Kawża C-306/08
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju ta’ Spanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttivi 93/37/KEE u 2004/18/KE — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Leġiżlazzjoni dwar l-urbaniżmu tal-Komunità awtonoma ta’ Valencia”
Sommarju tas-sentenza
1. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttivi 93/37 u 2004/18 – Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Kunċett – Kuntratti mħallta – Regoli applikabbli
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(b); Direttiva tal-Kunsill 93/37, Artikolu 1(a))
2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Preżunzjonijiet – Inammissibbiltà
(Artikolu 226 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(b); Direttiva tal-Kunsill 93/37, Artikolu 1(c))
1. Il-kunċett ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet], u l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], ikopri l-kuntratti b’interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn, minn naħa, wieħed jew iktar operaturi ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, wieħed jew iktar awtoritajiet kontraenti u li l-għan tagħhom huwa jew l-eżekuzzjoni, jew kemm l-eżekuzzjoni u l-kunċett tax-xogħlijiet li jirrigwardaw waħda mill-attivitajiet elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 93/37 u l-Anness I tad-Direttiva 2004/18 jew xogħol definit fl-Artikolu 1(c) tad-Direttiva 93/37 u fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, jew l-eżekuzzjoni, bi kwalunkwe mezz li jkun, ta’ xogħol li jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati mill-awtorità kontraenti. Il-kuntratt jista jiġi kkunsidrat bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet biss jekk l-għan jissodisfa din id-definizzjoni. Xogħlijiet li huma aċċessorji u ma jifformawx l-għan tal-kuntratt ma jistgħux jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tiegħu bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet.
Meta kuntratt jinkludi kemm elementi li jirrigwardaw kuntratt pubbliku għal xogħlijiet kif ukoll elementi li jirrigwardaw tip ieħor ta’ kuntratt pubbliku, huwa l-għan prinċipali tal-kuntratt li jiddetermina liema korp ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi għandu, bħala prinċipju, ikun applikabbli. Dan għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-obbligi essenzjali predominanti u li, bħala tali, jikkaratterizzaw dan il-kuntratt, b’kuntrast ma’ dawk li huma biss ta’ natura anċillari jew komplementari u li huma imposti mill-għan stess tal-kuntratt.
(ara l-punti 88-91)
2. Fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l‑Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi neċessarji għall-verifika, min-naħa tagħha, tal-eżistenza tal-imsemmi nuqqas, u dan mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjonijiet.
Meta r-rikors ikun jirrigwarda l-klassifikazzjoni bħala kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet], jew tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], kuntratti konklużi bejn muniċipalità’ u żviluppatur u li l-Kummissjoni tillimita ruħha ssostni l-argument li dawn il-kuntratti għandhom jiġu kklassifikati bħala kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi minħabba li l-għan prinċipali ta’ dawn il-kuntratti huwa, skont l-Artikolu 1(c) tad-Direttiva 93/37 u l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, ta’ xogħol ta’ żvilupp urban, mingħajr ma ġġib ebda prova ta’ dan, il-kundizzjoni preċedenti għall-konstatazzjoni ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija nieqsa u r-rikors għandu jiġi miċħud.
(ara l-punti 92, 94, 98, 99)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
26 ta’ Mejju 2011 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 93/37/KEE u 2004/18/KE – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Leġiżlazzjoni dwar l‑urbaniżmu tal-Komunità awtonoma ta’ Valencia”
Fil-Kawża C‑306/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu taħt l‑Artikolu 226KE, imressaq fid-9 ta’ Lulju 2008,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Alcover San Pedro, D. Kukovec u M. Konstantinidis, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2010,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni Ewropea tfittex li jiġi kkonstatat li, meta aġġudika l-“Programmi ta’ Azzjoni Integrata” (iktar ’il quddiem il‑“PAI”), skont il-Liġi 6/1994, tal-15 ta’ Novembru 1994, li tistabbilixxi r-regoli tal-attività urbanistika fil-Komunità awtonoma ta’ Valencia (Ley 6/1994, de 15 de noviembre, Reguladora de la Actividad Urbanística de la Comunidad Valenciana, iktar ’il quddiem il-“LRAU”), kif ukoll tal-Liġi 16/2005, tat-30 ta’ Diċembru 2005, li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Urbaniżmu tal-Komunità awtonoma ta’ Valencia (Ley 16/2005, de 30 de diciembre, Urbanística Valenciana, iktar ’il quddiem il‑“LUV”), ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id‑Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l‑koordinament tal‑proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 ta’ Settembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 94, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/37”) u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
Id-Direttiva 92/50/KEE
2 Is-sittax-il premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), tistabbilixxi:
“Billi kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], b’mod partikolari fil-qasam ta’ mmaniġġjar tal-proprjetà, jistgħu minn żmien għal żmien jinkludu xi xogħlijiet; billi dan jirriżulta mid-Direttiva 71/305/KEE li, biex kuntratt ikun kuntratt tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratt pubbliku għal xogħlijiet], l‑objettiv tiegħu għandu jkun it-tlestija ta’ xogħol; billi, sa fejn dawn ix-xogħlijiet huma inċidentali aktar milli l-objettiv tal-kuntratt, ma jiġġustifikawx li l-kuntratt jiġi ttrattat bħala kuntratt tax-xogħlijiet pubbliċi”.
3 L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50 jiddisponi:
“Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness I A għandhom jingħataw skont id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI.”
4 Huma msemmija b’mod partikolari fil-kategorija 12 tal-Anness I A tad-Direttiva 92/50, is-“servizzi arkittettoniċi, servizzi ta’ inġinerija u servizzi integrati ta’ inġinerija; servizzi ta’ ppjanar urban u servizzi arkitettoniċi ta’ landscape; servizzi relatati xjentifiċi u ta’ konsulenza teknika; servizzi ta’ kontroll tekniku u ta’ analiżi”.
Id-Direttiva 93/37
5 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/37 jiddisponi:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttva:
a) “kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]” ifissru kuntratti għal interess tal-flus konklużi bil-kitba bejn il-kuntrattur u l-awtorità ta’ kuntrattar [kontraenti] kif definit f’(b), li għandhom bħala għan tagħhom jew l‑attwazzjoni, jew l-attwazzjoni u d-disinn, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet msemmija fl-Anness II jew xogħol definit f’(ċ) taħt, jew l-attwazzjoni, b’kull mod, ta’ xogħol li jikkorrispondi mal-kondizzjonijiet speċifikati mill-awtorità ta’ kuntrattar [kontraenti];
[…]
ċ) “xogħol” ifisser ir-riżultat ta’ bini jew inġinerija ċivili, xogħlijiet kunsidrati bħala sħaħ li jilħqu funzjoni ekonomika u teknika;
d) “konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi” huwa kuntratt tal-istess tip bħal kuntratt imsemmi f’punt a) ħlief għall-fatt illi l-kunsiderazzjoni għax-xogħlijiet li għandhom jiġu mwettqa jikkonsistu jew unikament fid-dritt li x-xogħol jiġi esplojtat jew f’dan id-dritt kif ukoll fil-ħlas;
[…]”.
