SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

“Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikolu 39 KE — Rifjut tal-aċċess għal stage legali preparatorju għall-professjonijiet legali regolati — Kandidat li jkun kiseb id-diploma tiegħu fil-liġi fi Stat Membru ieħor — Kriterji ta’ eżami tal-ekwivalenza tal-konoxxenza miksuba”

Fil-Kawża C-345/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Schwerin (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

Krzysztof Peśla

vs

Justizministerium Mecklenburg-Vorpommern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caomih (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. Peśla, minn B. Kemper, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Grieg, minn E. Skandalou u S. Vodina, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn M. Collins SC u minn D. Dodd, B.L, kif ukoll minn K. Keane KL.

għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas u K. Veres kif ukoll minn M. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u M. Adam kif ukoll minn M. Vollkommer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39 KE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn K. Peśla, ċittadin Pollakk u l-Justizministerium Mecklenburg-Vorpommern (Ministeru tal-Ġustizzja tal-Land ta’ Mecklembourg fil-Pomeranja tal-Punent) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jaċċettah, mingħajr ma jgħaddi minn eżami ta’ kapaċità fis-suġġetti ġuridiċi li huma obbligatorji għall-eżamijiet imsejħa tal-“erstes juristiches Staatsexamen” (l-ewwel eżami tal-Istat fil-liġi, iktar ’il quddiem l-“ewwel eżami tal-Istat”) fl-istadju ta’ preparazzjoni għall-professjonijiet legali bħala stagiaire fil-liġi (“Rechtsreferendar”).

Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

Il-liġi Ġermaniża

3

Mid-deċiżjoni tar-rinvjiu jirriżulta li l-eżerċizzju tal-professjonijiet legali kollha regolati fil-Ġermanja jeħtieġ, bħala prinċipju, il-kisba tal-“Befähigung zum Richteramt” (awtorizzazzjoni sabiex jiġu eżerċitati l-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura nazzjonali). Skont l-Artikolu 5(1) tal-liġi Ġermaniża dwar l-Istatut tal-membri tal-ġudikatura nazzjonali (Deutsches Richtergesetz, iktar ’il quddiem id-“DRiG “), din l-awtorizzazzjoni tingħata lill-persuni li jkunu għaddew mill-ewwel eżami tal-Istat wara tmiem tal-istudji fil-liġi f’università kif ukoll it-tieni eżami ġuridiku tal-Istat wara stage preparatorju (“Rechtsreferendariat”, iktar ’il quddiem l-“istage preparatorju”).

4

Skont l-Artikolu 5a(2) tad-DriG, l-għan tal-istudji universitarji — li għandhom isiru matul tal-inqas sentejn fil-Ġermanja — jikkonsisti fis-suġġetti obbligatorji u s-suġġetti speċjalizzati b’possibbiltajiet ta’ għażla. Is-suġġetti obbligatorji jirrigwardaw l-aspetti fundamentali tal-liġi ċivili, tal-liġi kriminali, tal-liġi pubblika u tal-liġi proċedurali, inklużi s-suġġetti li jmissu d-dritt Ewropew, il-metodoloġija legali u l-aspetti fundamentali tal-filosofija, tal-istorja u tas-soċjoloġija. Is-suġġetti speċjalizzati huma intiżi sabiex jikkompletaw l-istudji, sabiex japprofondixxu s-suġġetti obbigatorji li magħhom huma marbuta kif ukoll sabiex jittrażmettu approċċ interdixxiplinarju u internazzjonali tad-dritt.

5

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5d(2) tad-DriG, is-suġġetti li jagħmlu parti mill-ewwel eżami tal-Istat għandhom ikunu ta’ livell tali li l-istudju tagħhom ikun jista’ jintemm f’erba’ snin u nofs. Skont l-Artikolu 5(1) tal-istess liġi, dan l-ewwel eżami jikkonsisti f’eżami universitarju li jitratta suġġetti speċjalizzati differenti u eżami tal-Istat fis-suġġetti obbligatorji. Skont it-tielet sentenza tal-paragrafu 2, dan l-aħħar eżami huwa organizzat taħt forma ta’ eżamijiet bil-miktub u orali.

6

Skont l-Artikolu 5(2) tad-DriG, għandu jkun hemm konkordanza bejn il-kontenut tal-istudji u dak l-istage preparatorju. Skont l-Artikolu 5b ta’ din l-istess liġi, il-istage preparatorju huwa ta’ sentejn u jinkludi inklużjoni fil-kategoriji ta’ stages obbligatorji kif ukoll diversi kategoriji ta’ stages fakultattivi. Skont dan l-istess artikolu, il-partijiet obbligatorji ta’ dan it-stage jitwettqu f’qorti ċivili ordinarja, fil-Ministeru Pubbliku jew f’qorti kriminali, f’amministrazzjoni jew għand avukat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(3) tad-DriG, il-parti bil-miktub tat-tieni eżami legali tal-Istat għandha sseħħ bejn it-tmintax u l-wieħed u għoxrin xahar tat-stage preparatorju.

7

L-Artikolu 5b(4) tad-DriG jipprovdi li kull waħda mill-partijiet obbligatorji tal-istage preparatorju ddum tliet xhur, bl-eċċezzjoni tal-parti tal-istage li sseħħ għand avukat li ddumm disa’ xhur.

8

Fil-kuntest ta’ dan it-taħriġ u skont l-Artikolu 10 tal-liġi dwar il-qrati (Gerichtsverfassungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“GVG”), l-istagiaires fil-liġi jistgħu jeżaminaw, taħt is-sorveljanza ta’ mħallef, it-talbiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, jisimgħu partijiet f’proċedura, bl-eċċezzjoni tal-kawżi kriminali, jistabbilixxu provi u jżommu seduti. L-Artikolu 142(3) tal-GVG jipprovdi li l-istagiaires fil-liġi jistgħu jingħataw dmirijiet ta’ impjegat tal-Ministeru Pubbliku, taħt is-sorveljanza ta’ dan l-uffiċjal.

