Kawża C-221/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Irlanda

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 95/59/KE — Taxxi oħra għajr it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li jolqtu l-konsum tat-tabakk immanifatturat — Artikolu 9(1) — Libertà li biha l-manifatturi u l-importaturi jistabbilixxu l-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tagħhom — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti — Ġustifikazzjoni — Protezzjoni tas-saħħa pubblika — Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi oħra għajr it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li jolqtu l-konsum tat-tabakk immanifatturat

(Direttiva tal-Kunsill 95/59, kif emendata bid-Direttiva 2002/10, Artikolu 9(1))

2.        Stati Membri — Obbligi — Missjoni ta’ sorveljanza fdata lill-Kummissjoni — Dmir tal-Istati Membri

(Artikoli 10 KE u 226 KE)

1.        Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qligħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat, hekk kif emendata bid-Direttiva 2002/10, l-Istat Membru li jimponi prezzijiet minimi ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti, peress li din is-sistema ma tippermettix li jiġi eskluż, f’kull ipoteżi, li l-prezz minimu impost jippreġudika l-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta, għal ċerti produtturi jew importaturi ta’ prodotti tat-tabakk, minn prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi. Fil-fatt tali sistema, li, barra minn dan, tistabbilixxi l-prezz minimu b’riferiment għall-prezz medju ppratikat fis-suq għal kull kategorija ta’ sigaretti, jista’ jkollha bħala effett li telimina d-differenzi bejn il-prezzijiet ta’ prodotti kompetittivi u li tikkonverġi dawn il-prezzijiet lejn il-prezz tal-prodott l-iktar għoli. L-imsemmija sistema tippreġudika, għaldaqstant, il-libertà tal-produtturi u tal-importaturi li jistabbilixxu l-prezz massimu tagħhom ta’ bejgħ bl-imnut, iggarantita mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59.

Il-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk ma jistax ikollha effett fuq in-natura kompatibbli jew le ta’ tali sistema mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 peress li din il-konvenzjoni ma timponi ebda obbligu konkret fuq il-partijiet kontraenti fir-rigward tal-politika tal-prezzijiet għal prodotti tat-tabakk, u tiddeskrivi biss is-soluzzjonijiet possibbli sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet nazzjonali tas-saħħa fir-rigward tal-kontroll tat-tabakk. Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi biss li l-partijiet kontraenti jadottaw jew iżommu miżuri “li jistgħu jinkludu” l-applikazzjoni ta’ politika fiskali u, “fejn ikun xieraq” il-politika ta’ prezzijiet rigward il-prodotti tat-tabakk.

L-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 30 KE sabiex jiġġustifikaw ksur tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-persuni. Fil-fatt l-Artikolu 30 KE ma jistax jinftiehem bħala li jawtorizza miżuri oħra barra r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni kif ukoll, il-miżuri li għandhom effett ekwivalenti kif previst fl-Artikoli 28 KE u 29 KE.

Jibqa’ l-fatt li d-Direttiva 95/59 ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jkomplu l-ġlieda kontra t-tipjip, billi dan huwa meħtieġ mill-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

(ara l-punti 45, 46, 50, 51, 57 u d-dispożittiv 1)

2.        Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10 KE Stat Membru li ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ taqdi dmirha li tissorvelja l-konformità mad-Direttiva 95/59, dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qligħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat, hekk kif emendata bid-Direttiva 2002/10.

(ara l-punt 62 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Marzu 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 95/59/KE – Taxxi oħra għajr it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li jolqtu l-konsum tat-tabakk immanifatturat – Artikolu 9(1) – Libertà li biha l-manifatturi u l-importaturi jistabbilixxu l-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tagħhom – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk”

Fil-Kawża C-221/08

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2008,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

L‑Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn G. Hogan, SC, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala president tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Arabadjiev (relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–        billi imponiet prezzijiet minimi u massimi ta’ bejgħ bl-imnut għas-sigaretti, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE , tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar taxxi li m’humiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 283 – 288) hekk kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/10/KE tat-12 ta’ Frar 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 182 – 184, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 95/97”), u

–        billi naqset li tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ taqdi dmirha li tissorvelja l-konformità mad-Direttiva 95/59, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE;

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        Il-premessi 2, 3 u 7 tad-Direttiva 95/59 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Filwaqt li l-għan tat-Trattat [KE] huwa li jistabbilixxi unjoni ekonomika fejn hemm kompetizzjoni attiva u li l-karatteristiċi tagħha huma simili ta’ dawk ta’ suq domestiku; u, fejn jidħol tabakk manifatturat, l-intenzjoni wara dan il-għan huwa biex l-applikazzjoni fl-Istati Membri tat-taxxi li jaffettwaw il-konsum ta' prodotti f'dan is-settur ma toħloqx distorsjoni fil-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ma tfixkilx il-moviment liberu fi ħdan il-Komunità;

(3)      Filwaqt li, safejn taxxi tas-sisa huma kkonċernati, l-armoniżżazzjoni ta’ l-istrutturi għandha, b’mod partikolari, tirriżulta f’kompetizzjoni f’kategoriji differenti ta’ tabakk manifatturat taħt l-istess grupp u ma tinħoloqx distorsjoni bl-effetti ta’ l-ispiża tat-taxxa u, konsegwentament, fil-ftuħ tas-swieq nazzjonali ta’ l-Istati Membri;

[…]

(7)      Filwaqt li l-bżonnijiet imperattivi ta' kompetizzjoni jimplikaw sistema ta' prezzijiet iffurmati liberament għall-gruppijiet kollha ta' tabakk manifatturat”.