6 L-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 93/37 jimponi fuq l-awtorità kontraenti r-rispett tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.
7 L-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva 93/37 jinkludu r-regoli komuni dwar riklamar u jipprovdu għal avviżi li jiġu ppubblikati b’mod komplet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-limitu taż-żmien li fih għandhom jiġu riċevuti l-offerti u l-preżentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet u dokumenti addizzjonali.
8 L-Artikoli 24 sa 29 tad-Direttiva 93/37 jelenkaw il-kriterji għal għażla kwalitattiva ta’ kuntrattur liema kriterji jikkonċernaw il-valutazzjoni tal-kapaċitajiet tekniċi tal-kuntrattur.
Id-Direttiva 2004/18
9 Skont il-kliem tal-premessa 10 tad-Direttiva 2004/18:
“Kuntratt se jkun meqjus biss bħala kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratt pubbliku għal xogħlijiet] jekk is-suġġett speċifiku jħaddan l-esekuzzjoni ta’ attivitajiet elenkati fl-Anness 1, anke jekk il-kuntratt iħaddan il-disposizzjoni ta’ servizzi oħra bżonnjużi għall-esekuzzjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal servizzi], b’mod partikolari fl-oqsma tas-servizzi fl-immaniġġjar ta’ proprjetà, jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jinkludu x‑xogħlijiet. Madankollu, sa fejn dawn ix-xogħlijiet huma inċidentali għas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, u huma konsegwenza possibli tagħhom jew komplimentari tagħhom, il-fatt illi dawn ix-xogħlijiet huma inklużi fil-kuntratt ma jiġġustifikax il-kwalifikazzjoni tal-kuntratt bħala kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi.”
10 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18 jiddisponi:
“1. Għall-għan ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet mdaħħla fil-paragrafi 2 sa 15 għandhom jgħoddu.
2.a) Kuntratti pubbliċi” huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi [jew wieħed jew iktar awtoritajiet kontraenti] u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.
b) Kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħolijiet]” huma kuntratti pubbliċi li għandhom bħala l-objettiv tagħhom jew l-wieħed l‑esekuzzjoni, jew l-ieħor id-disinn u l-esekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet fi ħdan it-tifsira tal-Anness jew xi xogħol, jew xi realizzazzjoni b’kull mezz, ta’ xi xogħol li jikkorrispondi mal-kondizzjonijiet meħtieġa li huma speċifikati mill-awtorità kuntrattwali [kontraenti]. Ix-“xogħol” ifisser l-andament tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni u inġinerija civili meħuda bħala ħaġa waħda li hija suffiċenti fiha nnifisha biex taqdi funzjoni ekonomika jew teknika.
[…]
d) Kuntratti għal servizzi pubbliċi “[kuntratti pubbliċi għal servizzi]” huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.
[…]
3. Il-“konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi” huwa kuntratt tal-istess tip bħal kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratt pubbliku għal xogħolijiet] ħlief għall-fatt illi l-kunsiderazzjoni għax-xogħlijiet li għandhom jiġu mwettqa jikkonsistu jew unikament fid-dritt li x-xogħol jiġi esplojtat jew f’dan id‑dritt kif ukoll fil-ħlas.
4. Il-“konċessjoni tas-servizzi” huwa kuntratt tal-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku [kuntratt pubbliku għal servizzi] minbarra l-fatt illi l‑konsiderazzjoni għall-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f'dan id-dritt kif ukoll bi ħlas.
[…]”
11 L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 jimponi fuq l-awtoritajiet kontraenti l-obbligu tal-osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ugwaljanza u trasparenza.
12 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/18 telenka l-projbizzjoni li tingħata informazzjoni mogħtija lil awtorità kontraenti minn operaturi ekonomiċi u li huma jkunu indikaw bħala kunfidenzjali.
13 L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/18 tiddikajra li “[m]ingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3, din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal konċessjonijiet ta’ servizz kif definit fl-Artikolu 1(4)”.
14 L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi regoli applikabbli għall-preżentazzjoni ta’ varjanti mill-offerenti fejn il-kriterji għal għoti huma dawk tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament.
15 L-Artikolu 53 tad-Direttiva 2004/18 jelenka l-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti u jimponi fuq l-awtorita’ kontraenti obbligu li tispeċifika l-piż relattiv li hija tagħti lil kull wieħed mill-kriterji sabiex tiġi ddeterminata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament.
16 L-Anness IIA tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi, fil-kategorija 12 għas-“servizzi arkittettoniċi, servizzi ta’ inġinerija u servizzi integrati ta’ inġinerija; servizzi ta’ ppjanar urban u servizzi arkitettoniċi ta’ landscape; servizzi relatati xjentifiċi u ta’ konsulenza teknika; servizzi ta’ kontroll tekniku u ta’ analiżi”.
Il-leġiżlazzjoni tal-Komunità awtonoma ta’ Valencia
Il-PAI
17 Il-LRAU u l-LUV jipprovdu għal żewġ reġimi ta’ implementazzjoni għall-iżvilupp tat-territorju li jistgħu jsiru skont is-sistema ta’ azzjoni iżolata f’każijiet ta’ biċċa art waħda li jinvolvu l-kostruzzjoni tagħha u skont is-sistema ta’ azzjoni integrata f’każijiet ta’ biċċtejn art jew iktar li jikkonformaw ma’ programmazzjoni unika li jbiddel dawn l-imsemmija artijiet f’territorji għall-bini (Artikolu 6(2) u (3), tal-LRAU kif ukoll Artikoli 14 u 15 tal-LUV).
18 Il-PAI huwa l-istrument li jirregola l-implementazzjoni ta’ azzjoni integrata (Artikolu 12G tal-LRAU u Artikolu 39(a) tal-LUV). Huwa għandu l‑għan li jiddetermina l-portata ta’ azzjoni integrata u tax-xogħol li għandu jsir, li jistabbilixxi l-limiti ta’ żmien li japplikaw, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tekniċi u ekonomiċi li jirregolaw l-immaniġġjar tagħhom, li jirregola l-impenji u l-obbligi tal-iżviluppatur urban (iktar ’l quddiem l-“iżviluppatur”) billi jiddefinixxi r-relazzjoni tagħhom mas-sidien ikkonċernati u mal-amministrazzjoni u biex jiġu identifikati salvagwardji biex jiżguraw konformità ma’ dawn l-obbligi u l-penali applikabbli (Artikolu 29(2) tal-LRAU u Artikolu 117(1) tal-LUV).
