Kawża C-198/08
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika tal‑Awstrija
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 95/59/KE — Taxxi oħra għajr it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li jolqtu l-konsum tat-tabakk immanifatturat — Artikolu 9(1) — Libertà li biha l-manifatturi u l-importaturi jistabbilixxu l-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tagħhom — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti kif ukoll prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tat-tabakk imqatta’ fin — Ġustifikazzjoni — Protezzjoni tas-saħħa pubblika — Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi oħra għajr it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li jolqtu l-konsum tat-tabakk immanifatturat
(Direttiva tal-Kunsill 95/59, kif emendata bid-Direttiva 2002/10, Artikolu 9(1))
Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat, kif emendata bid-Direttiva 2002/10/KEE, l-Istat Membru li jadotta u jżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jistabbilixxu l-prezzijiet minimi għall-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti u tat-tabakk imqatta’ fin għall-irrumblar tas-sigaretti, peress li tali sistema ma tippermettix li jiġi eskluż, fi kwalunkwe ipoteżi, li l-prezzijiet minimi imposti joħolqu preġudizzju għall-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta, għal xi manifatturi jew importaturi ta’ prodotti tat-tabakk, mill-prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi. Fil-fatt tali sistema, li, barra minn hekk, tiddetermina l-prezz minimu b’riferiment għall-prezz medju fis-suq, jista’ jkollha l-effett li tneħħi d-differenzi bejn il-prezzijiet ta’ prodotti li jikkompetu u li tressaq dawn il-prezzijiet lejn il-prezz tal-prodott li jiswa l-iktar. Għalhekk, din is-sistema tikser il-libertà tal-manifatturi u tal-importaturi li jiddeterminaw il-prezz massimu tagħhom tal-bejgħ bl-imnut, iggarantit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59.
Il-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk ma jistax ikollha effett fuq il-kompatibbiltà jew le ta’ tali sistema mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 peress li din il-konvenzjoni ma timponi ebda obbligu konkret fuq il-partijiet kontraenti fir-rigward tal-politika tal-prezzijiet speċifiċi għall-prodotti tat-tabakk, u sempliċement tiddeskrivi s-soluzzjonijiet possibbli sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet nazzjonali tas-saħħa fir-rigward tal-kontroll tat-tabakk. Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi biss li l-partijiet kontraenti għandhom jadottaw jew iżommu miżuri li “jistgħu jinkludu” l-implementazzjoni ta’ politika fiskali u “kif ikun xieraq” ta’ politika tal-prezzijiet fuq il-prodotti tat-tabakk.
L-Istati Membri ma jistgħux jibbażaw irwieħom fuq l-Artikolu 30 KE sabiex jiġġustifikaw ksur tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni. Fil-fatt, l-Artikolu 30 KE ma jistax jinftiehem bħala li jawtorizza miżuri ta’ natura differenti minn restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri li għandhom effett ekwivalenti msemmija fl-Artikoli 28 KE u 29 KE.
Jibqa’ l-fatt li d-Direttiva 95/59 ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jimplementaw il-ġlieda kontra t-tabakk, li hija parti mill-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.
