Kawża C-141/08 P

Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Politika kummerċjali — Dumping — Importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw miċ-Ċina — Regolament (KE) Nru 384/96 — Artikoli 2(7)(ċ) u 20(4) u (5) — Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq — Drittijiet tad-difiża — Investigazzjoni antidumping — Termini mogħtija lill-impriżi sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fl-14 ta’ Mejju 2009   I ‐ 9151

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2009   I ‐ 9177

Sommarju tas-sentenza

  1. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Drittijiet tad-difiża – Komunikazzjoni lill-impriżi mill-Kummissjoni tal-informazzjoni finali – Trażmissjoni lill-Kunsill tal-proposta tal-Kummissjoni ta’ miżuri definittivi f’inqas minn għaxart ijiem wara l-imsemmija komunikazzjoni – Irregolarità

    (Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 20(4) u (5))

  2. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Drittijiet tad-difiża – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq b’nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tat-terminu stipulat fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 – Possibbiltà li jinkiseb l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni billi sempliċement jintwera li seta’ kien hemm deċiżjoni differenti fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità proċedurali

    (Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 20(5))

  3. Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Investigazzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(7)(ċ))

  1.  Sabiex jiġi osservat l-Artikolu 20(4) u (5) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96, il-Kummissjoni hija marbuta, meta tistipula żieda fid-dazju antidumping meta mqabbel ma’ dak li kien maħsub fl-ewwel komunikazzjoni finali, li tinforma lill-impriżi kkonċernati billi tibgħatilhom komunikazzjoni finali ġdida u tistenna li jiskadi t-terminu stipulat fil-paragrafu 5 ta’ din id-dispożizzjoni, qabel ma tibgħat il-proposta tagħha ta’ miżuri definittivi lill-Kunsill, sabiex tagħti lil dawn l-impriżi l-opportunità illi jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

    Tali interpretazzjoni ma tirriżultax biss mill-kuntest sistematiku li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni, iżda hija imposta wkoll sabiex tiggarantixxi li l-osservazzjonijiet eventwali tal-partijiet ikkonċernati jiġu kkunsidrati b’mod effettiv u mingħajr preġudizzju. Fil-fatt, il-fatt stess li l-Kunsill kien diġà ġie mogħti proposta ta’ miżuri definittivi jista’, fih innifsu, jinfluwenza l-konsegwenzi li jistgħu jinġibdu minn dawn l-osservazzjonijiet. Finalment, id-diffikultajiet eventwali li kellhom l-istituzzjonijiet sabiex jirrispettaw it-termini stipulati mir-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 ma għandux ikollhom bħala konsegwenzi li jiġu miksura dawn it-termini, sabiex jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Għall-kuntrarju, huma dawn l-istituzzjonijiet u, partikolarment, il-Kummissjoni, li għandhom jikkunsidraw il-limiti tat-termini imposti mill-imsemmi regolament, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati.

    Madankollu, in-nuqqas ta’ rispett tat-terminu ta’ għaxart’ijiem stipulat fl-Artikolu 20(5) tar-regolament antidumping bażiku ma għandux iwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat ħlief fejn hemm il-possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti, u b’hekk taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

    (ara l-punti 74, 76, 78, 79, 81 )

  2.  Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju jeħtieġ li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv jingħataw l-opportunità li jinstemgħu.

    L-osservanza tal-imsemmi prinċipju għandu importanza kbira fil-proċeduri antidumping. Sabiex tiġi annullata deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, liema deċiżjoni ttieħdet b’applikazzjoni żbaljata tat-terminu stipulat fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament antidumping Nru 384/96, l-impriża kkonċernata ma hijiex obbligata turi li din kellu jkollha kontenut differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex eskluża totalment peress illi kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar li kieku ma kienx hemm l-irregolarità proċedurali.

    (ara l-punti 83-85, 89, 91, 93, 94 )

  3.  Li kieku l-Kummissjoni ndunat matul proċedura antidumping li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni inizjali tagħha, impriża kienet tissodisfa l-kriterji stipulati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 b’tali mod li tkun tista’ tibbenefika mill-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, kien ikollha tiġbed il-konsegwenzi adattati, filwaqt li tiżgura r-rispett tal-garanziji proċedurali stipulati fl-imsemmi regolament.

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tibdel il-pożizzjoni tagħha meta tirrealizza illi l-kriterji materjali stabbiliti bl-imsemmija dispożizzjoni kienu inizjalment sodisfatti. Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipji ta’ legalità u amministrazzjoni tajba, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament antidumping bażiku ma għandhiex tiġi interpretata b’mod li tobbliga lill-Kummissjoni li tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi, li jkomplu, għad-detriment tal-impriża kkonċernata, bi żball imwettaq fl-evalwazzjoni inizjali tal-imsemmija kriterji sostantivi.

    (ara l-punti 111, 112 )