SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

“Assigurazzjoni għall-ispejjeż legali — Direttiva 87/344/KEE — Artikolu 4(1) — Għażla libera ta’ avukat mill-persuna assigurata — Limitazzjoni kuntrattwali — Diversi persuni assigurati li sofrew danni mill-istess avveniment — Għażla ta’ rappreżentant legali mill-assiguratur”

Fil-Kawża C-199/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2008, fil-proċedura

Erhard Eschig

vs

UNIQA Sachversicherung AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, J. Makarczyk, P. Kūris u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E. Eschig, minn E. Salpius, avukat,

għal UNIQA Sachversicherung AG, minn M. Paar, avukat,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u J. Bauer, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerrell u G. Braun, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Mejju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE, tat-22 ta’ Ġunju 1987, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 187).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża mressqa minn E. Eschig kontra l-kumpannija ta’ assigurazzjoni UNIQA Sachversicherung AG (iktar ’il quddiem “UNIQA”), dwar il-kopertura ta’ ċerti spejjeż legali u tal-validità ta’ klawżola inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-assigurazzjoni għall-spejjeż legali li tawtorizza lill-assiguratur, fejn l-interessi ta’ diversi persuni assigurati jirreferu għall-istess kontropartijiet u jkunu bbażati fuq avveniment identiku jew simili, jillimita s-servizzi tiegħu għat-tressiq ta’ każ “pilota” (test case) jew, jekk ikun il-każ, għal rimedji kollettivi jew forom kollettivi oħrajn ta’ protezzjoni permezz ta’ rappreżentanti legali magħżulin minnu.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Il-ħdax u t-tnax-il premessa tad-Direttiva 87/344 huma fformulati kif ġej:

“Billi l-interess ta’ persuni li jkollhom il-kopertura ta’ spejjeż legali jfisser li l-persuna assigurata għandha tkun tista’ tagħżel avukat jew persuna oħra kkwalifikata b’ mod approprjat [debitament] skond il-liġi nazzjonali f’ xi inkjesta jew proċeduri [fi proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi] u kull meta jkun hemm konflitt ta’ interessi;

Billi l-Istati Membri għandhom jingħataw l-għażla li jeżentaw impriżi mill-obbligu li jagħtu lill-persuna assigurata din l-għażla libera ta’ avukat jekk l-assigurazzjoni ta’ spejjeż legali tkun limitata għal każijiet li joriġinaw mill-użu ta’ vetturi tat-triq fit-territorju tagħhom u jekk jiġu ssodisfati kondizzjonijiet restrittivi oħrajn.”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 87/344 jipprovdi:

“1.   Il-kopertura ta’ spejjeż legali għandha tkun is-suġġett ta’ kuntratt separat minn dak imfassal għall-klassijiet l-oħrajn ta’ assigurazzjoni jew għandha tkun ittrattata f’ taqsima separata ta’ polza singola li fiha n-natura tal-kopertura ta’ l-ispejjeż legali u, jekk l-Istat Membru jitlob hekk, l-ammonti tal-laġġu [tal-primjum] rilevanti huma speċifikati.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li l-impriżi stabbiliti fit-territorju tiegħu jadottaw, skond l-għażla imposta mill-Istat Membru, jew fl-għażla tagħhom, jekk l-Istat Membru jaqbel, mill-anqas waħda mis-soluzzjonijiet li ġejjin, li huma alternattivi:

a)

l-impriża għandha tassigura li l-ebda membru tal-persunal li hu kkonċernat bl-amministrazzjoni ta’ pretensjonijiet ta’ spejjeż legali jew b’ parir legali fir-rigward tagħhom ma jwettaq fl-istess waqt attività simili:

jekk l-impriża tkun waħda komposta, għal klassi oħra operata minnha,

irrispettivament minn jekk l-impriża tkunx komposta jew waħda speċjalizzata, f’ [impriża] oħra li jkollha rabtiet finanzjarji, kummerċjali jew amministrattivi ma’ l-ewwel impriża u li teżerċita waħda jew aktar mill-klassijiet l-oħrajn ta’ assigurazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 73/239/KEE;

b)

