SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2003/54/KE — Artikolu 15(2) — Artikolu 23(2) — Suq intern tal-elettriku — Approvazzjoni minn qabel tal-metodoloġiji użati sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-konnessjoni u l-aċċess għal netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi tat-trasport u tad-distribuzzjoni — Awtorità regolatorja nazzjonali”

Fil-Kawża C-274/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fil-25 ta’ Ġunju 2008,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Schima u P. Dejmek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, bħala aġent,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, aġent president tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), G. Arestis u T. von Danwitz,, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2009,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li,

billi naqas milli jadotta, skont l-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211, u rettifika ĠU 2004, L 16, p. 74, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), id-dispożizzjonijiet meħieġa sabiex jiżgura s-separazzjoni funzjonali, f’impriża integrata vertikalment, bejn l-interessi ta’ distribuzzjoni u ta’ produzzjoni, u

billi ma inkarigax lill-awtorità regolatorja li tistabbilixxi jew li tapprova, qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, tal-inqas il-metodoloġiji użati sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-konnessjoni u l-aċċess għal netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi tat-trasport u tad-distribuzzjoni, skont l-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva,

ir-Renju tal-Isvezja naqas mill-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

2

Skont il-premessa 2 tad-Direttiva, huma meħtieġa dispożizzjonijiet konkreti sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni fil-livell tal-produzzjoni u sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ dominanza tas-suq u ta’ aġir predatorju, filwaqt li jiġu ggarantiti tariffi tat-trasport u ta’ distribuzzjoni mhux diskriminatorji bl-aċċess għan-netwerk abbażi tat-tariffi ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

3

Skont il-premessa 6 tad-Direttiva, “[b]iex il-kompetizzjoni tkun tista’ tiffunzjona sew, l-aċċess għan-netwerks għandu jkun wieħed mhux diskriminatorju, trasparenti u prezzat b’mod ġust”.

4

Skont il-premessa 13 tad-Direttiva, għandhom jittieħdu miżuri oħra sabiex jiġu ggarantiti tariffi trasparenti, prevedibbli u mhux diskriminatorji għall-aċċess għan-netwerks, liema tariffi għandhom ikunu japplikaw mingħajr diskriminazzjoni għall-utenti kollha tan-netwerk.

5

Il-premessa 15 tad-Direttiva hija fformulata kif ġej:

“Il-preżenza ta’ regolament effettiv, imwettaq minn awtorità regolatorja nazzjonali waħda jew aktar, hija fattur importanti biex tiggarantixxi aċċess non-diskriminatorju għan-netwerks. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-funzjonijiet, il-kompetenzi u s-setgħat amministrattivi ta’ l-awtoritajiet regolatorji. Huwa importanti li l-awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri kollha jaqsmu l-istess sett minimu ta’ kompetenzi. Dawk l-awtoritajiet għandhom ikollhom il-kompetenza li jiffissaw u japprovaw it-tariffi, jew inkella, il-metodoloġiji li ma jkunux jidhru dwar il-kalkulazzjoni tat-tariffi tat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni. Biex tkun evitata l-inċertezza u kwistjonijiet li jqumu flus u li jdumu, dawn it-tariffi għandhom jiġu pubblikati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ.”

6

Il-premessa 18 tad-Direttiva hija fformulata kif ġej:

“L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiffissaw jew japprovaw it-tariffi, jew il-metodoloġiji moħbija fil-kalkolu tat-tariffi, fuq il-bażi ta’ proposta mill-operatur(i) tas-sistema tat-trasmissjoni jew d-distribuzzjoni, jew fuq il-bażi ta' proposta miftehma bejn dan/dawn l-operatur(i) u l-utenti tan-netwerks. Fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li t-tariffi tat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni jkunu non-diskriminatorju u jirriflettu tassew in-nefqa, u għandhom jikkunsidraw l-ispejjeż tan-netwerk li jkunu għal tul ta’ żmien, marġinali u evitati, liema spejjeż ikunu ġejjin minn miżuri ta’ ġenerazzjoni mqassma u ta’ amministrazzjoni li tkun tistmola d-domanda b’inċentivi u taxxi baxxi.”