9

Huwa l-Lander li għandu jippreċiża d-dettalji ta’ din il-leġiżlazzjoni. Skont l-Artikolu 21(3) tal-Liġi tal-Land ta’ Mecklembourg tal-Pomeranja tal-Punent dwar it-taħriġ tal-ġuristi (Gesetz über die Juristenausbildung im Land Mecklenburg-Vorpommern, iktar ’il quddiem il-“JAG-M-V”), il-perijodu ta’ preparazzjoni mwettaq minn stagiaire fil-liġi jseħħ fil-kuntest ta’ taħriġ li jaqa’ taħt il-liġi pubblika. L-istagiaires fil-liġi jirċievu kull xahar għajnuna finanzjajra għall-għajxien skont l-Artikolu 21a(2) tal-JAG-M-V. Matul dan l-istage preparatorju, dawn huma suġġetti għal kontroll ġerarkiku u għandhom jobdu istruzzjonijiet ta’ min ikun qed jagħtihom it-taħriġ, skont l-Artikolu 36(1) u (2) tar-Regolament ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar it-taħriġ tal-ġuristi (Verordnung zur Ausführung des Juristenausbildungsgesetzes, iktar ’il quddiem il-“JAPO M-V”). Skont l-Artikolu 23 tal-JAG-M-V, il-perijodu ta’ taħriġ preparatorju jintemm fil-ġurnata li jingħata riżultat li l-kandidat ikun għadda mill-eżami jew inkellha jekk ma jgħaddix mill-ewwel eżami ta’ repetizzjoni.

10

Skont l-Artikolu 6(1) tad-DriG, l-ammissjoni għall-istage preparatorju hija suġġetta għall-fatt li l-kandidat jgħaddi mill-ewwel eżami tal-Istat. Skont l-Artikolu 112a tal-istess liġi, jekk ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jkun kiseb, f’dan l-Istat Membru, diploma universitarja fil-liġi li permezz tagħha jkun jista’ jaċċedi għal, f’dan l-Istat Membru, taħriġ postuniversitarju ta’ avukat, huwa jista’ jitlob, fil-Ġermanja, dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza ta’ din id-diploma universitarja mal-ewwel eżami tal-Istat. F’każ li tikseb din id-dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza, il-persuna kkonċernata hija ammessa għall-istage preparatorju.

11

Mill-proċess jirriżulta li l-Artikolu 112a tad-DriG, intitolat “Evalwazzjoni tal-ekwivalenza għall-ammissjoni għall-perijodu ta’ stage preparatorju għall-professjonijiet legali” ġie adottat wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2003, Morgenbesser (C-313/01, Ġabra p. I-13467). Dan l-Artikolu jipprovdi:

“(1)

Iċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, ta’ Stat ieħor li huwa membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Isvizzera, li għandhom diploma universitarja fil-liġi miksuba f’wieħed minn dawn l-Istati u li tagħti aċċess, f’dan l-Istat, għal taħriġ postuniversitarju għall-professjoni ta’ avukat Ewropew skont l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar l-attività tal-avukati Ewropej fil-Ġermanja, huma ammessi, fuq talba, għal stage preparatorju, jekk il-konoxxenza u l-kapaċitajiet tagħhom jikkorrispondu għal dawk iċċertifikati meta jgħaddu mill-eżami tal-Istat fis-suġġetti obbligatorji skont l-Artikolu 5(1).

(2)

L-eżami tal-konoxxenza u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-paragrafu 1 jieħu inkunsiderazzjoni d-diploma universitarja u l-attestazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari id-diplomi, ir-riżultati tal-eżamijiet jew kull dokument ieħor li jagħti prova tal-kapaċitajiet jew ta’ esperjenza professjonali rilevanti. Jekk l-eżami inkwistjoni ma jurix ekwivalenza, jew juri biss ekwivalenza parzjali, eżami ta’ kapaċità jista’ jsir fuq talba.

(3)

L-eżami ta’ kapaċità huwa eżami tal-Istat li għandu jsir fil-lingwa Ġermaniża, li jinkludi l-konoxxenza neċessarja fil-liġi Ġermaniża u li għandu bħala għan li jevalwa l-kapaċità tal-kandidat li jwetttaq b’suċċess l-istage preparatorju legali. Is-suġġetti eżaminati huma l-liġi ċivili, il-liġi kriminali u l-liġi pubblika, flimkien mal-liġijiet proċedurali rispettivi. Il-provi bil-miktub tal-eżami tal-Istat fl-oqsma obbligatorji għandhom isiru fl-oqsma ġuridiċi elenkati fit-tieni fażi, fejn l-għarfien fil-fond suffiċjenti ma jkunx diġà ġie eżaminat fil-kuntest tal-eżami msemmi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 2.

(4)

Il-kandidat jirnexxi mill-eżami ta’ kapaċità meta

1.

jgħaddi min-numru ta’ provi neċessarji sabiex jikseb l-eżami tal-Istat fis-suġġetti obbligatorji skont il-Liġi tal-Land li fih isir l-eżami, fejn dan in-numru għandu madankollu jikkorrispondi tal-inqas għal nofs il-provi previsti f’dan l-eżami tal-Istat, u

2.

jgħaddi minn provi f’tal-inqas tnejn mis-suġġetti ġuridiċi elenkati fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 3, fosthom tal-inqas prova fil-qasam tal-liġi ċivili.

Jekk għarfien fil-fond suffiċjenti ta’ wieħed mill-oqsma ġuridiċi elenkati fit-tieni sentenza tal-paragrafu 3 jkun diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 2, jiġi kkunsidrat li l-kandidat għadda mill-provi f’dan il-qasam.

(5)

Prova ta’ kapaċità tista’ terġa’ ssir darb’oħra jekk il-kandidat ma jgħaddix mill-ewwel darba.

(6)

Id-dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza skont il-paragrafu 1 hija ekwivalenti li kandidat jgħaddi mill-ewwel eżami tal-Istat skont l-Artikolu 5(1).

