Keywords
Summary

Keywords

1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Direttiva 89/104 — Dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark li jopponi l-użu minn terzi ta’ sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Użu tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva — Kunċett

(Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 5(1)(a) u (b))

2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Direttiva 89/104 — Dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark li jopponi l-użu minn terzi ta’ sinjal identiku għal prodotti identiċi — Reklamar fil-kuntest ta’ servizz ta’ referenzar fuq l-internet — Preġudizzju għall-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini

(Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 5(1)(a))

3. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Direttiva 89/104 — Dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark li jopponi l-użu minn terzi ta’ sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Reklamar fil-kuntest ta’ servizz ta’ referenzar fuq l-internet — Probabbiltà ta’ konfużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 5(1))

Summary

1. Is-sinjal magħżul minn dak li jirreklama bħala kelma prinċipali fil-kuntest ta’ servizz ta’ referenzar fuq l-internet huwa l-mezz użat minnu sabiex jagħti bidu għall-wiri tar-reklam tiegħu, u għalhekk jintuża “matul il‑kummerċ” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 dwar it-trade marks. Barra minn hekk, dan huwa użu fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi ta’ min jirreklama, anki meta s-sinjal magħżul bħala kelma prinċipali ma jidhirx fir-reklam stess.

Madankollu, il-proprjetarju tat-trade mark ma jistax jipprojbixxi l-imsemmi użu tas-sinjal identiku għal jew li jixbah lit-trade mark tiegħu jekk ma ssodisfax il-kundizzjonijiet kollha previsti għal dan il-għan permezz tal‑Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar dan l-artikolu. Fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104, fejn terzi jagħmlu użu minn sinjal identiku għal trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, il-proprjetarju tat-trade mark huwa intitolat li jipprojbixxi dan l-użu jekk dan jista’ jippreġudika waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark. Fis-sitwazzjoni l-oħra, imsemmija fl‑Artikolu 5(1)(b) ta’ din id-direttiva, fejn terzi jagħmlu użu minn sinjal identiku għal jew li jixbah lil trade mark fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi għal jew li jixbhu lil dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, il-proprjetarju tat-trade mark ma jistax jipprojbixxi l-użu tal-imsemmi sinjal ħlief meta teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

(ara l-punti 18-22)

2. Il-proprjetarju tat-trade mark ma jistax jipprojbixxi l-użu ta’ sinjal identiku għat-trade mark, skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 dwar it-trade marks, jekk dan l-użu ma jkun jista’ jippreġudika ebda waħda mill-funzjonijiet tagħha.

Fir-rigward tal-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, il-kwistjoni jekk din il-funzjoni tkunx ippreġudikata meta, fuq il-bażi ta’ kelma prinċipali identika għal trade mark, jintwera lill-utenti tal-internet reklam ta’ terzi, tiddependi, b’mod partikolari, mill-mod kif dan ir-reklam jiġi ppreżentat. Il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark tkun ippreġudikata meta r-reklam ma jħallix, jew iħalli b’mod diffiċli biss, lill-utent tal-internet, li huwa normalment informat u raġonevolment attent, li jsir jaf jekk il-prodotti jew is-servizzi msemmija mir-reklam joriġinawx mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn impriża li għandha rabta ekonomika miegħu jew, għall-kuntrarju, minn terz.

F’dan ir-rigward, meta r-reklam ta’ terza jissuġġerixxi l-eżistenza ta’ rabta kummerċjali bejn din it-terzi u l-proprjetarju tat-trade mark, ikun hemm lok li jiġi konkluż li l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini kienet ippreġudikata. Bl-istess mod, għandu jiġi konkluż li l-imsemmija funzjoni tat-trade mark kienet ippreġudikata meta reklam, filwaqt li ma jissuġġerixxix l-eżistenza ta’ rabta kummerċjali, jibqa’ tant vag dwar l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni li utent tal-internet, li huwa normalment informat u raġonevolment attent, ma jkunx f’pożizzjoni li jsir jaf, fuq il-bażi tal-link pubbliċitarja u tal-messaġġ kummerċjali marbut ma’ din il-link, jekk min jirreklama huwiex terzi meta mqabbel mal-proprjetarju tat-trade mark jew, għall-kuntrarju, huwiex marbut b’mod kummerċjali mal-proprjetarju.

(ara l-punti 30, 35, 36)

3. L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 dwar it-trade marks għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark huwa intitolat jipprojbixxi lil min jirreklama milli jagħmel, fuq il-bażi ta’ kelma prinċipali identika għal jew li tixbah lill-imsemmija trade mark, li min jirreklama jkun għażel mingħajr il-kunsens tal-imsemmi proprjetarju fil-kuntest ta’ servizz ta’ referenzar fuq l-internet, reklamar għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom l-imsemmija trade mark hija rreġistrata, meta l-imsemmi reklamar ma jħallix, jew iħalli b’mod diffiċli biss, lill-utent tal-internet medju li jsir jaf jekk il-prodotti jew is-servizzi msemmija mir-reklam joriġinawx mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn impriża li għandha rabta ekonomika miegħu jew, għall-kuntrarju, minn terzi.

(ara l-punt 41)