7

Skont il-premessi 26 u 31 tad-Direttiva, fost l-għanijiet tagħha hemm “livelli ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha” u “il-ħolqien ta’ suq intern ta’ l-elettriku mħaddem b’mod sħiħ, li fih tkun tispikka kompetizzjoni imparzjali”.

8

Skont id-definizzjoni mogħtija fil-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva, għall-għanijiet tagħha, “impriża integrata vertikalment” tfisser “impriża jew grupp ta’ impriżi li r-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom huma definiti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31, rettifika ĠU L 257, p. 13, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) tat-30 ta’ Ġunju, Nru 1310/97, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164] u fejn tiżgura li għallinqas titwettaq waħda mill-funzjonijiet ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni u għallinqas waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista ta’ elettriku”.

9

L-Artikolu 15 dwar is-separazzjoni ġuridika tal-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni, li jaqa’ taħt il-Kapitolu V tad-Direttiva, intitolat “It-tħaddim tas-sistema [netwerk] tad-distribuzzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fejn l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni ikun parti minn impriża integrata vertikalment, dan għandu jkun indipendenti minn ta’ l-inqas f’termini tal-forma legali tiegħu, organizzazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet minn attivitajiet oħra li ma jkunux jikkonċernaw id-distribuzzjoni. Dawn ir-regoli m’għandhomx joħoloqu l-obbligu biex il-pusses ta’ l-assi ta’ l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni jiġi separat minn impriża integrata vertikalment.

2.   F’żjieda mal-kriterji tal-paragrafu 1, fejn l-operatur tas-sistema tad-distrbuzzjoni ikun parti minn impriża integrata vertikalment, dan għandu jkun indipendenti, f’termini ta’ l-organizzazzjoni tegħu u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, minn attivitajiet oħra la ma jkunux marbuta mad-distribuzzjoni. Biex jinkiseb dan, dawn il-kriterji minimi li ġejjin għandhom jgħoddu:

a)

Dawk il-persuni responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni jistgħu ma jipparteċipawx fl-istrutturi tal-kumpanija ta’ l-impriża integrata vertikalment li tkun responsabbli, direttament jew indirettament, mit-tħaddim ta’ kuljum tal-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u l-provvista ta’ l-elettriku;

b)

għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex ikun żgurat li l-interessi professjonali tal-persuni responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ l-operaturi tas-sistema tad-distrbuzzjoni jkunu ġew tabilħaqq kunsidrati, f’manjiera li jkun żgurat li dawn ikunu verament kapaċi li jaħdmu b’mod indipendenti;

ċ)

l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jkollu drittijiet effettivi dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet, li jkunu indipendenti mill-impriża integrata vertikalment, dwar l-assi meħtieġa biex iħaddem, iżomm jew jiżviluppa n-netwerks. Dan ma għandux jeskludi l-eżistenza ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ kordinazzjoni biex ikun żgurat li d-drittijiet tas-sorveljanza ekonomika u ta’ l-amministrazzjoni tal-kumpanija-omm [parent] dwar id-dħul fuq l-assi, regolati indirettament f’konformità ma’ l-Artikolu 23(2), ikunu verament żgurati f’waħda sussidjarja. B’mod partikolari, dan għandu jwassal biex il-kumpanija-omm tapprova l-pjan finanzjarju annwali, jew kwalunkwe strument ekwivalenti ieħor, ta’ l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni, u biex tistabbilixxi limiti globali fuq il-livelli ta’ dejn li kumpanija sussidjaraja tagħha jista’ jkollha. Dan ma għandux iwassal biex il-kumpanija-omm tagħti xi struzzjonijiet dwar it-tħaddim ta’ kuljum, u lanqas dwar deċiżjonijiet individwali marbuta mal-bini jew l-immodernizzar tal-linji ta’ distribuzzjoni, li ma jkunux jeċċedu t-termini tal-pjan finanzjarju approvat, jew kwalunkwe strument ekwivalenti ieħor;

d)