l-impriża għandha tafda l-amministrazzjoni tal-pretensjonijiet fir-rigward ta’ assigurazzjoni dwar spejjeż legali għal impriża li jkollha personalità ġuridika separata. Dik l-impriża għandha tissemma fil-kuntratt separat jew taqsima separata msemmija fil-paragrafu 1. Jekk l-impriża li jkollha personalità ġuridika separata jkollha rabtiet ma’ impriża li twettaq klassi oħra ta’ l-assigurazzjoni waħda jew oħra msemmija fil-punt A ta’ l-Anness għad-Direttiva 73/239/KEE, membri tal-persunal ta’ l-impriża li huma kkonċernati bl-ipproċessar ta’ pretensjonijiet jew bil-parir legali konness ma’ dan l-ipproċessar ma jistgħux isegwu l-istess attività jew attività simili fl-impriża l-oħra fl-istess waqt. Barraminnhekk, Stati Membri jistgħu jimponu l-istess ħtiġiet fuq il-membri tal-korp ta’ l-amministrazzjoni;

ċ)

l-impriża għandha, fil-kuntratt, tagħti lill-persuna assigurata id-dritt li tafda d-difiża ta’ l-interessi tagħha, mill-mument li jkollha d-dritt li tagħmel pretensjoni lill-assiguratur tagħha skond il-polza, lil avukat ta’ l-għażla tagħha jew, sal-limiti li l-liġi nazzjonali tippermetti hekk, lil xi persuna oħra ikkwalifikata b’ mod approprjat.

3.   Indipendentament mis-soluzzjoni adottata, l-interess tal-persuni li jkollhom kopertura ta’ spejjeż legali għandu jitqies bħala salvagwardjat b’ manjiera ekwivalenti skond din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/344 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kull kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ spejjiż legali għandu espressament jirrikonoxxi li:

a)

meta jsir rikors lil avukat jew persuna oħra kkwalifikata kif approprjat [debitament] skond il-liġi nazzjonali sabiex jiġu difiżi, irrappreżentati jew servuti l-interessi tal-persuna assigurata f’ kull inkjesta jew proċedura [fi proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi], dik il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel dan l-avukat jew persuna oħra;

b)

il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel avukat jew, jekk tippreferi hekk u sal-limitu li l-liġi nazzjonali tippermetti, kull persuna oħra kkwalifikata kif approprjat [debitament], biex isservi l-interessi tagħha kull meta jkun hemm konflitt ta’ l-interessi.

2.   Avukat tfisser persuna intitolata li ssegwi l-attivitajiet professjonali tagħha skond id-denominazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta’ Marzu 1977 għall-faċilitazzjoni ta’ l-eżerċizzju effettiv minn avukati tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.”

6

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 87/344 jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru jista’ jipprovdi eżenzjoni mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) għal assigurazzjoni ta’ spejjeż legali jekk il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

a)

l-assigurazzjoni hija llimitata għal każijiet li joriġinaw mill-użu ta’ vetturi tat-triq fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat;

b)

l-assigurazzjoni hi konnessa ma’ kuntratt biex tkun ipprovduta assistenza fil-każ ta’ inċident jew ħsara li jinvolvu vettura tat-triq;

ċ)

la l-assiguratur ta’ spejjeż legali u lanqas l-assigurat dwar l-assistenza m’ għandu jwettaq xi klassi ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà;

d)

huma meħuda miżuri sabiex il-parir legali u r-rappreżentanza ta’ kull wieħed mill-partijiet għal kwistjoni jkunu effetwati minn avukati kompletament indipendenti meta dawn il-partijiet ikunu assigurati għal spejjeż legali mill-istess assiguratur.

2.   L-eżenzjoni mogħtija minn Stat Membru lil impriża skond il-paragrafu 1 m’għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(2).”

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 87/344 jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha approprjati biex jassiguraw li, mingħajr preġudizzju għal kull dritt ta’ appell lill-korp ġudizzjarju li jista’ jiġi previst bil-liġi nazzjonali, arbitraġġ jew proċedura oħra li toffri garanziji paragunabbli ta’ oġġettività ikunu previsti meta, fil-każ ta’ differenza ta’ opinjoni bejn assiguratur ta’ spejjeż legali u dak li jkun assigurat, tista’ tittieħed deċiżjoni dwar l-attitudni li għandha tiġi adottata sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni.

Il-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni għandu jsemmi d-dritt tal-persuna assigurata li jkollha rikors għal din il-proċedura.”