(ara l-punti 33, 34, 38, 39, 45 u d-dispożitiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
4 ta’ Marzu 2010 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 95/59/KE – Taxxi oħra għajr it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ li jolqtu l-konsum tat-tabakk immanifatturat – Artikolu 9(1) – Libertà li biha l-manifatturi u l‑importaturi jistabbilixxu l-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tagħhom – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti kif ukoll prezz minimu ta’ bejgħ bl‑imnut tat-tabakk imqatta’ fin – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il‑Kontroll tat‑Tabakk”
Fil-Kawża C-198/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2008,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentatat minn W. Mölls u R. Lyal, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl u J. Bauer kif ukoll minn C. Pesendorfer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil‑Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2009,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat-22 ta’ Ottubru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata li, billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jistabbilixxu l-prezzijiet minimi għall-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti u ta’ tabakk imqatta’ fin għall‑irrumblar tas-sigaretti, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE, tas-27 ta’ Novembru 1995, dwar it-taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qligħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 238), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/10/KE, tat-12 ta’ Frar 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 182, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 95/59”).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Il-premessi 2, 3 u 7 tad-Direttiva 95/59 huma fformulati kif ġej:
“(2) Filwaqt li l-għan tat-Trattat [KE] huwa li jistabbilixxi unjoni ekonomika fejn hemm kompetizzjoni attiva u li l-karatteristiċi tagħha huma simili ta’ dawk ta’ suq domestiku; u, fejn jidħol tabakk manifatturat, l-intenzjoni wara dan il-għan huwa biex l-applikazzjoni fl-Istati Membri tat-taxxi li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti f’dan is-settur ma toħloqx distorsjoni fil-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ma tfixkilx il-moviment liberu fi ħdan il-Komunità;
(3) Filwaqt li, safejn taxxi tas-sisa huma ikkonċernati, l-armoniżżazzjoni ta’ l-istrutturi għandha, b’mod partikolari, tirriżulta f’kompetizzjoni f’kategoriji differenti ta’ tabakk manifatturat taħt l-istess grupp u ma tinħoloqx distorsjoni bl-effetti ta’ l-ispiża tat-taxxa u, konsegwentament, fil-ftuħ tas-swieq nazzjonali ta’ l-Istati Membri;
[…]
(7) Filwaqt li l-bżonnijiet imperattivi ta’ kompetizzjoni jimplikaw sistema ta’ prezzijiet iffurmati liberament għall-gruppijiet kollha ta’ tabakk manifatturat”.
3 Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:
“Is-sostanzi li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati bħala tabakk manifatturat:
(a) sigaretti;
(b) sigarri u sigarillos;
(ċ) tabakk għat-tipjip:
– tabakk mqatta’ [fin] għall-irrumblar tas-sigaretti,
– tabakk ieħor għat-tipjip;
kif inhu definit fl-Artikoli 3 sa 7.”
4 L-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/59 jiddisponi:
“1. Sigaretti manifatturati fil-Komunità u dawk impurtati minn pajjiżi li mhumiex membri għandhom ikunu soġġetti għal taxxa tas-sisa proporzjonali kalkolata fuq il-prezz massimu ta’ bejgħ bl-imnut, inkluż id-dazju u anke għal taxxa tas-sisa speċifika kalkolata fuq kull unit tal-prodott.
2. Ir-rata tat-taxxa tas-sisa proporzjonali u l-ammont tat-taxxa tas‑sisa speċifika għandha tkun l-istess għas-sigaretti kollha.
[…]”
5 Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva:
“Persuna naturali jew legali stabblita fil-Komunità li tikkonverti it-tabakk f’prodotti manifatturati lesti għall-bejgħ bl-imnut għandu jiġi meqjus bħala manifattur.
Manifatturi, jew, fejn xieraq, ir-rappreżentanti jew aġenti awtorizzati tagħhom fil-Komunità u importaturi tat-tabakk minn pajjiżi li mhumiex membri għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott tagħhom għal kull Stat Membru fejn dawn il-prodotti jistgħu jiġu rilaxxati għall-konsum.
It-tieni paragrafu ma jistax, madankollu, ifixkel l-implementazzjoni tas-sistemi ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-livell tal-prezzijiet jew l-osservanza ta’ prezzijiet imposti, sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-leġislazzjoni tal-Komunità.”
6 L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“1. L-ammont ta’ taxxa tas-sisa speċifika fuq is-sigaretti għandu jiġi stabbilit b’referenza għas-sigaretti fl-aktar kategorija tal-prezzijiet popolari skond l-informazzjoni disponibbli fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena, b’effett minn l-1 ta’ Jannar 1978.
2. Il-komponent ta’ taxxa tas-sisa speċifika ma jistax ikun anqas minn 5 % jew aktar minn 55 % ta’ l-ammont globali tal-piż ta’ taxxa,li jirriżulta mill-aggregazzjoni tat-taxxa tas-sisa proporzjonali, it-taxxa tas-sisa speċifika u t-taxxa fuq il-bejgħ imposta fuq dawn is-sigaretti.
