SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
16 ta’ Lulju 2009 ( *1 )
“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Artikolu 64 — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Applikazzjoni għal sentenza mogħtija fi Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-2004 — Artikolu 3(1) — Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju — Elementi ta’ rabta rilevanti — Residenza abitwali — Ċittadinanza — Konjuġi residenti fi Franza u li għandhom, it-tnejn li huma, ċittadinanza Franċiża u Ungeriża”
Fil-Kawża C-168/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ April 2008, fil-proċedura
Laszlo Hadadi (Hadady)
vs
Csilla Marta Mesko, miżżewġa Hadadi (Hadady),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), J. Klučka, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Frar 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal L. Hadadi (Hadady), minn C. Rouvière, avocate, |
— |
għal C. M. Mesko, minn A. Lyon-Caen, avocat, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn K. Szíjjártó u M. Kurucz, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Slovakk, minn J. Čorba, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Joris u S. Saastamoinen, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn L. Hadadi (Hadady) u C. M. Mesko dwar ir-rikonoxximent mill-qrati Franċiżi ta’ deċiżjoni tal-qorti ta’ Pest (l-Ungerija) li ddikjarat id-divorzju tagħhom. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Ir-Regolament Nru 1347/2000
3 |
Skont ir-raba’ u t-tnax-il premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materjali matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjugi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209):
[…]
|
4 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1347/2000, li jipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju, separazzjoni legali u annullament taż-żwieġ, ġie ssostitwit bl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003, u ż-żewġ Artikoli ġew redatti bi kliem identiku. |
Ir-Regolament Nru 2201/2003
5 |
Skont l-ewwel u t-tmien premessi tar-Regolament Nru 2201/2003:
[…]
|
6 |
Skont l-Artikolu 1(1)(a) tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 japplika, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali u l-annullament taż-żwieġ. |
7 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-ġurisdizzjoni ġenerali” jipprovdi: “Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru
|
8 |
L-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “In-natura esklussiva ta’ l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 3, 4 u 5” jipprovdi: “Il-konjuġi li:
jista’ jiġi mħarrek/imħarrka fi Stat Membru ieħor skond l-Artikoli 3, 4 u 5 biss.” |
9 |
L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Pussess ta’ Qorti” jipprovdi: “Qorti għandha tiġi kkunsidrata li hija fil-pussess;
jew
|
10 |
L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament jipprovdi dan li ġej: “1. Fejn il-proċedimenti dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg bejn l-istess partijiet jinġiebu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti li tkun ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni proprja żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel tigi stabbilita. […] 3. Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti. F’dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-pussess wara, tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel.” |
11 |
Skont l-Artikolu 21(1) u (4) tal-istess regolament, intitolat “Ir-Rikonoxximent ta’ sentenza”: “1. Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali. […] 4. Fejn ir-rikonoxximent ta’ xi sentenza titressaq bħala kwistjoni nċidentali f’qorti ta’ xi Stat Membru, dik il-qorti tista’ tiddetermina dik il-kwistjoni.” |
12 |
L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ reviżjoni ta’ ġurisdizzjoni fil-qrati ta’ l-oriġini” jipprovdi: “Il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-prova ta’ l-politika pubblika imsemmija fl-Artikoli 22(a) u 23(a) ma tistax ssir fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 sa 14.” |
13 |