19 B’mod partikolari, il-PAI għandu jinkludi dispożżjonijiet speċifiċi biex jinkisbu l‑għanijiet meħtieġa li ġejjin, jiġifieri l-iżvilupp urban tal-art kollha; il‑konnessjoni u l-integrazzjoni tal-artijiet rilevanti għan-networks tal-infrastruttura, tal-enerġija, tal-komunikazzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi eżistenti; il-kisba, għall-benefiċċju tal-amministrazzjoni u għal titolu ħieles, ta’ artijiet għas-servizz tal-pubbliku; il-kisba, għall-benefiċċju tal-amministrazzjoni u għal titolu ħieles ta’ dritt infurzabbli legalment li tibni, għall-wirt art pubblika; l-immaniġġjar tat-trasformazzjoni legali tal-art rilevanti u r-realizzazzjoni ta’ qsim ekwu tal-ispejjeż u l-profitti bejniethom (l-Artikolu 30 tal-LRAU u Artikolu 124 tal-LUV).
20 Filwaqt li l-implementazzjoni tal-azzjonijiet iżolati tista’ tkun pubblika jew privata, dik tal-PAI hija dejjem pubblika u l-amministrazzzjoni tista’ tiddeċiedi jekk l-immaniġġjar tagħhom ikunx dirett jew indirett (Artikolu 7(1)u(2) tal-LRAU kif ukoll Artikolu 117(4) tal-LUV). L-immaniġġjar huwa dirett meta t-totalità tax-xogħlijiet u tal-investimenti tkun iffinanzjata mill-fondi pubbliċi u amministrati mill-amministrazzjoni, l-aġenziji tagħha, l-entitajiet tagħha jew l-impriżi pubbliċi tagħha (Artikolu 7(2) tal-LRAU u Artikolu 117(4) tal-LUV) mingħajr ma jkunu jistgħu jirċievu benefiċċju kummerċjali (Artikolu 128(4) tal-LUV). Min-naħa l‑oħra, fil-każ ta’ immaniġġjar indirett, l-amministrazzjoni tiddelega l-kwalità ta’ żviluppatur lil individwu, magħżula permezz ta’ proċess pubbliku ta’ sejħa għall-offerti, kemm jekk huwa pussessur tal-artijiet u anki jekk ma huwiex sid tal-art (Artikolu 7(2) tal-LRAU u Artikolu 117(4) tal-LUV).
L-immaniġġjar indirett
21 Fil-kuntest tal-immaniġġjar indirett tal-PAI, l-iżviluppatur huwa l-uffiċjal responsabbli għall-iżvilupp u implementazzjoni tal-azzjonijiet tal-ippjanar urban identifikati mill-PAI, li jinkludu, fi kwalunkwe każ, l-abbozzar ta’ dokumenti tekniċi stabbiliti fid-databases, il-proposta u l-immaniġġjar tal-proġett tal-aġġustament mill-ġdid kif ukoll tal-użu tal-bennej-kuntrattur responsabbli għall-implementazzjoni tal-ippjanar propost, fil-każijiet u taħt il-kundizzjonijiet biss li huma previsti mil-liġi. L-iżviluppatur ikollu jiffinanzja l-ispejjeż għall--investimenti, tax-xogħlijiet, tal-istallazzjonijiet u tal-kumpens meħtieġ għat-twettiq tal-programm u ser ikollu jiżgura proporzjonijiet suffiċjenti, b’dawn l-ispejjeż jistgħu jgħaddu fuq sid l-artijiet għall-kostruzzjoni billi jirriżultaw fil-kumpens tal-artijiet żviluppati jew fi ħlas mis-sidien tal-artijiet għall-kostruzzjoni illi jirriżultaw mill‑azzjoni integrata (Artikolu 29(9)A tal-LRAU kif ukoll Artikoli 119 u 162(1) tal-LUV). Dawn l-ispejjeż jinkludu, inter alia, l-ispejjeż tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u tal-benefiċċji kummerċjali tal-iżviluppatur, li huma limitati, fil-kuntest tal-LUV, għal 10 % tal-ispejjeż għall-iżvilupp urban(Artikolu 67(1) tal-LRAU u Artikolu 168 tal-LUV).
22 Is-sidien li għandhom interess fl-azzjoni integrata jistgħu jikkooperaw flimkien billi jagħtu art mhux żviluppata tagħhom u jirċievu lura biċċiet tal-art żviluppati. Huma jistgħu, b’mod partikolari, jew jipparteċipaw fi proporzjon għall-ispejjeż għall--iżvilupp urban billi jċedu parti mill-art tagħhom għall-iżvilupp urban jew iħallsu bi flus kontanti, bħala kumpens għall-iżvilupp urban, is-sehem tagħhom fl-ispejjeż għall-iżvilupp urban (Artikolu 29(9)B tal-LRAU u Artikolu 162(2) tal-LUV).
23 Is-sidien li jirrifjutaw espressament milli jikkooperaw jistgħu jitolbu għall-esproprjazzjoni fuq il-bażi tal-valur oriġinali tal-artijiet affettwati (Artikolu 29(9)C tal-LRAU u Artikolu 162(3) tal-LUV).
24 L-amministrazzjoni teżerċita, ex officio jew fuq it-talba tal-iżviluppatur, il-poteri pubbliċi tagħha li huma dawk rigward l-esproprjazzjoni jew l-aġġustament mill-ġdid mġiegħel jekk dan ikun meħtieġ sabiex jiġi implementat l-PAI (Artikoli 29(10), 66 u 68 tal-LRAU kif ukoll Artikoli 162(3) u 169 tal-LUV).
Il-proċedura ta’ għoti u ta’ approvazzjoni
– Il-LRAU
25 Skont l-Artikolu 44 tal-LRAU, il-proċedura tista’ tinbeda minn inizjattiva ta’ grupp pubbliku jew ta’ individwu, sewwa jekk dan huwa jew ma huwiex sid tal-artijiet għall-iżvilupp urban.
26 Skont l-Artikolu 45(1) tal-LRAU, kull persuna tista’ titlob lill-amministrazzjoni biex tippreżenta għall-informazzjoni tal-pubbliku offerta teknika tal-PAI li għandha tinkludi kopja tal-iskeda tal-iżvilupp urban mibgħuta mill-awtorità kompetenti jew l-applikazzjoni tagħha skont il-kundizzjonijiet minimi għall-konnessjoni u l‑integrazzjoni tal-propożizzjoni għall-azzjoni integrata kif ukoll il-proġett preliminari għall-iżvilupp urban flimkien mad-deskrizzjonijiet tax-xogħlijiet għall-iżvilupp urban li għandhom isiru.