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

K. Peśla spiċċa, matul ix-xahar ta’ Diċembru 2003, l-istudji universitarji tiegħu fil-fakultà tal-liġi tal-Università ta’ Poznań (il-Polonja) fejn kiseb id-diploma ta’ masters (“magister”). Fix-xahar ta’ Jannar 2005, il-fakultà tal-liġi tal-Università ta’ Frankfurt (Oder) (il-Ġermanja) li fiha huwa kien segwa sa mill-1998 studji fl-istess ħin bħal dawk li huwa għamel fil-Polonja, tagħtu, fi tmiem ta’ kors ta’ taħriġ ġuridiku Ġermaniż-Pollakk, it-titolu akkademiku ta’ “Master of German and Polish Law” u fix-xahar ta’ Frar 2005, it-titolu akkademiku ta’ “Bachelor of German and Polish Law”.

13

Fix-xahar ta’ Novembru 2005, K. Peśla ppreżenta talba għal ammissjoni għall-istage preparatorju għall-professjonijiet legali tal-Land ta’ Mecklembourg fil-Pomeranja tal-Punent. Insostenn tat-talba tiegħu, filwaqt li ppreżenta dokumenti ġustifikattivi oħra, bħala dawk tal-unitajiet ta’ valur relatati ma’ programmi ta’ studji differenti kif ukoll dokumenti li juru l-esperjenzi professjonali tiegħu kif ukoll il-korsijiet ta’ taħriġ segwiti, huwa rrefera għas-sentenza Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq.

14

B’deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2007, il-Justizministerium Mecklenburg-Vorpommern ċaħad it-talba intiża sabiex tinkiseb dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza skont l-Artikolu 112a tad-DriG. Skont dan, il-kriterju li jippermetti li tiġi evalwata l-ekwivalenza huwa l-kisba tal-konoxxenza neċessarja sabiex wieħed jgħaddi mill-ewwel eżami tal-Istat fis-suġġetti obbligatorji skont l-Artikolu 5(1) tal-istess liġi. Il-konoxxenza f’liġi barranija ma tistax tiġi rrikonoxxuta bħala ekwivalenti, fid-dawl tad-differenzi eżistenti meta pparagunata mal-liġi Ġermaniża. Barra minn hekk, skont din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, il-konoxxenza tal-liġi Ġermaniża meħtieġa għall-unitajiet ta’ valur miksuba minn K. Peśla fil-kors tal-Master of German and Polish Law hija ta’ livell ferm inferjuri minn dak tal-provi bil-miktub tal-ewwel eżami tal-Istat fis-suġġetti obbligatorji.

15

F’din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, huwa madankollu ppreċiżat li K. Peśla jista’ jekk huwa jagħmel it-talba, jieħu sehem f’eżami ta’ kapaċità skont l-Artikolu 112a(3) tad-DRiG.

16

Fis-27 ta’ April 2007, K. Peśla ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2007 quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huwa prinċipalment isostni li l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza mwettqa mill-Justizministerium Mecklenburg-Vorpommern tmur kontra l-kriterji żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk il-konoxxenza u l-kapaċità fil-liġi Ġermaniżi hekk kif meħtieġa għall-ewwel eżami tal-Istat kellhom jikkostitwixxu l-kriterju ta’ evalwazzjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, diploma barranija ma tista’ fl-ebda każ tissodisfa tali kriterju, peress li l-liġi Ġermaniża ġeneralment ma tiġi mgħallma fl-Istati Membri l-oħra.

17

Sussidjarjament, K. Peśla jsostni li din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-konoxxenza li huwa kien kiseb fil-Ġermanja fil-kuntest tal-istudji tiegħu, tal-istage tiegħu, tal-attività tiegħu fis-servizz taż-żewġ katedri universitarji u ta’ xogħlijiet li mexxa.

18

Il-Justizministerium Mecklenburg-Vorpommern isostni li d-deċiżjoni ta’ ċaħda kkontestata hija ġġustifikata. Fil-fehma tiegħu, l-ekwivalenza tal-konoxxenza miksuba ma tistax tiġi aċċettata.

19

Peress li, f’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni tar-rikors li ġie ppreżentat quddiemha tiddependi mill-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 39 KE jissuġġetta dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza skont l-Artikolu 112a(1), (2) u (6) tad-DriG, il-Verwaltungsgericht Schwerin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja.

“1)

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 39 KE li dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza skont l-Artikolu 112a(1) u (2) tad-[DriG] tingħata biss jekk jirriżulta mid-dokumenti ppreżentati li ċ-ċittadin Komunitarju għandu l-istess konoxxenza u kapaċità bħal dawk eżaminati permezz tal-eżami (ġuridiku Ġermaniż) fis-suġġetti obbligatorji fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-[DRiG]?

2)

F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

 

L-Artikolu 39 jipprovdi li l-uniku kriterju ta’ evalwazzjoni tal-ekwivalenza konformi mad-dritt Komunitarju huwa l-kwistjoni jekk id-diploma universitarja taċ-ċittadin Komunitarju, miksuba fl-Unjoni Ewropea u li jkollha magħha attestazzjonijiet oħra ta’ taħriġ jew ta’ esperjenza professjonali, hijiex paragunabbli, mill-aspett tal-livell ta’ taħriġ (intellettwali) u tal-isforzi applikati għal dan il-għan għall-[ewwel eżami tal-Istat]?

3)

F’każ ta’ risposta negattiva wkoll għat-tieni domanda:

 

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 39 KE li d-dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza fis-sens tal-Artikolu 112a(1) u (2) tad-[DRiG] hija bbażata, ċertament, mill-aspett tal-kontenut, fuq is-suġġetti obbligatorji tal-ewwel eżami tal-Istat (ġuridiku Ġermaniż), iżda li, fir-rigward tat-taħriġ ġuridiku diġà miksub b’suċċess barra minn hekk, fit-territorju tal-Komunità, hija tirrikjedi biss rekwiżiti ftit iktar ‘imnaqqsa’?”