Fil-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Id-disposizzjonijiet tranżizzjonali”, l-Artikolu 64(1) u (4) tiegħu jipprovdi kif ġej: “1. Id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għall-proċedimenti ġudizzjarji stitwiti, għad-dokumenti li ġew formalment miktuba jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi u għall-kuntratti konklużi bejn il-partijiet wara d-data ta’ l-applikazzjoni tagħha skond l-Artikolu 72. […] 4. Is-sentenzi mogħtija qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imma wara d-data tad-dħul tas-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1347/2000 fil-proċedimenti stitwiti qabel id-data tad-dħul tas-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandhom jiġu rikonoxxuti u nfurzati skond id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament kemm-il darba dawn jirrigwardaw id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg jew ir-responsabbilità tal-ġenituri għall-minuri taż-żewġ konjuġi fl-okkażjoni ta’ dawn il-proċedimenti matrimonjali u dik il-ġurisdizzjoni kienet ibbażata dwar regoli li jaqblu ma’ dawk imsemmija jew fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament jew fil-Regolament (KE) Nru 1347/2000 jew inkella f’konvenzjoni konkluża bejn l-Istat Membru ta’ l-oriġini u l-Istat Membru ndirizzat li kienet fis-seħħ meta l-proċedimenti ġew istitwiti.” |
14 |
Skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2201/2003, dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2004 u għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2005, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 67 sa 70, li mhumiex rilevanti fil-kawża prinċipali. |
Il-leġiżlazzjoni Franċiża
15 |
Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1070 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi: “Il-ġurisdizzjoni lokali għandha tiġi ddeterminata b’referenza għall-post tar-residenza fil-jum meta ssir it-talba jew, fil-każ ta’ divorzju, fil-jum meta tiġi mressqa t-talba inizjali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
Fl-1979, L. Hadadi u C. M. Mesko, it-tnejn ta’ ċittadinanza Ungeriża, iżżewġu fl-Ungerija. Huma emigraw lejn Franza fl-1980, fejn, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, għadhom jirrisjedu. Fl-1985, huma saru ċittadini Franċiżi, b’tali mod li kull wieħed minnhom għandu ċittadinanza Ungeriża u Franċiża. |
17 |
Fit-23 ta’ Frar 2002, L. Hadadi ressaq talba għad-divorzju quddiem il-qorti ta’ Pest. |
18 |
C. M. Mesko bdiet proċeduri ta’ divorzju quddiem it-tribunal de grande instance de Meaux (Franza) fid-19 ta’ Frar 2003. |
19 |
Fl-4 ta’ Mejju 2004, jiġifieri wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ungeriża fl-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum tal-istess xahar, ġie ddikjarat id-divorzju bejn L. Hadadi u C. M. Mesko permezz ta’ sentenza tal-qorti ta’ Pest. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din is-sentenza saret definittiva. |
20 |
Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Novembru 2005, il-juge aux affaires familiales (qorti tal-familja) tat-tribunal de grande instance de Meaux iddikjarat inammissibbli t-talba għad-divorzju magħmula quddiemha minn C. M. Mesko. |
21 |
Fit-12 ta’ Ottubru 2006, wara appell ippreżentat minn C. M. Mesko kontra dan id-digriet, il-cour d’appel de Paris (Franza) iddeċidiet li s-sentenza tad-divorzju tal-qorti ta’ Pest ma setgħetx tiġi rikonoxxuta fi Franza. Il-cour d’appel de Paris għalhekk, iddikjarat bħala ammissibbli t-talba għad-divorzju mressqa minn C. M. Mesko. |
22 |
L. Hadadi kkontesta s-sentenza tal-cour d’appell de Paris, billi kkritikaha talli ma rrikonoxxitx il-ġurisdizzjoni tal-qorti Ungeriża abbażi biss tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar ir-residenza abitwali tal-konjuġi, mingħajr ma stħarrġet jekk din il-ġurisdizzjoni setgħetx tirriżulta miċ-ċittadinanza Ungeriża taż-żewġ konjuġi, kif stipulat fl-istess Artikolu 3(1)(b). |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
24 |
Il-kawża prinċipali toriġina mit-talba għad-divorzju mressqa fi Franza minn C. M. Mesko fid-19 ta’ Frar 2003. Mill-proċess jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba, ir-rikonoxximent tas-sentenza tad-divorzju mogħtija mill-qorti ta’ Pest fl-4 ta’ Mejju 2004 hija kwistjoni inċidentali. Skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qrati Franċiżi jistgħu jiddeċiedu dwar din il-kwistjoni. F’dan il-kuntest, il-Cour de cassation għamlet domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament. |
25 |
Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 72 tiegħu, dan ir-regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2004 u beda japplika mill-1 ta’ Marzu 2005. |
26 |
Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1347/2000 kien applikabbli fl-Ungerija mill-1 ta’ Mejju 2004, skont l-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33). |
27 |