3        Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:

“Is-sostanzi li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati bħala tabakk manifatturat:

(a )sigaretti;

(b) sigarri u sigarillos;

(ċ) tabakk għat-tipjip

–        tabakk mqatta’ għall-irrumblar tas-sigaretti,

–        tabakk ieħor għat-tipjip;

kif inhu definit fl-Artikoli 3 sa 7.”

4        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/59 jiddisponi:

“1.      Sigaretti manifatturati fil-Komunità u dawk impurtati minn pajjiżi li mhumiex membri għandhom ikunu soġġetti għal taxxa tas-sisa proporzjonali kalkolata fuq il-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut, inkluż id-dazju u anke għal taxxa tas-sisa speċifika kalkolata fuq kull unit tal-prodott.

2.      Ir-rata tat-taxxa tas-sisa proporzjonali u l-ammont tat-taxxa tas-sisa speċifika għandha tkun l-istess għas-sigaretti kollha.

[…]”

5        Skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva:

“Persuna naturali jew legali stabblita fil-Komunità li tikkonverti it-tabakk f’prodotti manifatturati lesti għall-bejgħ bl-imnut għandu jiġi meqjus bħala manifattur.

Manifatturi, jew, fejn xieraq, ir-rappreżentanti jew aġenti awtorizzati tagħhom fil-Komunità u importaturi tat-tabakk minn pajjiżi li mhumiex membri għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott tagħhom għal kull Stat Membru fejn dawn il-prodotti jistgħu jiġu rilaxxati għall-konsum.

It-tieni paragrafu ma jistax, madankollu, ifixkel l-implementazzjoni tas-sistemi ta' leġislazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-livell tal-prezzijiet jew l-osservanza ta’ prezzijiet imposti, sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-leġislazzjoni tal-Komunità.”

6        L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-ammont ta’ taxxa tas-sisa speċifika fuq is-sigaretti għandu jiġi stabbilit b'referenza għas-sigaretti fl-aktar kategorija tal-prezzijiet popolari skond l-informazzjoni disponibbli fl-1 ta' Jannar ta’ kull sena, b'effett minn l-1 ta' Jannar 1978.

2.      Il-komponent ta' taxxa tas-sisa speċifika ma jistax ikun anqas minn 5 % jew aktar minn 55 % ta’ l-ammont globali tal-piż ta' taxxa, li jirriżulta mill-aggregazzjoni tat-taxxa tas-sisa proporzjonali, it-taxxa tas-sisa speċifika u t-taxxa fuq il-bejgħ imposta fuq dawn is-sigaretti.

[…]

5.      L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxa minima tas-sisa fuq sigarretti mibjugħa bi prezz aktar baxx mill-prezz bl-imnut għas-sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda, sakemm din it-taxxa tas-sisa ma teċċedix l-ammont tat-taxxa tas-sisa imposta fuq is-sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda.”

7        Id-Direttiva tal-Kunsill 92/79/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 202), hekk kif emendata bid-Direttiva 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 41, p. 430) tiffissa r-rati u l-ammonti minimi tat-taxxa tas-sisa minima totali li tolqot is-sigaretti.

8        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta’ Ġunju 2004 (ĠU L 142M p. 63) il-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk, iffirmata f’Genève fil-21 ta’ Mejju 2003 (iktar ’il quddiem il-“Konvezjoni ODS”), kienet ġiet approvata f’isem il-Komunità. L-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Miżuri finanzjarji u fiskali bl-għan li titnaqqas id-domanda għat-tabakk”, huwa fformulat kif ġej:

“1. Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-miżuri finanzjarji u fiskali huma mezz effettiv u importanti sabiex jitnaqqas il-konsum tat-tabakk min-naħa ta’ diversi segmenti tal-popolazzjoni, b’mod partikolari ż-żgħażagħ.

2. Bla ħsara għad-dritt sovran tal-partijiet li jiddeċiedu u jistabbilixxu l-politika ta’ tassazzjoni tagħhom, kull parti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet nazzjonali għas-saħħa tagħha rigward il-kontroll tat-tabakk u tadotta jew iżżomm, kif ikun xieraq, miżuri li jistgħu jinkludu:

a)      l-implementazzjoni tal-politika fiskali u, fejn ikun xieraq, il-politika ta’ prezzijiet, rigward il-prodotti tat-tabakk sabiex jingħata kontribut għall-għanijiet tas-saħħa mmirati biex inaqqsu l-konsum tat-tabakk,

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9        Skont l-Artikolu 2(1) tal-Liġi tal-1978 fuq il-prodotti tat-tabakk (kontroll tal-reklamar, tal-isponsorship u tal-promozzjoni ta’ bejgħ), Nru 27/1978 [Tobacco Products (Control of Advertising, Sponsorship and Sales Promotion) Act 1978, No 27/1978], il-Ministru tas-Saħħa jista’ jagħmel regolamenti sabiex jiġu kkontrollati u rregolati r-reklamar tal-prodotti tat-tabakk, tal-isponsorship u ta’ kull attività oħra li tista’ tkun intiża għall-promozzjoni tal-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk jew li tista’ tippromwovi l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk.

