Kawża C-347/08

Vorarlberger Gebietskrankenkasse

vs

WGV-Schwäbische Allgemeine Versicherungs AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Feldkirch)

“Artikoli 9(1)(b) u 11(2) — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni — Inċident tat-traffiku — Trasferiment ipso jure tad-drittijiet tal-vittma favur korp tas-sigurtà soċjali — Rikors għal kumpens kontra l-assiguratur tal-persuna allegatament responsabbli — Għan ta’ protezzjoni tal-parti l-inqas b’saħħitha”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Settembru 2009   I ‐ 8663

Sommarju tas-sentenza

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikoli 9(1)(b) u 11(2))

Ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għall-Artikolu 9(1)(b) tal-istess regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li korp tas-sigurtà soċjali, li lilu ġew ittrasferiti ipso jure d-drittijiet tal-persuna li ġiet leża direttament f’inċident tat-traffiku, ma jistax jippreżenta rikors quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit kontra l-assiguratur tal-persuna li allegatament hija responsabbli għall-imsemmi inċident u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor. F’dan ir-rigward, is-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 tistabbilixxi sistema awtonoma ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni li l-għan tagħha huwa li l-parti l-inqas b’saħħitha tiġi mħarsa permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħha mir-regoli ġenerali. Madankollu, korp tas-sigurtà soċjali ma jistax jitqies bħala l-parti ekonomikament inqas b’saħħitha u ġuridikament b’inqas esperjenza minn assiguratur għal responsabbilta ċivili, b’mod li l-ebda protezzjoni speċjali mhija ġġustifikata fil-każ fejn ir-relazzjonijiet huma bejn professjonisti fis-settur tal-assigurazzjoni.

(ara l-punti 40-43, 47 u d-dispożittiv)