[…]
5. L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxa minima tas-sisa fuq sigarretti mibjugħa bi prezz iktar baxx mill-prezz bl-imnut għas-sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda, sakemm din it-taxxa tas-sisa ma teċċedix l-ammont tat-taxxa tas-sisa imposta fuq is-sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda.”
7 Id-Direttiva tal-Kunsill 92/79/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 3, Vol. 3, p. 202), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/80/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk fabbrikat li mhux sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 204), kif emendati permezz tad-Direttiva tal‑Kunsill 2003/117/KE, tal-5 ta’ Diċembru 2003, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 4, p. 430), jiffissaw ir-rati u/jew l‑ammonti minimi tad-dazju globali fuq is-sigaretti u t-tabakk manifatturat barra s-sigaretti. Id-Direttiva 92/80 tinkludi wkoll ċerti regoli dwar l-istruttura tas-sisa fuq dawn tal-aħħar.
8 Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE, tat- 2 ta’ Ġunju 2004, (ĠU L 213, p. 8), il-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk, iffirmata f’Genève fil-21 ta’ Mejju 2003 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa”) ġiet approvata f’isem il-Komunità. L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni, intitolat “Miżuri finanzjarji u fiskali bl-għan li titnaqqas id-domanda għat-tabakk,” hija fformulata kif ġej:
“1. Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-miżuri finanzjarji u fiskali huma mezz effettiv u importanti sabiex jitnaqqas il-konsum tat-tabakk min-naħa ta’ diversi segmenti tal-popolazzjoni, b’mod partikolari ż-żgħażagħ.
2. Mingħajr preġudizzju għad-dritt sovran tal-Partijiet li jiddeċiedu u jistabbilixxu l-politiki ta’ tassazzjoni tagħhom, kull Parti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet nazzjonali għas-saħħa tagħha rigward il-kontroll tat-tabakk u tadotta jew iżżomm, kif ikun xieraq, miżuri li jistgħu jinkludu:
(a) l-implementazzjoni tal-politiki fiskali u, fejn ikun xieraq, il-politiki ta’ prezzijiet, rigward il-prodotti tat-tabakk sabiex jingħata kontribut għall-għanijiet tas-saħħa mmirati biex inaqqsu l-konsum tat-tabakk, [...]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
9 L-Artikolu 2(4) tal-Liġi Federali dwar il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tabakk manifatturat kif ukoll ir-reklamar għat-tabakk manifatturat u l-protezzjoni ta’ dawk li ma jpejpux (“liġi fuq it-tabakk”) [Bundesgesetz über das Herstellen und das Inverkehrbringen von Tabakerzeugnissen sowie die Werbung für Tabakerzeugnisse und den Nichtraucherschutz (“Tabakgesetz”)], tat-30 ta’ Ġunju 1995 (BGBl. 431/1995)], kif emendata bil-Liġi Federali tat‑30 ta’ Marzu 2006 (BGBl. I, 47/2006), jipprovdi:
“Il-Ministru Federali tas-Saħħa u tan-Nisa hija awtorizzata, bi ftehim mal‑Ministru Federali tal-Finanzi, sabiex tiffissa b’digriet fl-interess tal-kontroll tat-tipjip, prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut għall‑prodotti tat-tabakk sabiex ikun żgurat livell minimu ta’ prezzijiet. Il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk taħt il-prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut huwa pprojbit.”
10 L-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Ministru Federali tas-Saħħa u tan-Nisa li jistabbilixxi sistema ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ prezz (Verordnung für Gesundheit der Bundesministerin Frauen und über die ta Mindestkleinverkaufspreises Festsetzung eines für Tabakerzeugnisse zur Sicherstellung Mindestpreisniveaus), tas‑27 ta’ April 2006 (BGBl. II, 171/2006), jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ dan id-digriet, il-prezz minimu tal-bejgħ bl-imnut huwa l-prezz li inqas minnu l-bejgħ ta’ tat-tabakk manifatturat lill-konsumaturi ma huwiex permess.”
11 Skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet:
“(1) Għas-sigaretti, il-prezz minimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull sigarett huwa mill-anqas 92.75 % tal-prezz medju mwieżen tas-sigaretti kollha mibjugħa matul is-sena kalendarja preċedenti.