10      Skont l-Artikolu 2(2)(i) ta’ din il-liġi, l-imsemmija regolamenti jistgħu jipprevedu “il-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk li bihom jinbiegħu l-prodotti tat-tabakk ta’ tip jew ta’ natura simili fiż-żmien ikkunsidrat tant li l-bejgħ bi prezzijiet iktar baxxi jikkostitwixxi, fil-fehma tal-Ministru [tas-Saħħa], mezz ta’ promozzjoni tal-bejgħ”.

11      Ir-Regolament tal-1991 fuq il-prodotti tat-tabakk (kontroll tar-reklamar, tal-isponsorship u tal-promozzjoni ta’ bejgħ) [Tobacco Products (Control of Advertising, Sponsorship and Sales Promotion) Regulations 1991, S.I. n°326/1991, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-1991”] stabbilixxa r-regolamentazzjoni fil-qasam billi ħassar ir-Regolament tal-1986 fuq il-prodotti tat-tabakk (kontroll tar-reklamar, tal-isponsorship u tal-promozzjoni ta’ bejgħ) [Tobacco Products (Control of Advertising, Sponsorship and Sales Promotion) (No 2) Regulations 1986, S.I. n° 107/1986, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-1986”]. L-Artikolu 16 tar-Regolament tal-1991, li jikkorrispondi għall-Artikolu 18 tar-Regolament tal-1986, jipprevedi:

“(1)      Ħadd ma jista’ jbiegħ bl-imnut prodott tat-tabakk ta’ marka partikolari bi prezz iktar baxx milli kieku tinbiegħ bih dik il-marka.

(2)      Ħadd ma jista’ joffri li jbiegħ bl-imnut prodott tat-tabakk ta’ marka partikolari għal prezz iktar baxx minn dak li kieku huwa jikseb għal din il-marka billi jiddistribwixxi lill-persuni kupun jew dokument simili.

(3)      Ħadd ma jista’ juża, fir-rigward tal-bejgħ jew ix-xiri bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk, offerti ta’ vawċers, timbri li jissarrfu f’oġġetti, kupuni, sussidji, tokins jew rigali (inklużi rigali ta’ prodotti tat-tabakk)”

12      L-Artikolu 17 tar-Regolament tal-1991, li jikkorrispondi għal-Artikolu 19 tar-Regolament tal-1986, jiddisponi:

“(1)      Huwa pprojbit li kwalkunkwe persuna tbiegħ bl-imnut prodott tat-tabakk bi prezz li fir-rigward tiegħu l-Ministru [tas-Saħħa], fl-eżerċizzju tas-setgħat li ngħatawlu mill-Artikolu 2(2)(i) tal-Liġi [tal-1978 fuq il-prodotti tat-tabakk], jikkunsidra li l-bejgħ ta’ dak il-prodott b’tali prezz jikkostitwixxi forma ta’ promozzjoni tal-bejgħ.

(2)      L-opinjoni tal-[imsemmi] Ministru, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, huwa kkomunikat bil-miktub lill-persuna kkonċernata.”

13      Il-Ministru tas-Saħħa ħareġ, fl-1986, Memorandum ta’ Kjarifika (Memorandum of Clarification), fir-rigward tar-Regolament tal-1986. L-ewwel sentenza tal-punt 2 tal-parti tal-imsemmi memorandum li tirrigwarda l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-1986 hija fformulata kif ġej:

“Il-prezz medju differenzjat tas-sigaretti kollha f’kull kategorija mibjugħa mill-kumpanniji membri tal-[Irish Tobacco Manufacturers Advisory Council (Kumitat Konsultattiv tal-Fabbrikanti ta’ Tabakk Irlandiż)] għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-volum tal-bejgħ nett kif joħroġ mill-maħżen ta’ kull marka għas-sena preċedenti sal-31 ta’ Diċembru, minn naħa, u tal-prezz ta’ bejgħ bl-imnut irrakkomandat applikabbli fil-mument li fih il-prezz medju differenzjat għal kull kategorija huwa ddeterminat, min-naħa l-oħra.”

14      Skont l-ewwel sentenza tal-punt 3 ta’ din l-istess parti tal-imsemmi memorandum, “ikun hemm forma ta’ promozzjoni ta’ bejgħ meta l-prezz ta’ bejgħ bl-imnut irrakkomandat ta’ marka ta’ sigarretti jkun iktar minn 3 % inqas mill-prezz medju differenzjat tal-kategorija tiegħu”.

 Il-proċedura prekontenzjuża

15      Billi kkunisdrat li l-leġiżlazzjoni Irlandiża dwar il-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk hija inkompatibbli mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda fit-23 ta’ Ottubru 2001.