27 Skont l-Artikolu 45(2) tal-LRAU, l-amministrazzjoni tista’ jew tiċħad it-talba jew tirreferi l-kwistjoni għal inkjesta pubblika, fejn xieraq, flimkien ma kummenti jew alternattivi.
28 L-Artikolu 46 tal-LRAU jiddikjara li l-pubblikazzjoni tal-proposta tal-PAI, redatta minn individwu jew fil-każ ta’ inizjattiva pubblika, mill-awtorità kompetenti, isseħħ fil-ġurnal dwar l-informazzjoni ġenerali u fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità awtonoma ta’ Valencia. Skont din l-istess dispożizzjoni, fl-istadju tal-informazzjoni pubblika, kummenti jew offerti tekniċi huma aċċettati. Wara l‑fażi tal-informazzjoni pubblika, offerenti jistgħu jissottomettu offerti legali u finanzjarji. Il-kummenti u l-offerti tekniċi jiġu sottomessi, f'“envelop miftuħ” fi żmien 20 ġurnata mill-pubblikazzjoni tal-proposta tal-PAI u l-offerti legali u finanzjarji, f’envelop magħluq, fil-ħamest ijiem ta’ wara l-għeluq tat-terminu ċċitat iktar ’il fuq, terminu li jista’ jkun estiż għal 20 ġurnata.
29 L-Artikolu 46(2) tal-LRAU isemmi d-dokumenti li jagħmlu parti, minn naħa, mill-offerti tekniċi jiġifieri, b’mod partikolari, id-deskrizzjoni tax-xogħlijiet ta’ żvilupp urban u min-naħa l-oħra, mill-offerta legali u finanzjarja inklużi r-regoli dettaljati dwar ir-rapporti bejn l-iżviluppatur u s-sidien, il-ftehim eventwali li diġà jeżistu ma’ dawn tal-aħħar, stima, anki jekk preliminari u approssimattiva, tal-ispejjeż tax-xogħlijiet ta’ żvilupp urban u l-ħlas tal-iżviluppatur flimkien mal-indiċi ta’ korrezzjoni meta mqabbla mal-istima tal-ispejjeż tax-xogħliijet ta’ żvilupp urban.
30 Skont l-Artikolu 47 tal-LRAU, l-amministrazzjoni tista’ jew tirrifjuta l-offerti kollha u, skont il-każ, tiddeċiedi li tamministra direttament l-PAI, jew inkella tapprova l-PAI billi tiddefinixxi l-kontenut tiegħu permezz tal-għażla ta’ offerta teknika u ta’ offerta legali u finanzjarja fost dawk li huma sottomessi billi temendahom parzjalment fejn hija taħseb li dan ikun xieraq. Fl-istess ħin, l‑amministrazzjoni tista’ tagħti l-PAI lil offerent li joffri offerta legali u finanzjarji dwar l-offerta teknika l-aktar xierqa. Din l-għotja hija magħmula skont il-kriterji għall-għoti msemmija fih, inklużi garanziji jew opportunitajiet għall-kollaborazzjoni tal-proprjetarji kkonċernati biex jiffaċilitaw jew jiżguraw l‑implementazzjoni ta’ azzjoni integrata.
31 L-amministratur u l-iżviluppatur jagħmlu ftehim urbanistiku li jinkludi, skont l-Artikolu 32(c) tal-LRAU, l-obbligi rispettivi tagħhom, l-iskadenzi, il‑garanziji ppreżentati mill-iżviluppatur kif ukoll il-penali previsti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tagħhom skont din tal-aħħar.
32 L-Artikolu 48 tal-LRAU jipprovdi għal proċedura ssimplifikata fuq inizjattiva ta’ individwu.
33 Skont l-Artikolu 67(3) tal-LRAU, l-ispejjeż inizjali previsti fil-PAI jistgħu jkunu evalwati mill-ġdid waqt l-approvazzjoni tal-proġett ta’ żvilupp urban għar-raġunijiet oġġettivi li ma kinux prevedibbli mill-iżviluppatur.
– Il-LUV
34 Skont l-Artikolu 130 tal-LUV, il-proċedura ta’;għoti u ta’ approvazzjoni ta’ PAI tista’ tinbeda permezz ta’ inizjattiva ta’ awtorità pubblika jew ta’ individwu sew jekk huma jew jekk ma humiex sidien tal-artijiet.
35 Skont l-Artikolu 130(2) tal-LUV, l-individwi jistgħu jakkumpanjaw l‑applikazzjoni tagħhom flimkien ma’ dokument ta’ pjanifikazzjoni billi jippreċiżaw l-iżvilupp dettaljat jew strutturali li qiegħed jiġi propost kif ukoll id‑dokumenti msemmija fl-Artikolu 131(2)( a) sa (e) tal-LUV.
36 Skont l-Artikolu 130(3) tal-LUV, l-amministrazzjoni tista’ jew tiċħad l‑applikazzjoni individwali jew taċċetta l-proċedura ta’ mmaniġġjar indirett jew inkella tiddeċiedi li tirrikorri għall-immaniġġjar dirett.
37 Skont l-Artikolu 130(5) tal-LUV, is-silenzju tal-amministrazzjoni jsir ftehim, meta l-offerta magħmula mill-ewwel offerent tinvolvi l-eżekuzzjoni tad-direttivi għall-ippjanar strutturali fis-seħħ u li l-amministrazzjoni ma tagħtix risposta għall-applikazzjoni f’terminu ta’ tliet xhur.
38 Skont l-Artikolu 131(2) tal-LUV, id-deċiżjoni biex jinbdew proċeduri għall-immaniġġjar indirett ta’ PAI ġġib ukoll magħha l-approvazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet partikolari li jirregolaw il-proċedura għall-għoti tal-PAI. Huma għandhom jindikaw jekk l-alternattivi humiex aċċettati, jiddefinixxu l‑oqsma li fihom l-offerenti jistgħu jipproponu alternattivi u jiffissaw il‑kundizzjonijiet minimi li dawn għandhom jissodisfaw.
39 Skont l-Artikolu 132(2) u (4) tal-LUV, il-kompetizzjoni pubblika għall-għoti tal-PAI għandha tkun ippubblikata għallinqas f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Komunità awtonoma ta’ Valencia, irrispettivament mill-valur stmat tal-PAI.
40 Skont l-Artikolu 133 tat-LUV, l-offerti tal-offerenti jinkludu dokumenti relatati mal-kapaċitajiet meħtieġa, mal-offerta teknika kif ukoll mal-offerta legali u finanzjarja.
41 Il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-kapaċità teknika u professjonali tal-offerenti huma ddikjarati fl-Artikolu 123 tal-LUV.