(2) Għat-tabakk imqatta’ fin il-prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut għal kull gramma ta’ tabakk imqatta’ fin huwa mill-inqas 90 % tal-prezz medju mwieżen għal kull gramma tat-tabakk imqatta’ fin kollu mibjugħ matul is-sena kalendarja preċedenti”.
12 Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi digriet, il-prezzijiet minimi għall-bejgħ bl-imnut huma applikabbli sa mill-15 ta’ Mejju 2006.
Il-proċedura prekontenzjuża
13 Wara li l-Kummissjoni poġġiet lir-Repubblika tal-Awstrija f’pożizzjoni li setgħet tippreżenta l-kummenti tagħha dwar l-allegata inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għall‑bejgħ bl-imnut tas- sigaretti u tat-tabakk imqatta’ fin mal-Artikolu 9(1) tad‑Direttiva 95/59, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2007, bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, fejn stednitu sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt din id-dispożizzjoni f’terminu ta’ xahrejn mill-wasla ta’ dan l-avviż. Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li fid-dawl tar‑risposta tar-Repubblika tal-Awstrija s-sitwazzjoni baqgħet mhux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
14 Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 jistabbilixxi l-prinċipju li l-manifatturi u l-importaturi għandhom id-dritt li jiffissaw liberament il-prezzijiet massimi tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk manifatturat. Issa, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni, meta stabbiliet sistema ta’ prezzijiet minimi ffissati b’mod indirett għall-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti u tat-tabakk imqatta’ fin, ipprojbixxiet lill-manifatturi u lill-importaturi ta’ dawn il-prodotti milli jbigħuhom bi prezzijiet iktar baxxi mill-imsemmija prezzijiet minimi u b’hekk illimitat il-libertà tagħhom fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet. Għalhekk din il‑leġiżlazzjoni hija kontra l-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju.
15 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tistax tkun iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Dawn kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur Komunitarju meta adotta direttivi dwar id-dazji tas-sisa fuq it-tabakk. Minħabba n-nuqqas ta’ rati massimi tas-sisa globali, ir-regoli Komunitarji dwar l-intaxxar ta’ prodotti tat-tabakk jippermettu lill-Istati Membri li jżidu l-livell ta’ dan l-intaxxar u b’hekk iżommu l-prezzijiet għolja biżżejjed sabiex jiskoraġġixxu l-konsum tat-tabakk. Għalhekk politika fiskali hija biżżejjed sabiex jiġi żgurat il-livell mixtieq ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.
16 Skont il-Kummissjoni, il-prezzijiet medji mwieżna imposti fl-Awstrija bħala prezzijiet minimi għall-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati ma jirriżultawx mill-proċess tas-suq, iżda mill-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi intiża ġustament sabiex jingħelbu l-imsemmija proċessi. Il-fatt li dawn il-prezzijiet minimi jkunu kkalkulati aritmetikament skont il-prezzijiet medji osservati fis-suq ma jikkontestax din l-analiżi. Barra minn hekk, ma huwiex ċert li din is‑sistema ta’ prezzijiet minimi taffettwa l-kompetizzjoni inqas mis‑sistemi ta’ Stati Membri oħra eżaminati f’sentenzi preċedenti tal‑Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, il-projbizzjoni li jiġu stabbiliti sistemi ta’ prezzijiet minimi għat-tabakk immanifatturat li tirriżulta mill-Artikolu 9(1) tad‑Direttiva 95/59 ma teħtieġx evalwazzjoni tal-intensità tal-intervent li tinvolvi kull waħda minn dawn is-sistemi fid-dawl tas-sistema li fuqhom hija bbażata.
17 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra, li l-Artikolu 93 KE jikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti wkoll għall-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/59. In-natura fiskali ta’ din tal-aħħar ma tistax tawtorizza lill-Istati Membri li jinjoraw id-dispożizzjonijiet tiegħu minħabba li jsegwi għanijiet oħrajn, b’mod partikolari dak tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Barra minn hekk, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati li jinvokaw l-Artikolu 30 KE, peress li din hija kwistjoni rregolata b’mod armonizzat.
