Kawża C-165/08

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Organiżmi modifikati ġenetikament — Żerriegħa — Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq — Projbizzjoni ta’ inklużjoni fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet — Direttivi 2001/18/KE u 2002/53/KE — Invokazzjoni ta’ motivi ta’ natura etika u reliġjuża — Oneru tal-prova”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Lulju 2009   I ‐ 6846

Sommarju tas-sentenza

  1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Suġġett – Rikors promotur

    (Artikolu 226 KE)

  2. Ambjent – Rilaxx intenzjonat ta’ organiżmi modifikati ġenetikament – Direttiva 2001/18 – Katalgu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċi ta’ pjanti agrikoli – Direttiva 2002/53

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/18, Artikoli 22 u 23; Direttiva tal-Kunsill 2002/53, Artikoli 4(4), 16(1) u (2), u 17)

  1.  Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 226 KE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt Komunitarju kkontestat, kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

    Dan mhuwiex il-każ meta l-Kummissjoni tipprovdi argumenti preċiżi biss fil-każ ta’ ċerti artikoli ta’ direttiva qabel ma tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni mhumiex kompatibbli mas-sistema ta’ ċirkulazzjoni libera introdotta minn din id-direttiva fl-intier tagħha u b’mod partikolari mill-imsemmija artikoli ta’ din id-direttiva. Isegwi li r-rikors huwa ammissibbli biss f’dak li jikkonċerna nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat ta’ dawn l-artikoli iżda mhux fejn isostni l-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ din l-istess direttiva kkunsidrata fl-intier tagħha.

    (ara l-punti 43, 46, 48)

  2.  Stat Membru li jipprojbixxi ċ-ċirkulazzjoni libera ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ġenetikament modifikati kif ukoll l-introduzzjoni tal-varjetajiet ġenetikament modifikati fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2001/18, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva 90/220, kif ukoll taħt l-Artikoli 4(4) u 16 tad-Direttiva 2002/53, dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli.

    Fir-rigward tad-Direttiva 2001/18, l-Artikoli 22 u 23 jimponu lill-Istati Membri li ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jirrifjutaw it-tqegħid fis-suq ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (GMO), bħala prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, ħlief sabiex jibbażaw, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet preċiżi li tipprovdi f’dan ir-rigward it-tieni minn dawn id-dispożizzjonijiet, fuq il-possibbiltà li jadottaw il-miżuri ta’ salvagwardja maħsuba minnha. Ukoll, miżura nazzjonali unilaterali ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa ta’ GMO tikser manifestament id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Artikoli 22 u 23.

    Tali projbizzjoni ġenerali tikser manifestament ukoll l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2002/53 li jobbliga lill-Istati Membri li ma jissottomettux ruħhom għal xi restrizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni fir-rigward tal-varjetà taż-żerriegħa ta’ varjetajiet ammessi skont din id-direttiva, ħlief sabiex jibbażaw fuq eċċezzjonijiet, mhux applikabbli f’dan il-każ, imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Huwa paċifiku, f’dan ir-rigward, li ċertu numru ta’ varjetajiet li ġew ammessi skont din id-direttiva u li għalhekk jidhru fil-katalgu komuni msemmi fl-Artikou 17 ta’ din id-direttiva huma varjetajiet ġenetikament modifikati.

    Min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53 li l-introduzzjoni ta’ varjetajiet ġenetikament modifikati fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet ma tistax tiġi suġġetta għal miżura ta’ projbizzjoni ġenerali. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari minn dan l-Artikolu 4(4) li r-rifjut eventwali ta’ inklużjoni ta’ varjetà f’dan il-katalgu nazzjonali minħabba l-uniku fatt li hija tippreżenta l-karatteristika li hija ġenetikament modifikata huwa ġġustifikat biss jekk il-miżuri xierqa kollha ma jkunux ittieħdu sabiex jiġu evitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem li ma jistax b’mod partikolari jkun il-każ meta varjetà tibbenefika minn awtorizzazzjoni mogħtija abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18.

    (ara l-punti 61-64 u d-dispożittiv 1)