Fuq id-domandi preliminari

20

L-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, dwar liema hija l-konoxxenza li għandhha tiġi kkunsidrata bħala element ta’ referenza sabiex jiġi evalwat jekk l-awtur ta’ talba għal ammissjoni diretta, mingħajr ma jgħaddi minn eżamijiet bil-miktub għal dan il-għan, għal stage preparatorju għall-professjonijiet legali, għandux livell ta’ konoxxenza ekwivalenti għal dak normalment meħtieġ sabiex isegwi tali stage fl-Istat Membru kkonċernat. L-ewwel domanda tikkonċerna għalhekk il-kwistjoni jekk din il-konoxxenza għandhiex tirrigwarda l-liġi tal-Istat Membru ospitanti, filwaqt li t-tieni domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk, min-naħa l-oħra, il-konoxxenza tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor tistax tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti, mill-aspett kemm tal-livell ta’ taħriġ kif ukoll tal-ħin u tal-isforzi applikati għal dan il-għan, għall-konoxxenza meħtieġa sabiex ikun jista’ jsegwi stage preparatorju għall-professjonijiet legali fl-Istat Membru ospitanti.

21

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex possibbli li d-dritt Komunitarju jeħtieġ li l-livell tal-konoxxenza tal-liġi tal-Istat Membru ospitanti meħtieġ għall-finjiet tal-ammissjoni għal stage legali preparatorju li b’mod obbligatorju jippreċedi t-tieni eżami ġuridiku tal-Istat u l-ammissjoni għall-professjonijiet legali, sa ċertu punt, jitnaqqas sabiex jiġi promoss il-moviment liberu tal-persuni.

Fuq l-ewwel żewġ domandi

22

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi, għandu l-ewwel nett jitfakkar li persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ K. Peśla ma tistax tibbaża ruħha, fil-kawża prinċipali, fuq id-dritt Komunitarju sekondarju għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi tagħha u tal-esperjenza professjonali tagħha sabiex issegwi l-parti prattika tat-taħriġ neċessarju għall-aċċess għall-professjonijiet legali fil-Ġermanja.

23

Fil-fatt, id-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83), tikkonċerna biss l-avukat li huwa għal kollox ikkwalifikat bħala tali fl-Istat Membri ta’ oriġini tiegħu (ara s-sentenza Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). Minbarra dan, mill-proċess jirriżulta li l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ stagiaire fil-liġi huwa kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-parti prattika tat-taħriġ neċessarju għall-aċċess għall-professjonijiet legali Ġermaniżi. Isegwi li din l-attività ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “professjoni regolata” skont id-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 138), separata mill-professjonijiet legali Ġermaniżi hekk imsejħa, bħal dik ta’ avukat (ara, b’analoġija, is-sentenza Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 sa 55).

24

Issa, hekk kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, K. Peśla ma kienx kiseb il-kwalifika professjonali mitluba sabiex jaċċedi għall-professjoni ta’ avukat fil-Polonja.

25

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kemm l-Artikolu 39 KE, li huwa espliċitament imsemmi fid-domandi magħmula, kif ukoll l-Artikolu 43 KE huma ta’ natura li japplikaw f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

26

L-ewwel nett, mill-proċess jirriżulta, b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, li l-istagiaires fil-liġi, minn naħa, huma mitluba li jużaw, fil-prattika, fil-kuntest tal-istage tagħhom, il-konoxxenza miksuba matul l-istudji tagħhom u għalhekk jikkontribwixxu, taħt it-tmexxija tal-persuna li tmexxi l-istage tagħhom, għal attivitajiet imwettqa minn din tal-aħħar u li, min-naħa l-oħra, huma jirċievu, matul it-taħriġ tagħhom, remunerazzjoni kull xahar fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja għall-għajxien. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li l-istagiairies fil-liġi jeżerċitaw attività bi ħlas reali u effettiva, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 39 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann, C-109/04, Ġabra p. I-2421, punti 12 sa 18).

27

It-tieni nett, l-istage preparatorju previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża jikkostitwixxi taħriġ u prerekwiżit li huma meħtieġa sabiex wieħed jaċċedi, b’mod partikolari, għall-professjoni ta’ avukat fil-Ġermanja, professjoni regolata li għaliha japplika l-Artikolu 43 KE (ara, b’analoġija, is-sentenza Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

28

Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ artikoli ma tistax tiġi eskluża fil-kawża prinċipali abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti, rispettivament, fl-Artikoli 39(4) KE għal “impjieg fl-amministrazzjoni pubblika” u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE, għall-“[a]ttivitajiet li f’[Stat Membru], jaqgħu, anke inċidentalment, fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika”.

29

Fil-fatt, minn naħa, sa fejn l-istagiaire fil-liġi jwettaq parti mill-istage tiegħu barra mis-settur pubbliku, huwa biżżejjed li jitfakkar illi l-kunċett ta’ “impjieg fl-amministrazzjoni pubblika” ma jinkludix l-impjieg fis-servizz ta’ persuna oħra jew ma’ persuna ġuridika tad-dritt privat, huma x’inhuma d-dmirijiet mistennija mill-impjegat (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-114/97, Ġabra p. I-6717, punt 33, u Kranemann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

30

Għalkemm fil-kawża li tat lok għas-sentenza Kranemann, iċċitata iktar ’il fuq, il-kwistjoni kienet tirrigwarda parti minn dan l-istage preparatorju li kellha sseħħ barra mis-settur pubbliku, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn stagiaire fil-liġi jwettaq parti mit-taħriġ tiegħu ma’ qorti ċivili ordinarja, ma’ amministrazzjoni jew mal-Ministeru pubbliku jew ma’ qorti kriminali, dan l-istagiaire, bħal ma l-Gvern Ġermaniż sostna waqt is-seduta, jaġixxi skont l-istruzzjonijiet u taħt is-sorveljanza ta’ persuna li tmexxi l-istage, kif jirriżulta barra minn hekk mid-dispożizzjonijiet tal-GVG u tal-JAPO M-V iċċitati iktar ’il fuq fil-punti 8 u 9 ta’ din is-sentenza.