18 Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 huwa kompatibbli mal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas‑Saħħa, peress li din il-konvenzjoni ma għandhiex l-effett li tobbliga lill-partijiet kontraenti li jiffissaw prezzijiet minimi għall-prodotti tat-tabakk. Skont il-Kummissjoni, kieku kien mod ieħor, kienu jsiru tibdiliet f’din id-direttiva, li ma huwiex il-każ. Barra minn hekk, l-imsemmija konvenzjoni ma tagħtix lill-Istati Membri d-dritt, inforzabbli kontra l-Komunità, li jagħżlu bejn implementazzjoni ta’ politika fiskali u l-implementazzjoni ta’ politika ta’ prezzijiet, peress li din il‑kwistjoni taqa’ taħt l-operat intern tal-Komunità.
19 Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/54/KE, tat‑2 ta’ Diċembru 2002, dwar il-prevenzjoni tat-tipjip u dwar inizjattivi sabiex jissaħħaħ il-kontroll tat-tabakk (ĠU 2003, L 22, p. 31), invokati mir-Repubblika tal-Awstrija, ma jistgħux ikunu vinkolanti u, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jiġu interpretati bħala inkoraġġiment għal ksur tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59.
20 Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, sistema ta’ ntaxxar ta’ prezzijiet minimi huwa l-uniku strument effettiv u ċert sabiex titwaqqaf malajr il-waqgħa fil-prezzijiet tal-prodotti tat-tabakk koperti mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kuntest ta’ gwerra tal‑prezzijiet. Fil-fatt, miżuri fiskali jistgħu jiġu opposti mill-operaturi ekonomiċi attivi fis-settur tat-tabakk, peress li dawn ma jipprojbixxux il-bejgħ bi prezzijiet ta’ dumping sabiex jersqu viċin klassijiet ġodda ta’ konsumaturi, għal prezz ta’ telf finanzjarju temporanju. L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 ma jagħtix dritt illimitat għall-iffissar liberu tal-prezzijiet. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix il-possibilità għall-Istati Membri li jadottaw miżuri xierqa u meħtieġa sabiex jiżguraw il-protezzjoni tas‑saħħa pubblika, fis-sens tal-Artikolu 30 KE.
21 Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni wkoll li peress li l-ministru kompetenti sempliċement ħa bħala riferiment il-prezz medju ta’ dak is-suq, is-sistema ta’ prezzijiet minimi inkwistjoni ma tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, minħabba li dawn il-prezzijiet huma fir-realtà stabbiliti mis-suq. Għaldaqstant, l-imsemmija sistema għandha inqas intensità ta’ intervent mid-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri eżaminati, b’mod partikolari, fis-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑216/98, Ġabra p. I-8921), u tas-27 ta’ Frar 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑302/00, Ġabra p. I‑2055), li jipprovdu, pereżempju, għal żieda fil-prezzijiet ta’ mill-inqas 20 % meta mqabbla mal-prezzijiet fis-seħħ. L-intensità tal-intervent li miżura nazzjonali timplika hija wkoll importanti sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità ta’ din il-miżura, peress li huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk hemmx mezzi inqas restrittivi sabiex jintlaħaq dan il-għan.
22 Skont dan l-Istat Membru, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv fid-dawl tal-bażi legali tiegħu, jiġifieri l‑Artikolu 93 KE, li ma jippermetti la li jiġu segwiti għanijiet oħra barra dawk li jaqgħu taħt il-liġi fiskali u lanqas li tiġi llimitata l-possibbiltà li jintlaħqu dawn l-għanijiet l-oħra. Għalhekk l-Istati Membri huma intitolati li jiffissaw il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika li huma jqisu xieraq kif ukoll il-miżuri adegwati u meħtieġa sabiex jintlaħaq dan il-livell, li fosthom jista’ jkun hemm l-impożizzjoni ta’ prezzijiet minimi għall-prodotti tat-tabakk. Għaldaqstant, il-libertà tal-manifatturi u tal‑importaturi li jiffissaw il-prezzijiet tat-tabakk immanifatturat tista tiġi eżerċitata biss fil-limiti stabbiliti mill-politiki ta’ saħħa pubblika tal‑Istati Membri.