l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jistabbilixxi programm ta’ konformità, li jwaqqaf miżuri meħuda biex ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda mġieba diskriminatorja, u biex ikun żgurat ukoll li l-ħarsien ta’ dan ikun sorveljat tajjeb. Il-programm għandu jistabbilixxi l-obbligi speċifiċi tal-ħaddiema biex jilħqu dan il-għan. Għandu jiġi sottomess rapport annwali li fih ikun stabbiliti l-miżuri li jkunu ttieħdu. Dan għandu jkun sottomess mill-persuna jew l-entità responsabbli mis-sorveljanza tal-programm ta’ konformità lill-awtorità regolatorja li hemm imsemmija fl-Artikolu 23(1), u għandu jiġi wkoll pubblikat.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 1 u 2 għall-impriżi integrati ta’ l-elettriku, li jkunu jservu inqas minn 100000 abbonat, jew li jkunu jservu sistemi żgħar u iżolati.”

10

L-Artikolu 20, dwar l-aċċess ta’ terzi partijiet, li jaqa’ taħt il-Kapitolu VII tad-Direttiva, intitolat, “L-Organizzazzjoni ta’ l-Aċċess għas-Sistema”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess għal terzi partijiet lejn is-sistemi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni bbażati fuq tariffi ppubblikati, li jkunu japplikaw għall-klijenti kollha eliġibbli u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu moħbija fil-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ f’konformità ma’ l-Artikolu 23 u li dawn it-tariffi, u il-metodoloġiji - fejn il-metodoloġiji jkunu approvati - jiġu ppubblikati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ.”

11

L-Artikolu 23, dwar l-awtoritajiet regolatorji, li jaqa’ taħt il-Kapitolu VII tad-Direttiva, jipprovdi fil-paragrafi (2) sa (5) tiegħu:

“2.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu reponsabbli minn ta’ l-inqas għall-iffissar u l-approvazzjoni, qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ, tal-metodoloġiji użati biex ikunu kkalkulati u stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet għal:

a)

il-konnessjoni u l-aċċess għal netwerks nazzjonali, inklużi tariffi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni. Dawn it-tariffi, jew metodoloġiji, għandhom jippermettu l-investmenti meħtieġa fin-netwerks biex dawn jitwettqu f’manjiera li tkun tippermetti li dawn l-investimenti jkunu jiżguraw tabilħaqq il-vijabilità tan-netwerks;

b)

id-disposizzjoni ta’ servizzi bilanċjanti.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet regolatorji jissottomettu, għal deċiżjoni formali, lill-entità relevanti fl-Istat Membru t-tariffi jew minn ta’ l-anqas il-metodoloġiji msemmija f’dak il-paragrafu, kif ukoll il-modifikazzjonijiet fil-paragrafu 4. L-entità relevanti għandha, f’każ bħal dan, ikollha s-setgħa li jew tapprova jew inkella tirrifjuta abbozz ta’ deċiżjoni sottomess mill-awtorità regolatorja. Dawn it-tariffi jew il-metodoloġiji jew modifikazzjonijiet għal dan għandhom ikunu ppubblikati flimkien mad-deċiżjoni fuq adozzjoni formali. Kwalunkwe rifjut formali ta’ l-abbozz tad-deċiżjoni għandu jkun pubblikat bir-raġuni għaliex.

4.   L-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni jew distribuzzjoni, jekk ikun meħtieġ, biex jimmodifikaw it-termini u l-kondizzjonijiet, it-tariffi, ir-regoli, il-mekkaniżmi u l-metodoloġiji msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, biex ikun żgurat li dawn ikunu verament proporzjonati u applikati f’manjiera li ma tkunx diskriminatorja.

5.   Kwalunkwe parti li jkollha lment kontra operatur tas-sistema tat-trasmissjoni jew distribuzzjoni dwar il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 jistgħu jirreferu l-ilment lill-awtorità regolatorja li, waqt li tkun qed taġixxi bħala awtorità li ssolvi l-kwistjoni, għandha tagħti deċiżjoni fi żmien xahrejn minn wara li din tkun irċeviet l-ilment. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn oħra fejn tkun qed tintalab informazzjoni addizzjonali mill-awtorità regolatorja. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż għal darb’oħra bi ftehim ma’ dak li jkun għamel l-ilment. Deċiżjoni bħal din għandu jkollha effett vinkolanti kemm-il darba u sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni differenti b’appell.

