SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Politika tat-trasport — Regolament (KE) Nru 2027/97 — Konvenzjoni ta’ Varsavja — Responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti — Terminu għall-preżentata ta’ rikors għal kumpens għad-dannu subit”

Fil-Kawża C-301/08

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

Irène Bogiatzi, miżżewġa Ventouras

vs

Deutscher Luftpool,

Société Luxair, société luxembourgeoise de navigation aérienne SA,

Il-Komunitajiet Ewropej

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

Foyer Assurances SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, fil-funzjoni ta’ President tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u J.Malenovský (Relatur), u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal I. Bogiatzi, miżżewġa Ventouras, minn M. Thewes, avocat,

għal Société Luxair, société luxembourgeoise de navigation aérienne SA, minn L. Schaack u C. Brault, avocats,

għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu, minn J. Medernach, avocat,

għal Foyer Assurances SA, minn J. Medernach, avocat,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J. S. Pilczer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Vidal Puig u E. Cujo, bħala aġenti.

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97, tad-9 ta’ Ottubru 1997, dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 489), fir-rigward tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli li Jirrigwardaw it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Varsavja fit-12 ta’ Ottubru 1929, kif emendata bl-erba’ protokolli addizzjonali ta’ Montreal tal-25 ta’ Settembru 1975 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Varsavja”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn I. Bogiatzi, miżżewġa Venturas u l-kumpannija Luxair, société luxembourgeoise de navigation aérienne SA (iktar ’il quddiem “Luxair”), kif ukoll il-kumpannija Ġermaniża Deutscher Luftpool dwar il-ħlas ta’ kumpens in solidum għad-dannu li hija subiet wara inċident li hija kellha waqt li kienet tiela’ ajruplan tal-Luxair.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3

Il-Komunità Ewropea mhijiex parti għall-Konvenzjoni ta’ Varsavja, li fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali l-ħmistax-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea kienu aċċedew għaliha.

4

Il-Konvenzjoni ta’ Varsavja, fil-verżjoni inizjali tagħha, ġiet emendata u kkompletata diversi drabi, permezz tal-protokoll tal-Aja tat-28 ta’ Settembru 1955, tal-Konvenzjoni ta’ Guadalajara tat-18 ta’ Settembru 1961, tal-protokoll tal-Guatemala tat-8 ta’ Marzu 1971 kif ukoll tal-erba’ protokolli addizzjonali ta’ Montreal tal-25 ta’ Settembru 1975.

5

L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali jipprovdi:

“1.   Id-dritt għad-danni għandu jiġi estint jekk ma jiġix ippreżentat rikors fi żmien sentejn, li jibdew jiddekorru mid-data tal-wasla fid-destinazzjoni, jew mid-data li fiha l-ajruplan kien imissu wasal, jew mid-data li fiha t-trasport waqaf.

2.   Il-metodu ta’ kalkolu ta’ tali terminu għandu jiġi ddeterminat skont il-liġi tal-qorti li tieħu konjizzjoni tal-kawża.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

6

L-ewwel ħames premessi tar-Regolament Nru 2027/97 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Billi, fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport, huwa meħtieġ li jitjieb il-livell ta’ protezzjoni tal-passiġġieri involuti f’inċident ta’ l-ajru;

(2)

Billi r-regoli dwar responsabbiltà fl-eventwalità ta’ inċidenti huma rregolati mill-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli li Jirrigwardjaw it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, ffirmata f’Varsavja fit-12 ta’ Ottubru 1929, jew dik il-Konvenzjoni kif emendata fl-Aja fit-28 ta’ Settembru 1955 u l-Konvenzjoni magħmulha fi Gwadalajara fit-18 ta’ Settembru 1961, liema minnhom hija applikabbli kull wieħed [kull waħda minnhom] minn hawn ’il quddiem irreferut[a] bħala, kif applikabbli, “il-Konvenzjoni ta’ Varsavja”; billi l-Konvenzjoni ta’ Varsavja hija applikata mad-dinja kollha għall-benefiċċju kemm tal-passiġġieri u dawk li jġorru bl-ajru;

(3)