8

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 87/344 huwa fformulat kif ġej:

“Kull meta jkun hemm konflitt ta’ interessi jew ikun hemm nuqqas ta’ ftehim dwar is-soluzzjoni tal-kwistjoni, l-assiguratur dwar spejjeż legali jew, meta approprjat, l-uffiċċju li jsolvi l-pretensjonijiet għandu jinforma lill-persuna assigurata:

bid-dritt imsemmi fl-Artikolu 4,

bil-possibiltà li jkollha rikors għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 6.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9

Ir-regola tal-għażla libera ta’ rappreżentant mill-persuna li jkollha l-kopertura ta’ spejjeż legali hija prevista fl-Artikolu 158(k) tal-Liġi Awstrijaka tat-2 ta’ Diċembru 1958, kif emendata bil-Liġi tal-11 ta’ Frar 1993 dwar il-kuntratti ta’ assigurazzjoni (Versicherungsvertragsgesetz, iktar ’il quddiem il-“VersVG”), adottata bl-għan li jiġi ttraspost l-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/344.

10

L-Artikolu 158(k) tal-VersVG jipprovdi:

“1.   Il-persuna assigurata għandha d-dritt li tagħżel bil-libertà kollha bħala r-rappreżentant tagħha fi proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi persuna awtorizzata biex teżerċita l-professjoni ta’ rappreżentant legali. Barra minn hekk, il-persuna assigurata tista’ tagħżel bil-libertà kollha avukat għall-protezzjoni ulterjuri tal-interessi legali tagħha jekk jinqala’ konflitt ta’ interessi mal-assiguratur.

2.   Fil-kuntratt tal-assigurazzjoni jista’ jsir qbil biex il-persuna assigurata tkun tista’ tagħżel bħala r-rappreżentant tagħha fi proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi biss persuna awtorizzata biex teżerċita l-professjoni ta’ rappreżentant legali li l-uffiċċju legali tagħha jkun stabbilit fejn ikollha s-sede tagħha l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti fl-ewwel istanza għall-proċedimenti inkwistjoni. F’każ li inqas minn erba’ persuni ta’ din ix-xorta jkollhom l-uffiċċju legali tagħhom fl-imsemmi post, id-dritt għall-għażla jrid ikun estiż għall-persuni li jkollhom uffiċċju legali fiż-żona tal-qorti tal-ewwel istanza tal-post fejn għandha s-sede tagħha l-imsemmija awtorità.

3.   Il-persuna assigurata li titlob l-assistenza ta’ rappreżentant legali għal proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi għandha tkun informata bid-dritt li għandha skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 158(k)(1); jekk jinqala’ konflitt ta’ interessi, il-persuna assigurata għandha tkun informata bid-dritt tagħha skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 158(k)(1). Jekk l-assiguratur ikun inkariga impriża oħra bil-likwidazzjoni tal-pretensjonijiet (it-tieni sentenza tal-Artikolu 158 j), l-obbligi ta’ informazzjoni għandhom jaqgħu fuq din l-impriża.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

E. Eschig, ċittadin Awstrijak, kien ikkonkluda kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali ma’ UNIQA, fejn ġie miftiehem li japplikaw il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali (“Allgemeine Bedingungen für die Rechtsschutz Versicherung”, iktar ’il quddiem l-“ARB tal-1995”).

12

Skont l-Artikolu 6.7.3 tal-ARB tal-1995:

“Jekk għadd ta’ persuni assigurati jkunu koperti b’assigurazzjoni għall-protezzjoni tal-interessi legali tagħhom fuq il-bażi ta’ kuntratt wieħed jew iktar tal-assigurazzjoni u l-interessi tagħhom jirreferu għall-istess kontroparti jew kontropartijiet mill-istess avveniment jew minħabba avvenimenti simili, l-assiguratur għandu jkollu d-dritt li għall-ewwel jillimita s-servizzi tiegħu għad-difiża mhux ġudizzjarja tal-interessi legali tal-persuni assigurati u għat-tressiq tal-każijiet pilota (test cases) meħtieġa permezz ta’ rappreżentanti legali li jagħżel huwa stess.