31

Konsegwentement, l-attività ta’ stagiaire fil-liġi ma tistax taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 39(4) KE, peress li din l-eċċezzjoni ma tapplikax għal impjiegi li, filwaqt li jaqgħu taħt l-Istat jew taħt entitajiet oħra rregolati bid-dritt pubbliku, madankollu ma jimplikaw ebda konnessjoni mad-dmirijiet li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni pubblika hekk imsejħa (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1980, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 149/79, Ġabra p. 3881, punt 11, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Anker et, C-47/02, Ġabra p. I-10447, punt 59).

32

Min-naħa l-oħra, id-deroga msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandha tiġi limitata għall-attivitajiet li, meħudha waħedhom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1979, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punt 45; tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C-42/92, Ġabra p. I-4047, punt 8, u tal-31 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-283/99, Ġabra p. I-4363, punt 20).

33

Għalhekk, minħabba raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-attivitajiet ta’ stagiaire fil-liġi, anki jekk iseħħu fis-settur pubbliku, ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE (ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Thijssen, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 23).

34

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal professjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddefinixxu l-konoxxenza u l-kwalifiki neċessarji għall-eżerċizzju ta’ din il-professjoni u li jeħtieġu l-produzzjoni ta’ diploma li tikkonferma l-pussess ta’ din il-konoxxenza u dawn il-kwalifiki (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 10; tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou, C-340/89, Ġabra p. I-2357, punt 9, kif ukoll tas-7 ta’ Mejju 1992, Aguirre Borrell et, C-104/91, Ġabra p. I-3003, punt 7).

35

Madankollu għandu jitfakkar li d-dritt Komunitarju jqajjem limiti għall-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza mill-Istati Membri peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’dan ir-rigward ma jistgħux jikkostitwixxu ostakolu inġustifikat għall-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 39 KE u 43 KE (ara s-sentenzi Heylens et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11, kif ukoll tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I-1663, punti 28 u 32).

36

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li regoli nazzjonali li jistabbilixxu kundizzjonijiet nazzjonali ta’ kwalifiki, ukoll applikati mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward taċ-ċittadinanza, jistgħu jkollhom bħala effett li jostakolaw l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fundamentali jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni ma jirreferux għal konoxxenza u kwalifiki diġà miksuba mill-persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15; Kraus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tat-22 ta’ Marzu 1994, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-375/92, Ġabra p. I-923, punt 18, kif ukoll Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 62).

37

Isegwi li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru għandhom l-obbligu, meta huma jeżaminaw it-talba ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor intiża sabiex jikseb l-aċċess għal perijodu ta’ taħriġ prattiku fid-dawl tal-eżerċizzju ulterjuri ta’ professjoni regolata, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kwalifika professjonali tal-persuna kkonċernata billi jagħmlu paragun bejn, minn naħa, il-kwalifika ddikjarata mid-diplomi, ċertifikati u titoli oħra tiegħu kif ukoll mill-esperjenza professjonali rilevanti tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kwalifika professjonali mitluba mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq Vlassopoulou, punt 16, kif ukoll Morgenbesser, punti 57 u 58).

38

Din il-ġurisprudenza hija l-espressjoni ta’ prinċipju inerenti għal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2000, Hocsman, C-238/98, Ġabra p. I-6623, punt 24, u tat-22 ta’ Jannar 2002, Dreesen, C-31/00, Ġabra p. I-663, punt 25). Għalhekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 61 tas-sentenza Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq, l-analiżi ma tvarjax skont hekk humiex il-moviment liberu tal-ħaddiema jew il-libertà ta’ stabbiliment li huma invokati sabiex jopponu rifjut, bħal dak inkwisjtoni fil-kawża prinċipali, li kandidat ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jiġi aċċettat fl-istage preparatorju mingħajr ma jgħaddi minn eżami ta’ kompetenza fis-suġġetti ġuridiċi li huma obbligatorji għall-ewwel eżami tal-Istat.

39

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ripetut iddeċidiet, il-proċedura ta’ eżami komparattiv evokata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza għandha tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jiżguraw ruħhom oġġettivament li d-diploma barranija tiddikjara, fir-rigward tal-persuna li għandha dan it-titolu, konoxxenza u kwalifiki li huma jekk mhux identiċi, tal-inqas ekwivalenti għal dawk iddikjarati permezz tad-diploma nazzjonali. Din l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza tat-titolu barrani għandha ssir esklużivament billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-konoxxenza u tal-kwalifiki li dan it-titolu jippermetti, fid-dawl tan-natura u tat-tul ta’ żmien tal-istudji u tat-taħriġ prattiku relatati magħhom, li jkun hemm preżunzjoni li l-persuna kkonċernata għandha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Heylens et, punt 13; Vlassopoulou, punt 17; Aguirre Borrell et, punt 12; tat-22 ta’ Marzu 1994, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 13, kif ukoll Morgenbesser, punt 68).

40

Jekk dan l-eżami komparattiv tad-diplomi jwassal għall-konstatazzjoni li l-konoxxenza u l-kwalifiki ddikjarati mid-diploma barranija jikkorrispondu għal dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-Istat Membru għandu l-obbligu li jaċċetta li din id-diploma tissodisfa l-kundizzjonijiet magħmula minnhom. Jekk, min-naħa l-oħra, il-paragun juri biss korrispondenza parzjali bejn din il-konoxxenza u l-kwalifiki, l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt li jeħtieġ li l-persuna kkonċernata turi li hija kisbet il-konoxxenza u l-kwalifiki neqsin (ara s-sentenzi Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; Aguirre Borrell et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; tat-8 ta’ Lulju 1999, Fernández de Bobadilla, C-234/97, Ġabra p. I-4773, punt 32; Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70, kif ukoll tas-7 ta’ Ottubru 2004, Markopoulos et, C-255/01, Ġabra p. I-9077, punti 64 u 65).