23 Barra minn hekk, id-Direttiva 95/59 għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ żviluppi legali ġodda, jiġifieri, minn naħa, l-Artikolu 6(2)(a) tal‑Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, u, min-naħa l‑oħra, l-punt 7 tar-Rakkomandazzjoni 2003/54. Issa, dawn, li jippermettu l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ prezzijiet minimi, ma humiex meħuda inkunsiderazzjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett.
24 Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-mekkaniżmi pprovduti mid-direttivi dwar id-dazji tas-sisa fuq it-tabakk immanifatturat ma jippermettux lill-Istati Membri li jużaw is-sisa bħala strument intiż sabiex jiġi żgurat livell ta’ prezzijiet għoli biżżejjed sabiex jiskoraġġixxi l-konsum. Fil-fatt, minn naħa, dawn id-direttivi jillimitaw il-possibbiltà li jkun hemm sisa biss għas-sigaretti li l-prezzijiet bl-imnut tagħhom huma l-iktar baxxi, mingħajr ma jaffettwaw fl-istess ħin l-intaxxar ta’ klassijiet oħra ta’ sigaretti. Min-naħa l-oħra, il-manifatturi u l-importaturi jistgħu jiddeċiedu li ż-żieda fil-piż fiskali ma taffettwax il-prezz finali. Barra minn hekk, din iż-żieda tista’ toħloq żieda fil-kummerċ transkonfinali illegali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
25 Preliminarjament għandu jitfakkar, li mill-premessa 3 tad-Direttiva 95/59 jirriżulta li din id-direttiva taqa’ f’kuntest ta’ politika ta’ armonizzazzjoni tal‑istrutturi tas-sisa fuq it-tabakk immanifatturat maħsub sabiex il-kompetizzjoni bejn kategoriji differenti ta’ tabakk immanifatturat li jaqgħu taħt l-istess grupp ma tkunx distorta u b’hekk, ikun hemm ftuħ tas-swieq nazzjonali tal-Istati Membri.
26 Għal dan il-għan, l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li s‑sigaretti mmanifatturati fil-Komunità u dawk importati minn pajjiżi li ma humiex membri għandhom ikunu suġġetti f’kull Stat Membru għal taxxa tas-sisa proporzjonali kkalkolata fuq il-prezz massimu ta’ bejgħ bl‑imnut, inkluż id-dazju, u anki għal taxxa tas-sisa speċifika kkalkolata fuq kull unità tal-prodott (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq punt 19).
27 Barra minn hekk, mill-premessa 7 tad-Direttiva 95/59 jirriżulta li l‑bżonnijiet imperattivi tal-kompetizzjoni jimplikaw sistema ta’ prezzijiet iffurmati liberament għall-gruppi kollha ta’ tabakk immanifatturat.
28 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-manifatturi, jew, jekk ikun il-każ, ir-rappreżentanti jew l-aġenti awtorizzati tagħhom fil-Komunità kif ukoll l-importaturi tat-tabakk minn pajjiżi li ma humiex membri għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull wieħed mill-prodotti tagħhom, u dan sabiex jiżguraw li l-kompetizzjoni tista’ isseħħ effettivament bejniethom (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20). Din id‑dispożizzjoni tfittex li tiżgura li l-istabbiliment tal-bażi tas‑sisa proporzjonali fuq il-prodotti tat-tabakk, jiġifieri l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut ta’ dawn il-prodotti, ikun suġġett għall-istess regoli fl-Istati Membri kollha. Hija tfittex ukoll, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, li tippreżerva l-libertà tal-operaturi msemmija iktar ’il fuq li jistgħu jgawdu b’mod effettiv mill-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn prezzijiet tal-produzzjoni iktar baxxi.
29 Issa, l-impożizzjoni ta’ prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut mill‑awtoritajiet pubbliċi għandha l-effett li l-prezz massimu għall-bejgħ bl-imnut stabbilit mill-manifatturi u l-importaturi ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun iktar baxx minn dan il-prezz minimu obbligatorju. Għalhekk leġiżlazzjoni li timponi dan il-prezz minimu tista’ jkollha effett ħażin fuq irelazzjonijiet kompetittivi billi tipprekludi lil xi wħud minn dawn il‑manifatturi jew importaturi li jieħdu vantaġġ mill-prezz ta’ produzzjoni iktar baxx sabiex jipproponu prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut iktar attraenti.
