzjoni għal primjums speċjali għall-annimali tal-ifrat ta’ sess maskili u għal ħlas għall-estensifikazzjoni għall-preżentazzjoni ta’ titolu legali validu li jiġġustifika d‑dritt tal-applikant għall-għajnuna li juża ż-żoni tal-mergħa li huma s‑suġġett ta’ din l-applikazzjoni. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tipprekludix l-Istati Membri milli jimponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom obbligu li jiġi ppreżentat tali titolu bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni Komunitarja u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.