41

F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jevalwaw jekk il-konoxxenza miksuba fi Stat Membru ospitanti, fil-kuntest kemm ta’ ċiklu ta’ studji, kemm ta’ esperjenza prattika, tistax ikun tali sabiex jiġi stabbilit il-pussess tal-konoxxenza li hija nieqsa (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Vlassopoulou, punt 20; Fernández de Bobadilla, punt 33, u Morgenbesser, punt 71).

42

Filwaqt li jibbaża fuq il-ġurisprudenza esposta fit-tliet punti preċedenti ta’ din is-sentenza, u b’mod partikolari, fuq il-punt 68 kif ukoll l-ewwel sentenza tal-punt 70 tas-sentenza Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq, K. Peśla jsostni li, sabiex tiġi applikata dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 112a(1) u (2), tad-DRiG, b’mod konformi mad-dritt Komunitarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni prinċipalment il-konoxxenza u l-kwalifiki li jkunu nkisbu fl-Istat Membru ta’ oriġini, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Polonja, u skont il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sussidjarju biss il-konoxxenza u l-kwalifiki miksuba skont il-liġi tal-Istat Membru ospitanti, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Huwa jikkunsidra li, jekk il-konoxxenza u l-kapaċitajiet fil-liġi Ġermaniża kienu l-element ta’ referenza għall-finijiet tal-paragun li għandu jsir, diploma barranija ma tista’ bl-ebda mod tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, peress illi l-liġi Ġermaniża ma hijiex ġeneralment mgħallma fi Stati Membri oħra. Għalhekk, il-moviment liberu huwa, fil-fehma tiegħu, eskluż għall-ġuristi żgħar li jkunu kisbu kwalifiki fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

43

Dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-ġurisprudenza li jibbaża fuqha.

44

Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-eżami komparattiv espost fil-punti 37 u 39 sa 41 ta’ din is-sentenza, Stat Membru jista’ jieħu inkunsiderazzjoni differenzi oġġettivi differenti relatati kemm mal-kuntest legali tal-professjoni inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ provenjenza kif ukoll mal-kamp ta’ attività tagħha. Fil-każ tal-professjoni ta’ avukat, Stat Membru għalhekk għandu d-dritt li jagħmel eżami komparattiv tad-diplomi billi jieħu inkunsiderazzjoni differenzi rrilevati bejn is-sistemi legali nazzjonali kkonċernati (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Vlassopoulou, punt 18, u Morgenbesser, punt 69).

45

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, u kuntrarjament għal dak li jsostni K. Peśla, huwa fid-dawl tal-kwalifika professjonali mitluba mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti li l-konoxxenza ddikjarata mid-diploma mogħtija fi Stat Membru ieħor u l-kwalifiki u/jew l-esperjenza professjonali miksuba fi Stati Membri oħra, kif ukoll l-esperjenza miksuba fl-Istat Membru fejn il-kandidat jitlob li jirreġistra ruħu għandha tiġi eżaminata (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Aguirre Borrell et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11; tal-1 ta’ Frar 1996, Arantis, C-164/94, Ġabra p. I-135; Dreessen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24 u Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

46

Għalhekk, il-fatt biss li l-istudji legali relatati mal-liġi tal-ewwel Stat Membru jistgħu jkunu kkunsidrati bħala paragunabbli, fid-dawl kemm tal-livell tat-taħriġ li wieħed jirċievi kif ukoll tal-ħin u l-isforzi applikati għal dan il-għan, mal-istudji li huma intiżi li jagħtu l-konoxxenza ddikjarata mill-kwalifika mitluba fi Stat Membru ieħor, ma jistax minnu nnifsu jwassal, fil-kuntest tal-eżami komparattiv espost fil-punti 37 u 39 sa 41 ta’ din is-sentenza, għal obbligu li tiġi pprivileġġata mhux il-konoxxenza mitluba mid-dispożizzjonjiet nazzjonali tal-Istat Membru li fih il-kandidat jitlob li jibbenefika mit-taħriġ professjonali meħtieġ sabiex jaċċedi għall-professjonijiet legali iżda dik relatata essenzjalment mal-liġi tal-ewwel Stat Membru, iddikjarata mill-kwalifiki miksuba f’dan l-aħħar Stat. Fil-fatt, hekk kif il-qorti tar-rinviju kkonstatat, argument bħal dak sostnut prinċipalment minn K. Peśla, applikat sal-konsegwenzi finali tiegħu, jwassal sabiex jiġi aċċettat li kandidat jista’ jaċċedi għall-istage preparatorju mingħajr ma jkollu l-inqas konoxxenza kemm tal-liġi Ġermaniża kif ukoll tal-lingwa Ġermaniża.

47

Barra minn hekk, sa fejn K. Peśla jsostni, sussidjarjament, li l-konoxxenza tal-liġi Ġermaniża li huwa kiseb matul il-kors universitarju tiegħu fil-Ġermanja ġiet ikkunsidrata b’mod insuffiċjenti mill-Justizministerium Mecklenburg-Vorpommern, huwa biżżejjed li jitfakkar f’dan il-każ li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhomx bażi sabiex jikkunsidraw bħala insuffiċjenti dokumenti ġustifikattivi bħal dawk li kienu ġew ippreżentati minn K. Peśla.

48

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel żewġ domandi għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konoxxenza li għandha tittieħed bħala element ta’ referenza sabiex issir evalwazzjoni tal-ekwivalenza ta’ taħriġ wara talba ta’ ammissjoni diretta, mingħajr ma jgħaddi mill-eżamijiet previsti għal dan il-għan, għal stage preparatorju għall-professjonijiet legali, hija dik iddikjarata mill-kwalifika meħtieġa fl-Istat Membru fejn il-kandidat jitlob li jaċċedi għal tali stage.