Minn dan jirriżulta li s-sentenza tad-divorzju mogħtija mill-qorti ta’ Pest fl-4 ta’ Mejju 2004 ngħatat wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1347/2000 fl-Ungerija, wara proċeduri mibdija qabel din l-aħħar data. Barra minn hekk għandu jiġi rrelevat li din is-sentenza ngħatat qabel l-1 ta’ Marzu 2005, li hi d-data li fiha beda japplika r-Regolament Nru 2201/2003. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif isostnu l-Gvernijiet Franċiż, Ġermaniż, Pollakk u Slovakk, il-kwistjoni dwar ir-rikonoxximent tal-imsemmija sentenza għandha tiġi evalwata skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003 peress li l-bidu tal-proċeduri u l-għoti tas-sentenza kienu jaqgħu fil-perijodu ddefinit f’din id-dispożizzjoni. |
29 |
Skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmija sentenza ta’ divorzju konsegwentement għandha tiġi rikonoxxuta skont ir-Regolament Nru 2201/2003, jekk ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni applikati huma konformi ma’ dawk stipulati fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament jew fir-regolament Nru 1347/2000, jew bi ftehim fis-seħħ bejn l-Istat Membru tal-oriġini, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Ungerija, u l-Istat Membru mitlub jirrikonoxxi s-sentenza, f’dan il-każ, ir-Repubblika ta’ Franza, fil-perijodu li tressqet il-kawża. |
30 |
Id-dispożizzjonijiet li fuqhom il-qorti ta’ Pest ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha u l-kliem tal-istess dispożizzjonijiet ma jirriżultawx mill-proċess. Madankollu, dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat bħala mingħajr effett fuq il-kawża prinċipali jekk bl-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 setgħet tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi, huma x’inhuma r-regoli ta’ ġurisdizzjoni effettivament applikati minn dawn tal-aħħar. Għalhekk, essenzjalment, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex tistabbilixxi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-qrati Ungeriżi setax kellhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu l-kawża tad-divorzju ta’ L. Hadadi u C. M. Mesko. |
31 |
Finalment, huwa veru li C. M. Mesko ssostni, fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija saret taf bil-kawża tad-divorzju quddiem il-qorti ta’ Pest sitt xhur wara li nbdew minn L. Hadadi. Madankollu, hija ma ssostnix li huwa naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-att jiġi nnotifikat, u lanqas li konsegwentement, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti Ungeriża ma kinitx meqjusa adita f’din id-data. Mill-proċess jirriżulta wkoll li C. M. Mesko dehret fil-proċeduri quddiem l-imsemmija qorti. Fuq kollox, b’risposta għal domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet matul is-seduta, il-Gvern Ungeriż iddikjara li, fid-dritt nazzjonali, malli kawża titressaq quddiem qorti, din il-qorti tieħu ħsieb in-notifika tat-talba lill-konvenut. F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa premess li l-qorti ta’ Pest hija meqjusa adita kif suppost skont l-imsemmi artikolu 16. |
Fuq l-ewwel domanda
32 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-miżżewġin ikollhom kemm iċ-ċittadinanza tal-Istat tal-qorti adita u ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, il-qorti li quddiemha saret il-kawża għandhiex tagħti preċedenza liċ-ċittadinanza tal-Istat Membru li fih hi tinsab. |
33 |
Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, il-qrati aditi f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, irregolati bid-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ rikonixximent stipulati fl-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, huma mitluba jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor. Sitwazzjonijiet bħal dawn huma differenti minn dawk li huma rregolati bid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, li għalihom l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament jistipula projbizzjoni ta’ reviżjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini. |
34 |
Mill-proċess jirriżulta li, fis-sentenza kkontestata fil-kawża prinċipali, il-cour d’appel de Paris ikkunsidrat li l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Pest, inkwantu bbażata fuq iċ-ċittadinanza Ungeriża ta’ L. Hadadi, li hija titolu ta’ ġurisdizzjoni mhux rikonoxxut mir-regoli Franċiżi ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, kienet “fil-verità dgħajfa wisq”, filwaqt li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju konjugali, fi Franza, kienet, b’paragun, partikolarment b’saħħitha. |
35 |
Skont il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-ewwel domanda preliminari saret minħabba l-fatt li, fil-każ ta’ kunflitt bejn iċ-ċittadinanza Franċiża u ċittadinanza oħra, il-qorti Franċiża adita “ħafna drabi tagħti preċedenza liċ-ċittadinanza interna”. |