42 Il-kontenut tal-offerta teknika huwa speċifikat fl-Artikolu 126 tal-LUV.
43 Il-kontenut tal-offerta legali u finanzjarja huwa, min-naħa tiegħu, speċifikat fl-Artikolu 127 tal-LUV, fejn skont dan l-artikolu għandu jkun fih it-termini li jirregolaw ir-relazzjoni tal-iżviluppatur mas-sidien ikkonċernati, u b’mod partikolari, it-termini tal-kumpens tiegħu kif ukoll informazzjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lis-sidien ikunu jafu l-konsegwenzi ekonomiċi involuti fl-offerta inkwistjoni. L-offerta legali u finanzjarja għandha tistabbilixxi, b’mod partikolari, l-ispejjeż previsti għall-iżvilupp urban, il-benefiċċji tal-iżviluppatur u l-koeffiċjent tal-kambju applikabbli jekk isir il-ħlas permezz tal-art.
44 L-Artikolu 135(3) tal-LUV jelenka l-kriterji ta’ għoti tal-PAI li għandhom jiġu evalwati fir-rigward ta’ offerta teknika.
45 L-Artikolu 135(4) tal-LUV jistabbilixxi kriterji ta’ għoti tal-PAI li għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-offerta legali u finanzjarja, b’mod partikolari l-ammont tal-ispejjeż għall-iżvilupp urban kif ukoll l-iżgħar proporzjon tal-artijiet għall-kostruzzjoni jew għad-dritt għall-kostruzzjoni disponibbli lill-iżviluppatur għal aġġustament mill-ġdid sfurzat jew l-ikbar proporzjon tal-artijiet tiegħu jew tal-assoċjati għandhom jissodisfaw l-obbligi speċjali li jirriżultaw mill-approvazzjoni tal-PAI.
46 L-Artikolu 137 tal-LUV jinkludi dispożizzjonijiet applikabbli għall-għoti u l-approvazzjoni tal-PAI. Skont l-Artikolu 137(5) tal-LUV meta l-PAI jagħmel bidliet fl-iżvilupp strutturali, l-approvazzjoni mill-amministrazzjoni hija suġġetta għal awtorizzazzjoni definittiva tal-gvern reġjonali.
47 L-Artikolu 138 tal-LUV jeħtieġ li l-kuntratt mal-iżviluppatur jiġi fformalizzat bħala dokument amministrattiv fix-xahar ta’ wara d-data tal-għoti tal-kuntratt. Dan l-artikolu jelenka l-elementi li għandhom jiġu inklużi.
48 Skont l-Artikolu 143(4)(d) tal-LUV, fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt mal-iżviluppatur, l-amministrazzjoni tista’ titlob lill-offerenti, li ppreżentaw offerti legali u finanzjarji dwar l-offerta teknika użata, biex jimplementaw l-eżekuzzjoni tal-programm, u, sussidjarjament, iniedu sejħa għall-offerti fuq il-bażi ta’ offerta teknika magħżula wara l-ewwel sejħa għall-offerti.
49 Skont l-Artikolu 155(6) u (7) tal-LUV, l-amministrazzjoni tista’ tagħmel tibdiliet fil-proġett tal-iżvilupp urban li jinsab fl-offerta magħżula għall-għoti tal-PAI u meta jsir tibdil iż-żieda ma jeċċedix 20 % tal-ispiża tax-xogħlijiet għall-iżvilupp urban.
50 Skont l-Artikolu 168(3) tal-LUV, l-ammont massimu tal-ispejjeż għall-iżvilupp urban ma jistax jiżdied ħlief meta ssir il-evalwazzjoni mill-ġdid tiegħu, li ma tistax tinkludi żieda tal-parti fl-ispejjeż għall-iżvilupp urban li jikkorrispondu għall-profitt tal-iżviluppatur.
51 Rigward l-eżekuzzjoni tax-xogħol urban, il-LUV tirrikjedi li din tkun fdata lil kuntrattur-bennej magħżul mill-iżviluppatur fil-kuntest ta’ kompetizzjoni pubblika skont ir-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. La l-iżviluppatur ikkonċernat u lanqas l-impriżi li għandhom xi konnessjoni ma’ dan tal-aħħar ma jistgħu jippartiċipaw għal dawn il-kompetizzjonijiet pubbliċi.
52 Taħt l-ewwel dispożizzjoni tranżitorja tal-LUV, il-PAI, użat minn qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-1 Frar 2006, huwa rregolat mill-LRAU sakemm, qabel dik id-data, huwa suġġett għall-approvazzjoni muniċipali jew il‑limitu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni finali dwar l-approvazzjoni espressa wasal biex jiskadi.
Il-proċedura prekontenzjuża u r-rikors tal-Kummissjoni
53 Wara lmenti, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-21 ta’ Marzu 2005, għarrfet lir-Renju ta’ Spanja li diversi dispożizzjonijiet tal-LRAU dwar l‑għoti tal-PAI kienu, skont il-Kummissjoni, imorru kontra d‑Direttiva 93/37 u anki d-Direttiva 92/50. Ir-Renju ta’ Spanja rrisponda għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2005, bl‑argument li l-għoti tal-PAI ma jikkostitwixxix kuntratt li jaqa’ taħt dawn id-Direttivi. Barra minn hekk, huwa għamel referenza għall-proġett tal-adozzjoni tal-LUV, li wkoll wasslet għal kuntatti u skambju ta’ ittri bejnu u l‑Kummissjoni.
54 Peress li ma kinitx sodisfatta bl-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Renju ta’ Spanja u peress li kienet tqis li l-għoti tal-PAI taħt l-LRAU kien jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt tal-imsemmija direttivi, il-Kummissjoni, fil-15 ta’ Diċembru 2005, bagħtet opinjoni motivata fejn talbet lil dan l-Istat Membru biex jieħu l-miżuri meħtieġa fi żmien tliet ġimgħat jiġifieri sas-6 ta’ Jannar 2006.
55 Fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata tas-26 ta’ Jannar 2006, ir-Renju ta’ Spanja rrapporta l-adozzjoni tal-LUV li jħassar l-LRAU u li d-dħul fis-seħħ tiegħu kien ser iseħħ fl-1 ta’ Frar 2006. Wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni, dan l‑Istat Membru, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2006, għamel kummenti addizzjonali.
56 Minħabba l-persistenza tar-reat allegat u l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/18, il-Kummissjoni fl-10 ta’ April 2006, bagħtet lir-Renju ta’ Spanja ittra oħra ta’ intimazzjoni u Spanja wieġbet permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2006.
57 Wara li kkunsidrat li, minn naħa, il-LUV u, min-naħa l-oħra, l-għoti tal-PAI, f’konformità mal-LRAU bejn il-21 ta’ Marzu 2005 u l-31 ta’ Jannar 2006, jikkostitwixxu ksur, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2004/18, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata oħra fit-12 ta’ Ottubru 2006.