Fejn ilment ikun jikkonċerna tariffi għal faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni ġodda u akbar, il-perjodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż mill-awtorità regolatorja.”

12

L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu konformi mad-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2004 u li għandhom immedjatament javżaw b’dan lill-Kummissjoni. Skont il-paragrafu (2) ta’ dan l-istess Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jipposponu l-implementazzjoni tal-Artikolu 15(1) sal-1 ta’ Lulju 2007, u dan mingħajr preġudizzju għall-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 15(2).

Id-dritt nazzjonali

13

Skont l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 3, tal-liġi (2005:551) dwar il-kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata [Aktiebolagslag (2005:551)], l-għan ta’ kumpannija ta’ responsabbiltà limitata huwa li tagħti profitt lill-azzjonisti tagħha, ħlief jekk ikun hemm dispożizzjoni kuntrarja fl-artikoli tal-assoċjazzjoni ta’ din il-kumpannija. L-obbligi tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti huma deskritti fil-Kapitolu 7 tal-imsemmija liġi. Il-Kapitolu 8 ta’ din fih dispożizzjonijiet dwar il-Bord tad-Diretturi u dwar il-president-direttur ġenerali, u jipprovdi, b’mod partikolari, l-obbligi prinċipali tal-Bord tad-Diretturi, il-funzjonijiet tal-president-direttur ġenerali u r-restrizzjonijiet ġenerali għas-setgħat tar-rappreżentant awtorizzat. Din l-istess liġi fiha, fl-Artikolu 3 tal-Kapitolu 17, intitolat, “Protezzjoni tal-kapital immobbli u regola ta’ prudenza”, dispożizzjonijiet li jirristrinġu d-distribuzzjoni tal-profitti minn sussidjarja għall-kumpannija parent tagħha,.

14

Il-Kapitolu 4 tal-liġi (1997:857) dwar l-elettriku [Ellag (1997:857] tirregola t-tariffi tan-netwerk, filwaqt li l-Kapitolu 12 tagħha huwa dwar ir-regolamentazzjoni u l-kontroll. Dawn jipprovdu hekk:

“Kapitolu 4 — Tariffi ta’ netwerk

Ġenerali

Artikolu 1 — It-tariffi tan-netwerk għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li l-qligħ totali li l-konċessjonarju jiġbor mill-użu tan-netwerk ikun raġonevoli meta mqabbel, minn naħa, mal-kundizzjonijiet oġġettivi tal-użu tan-netwerk u, min-naħa l-oħra, mal-modi ta’ użu tan-netwerk mill-konċessjonarju.

It-tariffi tan-netwerk għandhom ikunu oġġettivi u nondiskriminatorji.

Meta jiġu stabbiliti t-tariffi tan-netwerk għat-trasport tal-elettriku, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari: in-numru ta’ punti ta’ konnessjoni, is-sitwazzjoni ġeografika tal-punti ta’ konnessjoni, il-kwantità ta’ enerġija ttrasportata, is-saħħa użata, l-ispejjeż tan-netwerk superjuri u l-kwalità tat-trasport ta’ elettriku.

Meta jiġu stabbiliti t-tariffi tan-netwerk għall-konnessjoni għal ma’ linja jew ċirkwit għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari: is-sitwazzjoni ġeografika tal-punti ta’ konnessjoni u s-saħħa użata fil-punt tal-konnessjoni.

Il-gvern jew, bis-setgħa mogħtija minn dan tal-aħħar, l-awtorità regolatorja tan-netwerks jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet iktar dettaljati dwar il-ħolqien tat-tariffi ta’ netwerk.

[…]

Kapitolu 12 — Regolamentazzjoni

[…]

Artikolu 2 — Awtorità regolatorja tista’ titlob l-informazzjoni u tara dokumenti neċessarji għar-regolamentazzjoni. It-talba tista’ tkun assoċjata ma’ multa amministrattiva.

Kull deċiżjoni li tittieħed f’konformità mal-ewwel paragrafu hija immedjatament applikabbli.

Il-gvern, jew bis-setgħa mogħtija minn dan tal-aħħar, l-awtorità regolatorja tan-netwerks jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet dwar il-ġbir ta’ data neċessarji għall-evalwazzjoni tan-natura ekwa tat-tariffi tan-netwerk.