30 Konsegwentement, sistema ta’ prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk immanifatturat ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59 sakemm ma tkunx amministrata b’mod li teskludi, fi kwalunkwe ipoteżi, il-possibbiltà li toħloq effett ħażiin fuq il-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta, għal xi manifatturi jew importaturi ta’ tali prodotti, fi prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi u għaldaqstant, isseħħ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑197/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38 u Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑221/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).
31 Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji.
32 Din il-leġiżlazzjoni timponi fuq il-manifatturi u fuq l-importaturi attivi fis-suq Awstrijak prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut tas-sigaretti, iffissat għal 92.75 % tal-prezz medju mwieżen tas-sigaretti kollha mibjugħa matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ukoll tat-tabakk imqatta’ fin, iffissat għal għal 90 % tal-prezz medju mwieżen għal kull gramma tat‑tabakk kollu mqatta’ fin mibjugħ matul is-sena kalendarja preċedenti.
33 Din is-sistema ma tippermettix li jiġi eskluż, fi kwalunkwe ipoteżi, li l-prezzijiet minimi imposti joħolqu preġudizzju għall-vantaġġ kompetittiv li jista’ jirriżulta, għal xi manifatturi jew importaturi ta’ prodotti tat‑tabakk, mill-prezzijiet ta’ produzzjoni iktar baxxi. Għall-kuntrarju, kif il-Kummissjoni rrilevat waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-Repubblika tal-Awstrija, tali sistema, li, barra minn hekk, tiddetermina l-prezz minimu b’riferiment għall-prezz medju fis-suq, jista’ jkollha l-effett li tneħħi d-differenzi bejn il‑prezzijiet ta’ prodotti li jikkompetu u li tressaq dawn il-prezzijiet lejn prezz tal-prodott li jiswa l-iktar. Għalhekk, din is-sistema tikser il‑libertà tal-manifatturi u tal-importaturi li jiddeterminaw il-prezz massimu tagħhom tal-bejgħ bl-imnut, iggarantit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59.
34 Fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 u 51 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-konvenzjoni ma timponi ebda obbligu konkret fuq il-partijiet kontraenti fir-rigward tal-politika tal-prezzijiet speċifiċi għall-prodotti tat‑tabakk, u sempliċement tiddeskrivi s-soluzzjonijiet possibbli sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet nazzjonali tas-saħħa fir-rigward tal-kontroll tat-tabakk. Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi biss li l-partijiet kontraenti għandhom jadottaw jew iżommu miżuri li “jistgħu jinkludu” l‑implementazzjoni ta’ politiki fiskali u “kif ikun xieraq” ta’ politika tal‑prezzijiet fuq il-prodotti tat-tabakk.
35 Bl-istess mod, l-ebda indikazzjoni konkreta dwar l-użu ta’ sistemi ta’ prezzijiet minimi ma’ tista’ tiġi dedotta mir-Rakkomandazzjoni 2003/54, li, barra minn hekk, ma għandhiex forza vinkolanti. Fil-fatt, is‑silta li r-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għaliha sempliċement tirrifletti l-idea li l-prezzijiet għolja tal-prodotti tat-tabakk għandhom l-effett li jiskoraġġixxu l-konsum.
36 Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 95/59 ma tipprekludix politika tal-prezzijiet meta din ma tmurx kontra l-għanijiet tagħha, b’mod partikolari dak li tiġi eskluża d-distorsjoni tal‑kompetizzjoni fil-kategoriji differenti ta’ tabakk immanifatturat taħt l-istess grupp.