58 Peress li r-Renju ta’ Spanja żamm il-pożizzjoni tiegħu fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata addizzjonali tal-11 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni tippreżenta dan ir-rikors fejn hija qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja:
– meta ta l-PAI taħt l-LRAU, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l‑Artikoli 1, 6(6), 11, 12 u 24 sa 29 tad-Direttiva 93/37, u
– meta ta l-PAI taħt il-LUV, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l‑Artikoli 2, 6, 24, 30, 31(4)(a), u 53 tad-Direttiva 2004/18.
Dwar it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
59 Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni talbet li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali billi argumentat, essenzjalment, li l-kwistjoni tal-partiċipazzjoni finanzjarja tal-Awtorità kompetenti, analizzata mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, hija element essenzjali tal-kawża u tirrikjedi iktar kjarifikazzjoni.
60 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta mill-Avukat Ġenerali jew fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin Internazzjonali, C‑42/07, Ġabra p. I‑7633, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
61 Min-naħa l-oħra, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).
62 Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li f’din il‑kawża hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni li għandha quddiemha u li din ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ argumenti li ma kinux ġew diskussi quddiemha. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il‑ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
63 Ir-Renju ta’ Spanja jqajjem l-inammissibbiltà parzjali tar-rikors dwar il-ksur tad-Direttiva 93/37 mill-LRAU. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jikkritika l‑ewwel opinjoni motivata li titlob li l-LRAU tkun adattata għad-Direttiva 93/37 minflok ma tirreferi għad-Direttiva 2004/18, peress li t-terminu għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva 93/37 kien wasal sabiex jiskadi.
64 Skont ir-Renju ta’ Spanja, l-LRAU waqaf milli japplika mad-dħul fis-seħħ tal-LUV u l-Kummissjoni ma stabbilietx l-approvazzjoni ta’ numru sinjifikattiv tal-PAI skont l-LRAU matul il-vacatio legis tal-LUV. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li fil-każijiet fejn ir-regolamenti nazzjonali u Komunitarji tħassru, kif ġara fil-każ preżenti, iktar minn sentejn qabel it-tressiq tal-proċeduri, ma hemmx iktar interess fil-kontinwazzjoni tal-proċess.
65 Għalhekk, huwa fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ fis-6 ta’ Jannar 2006, data tal-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-ewwel opinjoni motivata tal-15 ta’ Diċembru 2005, li għandha tingħata deċiżjoni fuq l-eżistenza eventwali tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li f’din id‑data, kemm l-LRAU kif ukoll id-Direttiva 93/37 kienu fis-seħħ.
66 Fir-rigward tal-għażla tal-mument mill-Kummissjoni sabiex tieħu passi kontra r‑Renju ta’ Spanja, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tat-twettiq tal-missjoni fdata lilha mill-Artikolu 211 KE, tosserva l‑applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u li tevalwa jekk l-aġir tal-Istati Membri kienx konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Jekk hija tikkunsidra li Stat Membru naqas milli jagħmel dan, hija għandha tevalwa l-opportunità li tittieħed azzjoni kontra dan l-Istat, li tivverifika d-dispożizzjonijiet li dan ikun kiser u li tagħżel il-mument li fih tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih u l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffetwaw l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑35/96, Ġabra p. I‑3851, punt 27, u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑33/04, Ġabra p. I‑10629, punt 66 u tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑531/06, Ġabra p. I‑4103, punt 23).
67 Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja għandha tiġi miċħuda.
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
68 Il-Kummissjoni tqis li bosta aspetti tal-proċedura ta’ għoti u ta’ approvazzjoni tal-PAI fl-immaniġġjar indirett previsti mill-LRAU u LUV ma humiex konformi, rispettivament, mal-Artikoli 1, 6(6), 11, 12, u 24 sa 29 tad-Direttiva 93/37 kif ukoll mal-Artikoli 2, 6, 24, 30, 31(4)(a), u 53 tad-Direttiva 2004/18.
69 Il-Kummissjoni ssostni li r-relazzjoni bejn l-amministrazzjoni u l‑iżviluppatur tikkostitwixxi, skont id-Direttivi 93/37 u 2004/18, kuntratt pubbliku fejn l-għan prinċipali, kif jirriżulta mid-deskrizzjoni ta’ strateġija integrata, huwa l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet pubbliċi ta’ infrastruttura u żvilupp urban.
70 Il-fatt li l-eżekuzzjoni fiżika ta’ dawn ix-xogħlijiet għandha, bħala parti mill-LUV, tiġi fdata mill-iżviluppatur lil kuntrattur-bennej, ma tbiddilx il-kwalifika tal-kuntratt bħala kuntratt għal xogħlijiet sakemm huwa l-iżviluppatur li jimpenja ruħu fir-rigward tal-amministrazzjoni li jwettaq din il-funzjoni.
71 Dwar in-natura pekunjarja tal-għoti u l-approvazzjoni tal-PAI, il‑Kummissjoni tosserva li l-LRAU u l-LUV ipoġġu fis-seħħ sistema fejn ikun hemm kuntratt bilaterali bejn l-iżviluppatur u l-muniċipalità li taħthom il‑kontroparti hija f’relazzjoni diretta mal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet pubbliċi u mal-provvista ta’ ċertu servizzi konnessi. Barra minn hekk, l-iżviluppatur jirċievi mis-sidien tal-art somma flus jew l-ekwivalenti tiegħu f’art.
72 Skont il-Kummissjoni, in-natura pekunjarja tal-kuntratt hija espressa fid-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tapprova l-PAI u li tagħżel l-iżviluppatur kif ukoll fl-eżerċizzju minn naħa tagħha tal-prerograttivi pubbliċi sabiex tiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet tal-PAI approvati.
73 Il-Kummissjoni żżid li, meta l-amministrazzjoni tiddeċidi li tmexxi direttament l‑PAI, hija għandha timplementa l-proġetti hija nnfisha u tonfoq il-flus meħtieġa għax-xogħlijiet. F’dan il-każ, hija tistipula l-ispejjeż li hija mbagħad tgħaddi lis-sidien b’tali mod li, meta hija tagħżel li topera indirettament, l-amministrazzjoni ma tħallas xejn, iżda ma tirċevi xejn lanqas. Hija tikkonkludi li, billi tagħżel immaniġġjar indirett, l-amministrazzjoni ma jkollha l-ebda dħul u lanqas spejjeż però dawn il-fatti bl-ebda mod ma jnaqqsu mill-importanza ta’ din id-dikjarazzjoni.