Jekk il-persuni assigurati ma jkunux jew ma jibqgħux protetti suffiċjentement minn dawn il-miżuri kontra t-telf tad-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari minħabba l-preskrizzjoni, l-assiguratur għandu jħallas ukoll l-ispejjeż tal-kawżi kollettivi jew ta’ forom kollettivi oħrajn ta’ protezzjoni mhux ġudizzjarja u ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-interessi permezz ta’ rappreżentanti legali li jagħżel huwa stess. Jekk il-persuni assigurati ma jkunux jew ma jibqgħux protetti suffiċjentement minn dawn il-miżuri kontra t-telf tad-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari minħabba l-preskrizzjoni, l-assiguratur għandu jħallas ukoll l-ispejjeż tal-kawżi kollettivi jew ta’ forom kollettivi oħrajn ta’ protezzjoni mhux ġudizzjarja u ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-interessi permezz ta’ rappreżentanti legali li jagħżel huwa stess.”

13

E. Eschig, bħal diversi eluf oħra ta’ investituri, li parti minnhom kienu assigurati għall-ispejjeż legali ma’ UNIQA, kien investa flus mal-impriżi ta’ servizzi ta’ investiment AMIS Financial Consulting AG u AMIS Asset Management Investment Services AS, li sussegwentement fallew.

14

Għaldaqstant, E. Eschig inkariga lill-uffiċċju legali Salpius Rechtsanwalts GmbH sabiex jirrappreżentah f’diversi proċeduri, fosthom il-proċedimenti ta’ falliment tal-imsemmija impriżi, proċeduri kriminali kontra l-korpi tagħhom, kif ukoll proċeduri mressqa kontra r-Repubblika tal-Awtrija minħabba nuqqasijiet fil-kontroll tas-suq finanzjarju.

15

E. Eschig talab lil UNIQA sabiex tikkonfermalu li l-ħidma tal-avukati magħżula minnu, li diġà saret u dik futura, kienet koperta mill-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali.

16

UNIQA ċaħdet din it-talba abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6.7.3 tal-ARB tal-1995.

17

E. Eschig ressaq rikors quddiem il-Landesgericht Salzburg bl-għan li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li UNIQA kellha l-obbligu tħallas l-ispejjeż marbuta mal-ħidma tal-avukati tiegħu fil-proċeduri li diġà saru u dawk futuri u, fit-tieni lok, li l-Artikolu 6.7.3 tal-ARB tal-1995 ma kienx validu u li, konsegwentement, ma jagħmilx parti mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali.

18

Dik il-qorti ċaħdet ir-rikors, filwaqt li rrilevat li l-Artikolu 6.7.3 tal-ARB tal-1995 ma jiksirx l-Artikolu 158(k) tal-VersVG, meta interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344, iżda, bil-kontra, jikkompletah u jipprovdi soluzzjoni għal każijiet ta’ dannu kollettiv.

19

E. Eschig ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni li ġie miċħud mill-Oberlandesgericht Linz. Il-qorti tal-appell ikkonstatat, b’mod partikolari, li r-restrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6.7.3 tal-ARB tal-1995 kienet konformi mad-Direttiva 87/344.

20

Adita b’appell fuq punt ta’ liġi minn din id-deċiżjoni tal-aħħar, l-Oberster Gerichsthof għandha xi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/344.

21

Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u l-fatt li l-Artikolu 5 tagħha jipprovdi deroga waħda mill-prinċipju ta’ għażla libera ta’ rappreżentant jiffavorixxu lil E. Eschig.

22

Min-naħa l-oħra, skont dik il-qorti, minn interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 4 jirriżultaw diversi raġunijiet għaliex l-assiguratur għandu jkun awtorizzat jagħżel rappreżentant legali għan-nom tal-persuni assigurati meta numru kbir minnhom ikunu sofrew danni mill-istess avveniment.

23

Għaldaqstant, peress li l-ispiża ta’ rikors kollettiv hija kunsideravolment inqas minn dik ta’ diversi rikorsi individwali, hemm ir-riskju li l-impriżi tal-assigurazzjoni jaċċettaw biss li jkopru danni kollettivi bil-kundizzjoni li huma stess ikunu jistgħu jaħtru r-rappreżentant legali tal-persuni assigurati kollha.

24

Barra minn hekk, l-Artikolu 6.7.3 tal-ARB tal-1995 jikkomplementa l-prinċipju ta’ għażla libera ta’ rappreżentant stabbilit mid-Direttiva 87/344.