37 Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni wkoll li s-sistema ta’ prezzijiet minimi inkwistjoni hija ġġustifikata mill-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni taħt l-Artikolu 30 KE. Skont dak l-Istat Membru, iż-żieda fil-livell ta’ taxxi ma tistax tiggarantixxi prezzijiet suffiċjentement għolja tal-prodotti tat-tabakk, peress li din iż-żieda tista’ tiġi assorbita mill-manifatturi jew mill-importaturi billi tiġi ssagrifikata parti mill-marġni ta’ profitt tagħhom, anki billi jsir bejgħ bit-telf.
38 Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 30 KE ma jistax jinftiehem bħala li jawtorizza miżuri ta’ natura differenti minn restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri li għandhom effett ekwivalenti msemmija fl-Artikoli 28 KE u 29 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma invokat ebda ksur ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.
39 Jibqa’ l-fatt li d-Direttiva 95/59 ma tipprekludix lir-Repubblika tal‑Awstrija milli timplementa l-glieda kontra t-tabakk, li hija parti mill-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.
40 Bl-istess mod, ma jistax jiġi sostnut li dan il-għan ma jitteħidx inkunsiderazzjoni f’din id-direttiva peress li din hija adottata abbażi tal‑Artikolu 93 KE.
41 Fil-fatt, kif imsemmi fil-premessa 7 tad-Direttiva 2002/10, l-aħħar att ta’ emenda tad-Direttiva 95/59/KE, li madankollu l-Artikolu 9 tagħha ma nbidilx mill-kliem oriġinali tiegħu, it-Trattat KE, u b’mod partikolari l‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 152(1) KE jirrikjedi li d-definizzjoni kif ukoll l-implementazzjoni tal-politika kollha u tal-azzjonijiet tal-Komunità għandhom jiżguraw livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
42 F’din l-istess premessa huwa wkoll speċifikat li l-livell ta’ ntaxxar huwa fattur fundamentali fil-prezz tal-prodotti tat-tabakk, li minn naħa tiegħu, jinfluwenza d-drawwiet tat-tipjip tal-konsumaturi. Bl-istess mod, il‑Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fil-każ tat-tabakk, il-leġiżlazzjoni fiskali tikkostitwixxi strument importanti u effettiv għall-kontroll tal-konsum ta’ dawn il-prodotti u, għaldaqstant, għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Valeško, C‑140/05, Ġabra p. 1‑10025, punt 58) u li l-għan li jiġi żgurat li l-prezzijiet ta’ dawn il‑prodotti jkunu ffissati f’livelli għolja jista’ jintlaħaq b’mod adegwat b’tassazzjoni ogħla ta’ dawn il-prodotti, peress li żidiet fit-taxxi tas-sisa għandhom eventwalment illum jew għada jirriżultaw f’żieda fil‑prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut, mingħajr ma jinħoloq preġudizzju għal-libertà tal-iffissar tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).
43 Barra minn hekk, jekk l-Istati Membri jixtiequ jeliminaw b’mod permanenti kull possibbiltà għall-manifatturi jew għall-importaturi li jassorbu, anki temporanjament, l-impatt tat-taxxi fuq il-prezzijiet tal-bejgħ bl‑imnut tat-tabakk immanifatturat billi jbigħuh b’telf, huma b’mod partikolari jistgħu, filwaqt li jippermettu b’hekk lill-imsemmija manifatturi u importaturi li jibbenefikaw effettivament mill-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn eventwali prezzijiet tal-produzzjoni iktar baxxi, li jipprojbixxu l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk immanifatturat bi prezz iktar baxx mis-somma tal-prezz tal-produzzjoni u tat-taxxi kollha (ara s-sentenzi ċċitati tal-4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 53 u Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, punt 55).
44 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors tal‑Kummissjoni għandu jintlaqa’.
45 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jistabbilixxu l-prezzijiet minimi għall-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti u tat-tabakk imqatta’ fin għall-irrumblar tas-sigaretti, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 95/59.
Fuq l-ispejjeż
46 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jistabbilixxu l-prezzijiet minimi għall‑bejgħ bl-imnut tas-sigaretti u tat-tabakk imqatta’ fin għall‑irrumblar tas-sigaretti, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9(1) tad‑Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE, tas-27 ta’ Novembru 1995, dwar it-taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qligħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk immanifatturat, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/10/KEE, tat-12 ta’ Frar 2002.
2) Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.