Fuq it-tielet domanda

49

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-eżami li għandu jseħħ skont il-punti 37 u 39 sa 41 ta’ din is-sentenza, għandux jitnaqqas, anki jekk bi ftit, il-livell tal-konoxxenza meħtieġa tal-liġi tal-Istat Membru ospitanti, sabiex jingħata effett utli lill-Artikolu 39 KE.

50

F’dan ir-rigward, l-effett utli tal-Artikolu 39 KE jimponi biss li l-aċċess għal attività professjonali fi Stat Membru jkun suġġett għal rekwiżiti li huma inqas minn dawk normalment meħtieġa miċ-ċittadini ta’ dan l-Istat.

51

Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 34 sa 41, 44 u 45 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-ħtieġa li jiġi kkonċiljat ir-rekwiżit tal-kwalifiki meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari mal-imperattivi tal-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet fundamentali garantiti mill-Artikoli 39 KE u 43 KE (ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza Helens et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

52

Għalhekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżami tal-ekwivalenza evokat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza għandu jseħħ fir-rigward tat-taħriġ akkademiku u professjonali kollu, li l-parti kkonċernata tista’ ssosnti, sabiex jiġi evalwat jekk dan kollu jistax jiġi kkunsidrat bħala sodisfaċenti, anki parzjalment, għall-kundizzjonijiet meħtieġa biex isir aċċess għad-dħul għall-attività kkonċernata (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq, punti 66 u 67). Jekk dan l-eżami komparattiv juri li dawn l-elementi kollha ssodisfaw biss parzjalment dawn il-kundizzjonijiet, l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt, hekk kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, li jitlob li l-persuna kkonċernata turi li hija kisbet il-konoxxenza u l-kwalifiki neqsin.

53

Il-fatt li Stat Membru ospitanti għandu għalhekk jieħu inkunsiderazzjoni konoxxenza li tikkorrispondi biss parzjalment għal dik iddikjarata mill-kwalifika professjonali mitluba mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, u dan b’mod differenti minn dak permezz tal-eżamijiet li jippreċedu l-għoti ta’ din il-kwalifika, jikkontribwixxi diġà sabiex jiffaċilita l-moviment tal-persuni kif stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 39 KE. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali obbligu, in-nuqqas ta’ diploma nomalment meħtieġa miċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jista’ jikkostitwixxi, inkwantu tali, ostakolu determinanti għall-aċċess għall-professjonijiet legali ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 sa 67).

54

Għalhekk, ma jistax jintlaqa’ l-argument ta’ K. Peśla li l-Artikolu 39 ikun mingħajr sens jekk l-Istat Membru ospitanti seta’ jitlob mill-kandidat l-istess livell ta’ konoxxenza tal-liġi nazzjonali tiegħu bħal dak iddikjarat mill-kwalifika professjonali meħtieġa f’dan l-Istat għall-aċċess għal dawn il-professjonijiet.

55

Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-istagiaire huwa mistenni, sa mill-bidu tal-istage preparatorju, li jassisti lill-persuna li tagħti t-taħriġ u li jeżerċita attivitajiet prattiċi taħt it-tmexxija ta’ din il-persuna. Għal dan il-għan, jista’ jiġi kkunsidat bħala indispensabbli li dan l-istagiaire jkollu, sa minn qabel l-implementazzjoni tal-kapaċitajiet ġuridiċi tiegħu fil-kuntest ta’ tali attivitajiet prattiċi, l-istess livell ta’ konoxxenza tal-ordinament legali Ġermaniża bħal dak iddikjarat permezz tal-ewwel eżami tal-Istat fis-suġġetti obbligatorji. F’kull każ, jidher diffiċli ħafna, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura progressiva tal-proċess ta’ taħriġ, li jinkiseb, fiż-żmien previst, il-konoxxenza neċessarja sabiex b’tama raġonevoli ta’ suċċess, jgħaddi mit-tieni eżami ġuridiku tal-Istat.

56

Issa, jekk l-Artikolu 39 KE ma jimponix, huwa stess, tnaqqis tal-livell tal-konoxxenza tal-liġi tal-Istat Membru ospitanti meħtieġ fis-sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat bħala li jċaħħad lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jipprovdu għal flessibbiltà fil-kwalifika mitluba.

57

Isegwi li, meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jeżaminaw it-talba ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor sabiex jinkiseb l-aċċess għal perijodu ta’ taħriġ prattiku fid-dawl tal-eżerċizzju ulterjuri ta’ professjoni legali regolata, bħal stage preparatorju, l-Artikolu 39 KE ma jimponix, minnu nnifsu, li dawn l-awtoritajiet jeħtieġu biss mill-kandidat, fil-kuntest tal-eżami tal-ekwivalenza meħtieġ mid-dritt Komunitarju, livell ta’ konoxxenza inqas minn dak iddikjarat mill-kwalifika meħtieġa f’dan l-Istat Membru għall-aċċess għal tali perijodu ta’ taħriġ prattiku, mingħajr madankollu li dan l-artikolu jipprekludi interpretazzjoni flessibbli ta’ tali kwalifika.

58

Madankollu, huwa importanti li, fil-prattika, il-possibbiltà ta’ rikonoxximent parzjali, bħal dak imsemmi b’mod partikolari fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, ma tibqax sempliċement fittizzja.

59

F’dan ir-rigward, meta l-paragun bejn il-kwalifiki tal-kandidati kkonċernati u l-konoxxenza metħieġa jiżvelaw biss korrispondenza parzjali, l-Istat Membru ospitanti mhux neċessarjament għandu d-dritt li jeħtieġ fis-sitwazzjonijiet kollha li wieħed jgħaddi mill-eżaminjiet ta’ kapaċità tal-istess skala, indipendentement mid-daqs bejn wieħed u ieħor kbir tal-konoxxenza parzjali kkonstatata. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ distinzjoni adegwata tas-suġġetti li huma s-suġġett tal-eżami komparattiv imsemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza jista’ jkollu bħala konsegwenza li, fir-realtà, rikonoxximent parzjali tal-kwalifiki miksuba jkun eskluż fil-prattika, b’mod li l-persuni kkonċernati għandhom juru, sussegwentement, li huma kisbu mhux biss il-konoxxenza nieqsa, iżda wkoll dawk li jistgħu jiġu rikonoxxuti, u dan fuq livell meħtieġ, fil-kuntest ta’ dan l-eżami komparattiv.