Artikolu 3 — Awtorità regolatorja tista’ toħroġ l-ordnijiet sabiex tiżgura r-rispett tad-dispożizzjonijiet u tal-kundizzjonijiet fir-rigward tar-regolamentazzjoni. Ordni tista’ tkun assoċjata ma’ multa amministrattiva.

Kull ordni fir-rigward tas-sigurtà elettronika jew għas-sigurtà tal-funzjonament tas-sistema elettrika nazzjonali hija immedjatament applikabbli.”

15

L-istruzzjonijiet amministrattivi Nru 3 tal-2003 li joħorġu mill-Aġenzija Svediża għall-enerġija [Statens energimyndighets författningssamling (STEMFS) (2003:3)], kif emendati bl-istruzzjonijiet amministrattivi Nru 2 tal-2005 tal-imsemmija aġenzija [Statens energimyndighets författningssamling (STEMFS) (2005:2), iktar ’il quddiem l-“istruzzjonijiet amministrattivi”], fihom dispożizzjonijiet iddettaljati fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura ekwa tat-tariffi tan-netwerk, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-tariffi u tar-regoli fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-awtorità regolatorja.

16

B’konformità mal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 1 tal-liġi (2004:875) dwar il-ġestjoni separata ta’ ċerti installazzjonijiet elettriċi [Lag (2004:875) om särskild förvaltning av vissa elektriska anläggningar], il-länsrätt (qorti amministrattiva), fuq talba tal-awtorità regolatorja tan-netwerks, tista’ torda l-ġestjoni separata ta’ installazzjoni elettrika jekk impriża li tuża netwerk li juża installazzjoni elettrika ma tissodisfax l-obbligi essenzjali tagħha skont il-leġiżlazzjoni applikabbli.

Il-proċedura prekontenzjuża

17

Peress li qieset li l-Artikolu 15(2)(b) u (ċ), kif ukoll l-Artikolu 23(2)(a) u (b) tad-Direttiva ma ġewx trasposti b’mod korrett mir-Renju tal-Isvezja, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE.

18

Wara li bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni, billi qieset li dawn tal-aħħar ma kinux sodisfaċenti fir-rigward tal-elementi kollha mqajma, ħarġet opinjoni motivata fil-15 ta’ Diċembru 2006 fejn talbet lir-Renju tal-Isvezja jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.

19

Ir-Renju tal-Isvezja rrisponda għall-imsemmija opinjoni motivata fl-14 ta’ Jannar 2007 fejn espona l-elementi differenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

20

Peress li l-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni kompleta tal-Artikoli 15(2)(b) u (ċ), u 23(2)(a) tad-Direttiva kienu baqgħu ma ttiħdux mir-Renju tal-Isvezja, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva

21

B’dan il-motiv, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju tal-Isvezja li naqas milli jadotta, skont l-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiżgura s-separazzjoni funzjonali, f’impriża integrata vertikalment, bejn l-interessi ta’ distribuzzjoni u ta’ produzzjoni.

22

Fid-difiża tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja ma jikkontestax il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tal-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva. Anki jekk jikkunsidra l-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tal-liġi tal-kumpanniji għandha l-effett li toħloq separazzjoni funzjonali meħtieġa minn dawn id-dispożizzjonijiet, huwa jammetti li ċerti miżuri speċifiċi neċessarji għat-traspożizzjoni tagħhom għad iridu jiġu adottati. F’dan ir-rigward, huwa jżid li, l-Energimarknadsinspektionen (kontroll nazzjonali tas-suq tal-elettriku) ġie mqabbad mill-gvern sabiex jeżamina l-emendi leġiżlattivi u/jew regolamentari neċessarji għat-traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 15 tad-Direttiva u li jibgħat rapport sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2008.

23

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva fis-sistema legali Svediża ma kinux għadhom ġew adottati sal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

24

L-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif kienet fil-mument tat-tmien ta’ dan it-terminu (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Greċja, C-103/00, Ġabra p. I-1147, punt 23, u tal-5 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-395/07, punt 8).