36 |
Din it-teżi hija kkonfermata bl-argument li l-konvenuta ssottomettiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża prinċipali, li ssostni li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma fihx dispożizzjonijiet partikolari li jirregolaw il-każijiet ta’ ċittadinanza doppja, b’tali mod li kull Stat Membru japplika d-dritt tiegħu dwar iċ-ċittadinanza f’din it-tip ta’ sitwazzjoni. Mid-duttrina u mill-ġurisprudenza Franċiża jirriżulta li, fil-każ ta’ kunflitt ta’ ċittadinanza, jekk waħda minnhom hija ċ-ċittadinanza interna, hija din li tipprevali. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni dwar jekk, peress li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jsemmix espressament, kif tirrileva C. M. Mesko, il-każ ta’ ċittadinanza doppja tal-istess Stati Membri, l-Artikolu 3(1) tiegħu għandux jiġi interpretat mod jekk iż-żewġ konjuġi għandhom l-istess żewġ ċittadinanzi u mod ieħor jekk għandhom biss ċittadinanza waħda l-istess. |
38 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll tal-prinċipju tat-trattament ugwali, li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, li ma tinvolvi ebda riferiment espress għal-liġi tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandu normalment ikollhom interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil-Komunità Ewropea kollha, fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 2201/2003, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, A, C-523/07, Ġabra p. I-2805, punt 34). |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma fih l-ebda riferiment espress għal-liġi tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata l-portata eżatta tar-rekwiżit dwar iċ-“ċittadinanza”. |
40 |
Barra minn hekk, ma jidhirx li r-Regolament Nru 2201/2003 jistabilixxi, tallinqas bħala regola, distinzjoni dwar jekk persuna għandhiex ċittadinanza waħda jew, jekk ikun il-każ, iktar minn waħda. |
41 |
Għalhekk, fil-każ ta’ ċittadinanza doppja tal-istess Stat Membru, il-qorti adita ma tistax tinjora l-fatt li l-persuni kkonċernati għandhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor, b’tali mod li l-persuni li għandhom ċittadinanza doppja tal-istess Stat Membru jiġu ttrattati bħallikieku kellhom biss iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-qorti adita. Dan fil-fatt ikollu l-konsegwenza li jipprojbixxi lil dawn il-persuni, skont ir-regola tranżitorja ta’ rikonoxximent stipulata fl-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, milli jinvokaw l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament quddiem qorti tal-Istat Membru mitlub jirrikonoxxi sentenza, sabiex jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor, minkejja li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dan l-aħħar Stat. |
42 |
Min-naħa l-oħra, skont l-imsemmi Artikolu 64(4), meta l-konjuġi jkollhom kemm iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti adita u dik tal-istess Stat Membru ieħor, l-imsemmija qorti għandha tikkunsidra l-fatt li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru ieħor setgħu, minħabba l-fatt li l-persuni kkonċernati għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dan l-aħħar Stat, ikunu aditi skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003. |
43 |
Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li, qorti ta’ Stat Membru mitlub jirrikonoxxi sentenza għandha tivverifika, skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, jekk il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ta’ sentenza kellhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tipprekludi lill-qorti tal-Istat Membru mitlub jirrikonoxxi sentenza milli tikkunsidra lill-konjuġi li t-tnejn għandhom iċ-ċittadinanzi kemm ta’ dan l-Istat kif ukoll tal-Istat Membru tal-oriġini bħala ċittadini tal-Istat Membru li ntalab jirrikonoxxi sentenza biss. Għall-kuntrarju, din il-qorti għandha tikkunsidra l-fatt li l-konjuġi għandhom ukoll iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-oriġini u li, għalhekk, il-qrati ta’ dan tal-aħħar jista’ jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu l-kawża. |
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
44 |
Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita liema qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq id-divorzju ta’ persuni li għandhom l-istess ċittadinanza doppja, għandha tiġi kkunsidrata biss iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru li miegħu dawn il-persuni għandhom l-iktar rabtiet mill-qrib — iċ-ċittadinanza “l-iktar effettiva” —, b’tali mod li l-qrati ta’ dan l-Istat biss għandhom ġurisdizzjoni abbażi taċ-ċittadinanza (it-tieni domanda) jew jekk, min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu kkunsidrati ż-żewġ ċittadinanzi, b’tali mod li l-qrati taż-żewġ Stati Membri jista’ jkollhom ġurisdizzjoni b’dan il-mod, bil-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħżlu l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha għandha tinstema’ l-kawża (it-tielet domanda). |
45 |
C. M. Mesko u l-Gvern Pollakk isostnu li, fil-każ ta’ ċittadinanza doppja tal-istess Stat Membru tal-konjuġi, għandha tiġi kkunsidrata ċ-ċittadinanza l-iktar effettiva. F’dan ir-rigward, C. M. Mesko, filwaqt li tistrieħ fuq diversi fatturi, b’mod partikolari fuq il-fatt li hija stess u L. Hadadi ilhom jirrisjedu fi Franza mill-1980, tqis li, fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadinanza Franċiża hija l-iktar waħda effettiva. Hija tenfasizza li jekk iż-żewġ ċittadinanzi jingħataw trattament ugwali, dan se jwassal għal “tellieqa bejn min jippreżenta l-kawża l-ewwel”, filwaqt li jħajjar b’mod abbużiv sabiex wieħed mill-konjuġi jgħaġġel jippreżenta kawża quddiem il-qrati ta’ Stat Membru wieħed sabiex jevita li l-konjuġi l-ieħor jippreżenta kawża quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor. Il-Gvern Pollakk iqis li l-għażla tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma għandhiex titħalla f’idejn il-partijiet, għaliex tali soluzzjoni tagħti privileġġ eċċessiv lill-persuni li għandhom ċittadinanza doppja tal-istess Stat Membru u tagħtihom il-possibbiltà li jagħżlu de facto l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, minkejja li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jagħtix l-istess għażla lill-persuni l-oħra. Barra minn hekk, skont dan il-gvern, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru li fih il-konjuġi jkunu ilhom ma joqogħdu għal żmien twil tnaqqas l-effettività u s-sens ta’ ġustizzja tas-sentenzi tal-qrati u twassal għal ċerti abbużi, bħal dak tal-“forum shopping”. |
46 |
Min-naħa l-oħra, skont L. Hadadi, il-Gvernijiet Franċiżi, Ċek, Ġermaniż, Ungeriż, Slovakk u Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni, fil-każ ta’ ċittadinanza doppja tal-istess Stat Membru, kull konjuġi għandu d-dritt, skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 li jiftaħ kawża ta’ divorzju quddiem il-qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri li tiegħu l-konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza. |
47 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ewwel premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 jikkontribwixxi sabiex tinħoloq żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fiha huwa żgurat l-moviment liberu tal-persuni. Għal dan il-għan, fil-Kapitoli II u III, dan ir-regolament jistabbilixxi b’mod partikolari regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fir-rigward tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali. |
48 |
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi diversi titoli ta’ ġurisdizzjoni, li bejniethom ma hemm l-ebda ġerarkija. Il-kriterji oġġettivi msemmija f’dan l-Artikolu 3(1) huma kollha alternattivi. Fid-dawl tal-għan ta’ dan ir-regolament intiż sabiex jiggarantixxi ċ-ċertezza legali, l-Artikolu 6 ta’ dan jipprovdi, essenzjalment, li l-ġurisdizzjoni ddefinita fl-Artikoli 3 sa 5 tal-istess regolament hija esklużiva. |
49 |
Minn dan jirriżulta li s-sistema tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 2201/2003 dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali mhijiex intiża sabiex teskludi diversi qrati. Għall-kuntrarju, il-koeżistenza ta’ diversi qrati li għandhom ġurisdizzjoni, mingħajr ġerarkija bejniethom, hija espressament stipulata. |
50 |
F’dan ir-rigward, minkejja li l-kriterji elenkati fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament huma bbażati f’diversi modi fuq ir-residenza abitwali tal-konjuġi, il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 3(1)(b) huwa dak “dwar in-nazzjonalità taż-żewg konjuġi jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, dwar ‘id-domiċilju’ taz-żewġ konjuġi.” Għalhekk, ħlief fil-każ ta’ dawn l-aħħar żewġ Stati Membri, il-qrati tal-Istati Membri l-oħra li tagħhom il-konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza, għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu kawżi dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali. |
51 |
