Kawża C-172/08

Pontina Ambiente Srl

vs

Regione Lazio

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Roma)

“Ambjent — Direttiva 1999/31/KE — Artikolu 10 — Taxxa speċjali għar-rimi ta’ skart solidu f’landfill — Issuġġettar tal-operatur ta’ landfill għal din it-taxxa — Spejjeż tal-operat ta’ landfill — Direttiva 2000/35/KE — Interessi moratorji”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2009   I ‐ 1177

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Frar 2010   I ‐ 1196

Sommarju tas-sentenza

  1. Ambjent – Skart – Rimi ta’ skart f’landfill – Direttiva 1999/31 – Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas

    (Direttiva tal-Kunsill 1999/31, Artikolu 10)

  2. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2000/35 – Kamp ta’ applikazzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/35, Artikoli 1, 2(1), u 3)

  1.  L-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], kif emendata bir-Reglament Nru 1882/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta lill-operatur ta’ sit ta’ landfill għal taxxa li għandha tiġi rimborsata lilu mill-awtorità lokali li tarmi skart fil-landfill, u li tipprevedi penalitajiet kontrih fil-każ ta’ ħlas tardiv ta’ din it-taxxa, madankollu bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tkun akkumpanjata minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw li r-rimbors tal-imsemmija taxxa jseħħ effettivament u fi żmien qasir u li l-ispejjeż kollha marbutin mal-irkupru u, b’mod partikolari, l-ispejjeż li jirriżultaw minn dewmien fil-ħlas tas-somom dovuti f’dan is-sens mill-imsemmija awtorità lokali lil dan l-operatur, inklużi kwalunkwe penalitajiet imposti fuq dan tal-aħħar minħabba dan id-dewmien, jiġu mgħoddija fil-prezz li għandha tħallas din l-awtorità lill-imsemmi operatur. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

    Fil-fatt, jekk l-operatur ikollu jbati spejjeż bħal dawn, dan iwassal sabiex dan l-operatur iħallas spejjeż marbutin mar-rimi ta’ skart mhux prodott minnu, fir-rigward ta’ liema skart, huwa jiżgura biss li jiġi mormi fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu bħala fornitur ta’ servizzi.

    (ara l-punti 38, 41 u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikoli 1, 2(1) u 3 tad-Direttiva 2000/35, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tardivi fi tranżazzjonijiet kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-somom dovuti lill-operatur ta’ sit ta’ landfill minn awtorità lokali li tarmi skart fil-landfill, bħal dawk dovuti bħala rimbors ta’ taxxa, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u li l-Istati Membri għandhom għaldaqstant jiżguraw, skont l-Artikolu 3 tagħha, li jitħallsu interessi lil dan l-operatur fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas tal-imsemmija somom attribwiti lil din l-awtorità lokali.

    (ara l-punt 48 u d-dispożittiv 2)