16      Fis-27 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni wkoll bagħtet talba għal informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni Irlandiża applikabbli.

17      Billi qieset li r-risposta tal-Irlanda għall-ittra ta’ intimazzjoni, tal-4 ta’ Settembru 2002, ma kienx fiha l-informazzjoni mitluba, il-Kummissjoni bagħtet, fl-1 ta’ Ottubru 2002, talba oħra għal informazzjoni lil dan l-Istat Membru, li għaliha ma ngħatatx risposta.

18      Il-Kummissjoni mbagħad bagħtet, fis-17 ta’ Ottubru 2003 u fid-9 ta’ Lulju 2004, rispettivament ittra ta’ intimazzjoni u opinjoni motivata lill-Irlanda, li fihom ikkonkludiet li, billi ma pprovdietx l-informazzjoni mitluba, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10 KE. Din l-opinjoni motivata talbet lill-imsemmi Stat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jissodisfa dawn l-obbligi f’terminu ta’ xahrejn minn meta dan jirċievi l-imsemmija opinjoni.

19      Fl-10 ta’ Diċembru 2004, il-Ministeru tas-Saħħa u tat-Tfal Irlandiż bagħat lis-Sur Medghoul, Direttur tat-Taxxa u tal-Unjoni Doganali fi ħdan il-Kummissjoni, ittra li fiha dan iddiskriva fil-qosor il-leġiżlazzjoni Irlandiża li kienet ser tiġi adottata fil-qasam tas-saħħa pubblika u tat-tabakk, filwaqt li indika, madankollu, li din il-leġiżlazzjoni kienet s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati Irlandiżi u ma kinitx, għaldaqstant, għada fis-seħħ. L-imsemmija leġiżlazzjoni kienet għada ma daħlitx fis-seħħ fil-mument tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-15 ta’ Diċembru 2006, imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.

20      Fuq talba tal-Kummissjoni, saret laqgħa bejnha u l-awtoritajiet Irlandiżi fl-10 ta’ Frar 2005.

21      Fl-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-Irlanda ittra ta’ intimazzjoni u, fil-15 ta’ Diċembru 2006, opinjoni motivata oħra, li fihom din l-istituzzjoni sostniet li, bl-istabbiliment ta’ sistema ta’ prezzijiet massimi u minimi għall-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 95/59. L-imsemmija opinjoni motivata talbitu biex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma għal dan f’terminu ta’ xahrejn minn meta dan jirċeviha.

22      L-Irlanda rrispondiet għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Jannar 2007, billi sostniet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

23      Il-Kummissjoni mbagħad bagħtet, fid-29 ta’ Ġunju 2007, opinjoni motivata addizzjonali. Billi kkunsidrat, fid-dawl tar-risposti tal-Irlanda għal dawn l-opinjonijiet motivati, li s-sitwazzjoni baqgħet insodisfaċenti, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59

 L-argumenti tal-partijiet

24      Abbażi tal-informazzjoni li hija għandha, b’mod partikolari dik li toħroġ mill-minuti tal-laqgħa tal-10 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni tikkunsidra li, skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża inkwistjoni u fid-dawl tal-prattika tal-awtoritajiet Irlandiżi, huma ffissati, għall-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti, min-naħa, prezzijiet minimi, sa fejn huwa pprojbit li jintuża prezz inqas minn iktar minn 3 % tal-prezz medju differenzjat tas-sigaretti tal-kategorija rilevanti, u, min-naħa l-oħra, tal-prezzijiet massimi, sa fejn huwa pprojbit li jinqabeż l-imsemmi prezz medju differenzjat ta’ iktar minn 3 %. Din is-sistema għandha bħala effett li tillimita l-libertà tal-produtturi u tal-importaturi li jiddeterminaw il-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tagħhom u tmur, għaldaqstant, kontra l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59. Bħas-sistemi nazzjonali l-oħra simili li ġew eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija sistema tostakola l-bejgħ ta’ sigaretti għal prezz iktar baxx minn dak iffissat mill-Istat Membru kkonċernat. Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59.

25      Is-sistema ta’ prezzijiet minimi u massimi inkwistjoni lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata mill-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika previst fl-Artikolu 30 KE. Fil-fatt, jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET (C-470/03, Ġabra p. I‑2749), li kwistjoni li kienet is-suġġett ta’ armonizzazzjoni ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jidderogaw mil-liberatjiet fundamentali.

26      F’kull każ, l-Istat Membri jistgħu jiżguraw li l-prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk huma suffiċjentament għoljin, sa fejn dan huwa neċessarju għall-ġlieda kontra t-tipjip, permezz ta’ żieda ġenerali fil-livell ta’ tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti, iżda wkoll permezz ta’ żieda speċifika, billi jingħata koeffiċjent lill-kompenenti diversi tat-taxxa tas-sisa u billi tiġi stabbilita taxxa tas-sisa minima. Id-direttivi relatati mat-tassazzjoni tas-sigaretti jħallu lill-Istati Membri l-libertà li adattaw din it-taxxa skont il-prijoritajiet tagħhom stess.