74 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001 Ordine degli Architetti et (C‑399/98, Ġabra p. I‑5409, punti 77 u 84) kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C‑220/05, Ġabra p. I‑385, punti 45 u 57), li l-ħlasijiet magħmula minn terzi huma indikattivi ta’ natura pekunjarja.
75 Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tinnota li l-Tribunal Supremo fformula interpretazzjoni totalment opposta minn dik sostnuta f’dan il-każ preżenti mir-Renju ta’ Spanja u li essenzjalment taqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni.
76 Ir-Renju ta’ Spanja, min-naħa tiegħu, isostni li r-relazzjoni li teżisti bejn l-amministrazzjoni u l-iżviluppatur ma tikkostitwixxix, fid-dawl tal-metodu ta’ remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar, kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, iżda konċessjoni għal servizz pubbliku li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 93/37 u 2004/18, u li, għalhekk, l-għoti tal-PAI huwa suġġett għall-prinċipji tad-dritt primarju tal-Unjoni.
77 Skont dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni tagħmel konfużjoni bejn il-PAI u l‑proġett ta’ xogħlijiet fuq l-ippjanar, meta l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet pubbliċi ma tikkostitwixxix l-għan esklużiv, jew saħansitra fundamentali tal-PAI. L‑approvazzjoni tal-PAI, permezz ta’ sejħa, jinvolvi wkoll il-finanzjament u l‑immaniġġjar tal-aġġustament mill-ġdid kif ukoll tal-assenjazzjoni tax-xogħlijiet dwar l-ippjanar lill-fornituri tas-servizzi. L-iżviluppatur ikun ukoll għalhekk responsabbli finanzjarjament għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet kif ukoll sabiex iwettaq il-passi amministrattivi meħtieġa sabiex jiżgura l-operazzjonijiet bla ħlas għall-amministrazzjoni u d-distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż u tal-profitti fi proprjetà immobbli, bejn is-sidien.
78 Ir-Renju ta’ Spanja jsostni wkoll li ma hemm l-ebda obbligu ta’ natura pekunjarja tal-amministrazzjoni sakemm il-kumpens tal-iżviluppatur jiġi esklużivament mis-sidien.
79 L-ewwel nett, l-obbligu tas-sid biex jiffinanzja l-ispejjeż għall-ippjanar u b’hekk biex iħallas lill-iżviluppatur, ma joriġinax minn deċiżjoni unilaterali mill-amministrazzjoni iżda jirriżulta minn deċiżjoni tiegħu stess, volontarja, li jipparteċipa fl-aġġustament mill-ġdid u fl-aċċess għal u tgawdija mill-benefiċċji ta’ kostruzzjoni ġdida.
80 Sussegwentement, il-LRAU u l-LUV ma jipprovdu l-ebda garanzija ta’ ħlas għad-detriment tal-fondi pubbliċi li minnhom joħroġ l-eżistenza ta’ kuntratt pekunjarju bejn l-amministrazzjoni u l-iżviluppatur, li hija responsabbli lejn dan tal-aħħar anki fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mill-kuntrattur-bennej jew mis-sidien tal-obbligi rispettivi tagħhom.
81 Fl-aħħar nett, l-għażla tal-immaniġġjar indirett pjuttost milli mmaniġġjar dirett ma timplikax kawża pekunjarja, mhux iktar mill-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tal-poteri pubbliċi tagħha għall-finijiet tal-aġġustament mill-ġdid jew tal-esproprjazzjoni.
82 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l‑iżviluppatur għandu jissejjaħ mhux “kontraenti” f’kuntratt stricto sensu iżda “konċessjonarju”, peress li r-remunerazzjoni tiegħu tiddependi fuq l-esplojtazzjoni tal-kuntratti dwar artijiet għall-kostruzzjoni u mhux fuq prezz fiss garantit mill-amministrazzjoni. B’mod partikolari, huwa għandu l-karatteristiċi ta’ konċessjonarju tas-servizzi, peress li l-immaniġġjar ekonomiku tal-aġġustament mill-ġdid huwa l-karatteristika l-iktar rilevanti mill-perspettiva ekonomika
83 Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, barra minn hekk, li l-argument tal-Kummissjoni jmur kontra l-effettività tad-Direttivi 93/37 u 2004/18.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
84 Għandu jkun innotat sa mill-bidu nett, li dan ir-rikors jirrigwarda biss l-għoti tal-kuntratti għall-iżvilupp urban skont il-leġiżlazzjoni adottata suċċessivament mill-Komunità awtonoma ta’ Valencia fuq il-bażi tal-għarfien espert reġjonali tagħha rigward l-iżvilupp urban, l-okkupazzjoni u l-ippjanar tal-art.
85 Speċifikament, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ Spanja bl-għoti tal-PAI, jiġifieri l-azzjonijiet integrati immirati għall-iżvilupp urban flimkien ma’ ħafna biċċiet ta’ artijiet li jkunu f’konformità ma’ programm wieħed li jittrasforma dawn il-biċċiet tal-art f’art għall-bini, minn naħa, b’applikazzjoni tal-LRAU u min-naħa l-oħra tal-LUV bi ksur, rispettivament, tad-Direttivi 93/37 u 2004/18.
86 Il-kritika magħmula mill-Kummissjoni tirrigwarda biss l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-PAI b’immaniġġjar indirett, li, f’konformità mar-regoli imsemmija, tinvolvi d-delegazzjoni mill-awtorità kontraenti kompetenti lil individwu, fil-kwalità ta’ żviluppatur, magħżul skont proċedura ta’ sejħa għall-offerti pubbliċi, sew jekk dan huwa jew anki jekk ma huwiex sid l-art inkwistjoni.
87 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-kuntratti għall-iżvilupp fil-kwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala “kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]” u bħala tali għandhom jikkonformaw mal-ħtiġiet stabbiliti mid-Direttiva 93/37 u anki mid-Direttiva 2004/18. Din il-konklużjoni toħroġ, fir-rigward tal-ilmenti magħmula kontra l-LRAU, mill-bażi legali tar-rikors limitat għall-ksur biss tad-Direttiva 93/37 u, għall-ilmenti kontra l-LUV, mill-opinjoni motivata addizzjonali, kif tindika l-Kummissjoni fl-applikazzjoni tagħha u kkonfermata fis-seduta.
88 Rigward il-kunċett ta’ “kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]”, skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37 u l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, għandu jiġi osservat li dan ikopri l-kuntratti b’interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn, minn naħa, wieħed jew iktar operaturi ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, wieħed jew iktar awtoritajiet kontraenti uli l-għan tagħhom huwa jew l-eżekuzzjoni, jew kemm l-eżekuzzjoni u l-kunċett tax-xogħlijiet li jirrigwardaw waħda mill-attivitajiet elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 93/37 u l-Anness I tad-Direttiva 2004/18 jew xogħol definit fl-Artikolu 1(c) tad-Direttiva 93/37 u fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, jew l-eżekuzzjoni, bi kwalunkwe mezz li jkun, ta’ xogħol li jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati mill-awtorità kontraenti.