25

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji wkoll dwar il-kriterji xierqa għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ dannu kollettiv. Skont dik il-qorti, klawżola li tawtorizza lill-assiguratur jagħżel ir-rappreżentant legali meta “diversi persuni assigurati” jkunu involuti tidher li tmur kontra l-għanijiet u r-rekwiżiti tad-Direttiva 87/344.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344/KEE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi klawżola inkorporata fil-kundizzjonijiet ġenerali f’polza ta’ assigurazzjoni ta’ assiguratur tal-ispejjeż legali, li permezz tagħha l-assiguratur huwa intitolat li, f’każ ta’ pretensjonijiet ta’ assigurazzjoni dwar dannu sostnut minn numru kbir ta’ persuni assigurati li jirriżulta mill-istess avveniment (pereżempju l-falliment ta’ impriża ta’ servizzi tal-investiment), jagħżel rappreżentant legali u li għalhekk tillimita d-dritt tal-individwu assigurat li jagħżel l-avukat tiegħu (imsejjħa klawżola “ta’ dannu kollettiv”)?

2.

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: f’liema kundizzjonijiet jitqies li jkun hemm dannu kollettiv, skont id-Direttiva 87/344 (jew b’estensjoni tagħha), jikkonferixxi fuq il-persuna li tassigura u mhux fuq il-persuna assigurata d-dritt li tagħżel ir-rappreżentant legali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-assiguratur tal-ispejjeż legali jista’ jirriżerva d-dritt, meta numru kbir ta’ persuni assigurati jkunu sofrew dannu mill-istess avveniment, li jagħżel huwa stess ir-rappreżentant legali ta’ kull persuna assigurata kkonċernata.

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

28

E. Eschig, kif ukoll il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ċek iqisu li l-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li l-assiguratur jista’ jirriżerva d-dritt li jagħżel ir-rappreżentant meta diversi persuni assigurati jkunu sofrew dannu mill-istess avveniment.

29

Skonthom, l-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija direttiva għandu portata ġenerali u jipprovdi garanzija speċjali favur il-persuni assigurati għall-ispejjeż legali, b’mod indipendenti mill-prevenzjoni jew mill-eliminazzjoni tal-konflitti ta’ interessi. Għaldaqstant, limitazzjoni teleoloġika jew ibbażata fuq l-interessi finanzjarji tal-assiguraturi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija inammissibbli.

30

UNIQA u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej huma ta’ fehma kuntrarja.

31

Huma jqisu, essenzjalment, li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 ma jagħtix lill-persuna assigurata għall-ispejjeż legali dritt awtonomu li tagħżel liberament ir-rappreżentant tagħha. Għaldaqstant, dan id-dritt jista’ jkun limitat, b’mod partikolari, meta numru kbir ta’ persuni assigurati jkunu sofrew dannu mill-istess avveniment. Huma jibbażaw l-argument tagħhom fuq l-għan u l-kuntest tad-Direttiva 87/344, kif ukoll fuq l-Artikoli 4(1)(a), 3(2) u 5 ta’ din id-direttiva, meta moqrija flimkien u fid-dawl tal-premessi tagħha.

32

Għalhekk, UNIQA u l-Kummissjoni jenfasizzaw li d-Direttiva 87/344 għandha l-għan essenzjali li tevita jew telimina l-konflitti ta’ interessi bejn il-persuni assigurati għall-ispejjeż legali u l-assiguraturi u, għal dan il-għan, hija toffri lill-Istati Membri l-għażla bejn tliet possibilitajiet. Dawn jistgħu jagħżlu sistema ta’ speċjalizzazzjoni obbligatorja msemmija fit-tmien premessa tad-Direttiva 87/344, jistgħu jorganizzaw il-kuntratti skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 87/344 jew japplikaw waħda mis-soluzzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

33

Il-prinċipju ta’ għażla libera ta’ rappreżentant previst fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 japplika biss fil-każ previst fl-Artikolu 3(2)(ċ) ta’ din id-direttiva.

34

Skont il-Kummissjoni, jekk l-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija direttiva japplika għas-soluzzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 3(2) tagħha, l-ewwel tnejn ikunu irrilevanti u ridotti għal sempliċi dispożizzjonijiet supplementari, inkwantu s-soluzzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2)(ċ) ta’ din id-direttiva xorta waħda tintlaħaq.

35

UNIQA tibbaża wkoll l-argument tagħha fuq il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 87/344, li tirrikonoxxi d-dritt ta’ għażla libera tar-rappreżentant kull darba li jkun hemm konflitt ta’ interessi. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li fin-nuqqas ta’ konflitt ta’ interessi, id-dritt ta’ għażla libera tar-rappreżentant ma jeżistix.