Billi l-limitu stabbilit fuq ir-responsabbiltà mill-Konvenzjoni ta’ Varsavja huwa baxx iżżejjed mill-istandards soċjali u ekonomiċi tal-lum u ta’ spiss iwassal għal azzjonijiet legali twal li jagħmlu ħsara għad-dehra tat-trasport bl-ajru; billi bħala riżultat l-Istati Membri żiedu f’manjiera varja l-limitu tar-responsabbiltà, b’hekk iwasslu għal termini u kundizzjonijiet differenti ta’ trasport fis-suq tal-avjazzjoni interna;

(4)

Billi b’żieda ma’ dan il-Konvenzjoni ta’ Varsavja tapplika biss għat-trasport internazzjonali; billi, fis-suq tal-avjazzjoni interna, id-distinzjoni bejn trasport nazzjonali u internazzjonali ġiet eliminata; billi huwa għalhekk xieraq li jkun hemm l-istess livell u natura ta’ responsabbiltà kemm fit-trasport nazzjonali u internazzjonali;

(5)

Billi reċezzjoni u reviżjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja imissha ilha li saret u tkun tirrappreżenta, fl-aħħar mill-aħħar, tweġiba iżjed uniformi u applikabbli, fuq livell internazzjonali, għas-suġġett tar-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti; billi sforzi biex jiżdiedu l-limiti tar-responsabbiltà impost[i] mill-Konvenzjoni ta’ Varsavja għandhom jitkomplew b’negozjati fuq livell multilaterali;”.

7

Skont il-premessa 7 tal-istess regolament:

“[…] Billi huwa xieraq li jitneħħew il-limiti monetarji kollha fuq ir-responsabbiltà fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 22(1) tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja jew kull limiti oħrajn legali jew kontrattwali, skont ix-xejriet preżenti fuq livell internazzjonali;”

8

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2027/97 jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “trasportatur bl-ajru”, “trasportatur bl-ajru tal-Komunità”, “persuna intitolata għall-kumpens”, “eku”, “SDR” u “Konvenzjoni ta’ Varsavja”.

9

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2027/97 jipprovdi:

“Il-kunċetti li jinsabu f’dan ir-Regolament li mhumiex definiti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk użati fil-Konvenzjoni ta’ Varsavja.”

10

L-Artikolu 5(1) u (3) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   It-trasportatur bl-ajru tal-Komunità għandu mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ mhux iżjed tard minn ħmistax-il ġurnata wara li l-identità tal-persuna intitolata għall-kumpens tkun stabbilita, jagħmel tali pagamenti bil-quddiem kif ikun meħtieġ biex jilqa’ għall-ħtiġiet ekonomiċi immedjati fuq bażi proporzjonata mat-tbatija soferta.

[…]

3.   Pagament bil-quddiem m’għandux jikkostitwixxi rikonoxximent ta’ responsabbiltà u jista’ jkun [paċut] kontra kull somom sussegwenti mħallsin fuq il-bażi ta’ responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru tal-Komunità, imma ma jkunux ritornabbli, ħlief fil-każijiet preskritti fl-Artikolu 3(3) jew fiċ-ċirkustanzi meta sussegwentement ikun ippruvat li l-persuna tkun irċeviet il-pagament bil-quddiem tkun ikkawżat, jew ikkontribwixxiet għad-danni b’neġliġenza jew ma kenetx il-persuna intitolata għall-kumpens.”

11

Ir-Regolament Nru 2027/97 ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Mejju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 246), li mhuwiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fil-21 ta’ Diċembru 1998 I. Bogiatzi sofriet waqgħa fuq it-tarmak tal-ajruport tal-Lussemburgu waqt li kienet tiela’ fuq ajruplan ta’ Luxair.

13

Fit-22 ta’ Diċembru 2003, I. Bogiatzi ressqet proċeduri għad-danni kontra Deutscher Luftpool, assoċjazzjoni tad-dritt privat Ġermaniża li tiġbor flimkien l-assiguraturi għal riskji tal-ajru, u Luxair quddiem it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu), billi bbażat ruħha fuq ir-Regolament Nru 2027/97 kif ukoll fuq il-Konvenzjoni ta’ Varsavja. Ġie deċiż li t-talba ta’ I. Bogiatzi, li ġiet ippreżentata ħames snin wara li ġraw il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet inammissibbli. Fil-fatt din il-qorti kkunsidrat li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sentejn, stipulat fl-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, għal preżentata ta’ rikors għad-danni huwa terminu perentorju li ma jistax jiġi sospiż jew interrott.