27      Il-Kummissjoni tikkunsidra, barra minn hekk, li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 huwa kompatibbli mal-Konvenzjoni ODS. Minn naħa, din il-konvenzjoni ma tobbligax lill-partijiet kontraenti biex japplikaw prezzijiet minimi. Min-naħa l-oħra, din ma tagħtix lill-Istati Membri dritt, li jista’ jiġi invokat kontra l-Kummissjoni, li jagħżlu bejn l-applikazzjoni ta’ politika fiskali u l-applikazzjoni ta’ politika ta’ prezzijiet, peress li l-kwistjoni taqa’ taħt il-funzjonament intern tal-Komunità.

28      Rigward ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/54/KE, tat-2 ta’ Diċembru 2002, dwar il-prevenzjoni tat-tipjip u dwar inizjattivi sabiex jissaħħaħ il-kontroll tat-tabakk (ĠU 2003, L 22, p. 31), invokata mill-Irlanda sa fejn din tirreferi għal “miżuri xierqa li jirrigwardaw il-prezz tal-prodotti tat-tabakk sabiex jiskorraġġixxu l-konsum ta’ tabakk”, il-Kummissjoni tqis li t-termini tal-imsemmija rakkomandazzjoni ma humiex vinkolanti u li, f’kull każ, dawn ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jinkoraġġixxu ksur tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59.

29      Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika ma humiex kompletament barranin għall-armonizzazzjoni tat-taxxa tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk.

30      L-Irlanda ssostni li la leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u lanqas il-Memorandum ta’ Kjarifika tal-1986 ma jipprojbixxu li jinqabeż iktar minn 3 % tal-prezz medju differenzjat għal kull kategorija ta’ sigaretti. Ma humiex, għaldaqstant, imposti prezzijiet minimi. L-Irlanda tammetti li l-minuti tal-laqgħa tal-10 ta’ Frar 2005 ma jirriflettux ir-realtà f’dan ir-rigward.

31      Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59, li jipprevedi li l-prodtturi u l-importaturi ta’ tabakk manifatturat għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut tal-prodott tagħhom, ma jsemmix prezzijiet minimi, u, konsegwentement, ma jipprojbixxix l-impożizzjoni ta’ tali prezzijiet minimi. L-impożizzjoni ta’ prezz minimu jipprekludi lill-produtturi u l-importaturi milli jistabbilixxu l-prezzijiet massimi biss fis-sens tekniku u kompletament artifiċjali. Barra minn hekk, għad-differenza ta’ sistemi nazzjonali oħra li ġew eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema Irlandiża hija intiża biss sabiex tiġġieled kontra l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk bi prezz baxx.

32      L-Irlanda tikkunsidra li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni, insostenn tal-argument tagħha li l-Artikolu 30 KE ma jistax jiġi invokat f’dan il-każ, ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża. Fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Ottubru 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑216/98. Ġabra p. I‑8921), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Artikolu 30 KE, u b’mod partikolari l-għan ta’ protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-persuni, jista’, bħala regola, jiġġustifika l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ bl-imnut tal-prodtti tat-tabakk. Issa, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali estiża fir-rigward tal-karattru neċessarju u xieraq tal-miżuri intiżi sabiex jipproteġu s-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Irlandiża inkwistjoni tissodisfa l-kriterju ta’ proporzjonalità. Hija tirriżulta minn għażla politika leġittima bejn l-iffissar ta’ prezzijiet minimi u ż-żieda tal-livell fiskali.

33      L-Irlanda ssostni li l-miżuri fiskali ma jikkostitwixxux, fihom infushom, mezz suffiċjenti sabiex jinkiseb l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika li jikkonsisti f’li jiġi eskluż il-bejgħ ta’ sigaretti bi prezz baxx. L-effett ta’ dawn il-miżuri huwa inċert, peress li l-produtturi jistgħu jiddeċiedu li jassorbu ż-żieda tat-taxxa tas-sisa. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru ma jistax jiġġieled b’mod effettiv kontra l-bejgħ tas-sigaretti bi prezz baxx permezz tal-impożizzjoni ta’ taxxa tas-sisa minima mingħajr ma jipproċedi għal żieda ġenerali tal-livell fiskali għas-sigaretti kollha, livell li huwa diġà għoli ħafna fl-Irlanda. Barra minn hekk, iż-żieda tal-livell tat-taxxa tas-sisa tinvolvi żieda tar-riskju ta’ kuntrabandu.