Madankollu, il-kliem tal-imsemmi Artikolu 3(1)(b) bl-ebda mod ma jissuġġerixxi li hija biss iċ-ċittadinanza “effettiva” li tista’ tiġi kkunsidrata sabiex tiġi implementata din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din, peress li tagħmel iċ-ċittadinanza kriterju ta’ ġurisdizzjoni, tiffavorixxxi element ta’ rabta uniformi u faċilment applikabbli. Hija ma tipprovdi l-ebda kriterju ieħor relatat maċ-ċittadinanza, bħal, b’mod partikolari, l-effettività ta’ din tal-aħħar. |
52 |
Barra minn hekk, interpretazzjoni li hija biss ċittadinanza “effettiva” li tista’ tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament nru 2201/2003 mhijiex ibbażata fuq l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni jew fuq il-kuntest li fih tinsab. |
53 |
Fil-fatt, minn naħa waħda, tali interpretazzjoni jkollha bħala effett li tillimita l-għażla tal-persuni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, b’mod partikolari fil-każ tal-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu tal-persuni. |
54 |
B’mod partikolari, peress li r-residenza abitwali hija kunsiderazzjoni essenzjali sabiex tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza l-iktar effettiva, it-titoli ta’ ġurisdizzjoni stipulati fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2201/2003 spiss jikkoinċidu. Fil-fatt, dan iwassal sabiex jiġi stabbilit, fir-rigward ta’ persuni li għandhom diversi ċittadinanzi, ġerarkija ta’ titoli ta’ ġurisdizzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi paragrafu 1, liema ġerarkija ma tirriżultax mill-kliem ta’ dan il-paragrafu. Min-naħa l-oħra, koppja li għandha biss iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed tista’ xorta tmur quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, minkejja li r-residenza abitwali tagħha ma kinitx għadha f’dan l-Istat Membru għal diversi snin u minkejja li kien hemm biss ftit elementi ta’ rabta vera ma’ dan l-Istat Membru. |
55 |
Min-naħa l-oħra, minħabba n-natura ftit preċiża tal-kunċett ta’ “ċittadinanza effettiva”, ikollhom jiġu kkunsidrati numru ta’ ċirkustanzi fattwali, li mhux dejjem iwasslu għal riżultat ċar. Minn dan jirriżulta li l-ħtieġa ta’ stħarriġ tal-elementi ta’ rabta bejn il-konjuġi u ċ-ċittadinanzi rispettivi tagħhom jagħmel iktar diffiċli l-verifika tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, u b’hekk tmur kontra l-għan intiż li jiffaċilità l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 bl-użu ta’ kriterju ta’ rabta sempliċi u uniformi. |
56 |
Huwa veru li, skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qrati ta’ diversi Stati Membri jista’ jkollhom ġurisdizzjoni meta l-persuni kkonċernati jkollhom diversi ċittadinanzi. Madankollu, kif il-Kummissjoni u l-Gvernijiet Franċiż, Ungeriż u Slovakk irrilevaw, fil-każ li jkun hemm qrati ta’ diversi Stati Membri aditi skont din id-dispożizzjoni, il-kunflitt tal-ġurisdizzjoni jista’ jiġi solvut bl-implementazzjoni tar-regola stipulata fl-Artikolu 19(1) tal-istess regolament. |
57 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi ammess li r-Regolament Nru 2201/2003, inkwantu jirregola biss il-ġurisdizzjoni tal-qrati, iżda ma jistipula l-ebda regola fil-każ ta’ kunflitti tal-liġijiet, ċertament jista’, kif C. M. Mesko ssostni, jinkoraġġixxi lill-konjuġi jgħaġġlu jiftħu kawża quddiem waħda mill-qrati li jkollha ġurisdizzjoni biex jiżguraw irwieħhom mill-vantaġġi tad-dritt sostantiv dwar id-divorzju li jkun applikabbli skont id-dritt privat internazzjonali ta’ dak il-pajjiż. Madankollu, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ C. M. Mesko, tali ċirkustanza ma għandhiex, fiha nnifisha, ikollha l-konsegwenza li jiġi kkunsidrat bħala abbużiv il-fatt li qorti jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1) tal-istess regolament. Fil-fatt, mill-punt 49 sa 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ġurisdizzjoni ta’ qrati ta’ Stat Membru li tiegħu ż-żewġ konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza, anke fin-nuqqas ta’ kwalunkwe rabta ma’ dan l-Istat Membru, mhijiex kontra l-għanijiet segwiti mill-imsemmija dispożizzjoni. |
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domandi għandha tkun li, meta kull wieħed mill-konjuġi għandu ċittadinanza tal-istess żewġ Stati Membri, l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprekludi li l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri tiġi eskluża minħabba l-fatt li l-attur ma jurix elementi ta’ rabta oħra ma’ dan l-Istat. Min-naħa l-oħra, il-qrati tal-Istati Membri li tagħhom il-konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza għandhom ġurisdizzjoni skont din id-dispożizzjoni, u dawn jistgħu jagħżlu l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha ser tinstema’ l-kawża. |
Fuq l-ispejjeż
59 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.