14

L-inammissibbiltà tat-talba ġiet ikkonfermata fl-appell. Għaldaqstant I. Bogiatzi appellat quddiem il-Cour de cassation

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Il-[Konvenzjoni ta’ Varsavja], kif emendata fl-Aja fit-28 ta’ Settembru 1955, li jagħmel referenza għaliha r-[Regolament Nru 2027/97], tagħmel parti mir-regoli tas-sistema legali Komunitarja li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tinterpreta skont l-Artikolu 234 KE?

2.

Ir-[Regolament Nru 2027/97] fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-inċident, jiġifieri l-21 ta’ Diċembru 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-kwistjonijiet mhux espressament regolati, id-dispożizzjonijiet espressi tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, f’dan il-każ l-Artikolu 29, ikomplu jkunu applikabbli għal titjira bejn Stati Membri tal-Komunità?

3.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u għat-tieni domandi, l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, fir-rigward tar-[Regolament Nru 2027/97], għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ sentejn previst fih jista’ jiġi sospiż jew interrott jew li t-trasportatur jew l-assiguratur jistgħu jirrinunzjaw għalih, permezz ta’ att ikkunsidrat mill-qorti nazzjonali li jiswa’ ta’ rikonoxximent ta’ responsabbiltà?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

16

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Konvenzjoni ta’ Varsavja tagħmilx parti mir-regoli tas-sistema legali Komunitarja li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tinterpreta skont l-Artikolu 234 KE.

17

Qabel kollox, għandha tingħata risposta għall-argument sostnut minn Luxair li, fir-realtà, fil-kawża prinċipali l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex mitluba tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Varsavja, imma li tapplika l-Artikolu 307 KE, li bis-saħħa tiegħu, f’każ ta’ kunflitt bejn regola Komunitarja u konvenzjoni preċedenti għat-Trattat KE, il-prinċipju ta’ supremazija ma jaffettwax id-dmirijiet tal-Istat Membru ma’ Stati terzi.

18

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE huwa intiż sabiex jippreċiża, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattat ma taffettwax id-dmir tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet tal-Istati terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni preċedenti u li josserva l-obbligi tiegħu (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa, 812/79, Ġabra p. 2787, punt 8; tat-18 ta’ Novembru 2003, Budějovický Budvar, C-216/01, Ġabra p. I-13617, punti 144 u 145, kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-205/06, Ġabra p. I-1301, punt 33, u Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C-249/06, Ġabra p. I-1335, punt 34).

19

Madankollu, minn ġurisprudenza wkoll stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjoni konkluża qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ma jistgħux jiġu invokati fir-relazzjonijiet intraKomunitarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Deserbais, 286/86, Ġabra p. 4907, punt 18; tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, C-241/91 P u C-242/91 P, Ġabra p. I-743, punt 84, kif ukoll tat-2 ta’ Lulju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-473/93, Ġabra p. I-3207, punt 40).

20

Għaldaqstant ma hemmx lok li jiġi applikat l-Artikolu 307 KE.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li nerġgħu immoru lura għad-domanda magħmula, relatata mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Varsavja.

22

Qabel kollox, f’dan ir-rigward hemm lok li jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan it-Trattat kif ukoll dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità.

23

Skont ġurisprudenza stabbilita, ftehim konkluż mill-Kunsill, skont l-Artikoli 300 KE u 310 KE, jikkostitwixxi, f’dak li jirrigwarda l-Komunità, att adottat minn waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 234 KE. Mill-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ tali ftehim id-dispożizzjonijiet tiegħu jagħmlu parti integrali mis-sistema legali Komunitarja u, fil-kuntest ta’ din is-sistema legali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim (ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, Ġabra p. 449, punti 4 sa 6, tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punt 7; tal-15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås-Andersson, C-321/97, Ġabra p. I-3551, punt 26, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos - Produtos Farmacêuticos, C-431/05, Ġabra p. I-7001, punt 31).

24

Issa, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-Komunità mhijiex parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Varsavja. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tinterpreta, fil-kuntesta ta’ proċeduri preliminari, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni (ara s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1973, Vandeweghe et, 130/73, Ġabra p. 1329, punt 2, kif ukoll id-digriet tat-12 ta’ Novembru 1998, Hartmann, C-162/98, Ġabra p. I-7083, punt 9).

