1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji parent u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti — Direttiva 90/435 — Eżenzjoni, fl-Istat Membru tas-sussidjarja, tat-taxxa f’ras il-għajn fuq profitti mqassma lill-kumpannija parent — Taxxa f’ras il-għajn
(Direttiva tal-Kunsill 90/435, Artikolu 5(1))
2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji parent u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti — Direttiva 90/435 — Eżenzjoni, fl-Istat Membru tas-sussidjarja, tat-taxxa f’ras il-għajn fuq profitti mqassma lill-kumpannija parent — Eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew imsejsa fuq ftehim bil-ħsieb li telimina jew tnaqqas it-taxxa doppja ekonomika fuq id-dividendi
(Direttiva tal-Kunsill 90/435, Artikoli 5(1) u 7(2))
1. Taxxa applikata fuq ir-“rimbors”, imwettaq minn kumpannija li tqassam lil kumpannija parent tagħha abbażi ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, ta’ “żieda ta’ taxxa abbażi tal-eżerċizzju finali ta’ kontabbiltà” [“maggiorazione di conguaglio”] ma tikkostitwixxix taxxa f’ras il-għajn fuq il-profitti mqassma li, bħala prinċipju, hija pprojbita mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, meta din iż-żieda ta’ tassazzjoni hija taxxa addizzjonali fuq il-profitti ta’ kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li tqassam, u meta, għaldaqstant, ir-rimbors tal-ammont ta’ din iż-żieda lill-kumpannija parent għandu jitqies bħala t-trasferiment ta’ parti minn dħul fiskali li jirriżulta mir-rinunzja, min-naħa tal-Istat ta’ residenza tal-kumpannija li tqassam, għal-ġbir definittiv ta’ dan id-dħul bil-għan, approvat miż-żewġ Stati partijiet għall-ftehim imsemmi iktar ’il fuq, li tiġi llimitata t-tassazzjoni doppja ekonomika tad-dividendi li s-sussidarja tqassam lil kumpannija parent tagħha.
Din il-konklużjoni tapplika bla ħsara għall-verifiki, mill-qorti nazzjonali, tad-diversi elementi rilevanti u, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanza li tgħid li l-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru tal-kumpannija li tqassam ma tirrinunzjax sistematikament, fil-prattika, għad-dħul fiskali li jirriżulta minn din iż-żieda ta’ tassazzjoni fil-każ ta’ tqassim ta’ dividendi minn kumpannija stabbilita fit-territorju tiegħu lill-kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari fil-każ fejn is-sommom korrispondenti għall-imsemmija żieda jiġu trasferiti direttament mill-kumpannija li tqassam lill-kumpannija benefiċjarja. Jekk issir il-konstatazzjoni ta’ tali rinunzja, l-imsemmi trasferiment ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala distribuzzjoni ta’ profitti. F’dan il-każ, għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni dwar il-bażi taxxabbli tat-tassazzjoni, meħtieġa sabiex taxxa tiġi kkwalifikata bħala taxxa f’ras il-għajn, li tgħid li l-bażi taxxabbli tat-taxxa għandha tkun id-dħul mill-azzjonijiet tal-kumpannija li tqassam, hija sodisfatta. Sa fejn iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra neċessarji sabiex tassazzjoni tiġi kklassifikata bħala taxxa f’ras il-għajn, li jirrigwardaw rispettivament, il-fatt taxxabbli u d-determinazzjoni tal-persuna taxxabbli, huma wkoll sodisfatti fir-rigward tat-taxxa inkwistjoni, għalhekk din it-taxxa tikkostitwixxi taxxa f’ras il-għajn fuq il-profitti li bħala prinċipju hija pprojbita mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435.
(ara l-punti 26, 35, 36, 38, 39, 42 u d-dispożittiv 1)
2. Taxxa f’ras il-għajn fuq il-profitti mqassma minn kumpannija li tqassam residenti lill-kumpannija parent mhux residenti, abbażi ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja li, bħala prinċipju, hija pprojbita mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, tista’ tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal imsemmija direttiva biss jekk, minn naħa, l-imsemmi ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jipprovdi dispożizzjonijiet intiżi li jeliminaw jew inaqqasu t-taxxa doppja ekonomika fuq it-tqassim ta’ dividendi u jekk, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tat-taxxa inkwistjoni ma teliminax l-effetti tagħha, ċirkustanza li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali.
(ara l-punt 47 u d-dispożittiv 2)