25

F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva

26

Il-Kummissjoni ssostni, b’dan il-motiv, li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva ma saritx korrettament fis-sistema legali Svediża, minħabba li l-awtorità regolatorja ma ġietx inkarigata tistabbilixxi jew tapprova, minn qabel, tal-inqas il-metodoloġiji tal-kalkolu tat-tariffi tan-netwerk fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

27

Ir-Renju tal-Isvezja jikkunsidra, min-naħa l-oħra, li s-sistema tiegħu hija konformi mad-Direttiva, peress li l-leġiżlazzjoni tiegħu tinkludi l-metodoloġiji meħtieġa minnha, flimkien mal-possibbiltà ta’ korrezzjoni a posteriori mill-awtoritajiet regolatorji tar-riżultati miksuba.

28

Fid-dawl ta’ din l-allegazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din il-leġiżlazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva.

29

Din id-dispożizzjoni tad-Direttiva tinkludi wkoll regola sostantiva, b’mod partikolari li t-tariffi, jew metodoloġiji, għandhom jippermettu li jsiru l-investimenti neċessarji għall-vijabbiltà tan-netwerks. Tali investimenti jistgħu jsiru min-naħa tal-operaturi ekonomiċi biss jekk dawn it-tariffi, jew metodoloġiji, huma biżżejjed preċiżi u jagħtu prevedibbiltà sodisfaċjenti.

30

Għandu jiġi rrilevat, mill-ewwel, li r-Renju tal-Isvezja jammetti n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ liġi interna fir-rigward ta’ approvazzjoni minn qabel, mill-awtorità regolatorja nazzjonali, tal-inqas tal-metodoloġiji użati sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ konnessjoni u ta’ aċċess għal netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni.

31

Dan l-Istat Membru jqis għaldaqstant li s-sistema Svediża tippermetti li jintlaħaq l-għan tad-Direttiva, jiġifieri l-ħolqien ta’ suq intern tal-elettriku kompletament operattiv li fil-kuntest tiegħu l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni leali huma ggarantiti, u dan sabiex jiġi żgurat, b’mod partikolari, li l-aċċess għan-netwerk ikun, skont il-premessa 6 tad-Direttiva, nondiskriminatorju, trasparenti u disponibbli għall-prezz xieraq.

32

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

33

Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li, anki jekk it-traspożizzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva proposta minn Stat Membru tippermetti li jiġu osservati, jew anki li jiġu osservati aħjar, ċerti għanijiet intiżi minn din id-direttiva, dan l-Istat Membru ma jistax iwarrab dispożizzjonijiet espressament previsti minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-243/03, Ġabra p. I-8411, punt 35).

34

Konsegwentement, ġustament il-Kummissjoni ssostni li, sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tad-Direttiva, ir-Renju tal-Isvezja ma jistax biss japplika sistema fejn il-kontroll tal-metodoloġija użata sabiex jiġu stabbiliti, b’mod partikolari, it-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jsir a posteriori, u dan anki fl-ipoteżi li dan il-kontroll huwa tant effettiv bħall-mekkaniżmu ta’ kontroll minn qabel, minħabba li d-Direttiva tipprevedi espressament li tintuża sistema ta’ approvazzjoni minn qabel u ma tagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw oħra.

35

Ir-Renju tal-Isvezja jallega wkoll li huwa biżżejjed, sabiex jiġu ossrvati r-rekwiżiti tal-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva, li tkun prevista sistema nazzjonali ta’ regolamentazzjoni li fil-kuntest tagħha huma biss il-linji gwida li abbażi tagħhom it-tariffi tan-netwerk ikunu użati li għandhom jiġu approvati minn qabel. F’dan il-każ, il-qafas regolamentari intern jistabbilixxi l-metodoloġiji għall-iffissar ta’ tariffi ta’ netwerk fis-sens tal-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva. Dan l-Istat Membru jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-Kapitolu 4 tal-liġi (1997:857) dwar l-elettriċità għall-istruzzjonijiet amministrattivi kif ukoll għad-deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2004 tal-Aġenzija Svediża tal-enerġija.