25

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet wkoll li, meta u sa fejn, bis-saħħa tat-Trattat KE, il-Komunità assumiet il-kompetenzi li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali u, għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom l-effett li jorbtu lill-Komunità, din kellha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta tali konvenzjoni, anki jekk din tal-aħħar ma kinitx ġiet irrattifikata mill-Komunità (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et, 21/72 sa 24/72, Ġabra p. 1219, punt 18; tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta, C-379/92, Ġabra p. I-3453, punt 16, kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C-308/06, Ġabra p. I-4057, punt 48).

26

Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali l-Istati Membri kollha tal-Komunità kienu partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Varsavja.

27

Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, f’din il-kawża, bis-saħħa tat-Trattat, il-Komunità assumietx il-kompetenzi li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, li tkopri kull forma ta’ trasport bl-ajru internazzjonali ta’ passiġġieri, bagalji u merkanzija.

28

Fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Komunità kienet adottat, abbażi tal-Artikolu 80(2) KE, tliet regolamenti fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni ta’ Varsavja.

29

Qabel kollox, hemm lok li jiġi msemmi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 295/91, tal-4 ta’ Frar 1991, li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol.1, p. 306). Madankollu l-għan ta’ dan ir-regolament huwa limitat sabiex jistabbilixxi ċerti regoli komuni minimi, applikabbli għall-passiġġieri, f’dak li jikkonċerna l-kumpens, mit-trasportaturi bl-ajru, għall-imbark miċħud fuq titjira regolari rriżervata wisq. Issa, kuntrarjament għal dan ir-regolament, li jikkonċerna biss l-imbark miċħud, il-Konvenzjoni ta’ Varsavja tikkonċerna, min-naħa tagħha, ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru, b’mod partikolari f’każ ta’ dewmien ta’ titjiriet.

30

Barra minn hekk ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar liċenzjar ta’ air carriers (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 3), jistabbilixxi, fl-Artikolu 7 tiegħu, obbligu ta’ assigurazzjoni fir-rigward tat-trasportaturi bl-ajru, li tkopri l-lijabilità tagħhom f’każ ta’ inċident li jikkawża dannu b’mod partikolari lil passiġġieri u bagalji. Madankollu, kuntrarjament għall-Konvenzjoni ta’ Varsavja il-kundizzjonijiet għall-assunzjoni tar-responsabbiltà ta’ dawn it-trasportaturi bl-ajru mhumiex irregolati minn dan ir-regolament.

31

Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, ir-Regolament Nru 2027/97 jkopri biss id-dani subiti mill-passiġġieri f’każ ta’ mewt, inġurja jew kull leżjoni personali oħra, u mhux id-danni materjali relatati mal-bagalji u l-merkanzija.

32

Minn dan jirriżulta li l-Komunità ma assumietx il-kompetenzi kollha li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja.

33

Fin-nuqqas ta’ trasferiment sħiħ lill-Komunità tal-kompetenzi li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri, din tal-aħħar ma tistax, sempliċement minħabba l-fatt li, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, dawn l-Istati kollha kienu partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Varsavja, tkun marbuta bir-regoli li jinsabu fiha, li hija stess ma approvatx (ara, b’analoġija, is-sentenza Intertanko et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Konvenzjoni ta’ Varsavja ma tagħmilx parti mir-regoli tas-sistema legali Komunitarja li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tinterpreta skont l-Artikolu 234 KE.

Fuq it-tieni domanda

35

Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk, peress li r-Regolament Nru 2027/97 jaqa’ taħt il-qasam irregolat mill-Konvenzjoni ta’ Varsavja, li, fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri kollha tal-Komunità kienu partijiet għaliha u fid-dawl tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju, ir-Regolament Nru 2027/97 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 29 tagħha għal sitwazzjoni fejn vjaġġatur jinvoka r-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru minħabba d-dannu li huwa sofra waqt titjira bejn l-Istati Membri tal-Komunità.