34      Il-proporzjonalità, fir-rigward ta’ dan l-għan, tas-sistema Irlandiża tal-iffissar ta’ prezzijiet minimi hija kkonfermata mill-punt 7 tar-Rakkomandazzjoni 2003/54 kif ukoll mill-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ODS. Rigward l-imsemmija rakkomandazzjoni, l-Irlanda ssostni li, jekk ir-rakkomandazzjonijiet ma jikkostitwixxux miżuri vinkolanti, huma xorta jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni meta dawn jistgħu jikkjarifikaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Fir-rigward tal-Konvenzjoni ODS, dan l-Istat Membru jsostni li, filwaqt din ma timponix l-obbligu li tiġi applikata sistema ta’ prezzijiet minimi, din tobbliga l-partijiet kontraenti sabiex jirregolaw il-prezz ta’ bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk jew permezz ta’ politika fiskali jew inkella permezz ta’ politika ta’ prezz, skont is-soluzzjoni l-iktar xierqa. L-Irlanda tikkunsidra, skont is-setgħa diskrezzjonali tagħha, li l-politika ta’ prezz tikkostitwixxi kompletezza xierqa għal politika fiskali tagħha.

35      L-Irlanda tallega, fl-aħħar nett, li d-Direttiva 95/59 hija bbażata fuq għan ta’ kompetizzjoni u li din ma tiħux inkunsiderazzjoni s-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni stess ipproponiet reċentement emendi għal din id-direttiva [proposta għal direttiva COM(2008) 459/finali] intiżi, fil-biċċa l-kbira, sabiex jitnaqqas il-konsum tat-tabakk. Hija rrikonoxxiet ukoll li s-sistema Komunitarja eżistenti ma ppermettietx li jitneħħew differenzi sinjifikattivi fil-prezzijiet bejn l-Istati Membri u li dawn id-differenzi kienu wasslu għal kuntrabandu kif ukoll għal xiri transkonfinali sinjifikattiv u dan joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-tabakk, telf baġitarju għall-Istati Membri li japplikaw livell relattivament għoli ta’ tassazzjoni u jikkomprometti, barra minn hekk, il-ksib tal-għanijiet ta’ saħħa pubblika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Għandu jitfakkar, b’mod preliminari, li jirriżulta mill-premessa 3 tad-Direttiva 95/59 li din tidħol fil-kuntest ta’ politika ta’ armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxa tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat li għandhom bħala għan li jiġi evitat li l-kompetizzjoni f’kategoriji differenti ta’ tabakk manifatturat taħt l-istess grupp tkun distorta u, b’hekk, jinfetħu s-swieq nazzjonali tal-Istati Membri.

37      Għal dan il-għan, l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li s-sigaretti mmanifatturati fil-Komunità u dawk importati minn pajjiżi terzi għandhom ikunu suġġetti f’kull Stat Membru għal taxxa tas-sisa proporzjonali kkalkulata fuq il-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut, inkluż id-dazju u anki għal taxxa tas-sisa speċifika kalkolata fuq kull unit tal-prodott (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

38      Barra minn dan, jirriżulta mill-premessa 7 tad-Direttiva 95/59 li l-bżonnijiet imperattivi ta’ kompetizzjoni jimplikaw sistema ta’ prezzijiet ifformati liberament għall-gruppijiet kollha ta’ tabakk immanifatturat.

39      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-manifatturi jew, jekk ikun il-każ, ir-rappreżentanti jew aġenti awtorizzati tagħhom fil-Komunità kif ukoll l-importaturi tat-tabakk minn pajjiżi terzi għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott tagħhom, sabiex jiġi ggarantit li jkun hemm kompetizzjoni bejniethom (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il_Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20). Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura li d-determinazzjoni tal-bażi ta’ stima tad-dazju tas-sisa proporzjonali fuq il-prodotti tat-tabakk, jiġifieri l-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut ta’ dawn il-prodotti, tkun suġġetta għall-istess regoli fl-Istati Membri kollha. Din għandha l-għan ukoll, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, li tibqa’ żżomm il-libertà tal-operaturi fuq imsemmija, li tippermettilhom jibbenefikaw effettivament mill-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn eventwali prezzijiet tal-produzzjoni iktar baxxi.

40      L-impożizzjoni ta’ prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut mill-awtoritajiet pubbliċi għandha bħala effett li l-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut stabbilit mill-produtturi u mill-importaturi ma jkunx jista’, f’kull ipoteżi, ikun inqas minn dan il-prezz minimu vinkolanti. Leġiżlazzjoni li timponi tali prezz minimu tista’ għalhekk tippreġudika r-relazzjonijiet kompetittivi billi tipprekludi wħud minn dawn il-produtturi jew importaturi milli jieħdu vantaġġ mill-prezzijiet tal-produzzjoni iktar baxxi sabiex joffru prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut iktar attraenti.

41      Għaldaqstant, sistema ta’ prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk manufatturat ma tistax titqies bħala kompatibbli mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 sakemm ma hijiex imfassla b’mod li teskludi, f’kull ipoteżi, il-preġudizzju tal-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta, għal ċerti produtturi jew importaturi ta’ prodotti tali, minn prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi u li, għaldaqstant, tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, C‑197/08, punt 38, u Il-Kummissjoni vs L‑Awstralja, C‑198/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).

42      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li teħtieġ tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija f’dan ir-rikors.

43      Din il-leġiżlazzjoni timponi fuq il-prodtturi u fuq l-importaturi attivi fis-suq Irlandiż prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti li jikkorrispondi għal 97 % tal-prezz medju differenzjat ipprattikat f’dan is-suq għal kull kategorija ta’ sigaretti.