36

UNIQA ssostni, barra minn hekk, li, matul is-sena 1987, is-sena tal-adozzjoni tad-Direttiva 87/344, l-attenzjoni kienet indirizzata biss lejn id-dannu individwali u lejn il-protezzjoni ta’ dawk li sfaw vittmi, b’mod li d-dannu kollettiv mhuwiex kopert minn din id-direttiva.

37

Barra minn hekk, id-deroga prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 87/344 tipprovdi l-prova li derogi mill-għażla libera ta’ rappreżentant huma possibbli u legali. Skont UNIQA, l-imsemmi artikolu ma jikkostitwixxix eċċezzjoni assoluta iżda sempliċiment eżempju. Hija tqis, għaldaqstant, li fin-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-dannu kollettiv, hija meħtieġa interpretazzjoni permezz ta’ analoġija tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, fl-interess tal-persuni assigurati għall-ispejjeż legali.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

38

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12; tal-21 ta’ Frar 1984, St. Nikolaus Brennerei und Likörfabrik, 337/82, Ġabra p. 1051, punt 10; tal-14 ta’ Ottubru 1999, Adidas, C-223/98, Ġabra p. I-7081, punt 23; tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner, C-191/99, Ġabra p. I-4447, punt 30, u tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, Ġabra p. I-4983, punt 41).

39

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li mill-preambolu tad-Direttiva 87/344 jirriżulta li din hija intiża, minn naħa, li tiffaċilita l-libertà ta’ stabbiliment tal-impriżi tal-assigurazzjoni permezz tal-eliminazzjoni tal-ostakoli li jirriżultaw mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-akkumulazzjoni tal-assigurazzjoni għall-ispejjeż legal ma’ klassijiet oħrajn ta’ assigurazzjoni u, min-naħa oħra, li tipproteġi l-interessi tal-persuni assigurati b’mod partikolari billi jiġu evitati l-iktar konflitti ta’ interessi eventwali possibbli u billi ssir possibbli s-soluzzjoni tan-nuqqas ta’ qbil bejn l-assiguraturi u l-persuni assigurati.

40

Għal dan il-għan, l-imsemmija direttiva implementat, minn naħa, miżuri ta’ organizzazzjoni u miżuri kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, ċertu numru ta’ garanziji speċifiċi favur il-persuni assigurati.

41

Għal dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ organizzazzjoni u l-miżuri kuntrattwali, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 87/344 jagħti lill-assiguraturi l-possibbiltà li jamministraw id-danni permezz ta’ persunal differenti fi ħdan l-istess impriża, jew jirrikorru għal outsourcing tal-amministrazzjoni tad-danni fi ħdan impriża li jkollha personalità ġuridika separata. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2)(ċ) ta’ din id-direttiva jippermetti li jiġu evitati l-konflitti ta’ interessi billi jagħti lill-persuna assigurata l-libertà li tagħżel ir-rappreżentant tagħha mill-mument li ssir pretensjoni għal dannu kopert.

42

Skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 87/344, kull waħda minn dawn is-soluzzjonijiet hija meqjusa li tiggarantixxi l-interessi tal-persuni assigurati għall-ispejjeż legali bl-istess mod. L-Istati Membri kollha għandhom jiggarantixxu li l-impriżi ta’ assigurazzjoni stabbiliti fit-territorju tagħhom jadottaw minn tal-anqas waħda minn dawn is-soluzzjonijiet alternattivi. Dawn jistgħu, madankollu, jimponu waħda minn dawn is-soluzzjonijiet jew iħallu lill-impriżi liberi li jagħżlu fost diversi soluzzjonijiet alternattivi.

43

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 87/344 jipprovdi li l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali għandha tkun is-suġġett ta’ kuntratt separat minn dak imfassal għall-klassijiet l-oħrajn ta’ assigurazzjoni jew għandha tkun ittrattata f’taqsima separata ta’ polza waħda li jkun fiha indikazzjoni tal-kontenut tal-assigurazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-assiguraturi sabiex isemmu wkoll l-ammont tal-primjum li jikkorrispondi għal assigurazzjoni għall-ispejjeż legali.

44

Għal dak li jirrigwarda l-garanziji speċifiċi, din id-direttiva tirrikonoxxi d-dritt tal-persuni assigurati li jagħżlu liberament rappreżentant fil-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4(a) tagħha jew, skont l-Artikolu 4(b), fil-każ li jkun hemm konflitt ta’ interessi.