36

Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, id-dritt għad-danni fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru għandu jiġi estint jekk ma jiġix ippreżentat rikors fi żmien sentejn, li jibdew jiddekorru mid-data tal-wasla fid-destinazzjoni, jew mid-data li fiha l-ajruplan kien imissu wasal, jew mid-data li fiha t-trasport waqaf. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 2027/97 ma jinkludi ebda dispożizzjoni espliċita relatata mat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tali dritt għad-danni u lanqas ma jirreferi espressament għall-Artikolu 29 ta’ din il-konvenzjoni.

37

I. Bogiatzi essenzjalment issostni li, sa fejn ir-Regolament Nru 2027/97 ma jirreferix espressament għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja applikabbli għall-kawża prinċipali u lanqas ma jrendi espressament applikabbli, għal din il-kawża, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 29 tagħha, dan ir-regolament għandu jiġi applikat u interpretat b’mod awtonomu.

38

Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kliem tiegħu biss u tal-kuntest tiegħu, ir-Regolament Nru 2027/97 ma jippermettix li tingħata risposta għad-domanda rinvijata mill-qorti tar-rinviju.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2000, KVS International, C-301/98, Ġabra p. I-3583, punt 21, u tat-23 ta’ Novembru 2006, ZVK, C-300/05, Ġabra p. I-11169, punt 15 u tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg, C-466/07, Ġabra p. I-803, punt 37).

40

Fir-rigward tal-għan li r-Regolament Nru 2027/97 irid jilħaq, mill-premessa 1 tiegħu jirriżulta li dan huwa intiż sabiex itejjeb, fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport, il-livell ta’ protezzjoni tal-passiġġieri involuti f’inċidenti tal-ajru.

41

Barra minn hekk, kemm mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 2027/97 kif ukoll mill-premessi 3, 5 u 15 tiegħu jirriżulta li din l-intenzjoni ta’ titjib tal-livell ta’ protezzjoni tal-passiġġieri involuti f’inċidenti tal-ajru hija tradotta konkretament bl-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet intiżi sabiex jissostitwixxu, fir-rigward tat-trasport bl-ajru bejn Stati Membri tal-Komunità, ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, u dan sakemm isir eżami mill-ġdid u reviżjoni fil-fond ta’ din il-konvenzjoni.

42

B’mod partikolari, il-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra li l-limiti tar-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru, kif stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Varsavja, kienu baxxi wisq fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali li kienu jipprevalu fiż-żmien meta kien ġie redatt ir-Regolament Nru 2027/97. Għaldaqstant huwa ried jgħolli xi wħud minn dawn il-limiti.

43

Għall-kuntrarju, mill-premessi 2 u 4 tar-Regolament Nru 2027/97 kif ukoll mill-Artikolu 2(2) tiegħu jirriżulta li, meta dan ir-regolament ma jeskludix l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja bil-għan li jżid il-livell ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, din il-protezzjoni timplika li dan ir-regolament jikkomplimenta u huwa ekwivalenti għas-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni.

44

Issa, l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja, inkwantu dan jirregola biss metodu ta’ kif jiġi eżerċitat id-dritt li jiġi ppreżentat rikors għad-danni kontra t-trasportaturi bl-ajru f’każ ta’ inċident, ma jagħmilx parti mill-kategorija tad-dispożizzjonijiet li l-leġiżlatur Komunitarju ried jeskludi l-applikazzjoni tagħhom.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 2027/97 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja għal sitwazzjoni fejn vjaġġatur jinvoka r-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru minħabba d-dannu li huwa sofra waqt titjira bejn l-Istati Membri tal-Komunità.

Fuq it-tielet domanda

46

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli li Jirrigwardaw it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Varsavja fit-12 ta’ Ottubru 1929, kif emendata bl-erba’ protokolli addizzjonali ta’ Montreal tal-25 ta’ Settembru 1975, ma tagħmilx parti mir-regoli tas-sistema legali Komunitarja li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tinterpreta skont l-Artikolu 234 KE.

 

2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97, tad-9 ta’ Ottubru 1997, dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli li Jirrigwardaw it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Varsavja fit-12 ta’ Ottubru 1929, kif emendata bl-erba’ protokolli addizzjonali ta’ Montreal tal-25 ta’ Settembru 1975, għal sitwazzjoni fejn vjaġġatur jinvoka r-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru minħabba d-dannu li huwa sofra waqt titjira bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.