89 Barra minn hekk, mill-premessa sittax tad-Direttiva 92/50 u l‑premessa 10 tad-Direttiva 2004/18, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/37 u l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 rispettivament, jirriżulta li kuntratt jista jiġi kkunsidrat bħala “kuntratt tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]” biss jekk l-għan jissodisfa d-definizzjoni mogħtija fil-punt preċedenti u li x-xogħlijiet li huma aċċessorji u ma jifformawx l-għan tal-kuntratt ma jistgħux jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tiegħu bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet.
90 Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta kuntratt jinkludi kemm elementi li jirrigwardaw kuntratt pubbliċi għal xogħlijiet kif ukoll elementi li jirrigwardaw tip ieħor ta’ kuntratt pubbliku, huwa l-għan prinċipali tal-kuntratt li jiddetermina liema korp ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi għandu, bħala prinċipju, ikun applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Auroux et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).
91 Dan għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-obbligi essenzjali predominanti u li, bħala tali, jikkaratterizzaw dan il-kuntratt, b’kuntrast ma’ dawk li huma biss ta’ natura anċillari jew komplementari u li huma imposti mill-għan stess tal-kuntratt (sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑412/04, Ġabra p. I‑619, punt 49).
92 F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni sempliċement tafferma l‑argument li l-kuntratti kontenżjuzi għall-iżvilupp urban għandhom jiġi kklassifikati bħala “kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet]” minħabba li l-għan prinċipali tal-PAI huwa, skont l-Artikoli 1(c) tad-Direttiva 93/37 u 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18, ta’ “xogħol” ta’ żvilupp urban ta’ żewġ jew aktar biċċiet art li jwasslu għall-kisba ta’ aċċess għad-distribuzzjoni ta’ ilma għax-xorb u elettriku, ta’ rimi tal-iskart tal-ilma u dawl fit-toroq. F’dan ir‑rigward, hija tinnota li s-servizzi pprovduti mill-iżviluppatur, bħall-abbozzar ta’ dokumenti tekniċi, ir-redazzjoni u l-immaniġġjar tal-proġett jew taħt il-LUV, l‑għażla tal-kuntrattur-bennej li se jwettaq ix-xogħol, huma strumentali u aċċessorji.
93 Għandu jiġi osservat ukoll li r-Renju ta’ Spanja jiċħad l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-PAI għandu jiġi kklassifikat bħala “xogħol”, fis-sens tad-Direttivi 93/37 u 2004/18, u jafferma li l-eżekuzzjoni ta’ tali xogħol ma jikkostitwixxix l-uniku għan tiegħu u lanqas ma jikkostitwixxi għan fundamentali. Għalhekk, l-Istat Membru jsostni li l-iżviluppatur ikun ukoll responsabbli finanzjarjament għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet kif ukoll sabiex iwettaq il-passi amministrattivi meħtieġa sabiex jiżguraw l-operazzjonijiet bla ħlas għall-amministrazzjoni u d-distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż u tal-profitti fi proprjetà immobbli; bejn is-sidien tal-artijiet għall-kostruzzjoni li qegħdin jiffinanzjawhom. Barra minn hekk, l-Istat Membru jsostni li l-kuntratti inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala “konċessjoni tas-servizz”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad‑Direttiva 2004/18.
94 F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’dan in-nuqqas. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi neċessarji għall-verifika, min-naħa tagħha, tal-eżistenza tal-imsemmi nuqqas, u dan mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjonijiet (ara s-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑490/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
95 F’dan ir-rigward u għal dak li jirrigwarda n-natura tal-attivitajiet li huma r‑responsabbiltà tal-iżviluppatur, huwa ċar li, minkejja l-elementi ta’ analiżi pprovduti mir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni ma talbitx sabiex tissostanzja t‑talbiet tagħha stess u biex tikkontesta dawk tal-Istat Membru konvenut permezz ta’ eżami bir-reqqa ta’ dawn l-elementi.
96 Fil-fatt, ma ġiex stabbilit li x-xogħlijiet li jikkonsistu fil-konnessjoni u fl integrazzjoni tal-artijiet rilevanti għall-networks tal-infrastruttura, enerġija, komunikazzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi eżistenti jikkostitwixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt bejn il-Komunità u l-iżviluppatur fil-kuntest ta’ PAI b’immaniġġjar indirett. Fil-fatt, it-twettiq tal-PAI mill-iżviluppatur tinkludi, kif jirriżulta mill-punti 21 u 23 ta’ din is-sentenza, attivitajiet li ma jistgħux jiġu kklassifikati “xogħol” taħt id-direttivi invokati mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, jiġifieri r-redazzjoni ta’ pjan ta’ żvilupp, il-proposta u l-immaniġġjar tal-proġett tal-aġġustament mill-ġdid korrispondenti, il-kisba, għall-benefiċċju tal-amministrazzjoni u bla ħlas, ta’ art destinata bħala proprjetà pubblika u bħala wirt pubbliku tal-kollettività, l-immaniġġjar tat-trasformazzjoni legali tal-artijiet ikkonċernati jew it-twettiq tal-qsim ekwu tal-ispejjeż u l-profitti bejniethom kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u garanzija tal-ispejjeż għall-investiment, tax-xogħlijiet, il-faċilitajiet u l-kumpens meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-PAI. Dan huwa wkoll il-każ meta l-iżviluppatur, kif indikat fl-Artikolu 119(1) tal-LUV, għandu jorganizza kompetizzjoni pubblika għall-għażla tal-kuntrattur-bennej li lilu tkun fdata l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta’ żvilupp urban.
97 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li wħud mill-attivitajiet jinkludu l-PAI, taħt l-influwenza kemm tal-LRAU kif ukoll tal-LUV kif spjegat fil-punt preċedenti li jidhru li jikkorrispondu, min-natura tagħhom, għall-attivitajiet inklużi fil-kategorija 12 tal-Anness I A tad-Direttiva 92/50 u II A tad-Direttiva 2004/18 dwar is-servizzi koperti mill-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50 u l‑Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2004/18, rispettivament.
98 Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-għan prinċipali tal-kuntratt bejn il-muniċipalità u l-iżviluppatur huwa kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 93/37 jew tad-Direttiva 2004/18, li hija kundizzjoni preċedenti għall-konstatazzjoni tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
99 Minn dak li ntqal preċedentement li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
100 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitluba mir-Renju ta’ Spanja.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall‑ispejjeż.
Firem
*Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.