36

Skont it-termini tal-premessa 15 tad-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jistabbilixxu jew japprovaw dawn it-tariffi jew, tal-inqas, il-metodi għall-kalkolu tagħhom. Skont il-premessa 18 tad-Direttiva, dawn l-istess awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jaraw li dawn it-tariffi, hekk stabbiliti jew approvati, ma jkunux diskriminatorji u jkunu jirriflettu l-ispejjeż effettivament magħmula għat-trasport jew għad-distribuzzjoni tal-elettriku.

37

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jiddefinixxu l-għanijiet intiżi mil-leġiżlatur Komunitarju, m’hemmx lok li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva li titbiegħed mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, jirriżulta mit-test stess ta’ din id-dispożizzjoni li, minn naħa, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistabbilixxu jew japprovaw, qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, tal-inqas il-metodoloġiji użati sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-konnessjoni u tal-aċċess għal netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, li dawn it-tariffi, jew metodoloġiji, għandhom jippermettu li jsiru l-investimenti neċessarji għall-vijabbiltà tan-netwerks.

38

L-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva jeħtieġ għalhekk livell ta’ prevedibbiltà suffiċjenti tat-tariffi msemmija iktar ’il fuq li jippermettu li jiżguraw li jsiru investimenti neċessarji għall-vijabbiltà tan-netwerks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku.

39

Anki jekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, l-imsemmija dispożizzjoni ma teħtieġx mill-Istati Membri li jistabbilixxu formula fejn jidħlu diversi parametri li jippermettu l-kalkolu konkret u dirett tat-tariffi, għandu jiġi kkonstatat li l-qafas regolamentari li jirreferi għalih ir-Renju tal-Isvezja jinkludi biss prinċipji u kriterji ġenerali li għalihom għandhom jirrispondu t-tariffi tan-netwerk u għalhekk ma fihx metodoloġiji li jippermettu lill-operaturi li jipprevedu, anki jekk b’mod approssimattiv, it-tariffi applikabbli.

40

L-għan tad-Direttiva jista’ jintlaħaq biss bl-istabbiliment ta’ tariffi konkreti jew ta’ elementi ta’ metodoloġija ta’ kalkolu tat-tariffi li jilħaq livell ta’ preċiżjoni li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi li jistimaw il-prezz tagħhom tal-aċċess għan-netwerk ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni.

41

Isegwi li l-qafas regolamentari Svediż ma jirrispondix għar-rekwiżiti ta’ previdibbiltà tat-tariffi li tirriżulta mid-Direttiva, neċessarja sabiex ikunu jistgħu jsiru investimenti li jiżguraw il-vijabbiltà tan-netwerks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Fi kwalunkwe każ, ma jintroduċix, fil-liġi nazzjonali, il-mekkaniżmu ta’ kontroll minn qabel previst fl-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Svediża ma twaqqafx sistema li fil-kuntest tagħha jistgħu jsiru proposti ta’ tariffi lill-awtorità regolatorja qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

42

Għalhekk, it-tieni motiv invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li

billi naqas milli jadotta, id-dispożizzjonijiet meħieġa sabiex jiżgura s-separazzjoni funzjonali, f’impriża integrata vertikalment, bejn l-interessi ta’ distribuzzjoni u ta’ produzzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva, u

billi ma inkarigax lill-awtorità regolatorja li tistabbilixxi jew li tapprova, qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, tal-inqas il-metodoloġiji użati sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-konnessjoni u l-aċċess għal netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi tat-trasport u tad-distribuzzjoni, skont l-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva,

ir-Renju tal-Isvezja naqas mill-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

44

Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Isvezja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

1)

Ir-Renju tal-Isvezja,

billi naqas milli jadotta d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiżgura s-separazzjoni funzjonali, f’impriża integrata vertikalment, bejn l-interessi ta’ distribuzzjoni u ta’ produzzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE, u

billi ma inkarigax lill-awtorità regolatorja sabiex tistabbilixxi jew tapprova, qabel id-dħul fis-seħħ tagħom, tal-inqas il-metodoloġiji użati sabiex jiġu kkalkolati jew stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-konnessjoni u l-aċċess għal netwerks nazzjonali, inklużi t-tariffi ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva 2003/54,

naqas mill-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

 

2)

Ir-Renju tal-Isvezja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.