45

Kif jirriżulta mill-Artikoli 4, 6 u 7 tad-Direttiva 87/344, id-drittijiet irrikonoxxuti lill-persuni assigurati mill-imsemmija artikoli, meħuda flimkien, huma intiżi sabiex jipproteġu b’mod wiesa’ l-interessi tal-persuna assigurata mingħajr ebda limitazzjoni għas-sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm konflitt ta’ interessi.

46

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li mill-kliem tal-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 87/344, kif ukoll mill-kuntest ta’ din l-istess direttiva, jirriżulta li d-dritt ta’ għażla libera tar-rappreżentant huwa rrikonoxxut lil kull persuna assigurata b’mod ġenerali u awtonomu, fil-limiti stabbliiti minn kull wieħed minn dawn l-artikoli.

47

Għalhekk, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344 jirrikonoxxi lill-persuna assigurata d-dritt li tagħżel ir-rappreżentant tagħha iżda, bl-eċċezzjoni ta’ sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm konflitt ta’ interessi, huwa jillimita dan id-dritt għall-proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi. L-użu tal-aġġettiv “kull” kif ukoll tat-temp tal-verb “irrikonoxxa” juri l-portata ġenerali u n-natura vinkolanti ta’ din ir-regola.

48

Għandu jiġi enfasizzat, fit-tieni lok, li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-livell minimu tal-libertà li għandu jingħata lill-persuna assigurata jkunu xi jkunu l-għażliet previsti fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva li l-impriża tal-assigurazzjoni tikkonforma ruħha magħhom.

49

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri previsti fl-Artikolu 3(2)(a) u (b) tad-Direttiva 87/344 iżommu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom anki fil-każ fejn mill-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva jiġi dedott dritt awtontomu tal-persuna assigurata għall-ispejjeż legali li tagħżel liberament ir-rappreżentant tagħha.

50

Fil-fatt, is-soluzzjoni prevista fl-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 87/344 tagħti lill-persuni assigurati drittijiet iktar estiżi milli jagħtihom l-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi biss id-dritt ta’ għażla libera tar-rappreżentant fil-każ fejn ikunu involuti proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi. Għall-kuntrarju ta’ dan, skont is-soluzzjoni prevista fl-Artikolu 3(2)(ċ) tal-imsemmiija direttiva, il-persuna assigurata għandha d-dritt li tafda d-difiża tal-interessi tagħha lil rappreżentant mill-mument li jkollha d-dritt li tagħmel pretensjoni lill-assiguratur tagħha skont il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, u għaldaqstant anki qabel ma jinfetħu proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi.

51

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni ssuġġerita minn UNIQA u mill-Kummissjoni twassal sabiex l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 jitlef il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, fil-każ li tintgħażel l-għażla prevista fl-Artikolu 3(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, id-dritt ta’ għażla libera tar-rappreżentant kieku jeżisti qabel kull proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi. Jekk l-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija direttiva japplika biss fil-każ li tiġi adottata din l-ewwel proposta, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 jkun imċaħħad minn kull kontenut leġiżlattiv.

52

Barra minn hekk, il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 87/344 tikkonferma li d-dritt ta’ għażla libera tar-rappreżentant fi proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi mhuwiex marbut mal-eżistenza ta’ konflitt ta’ interessi.

53

F’dan ir-rigward, huwa veru li l-kelmiet “und zwar immer” li jinsabu fil-verżjoni Ġermaniża tal-imsemmija premessa tad-Direttiva 87/344 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jorbtu d-dritt ta’ għażla libera ta’ rappreżentant mal-eżistenza ta’ konflitt ta’ interessi. Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi invokata insostenn ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva.

54

Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-direttivi Komunitarji teskludi li, f’każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jitqies b’mod iżolat u titlob, għall-kuntrarju, li dan jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C-296/95, Ġabra p. I-1605, punt 36; tas-17 ta’ Ġunju 1998, Mecklenburg, C-321/96, Ġabra p. I-3809, punt 29, u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, Ġabra p. I-4427, punt 26).

55

Madankollu, kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-paragun bejn dawn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi differenti jirriżulta li d-dritt ta’ għażla libera tar-rappreżentant fil-kuntest ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amminstrattivi kollha huwa rrikonoxxut b’mod indipendenti mill-eżistenza ta’ konflitt ta’ interessi.

