Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq it-trasferimenti tal-beni immobbli
(Artikolu 56 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 40)
Stat Membru li jżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprovdi li, għall-kalkolu ta’ vantaġġ fiskali meta jinxtara beni immobbli għal skopijiet ta’ residenza prinċipali ġdida, l-ammont tat-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa max-xiri ta’ residenza prinċipali preċedenti huwa meħud biss inkunsiderazzjoni meta din tkun tinsab f’reġjun partikolari ta’ dan l-Istat u mhux jekk din tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, jew Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 18 KE, 43 KE u 56 KE kif ukoll l-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).
Huwa minnu li tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 56 KE peress li, billi jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra l-Istat Membru kkonċernat, li jbiddlu l-post tar-residenza prinċipali tagħhom minn Stat Membru ieħor lejn it-territorju ta’ reġjun tal-Istat Membru kkonċernat u jużaw il-fondi miksuba mill-bejgħ tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom sabiex jiffinanzjaw l-akkwist tal-beni immobbli l-ġdid tagħhom li jinsab f’dan ir-reġjun, ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li t-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa fi Stat Membru ieħor ma titnaqqasx tista’, f’ċerti każijiet, tkun dissważiva għall-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu milli jixtru beni immobbli fir-reġjun ikkonċernat.
B’mod partikolari, id-differenza fit-trattament stabbilita b’dan il-mod tikkonċerna sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli peress li, fid-dawl tat-taxxa tar-reġistrazzjoni kkontestata, is-sempliċi differenza bejn is-sitwazzjoni tal-persuni li ma humiex residenti, inklużi ċ-ċittadini nazzjonali li użaw id-dritt għal moviment liberu tagħhom fl-Unjoni, u dik tar-residenti fir-reġjun ikkonċernat, ċittadini nazzjonali jew ta’ Stat Membru ieħor, li jixtru residenza prinċipali ġdida f’dan ir-reġjun, tirriżulta mill-post tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, dawn il-persuni kollha xtraw beni immobbli fir-reġjun ikkonċernat sabiex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk u, max-xiri tar-residenza prinċipali preċedenti tagħhom, tal-ewwel ħallsu taxxa tal-istess natura tat-taxxa tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru li din ir-residenza kienet tinsab, filwaqt li l-oħrajn ħallsu l-imsemmija taxxa fir-reġjun inkwistjoni.
Madankollu, din ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hija ġġustifikata minn raġunijiet intiżi sabiex iħarsu l-koerenza tas-sistema fiskali. Fil-fatt, peress li l-Istat Membru kkonċernat ma għandu l-ebda dritt li jintaxxa t-tranżazzjoni ta’ xiri mwettqa preċedentement fi Stat Membru ieħor mill-persuni li jiddeċiedu li jistabbilixxu r-residenza prinċipali l-ġdida tagħhom fir-reġjun inkwistjoni, il-konfigurazzjoni ta’ dan il-vantaġġ fiskali ċċitat jirrifletti loġika simetrika. Jekk dawn il-persuni kellhom jibbenefikaw mill-iskema ta’ taxxa portabbli meta jakkwistaw beni immobbli fir-reġjun ikkonċernat, huma jkollhom vantaġġ inġust minn skema ta’ taxxa li l-akkwist ta’ proprjetà immobbli preċedenti, barra mill-Istat Membru inkwistjoni, ma kinitx suġġetta għaliha. Minn dan jirriżulta li, f’tali skema, teżisti rabta bejn il-vantaġġ fiskali u l-intaxxar inizjali. Fil-fatt, minn naħa, din tirrigwarda l-istess persuna taxxabbli, li diġà ħallset it-taxxa inkwistjoni u li hija eliġibbli għat-tnaqqis u, min-naħa l-oħra, vantaġġ mogħti fil-kuntest tal-istess taxxa.
Barra minn hekk, ir-restrizzjoni inkwistjoni hija xierqa sabiex jintlaħaq tali għan sakemm hija topera b’mod perfettament simetriku, billi t-taxxa tar-reġistrazzjoni mħallsa preċedentement fil-kuntest tal-iskema fiskali nazzjonali biss tista’ titnaqqas. Bl-istess mod, l-imsemmija restrizzjoni hija assolutament proporzjonata għall-għan tagħha, peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tillimita għal massimu preċiż l-ammont tat-tnaqqis mogħti fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni li għaliha hija responsabbli l-persuna li tixtri residenza prinċipali ġdida fir-reġjun ikkonċernat. Fil-fatt, billi tipprovdi għal tali limitu, l-iskema kkontestata żżomm in-natura tagħha ta’ vantaġġ fiskali u ma tammontax għal eżenzjoni moħbija.
Sa fejn l-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE għandhom l-istess portata ġuridika bħad-dispożizzjonijiet, li huma sostanzjalment identiċi, tal-Artikolu 56 KE, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jistgħu jkunu trasposti mutatis mutandis għall-imsemmi Artikolu 40.
(ara l-punti 42, 44, 45, 59, 60, 73-75, 80-83)