44      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma stabbilitx li din is-sistema timponi fuq il-produtturi u fuq l-importaturi prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti.

45      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija sistema ma tippermettix li jiġi eskluż, f’kull ipoteżi, li l-prezz minimu impost jippreġudika l-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta, għal ċerti produtturi jew importaturi ta’ prodotti tat-tabakk, minn prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi. Għall-kuntrarju, kif irrilevat mill-Kummissjoni matul is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Irlanda fuq dan il-punt, tali sistema, li, barra minn dan, tistabbilixxi l-prezz minimu b’riferiment għall-prezz medju differenzjat fis-suq għal kull kategorija ta’ sigaretti, jista’ jkollha bħala effett li telimina d-differenzi bejn il-prezzijiet ta’ prodotti kompetittivi u li tikkonverġi dawn il-prezzijiet lejn il-prezz tal-prodott l-iktar għoli. L-imsemmija sistema tippreġudika, għaldaqstant, il-libertà tal-produtturi u tal-importaturi li jistabbilixxu l-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut tal-prodotti tagħhom, iggarantita mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59.

46      Fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-ODS, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 50 u 51 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-konvenzjoni ma timponi ebda obbligu konkret fuq il-partijiet kontraenti fir-rigward tal-politika tal-prezzijiet għal prodotti tat-tabakk, u tiddeskrivi biss is-soluzzjonijiet possibbli sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet nazzjonali tas-saħħa fir-rigward tal-kontroll tat-tabakk. Fil-fatt, l-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi biss li l-partijiet kontraenti jadottaw jew iżommu miżuri “li jistgħu jinkludu” l-applikazzjoni ta’ politika fiskali u, “fejn ikun xieraq” il-politika ta’ prezzijiet rigward il-prodotti tat-tabakk.

47      Bl-istess mod, ebda indikazzjoni konkreta fir-rigward tal-użu ta’ sistemi ta’ prezzijiet minimi ma tista’ tiġi dedotta mir-Rakkomandazzjoni 2003/54 li, barra minn hekk, ma għandhiex forza vinkolanti. Fil-fatt, il-passaġġi ta’ dawn it-testi li l-Irlanda tirreferi għalihom sempliċement jesprimu l-idea li l-prezzijiet għoljin ta’ prodotti tat-tabakk għandhom bħala għan li jiskorraġġixxu l-konsum.

48      F’kull każ, kif jirriżulta mill-punt 41 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 95/59 ma tipprekludix politika tal-prezzijiet sakemm din tal-aħħar ma tmurx kontra l-għanijiet tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari dak li jeskludi distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ kategoriji differenti ta’ tabakk manifatturat li jappartjenu lill-istess grupp.

49      L-Irlanda ssostni wkoll li s-sistema ta’ prezz minimu inkwistjoni hija ġġustifikata bl-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni previst fl-Artikolu 30 KE. Skont dan l-Istat Membru, iż-żieda fil-livell tat-taxxi ma tistax tiggarantixxi prezzijiet suffiċjentement għoljin ta’ prodotti tat-tabakk, għaliex din iż-żieda tista’ tiġi assorbita mill-produtturi jew mill-importaturi billi jissagrifikaw parti mill-qligħ tagħhom, jew billi jbigħu b’telf.

50      Jeħtieġ jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 30 KE ma jistax jinftiehem bħala li jawtorizza miżuri oħra barra r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni kif ukoll, il-miżuri li għandhom effett ekwivalenti kif previst fl-Artikoli 28 KE u 29 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑302/00, Ġabra p. I‑2055, punt 33). F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma invokatx ksur ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

51      Jibqa’ l-fatt li d-Direttiva 95/59 ma tipprekludix lill-Irlanda milli tkompli l-ġlieda kontra t-tipjip, billi dan huwa meħtieġ mill-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

52      Bl-istess mod, ma jistax jingħad li dan l-għan ma ttieħidx inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din id-direttiva.

53      Fil-fatt, kif jissemma fil-premessa 7 tad-Direttiva 2002/10, l-aħħar att li jemenda d-Direttiva 95/59/KE, li madankollu l-Artikolu 9 tiegħu jibqa’ l-istess, it-Trattat KE, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 152(1) KE jirrikjedi li d-definizzjoni kif ukoll l-implementazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet kollha tal-Komunità għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

54      F’din l-istess premessa jiġi wkoll ippreċiżat li l-livell ta’ tassazzjoni huwa element fundamentali tal-prezz tal-prodotti tat-tabakk, li, min-naħa tiegħu, jinfluwenza d-drawwiet tat-tipjip tal-konsumaturi. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, rigward il-prodotti tat-tabakk, il-leġiżlazzjoni fiskali tikkostitwixxi strument importanti u effikaċi għall-kontroll tal-konsum ta’ dawn il-prodotti u, għaldaqstant, għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Valeško, C‑140/05, Ġabra p. I‑10025, punt 58) u li l-għan li jiġi żgurat li l-prezzijiet tal-imsemmija prodotti jkunu ffissati f’livelli għolja jista’ jintlaħaq b’mod adegwat b’tassazzjoni ogħla ta’ dawn il-prodotti, peress li żidiet fit-taxxi tas-sisa għandhom eventwalment illum jew għada jirriżultaw f’żieda fil-prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut, mingħajr ma jinħoloq preġudizzju għal-libertà tal-iffissar tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