56

Fit-tieni lok, kif irrilevat il-Kummissjoni, jekk il-kelmiet “und zwar immer” jiġu interpretati fis-sens issuġġerit minn UNIQA, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 jitilfu mis-sinjifikat tagħhom, peress li l-kontenut leġiżlattiv tagħhom ikun diġà riprodott fl-Artikolu 4(1)(b) tagħha.

57

Fit-tielet lok, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, la l-proposta oriġinali għal direttiva tal-Kummissjoni u lanqas l-atti preparatorji l-oħra ma jipprovdu indikazzjonijiet li, bis-saħħa tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344, il-leġiżlatur Komunitarju kellu biss l-intenzjoni joħloq strument ieħor li jelimina l-konflitti ta’ interessi u mhux dritt awtonomu ta’ għażla tar-rappreżentant.

58

Għall-kuntrarju, il-ħidma preparatorja ta’ din id-direttiva tippermetti l-konklużjoni li l-għan oriġinali li f’kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali tkun iggarantita l-għażla libera ta’ rappreżentat, li ma tkunx suġġetta għall-eżistenza ta’ konflitt ta’ interessi, kien inżamm anki jekk limitat għal proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi.

59

Għandu jiġi kkonstatat, fir-raba’ lok, li huwa veru li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 87/344 jawtorizza lill-Istati Membri jeżentaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ċerti każijiet li joriġinaw mill-użu ta’ vetturi tat-triq. Madankollu, din l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ għażla libera tar-rappreżentant għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u għaldaqstant ma tistax isservi ta’ bażi għal raġunament b’analoġija.

60

Huwa barra minn hekk paċifiku li l-leġiżlatur Komunitarju ma pprevediex deroga fir-rigward tal-każ fejn numru kbir ta’ persuni assigurati jkunu sofrew dannu mill-istess avveniment.

61

UNIQA u l-Kummissjoni jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva 87/344, il-fenomenu tad-dannu kollettiv kien għadu mhux magħruf. Għaldaqstant, id-dritt ta’ għażla libera tar-rappreżentant skont l-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-diretiva ma jistax jiġi applikat għall-każijiet ta’ dannu kollettiv.

62

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

63

Fil-fatt, minn naħa, il-fenomenu ta’ avvenimenti li jaffettwaw bl-istess mod lil numru kbir ta’ persuni mhuwiex ġdid. Kif irrileva E. Eschig, diversi każijiet kienu ġew irreġistrati qabel ma d-Direttiva 87/344 kienet adottata.

64

Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li ċirkustanzi ġodda jwasslu, fil-livell tal-Istati Membri, għall-multiplikazzjoni ta’ rikorsi intiżi sabiex jipproteġu b’mod kollettiv l-interessi tal-membri ta’ grupp ta’ persuni, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, tali ċirkustanzi ma jistgħux jillimitaw il-libertà tal-persuni assigurati għall-ispejjeż legali li jipparteċipaw jew li ma jipparteċipawx f’tali rikors u li jagħżlu, jekk ikun il-każ, rappreżentant legali.

65

Huwa importanti li jiġi ppreċiżat, fl-aħħar lok, li d-Direttiva 87/344 mhijiex intiża għall-armonizzazzjoni sħiħa tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, dawn tal-aħħar għadhom liberi li jiddeterminaw is-sistema applikabbli għall-imsemmija kuntratti.

66

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b’osservanza tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/344.

67

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-VersVG, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva 87/344 filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni mogħtija hawn fuq lill-Artikolu 4(1) ta’ din tal-aħħar, sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minn din id-direttiva u, għaldaqstant, sabiex tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 113).

68

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assiguratur tal-ispejjeż legali ma jistax jirriżerva d-dritt, meta numru kbir ta’ persuni assigurati jkunu sofrew dannu mill-istess avveniment, li jagħżel huwa stess ir-rappreżentant legali tal-persuni assigurati kkonċernati kollha.

Fuq it-tieni domanda

69

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE, tat-22 ta’ Ġunju 1987, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assiguratur tal-ispejjeż legali ma jistax jirriżerva d-dritt, meta numru kbir ta’ persuni assigurati jkunu sofrew dannu mill-istess avveniment, li jagħżel huwa stess ir-rappreżentant legali ta’ kull persuna assigurata kkonċernata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.