60

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, sa fejn is-suċċess għall-eżamijiet ġuridiċi nazzjonali, bħall-ewwel eżami tal-Istat, huwa l-prova tal-kisba ta’ konoxxenza kemm wiesgħa u fil-fond fis-suġġetti ġuridiċi partikolari, ir-rekwiżit ta’ distinzjoni li jirriżulta mill-punt preċedenti ma jistax ikollu bħala konsegwenzi li sempliċi konoxxenza preċiża ta’ ċerti aspetti ta’ dawn is-suġġetti tkun biżżejjed sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ titlob ir-rikonoxximent parzjali tal-kwalifiki tagħha.

61

Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-sistema stabbilita mill-Artikolu 112a tad-DRiG, kif applikata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, toffrix lill-persuni li għandhom konoxxenza biżżejjed wiesgħa u fil-fond ta’ ġabra importanti tas-suġġetti li — flimkien — huma s-suġġett tal-eżami komparattiv previst fil-paragrai 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, il-possibbiltà li jiġu eżentati mill-obbligu li jgħaddu mill-eżamijiet kollha msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu.

62

Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li, bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula milll-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż indika li, fl-ipoteżi fejn il-kandidat ikun kiseb, pereżempju, konoxxenza fil-liġi ċivili Ġermaniża li tikkorrispondi għal-livell meħtieġ mill-eżami komparattiv imsemmi fl-Artikolu 112a(1) u (2) tad-DRiG, mingħajr madankollu ma jkun jista’ juri konoxxenza tal-istess livell tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili Ġermaniża, il-provi ta’ kapaċità, previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jistgħu jirrigwardaw biss il-liġi ċivili proċedurali Ġermaniża.

63

Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li l-eżami tal-konoxxenza u kapaċitajiet previst fl-Artikolu 112a(1) tad-DRiG jidher effettivament inqas tqil, fil-prattika, mill-ewwel eżami tal-Istat. Fil-fatt, jirriżulta mill-proċess li, kuntrarjament għal diploma ta’ liġi li l-kandidat ikun wettaq fl-istudji tiegħu fil-Ġermanja, kandidat li jkun ġej minn Stat Membru ieħor ma għandux obbligu li jgħaddi kemm mill-eżamijiet fis-suġġetti speċjalizzati kif ukoll mill-eżamijiet orali.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher biss, mal-ewwel li, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mill-Artikolu 112a tad-DRiG, il-possibbiltà ta’ rikonoxximent parzjali tal-konoxxenza miksuba, bħal dik imsemmija b’mod partikolari fil-punt 52 ta’ din is-sistema, hija sempliċement fittizzja, u li madankollu hija l-qorti tar-rinviju, li għandha l-unika kompetenza sabiex tagħti interpretazzjoni tal-liġi interna, li għandha tivverifika dan.

65

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jeżaminaw it-talba ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor sabiex jikseb l-aċċess għal perijodu tat-taħriġ prattiku fid-dawl tal-eżerċizzju ulterjuri ta’ professjoni legali regolata, bħall-istage preparatorju, dan l-artikolu minnu nnifsu ma jimponix li dawn l-awtoritajiet jeħtieġu biss mill-kandidat, fil-kuntest tal-eżami tal-ekwivalenza meħtieġ mid-dritt Komunitarju, livell ta’ konoxxenza legali inqas minn dik iddikjarata mill-kwalifika meħtieġa f’dan l-Istat Membru għall-aċċess għal tali perijodu ta’ taħriġ prattiku. Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li, minn naħa, dan l-artikolu lanqas ma jipprekludi flessibbiltà tal-kwalifika meħtieġa u li, min-naħa l-oħra, fil-prattika, il-possibbiltà ta’ rikonoxximent parzjali tal-konoxxenza ċċertifikata mill-kwalifiki li l-persuna kkonċernata tkun iġġustifikat ma tibqax sempliċement fittizzja, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konoxxenza li għandha tittieħed bħala element ta’ referenza sabiex issir evalwazzjoni tal-ekwivalenza tat-taħriġ wara talba ta’ ammissjoni diretta, mingħajr ma jgħaddi mill-eżamijiet previsti għal dan il-għan, għal stage preparatorju għall-professjonijiet legali, hija dik iddikjarata mill-kwalifika meħtieġa fl-Istat Membru fejn il-kandidat jitlob li jaċċedi għal tali stage.

 

2)

L-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jeżaminaw it-talba ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor sabiex jikseb l-aċċess għal perijodu ta’ taħriġ prattiku fid-dawl tal-eżerċizzju ulterjuri ta’ professjoni legali regolata, bħat-istage preparatorju għall-professjonijiet legali fil-Ġermanja, dan l-artikolu minnu nnifsu ma jimponix li dawn l-awtoritajiet jeħtieġu biss mill-kandidat, fil-kuntest tal-eżami tal-ekwivalenza meħtieġ mid-dritt Komunitarju, livell ta’ konoxxenza legali inqas minn dik iddikjarata mill-kwalifika meħtieġa f’dan l-Istat Membru għall-aċċess għal tali perijodu ta’ taħriġ prattiku. Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li, minn naħa, dan l-artikolu lanqas ma jipprekludi tali flessibbiltà tal-kwalifika meħtieġa u li, min-naħa l-oħra, fil-prattika, għandu jkun hemm il-possibbiltà li rikonoxximent parzjali tal-konoxxenza ċċertifikata mill-kwalifiki li l-persuna kkonċernata tkun iġġustifikat ma jibqax sempliċement fittizzju, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.