55      Barra minn hekk, jekk l-Istati Membri jixtiequ jeliminaw b’mod permanenti kull possibbiltà għall-produtturi jew għall-importaturi li jassorbu, anki temporanjament, l-impatt tat-taxxi fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut tat-tabakk immanifatturat billi jbigħuh b’telf, huma b’mod partikolari jistgħu, filwaqt li jippermettu b’hekk lill-imsemmija produtturi u importaturi li jibbenefikaw effettivament mill-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn eventwali prezzijiet tal-produzzjoni iktar baxxi, li jipprojbixxu l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk immanifatturat bi prezz iktar baxx mis-somma tal-prezz tal-produzzjoni u tat-taxxi kollha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tal-4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 53 u Il‑Kummissjoni vs L‑Awstralja, punt 43).

56      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ għal dak li jikkonċerna l-ilment tal-Kummissjoni dwar l-impożizzjoni, fl-Irlanda, ta’ prezzijiet minimi ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti, iżda għandu jiġi miċħud għal dak li jikkonċerna l-ilment relatat mal-impożizzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ prezzijiet massimi ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti.

57      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi imponiet prezzijiet minimi ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 KE

 L-argumenti tal-partijiet

58      Skont il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 10 KE jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Komunità, b’mod partikolari billi jilqgħu t-talbiet ta’ informazzjoni mressqa fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur. Issa, billi ma pprovditx informazzjoni fuq il-leġiżlazzjoni Irlandiża applikabbli minkejja t-talbiet tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju u tal-1 ta’ Ottubru 2002, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmi artikolu. Fil-fatt, ir-risposta ta’ dan l-Istat Membru tal-4 ta’ Settembru 2002 għall-ittra ta’ intimazzjoni tat-23 ta’ Ottubru 2001 ma kienx fiha l-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk, l-Irlanda la rrispondiet għall-ittra ta’ intimazzjoni tas-17 ta’ Ottubru 2003 u lanqas għall-opinjoni motivata tad-9 ta’ Lulju 2004. Fl-aħħar nett, permezz tal-ittra tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2004, l-Irlanda ma kkonformatx ruħha mal-obbligi tagħha taħt il-qasam ta’ kooperazzjoni, peress li din l-aħħar ittra ntbagħtet iktar minn sentejn wara t-talbiet ta’ informazzjoni indirizzati lilha.

59      L-Irlanda ssostni li l-Ministeru tas-Saħħa u tat-Tfal bagħat fit-30 ta’ Mejju 2002 kopja tat-testijiet previsti mit-talba tal-Kummissjoni lis-Sur Medghoul. Fl-4 ta’ Settembru 2002, dan l-Istat Membru rrisponda kemm għall-ittra ta’ intimazzjoni tat-23 ta’ Ottubru 2001 kif ukoll għat-talba tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, permezz tal-ittra tal-10 ta’ Diċembru 2004, l-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet ser tiġi adottata. Il-Kummissjoni, għalhekk, kellha konoxxenza perfetta tal-leġiżlazzjoni Irlandiża. Konsegwentement, l-Irlanda tikkontesta li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE. 

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      Mill-Artikolu 10 KE jirriżulta li l-Istati Membri huma marbuta li jikkooperaw in bona fide f’kull inkjesta magħmula mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 226 KE u li jgħaddulha kull informazzjoni mitluba għal dan il-għan (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑82/03, Ġabra p. I‑6635, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Issa, fil-mument tal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tad-9 ta’ Lulju 2004, li kienet tirreferi għal ksur tal-Artikolu 10 KE, l-Irlanda kienet għadha ma tatx l-informazzjoni mitluba għalkemm kienet mitluba tagħmel dan diversi drabi. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li kien biss bl-ittra tal-10 ta’ Diċembru 2004 li l-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw fil-qosor l-aħħar verżjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-saħħa pubblika u tat-tabakk.

62      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma pprovdietx l-informazzjoni meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ taqdi dmirha li tissorvelja l-konformità mad-Direttiva 95/59, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE.

 Fuq l-ispejjeż

63      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Madankollu, u għalkemm parti tar-rikors ġie miċħud, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikors tal-Kummissjoni huwa, essenzjalment, fondat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Irlanda għandha tiġi kkundanata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi

1)      Billi imponiet prezzijiet minimi ta’ bejgħ bl-imnut għas-sigaretti, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE, tas-27 ta’ Novembru 1995, dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat, hekk kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/10/KE tat-12 ta’ Frar 2002.

2)      Billi ma pprovditx l-informazzjoni meħtieġa sabiex il-Kummissjoni Ewopea tkun tista’ taqdi dmirha li tissorvelja l-konformità mad-Direttiva 95/59, hekk kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/10/KE, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      L-Irlanda hija kkundanata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.