SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Appell — Politika kummerċjali — Dumping — Importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw miċ-Ċina — Regolament (KE) Nru 384/96 — Artikoli 2(7)(ċ) u 20(4) u (5) — Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq — Drittijiet tad-difiża — Investigazzjoni antidumping — Termini mogħtija lill-impriżi sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom”

Fil-Kawża C-141/08 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippeżentat fit-3 ta’ April 2008,

Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd, stabbilita f’Foshan (iċ-Ċina), irrappreżentata minn J.-F. Bellis, avocat, u G. Vallera, barrister,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn E. McGovern, barrister, maħtur minn B. O’Connor, solicitor,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet, T. Scharf u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Vale Mill (Rochdale) Ltd, stabbilita f’Rochdale (ir-Renju Unit),

Pirola SpA, stabbilita f’Mapello (l-Italja),

Colombo New Scal SpA, stabbilita f’Rovagnate (l-Italja),

irrappreżentati minn G. Berrisch, u G. Wolf, Rechtsanwälte,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), A. Tizzano, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Marzu 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Mejju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd. titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta’ Jannar 2008, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (T-206/07, Ġabra p. II-1, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors magħmul mill-appellanti għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007, tat-23 ta’ April 2007, li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukrajna (ĠU L 4M, p. 437, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), inkwantu dan jistabbilixxi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija prodotti mill-appellanti.

Il-kuntest ġuridiku

2

Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping, l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996, L 56, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2005 (ĠU L 340, p. 17, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), fil-paragrafi 1 sa 6 tiegħu jipprovdi r-regoli ġenerali dwar il-metodu ta’ kif jiġi stabbilit l-ammont imsejjaħ il-“valur normali”.

3

L-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku jipprovdi regola partikolari dwar il-metodu ta’ kif jiġi stabbilit l-ammont ta’ dan il-valur normali għall-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq.

4

Madankollu, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku, ir-regoli ġenerali stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 tal-imsemmi Artikolu japplikaw għal ċerti pajjiżi, fosthom ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, jekk ikun stabbilit, abbażi tat-talbiet magħmula minn wieħed jew minn diversi produtturi li huma s-suġġett tal-invetigazzjoni, li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq japplikaw għal dan jew għal dawn il-produtturi.

5

Il-kriterji u l-proċeduri sabiex ikun stabbilit jekk dan huwiex il-każ huma speċifikati fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Din id-dispożizzjoni tipprovdi:

“c) Pretensjoni [Talba] skond [il-paragrafu 7] is-subparagrafu (b) trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

[…]

id-ditti jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

[…]

Għandu jiġi stabilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattivi u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.”

6

L-Artikolu 20 tar-regolament bażiku intitolat “L-iżvelar”, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi li l-partijiet jistgħu jitolbu informazzjoni finali tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi. Il-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu jipprovdu:

“4.   Żvelar finali għandu jiġi mogħti bil-miktub. Għandu jsir […] kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skond l-Artikolu 9. […] L-iżvelar ma għandux jippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill imma, fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista jkun malajr.

5.   Rappreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10 t’ijiem, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-urġenza tal-kwistjoni.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

7

L-appellanti, kumpannija stabbilita f’Foshan (iċ-Ċina), tipproduċi u tesporta twavel għall-mogħdija, partikolarment għall-Unjoni Ewropea.

8

Wara lment ippreżentat mill-kumpanniji Vale Mill (Rochdale) Ltd, Pirola SpA u Colombo New Scal SpA (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji intervenjenti”), fl-4 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ bidu ta’ investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tal-Ukrajna. (ĠU C 29, p. 2).

9

Fit-23 ta’ Frar 2006, l-appellanti, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku, ressqet talba sabiex tingħata l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Fix-xahar ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni wettqet verifiki fl-uffiċċju reġistrat tal-appellanti u ta’ kumpannija marbuta magħha, sabiex tkun taf jekk l-appellanti setgħetx tibbenefika mill-imsemmi status u sabiex tistabilixxi l-valur normali tal-prodotti inkwistjoni fis-suq Ċiniż.

10

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni informat lill-appellanti li hija tqis li din ma ssodisfatx il-kriterju msemmi fit-tieni subinċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u li għalhekk, hija ma setgħetx tibbenefika mill-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-kotba tal-kontijiet tal-appellanti u r-rapporti ta’ verifika ma kinux konformi mal-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà (International Accounting Standards, iktar ’il quddiem l-“istandards IAS”). Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni rrispondiet għall-osservazzjonijiet magħmula mill-appellanti bħala risposta u informat lil din tal-aħħar bid-deċiżjoni tagħha li ma tagħtihiex status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq.

11

Fit-30 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1620/2006 li impona dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukrajna (ĠU L 314M, p. 293) (iktar ’il quddiem ir-“regolament provviżorju”). Dan ir-regolament ikkonferma r-rifjut tat-talba tal-appellanti għal status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq u impona dazju provviżorju ta’ 18.1% fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel tal-mogħdija mmanifatturati minnha.

12

Fl-1 ta’ Diċembru 2006 u fit-18 ta’ Jannar 2007, l-appellanti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub fuq ir-regolament provviżorju, inkluż fuq il-kwistjoni dwar kif jiġi stabbilit l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Fid-19 ta’ Jannar 2007, hija ppreżentat ukoll osservazzjonijiet orali matul seduta li saret fil-kwartieri tal-Kummissjoni. Sussegwentement, hija bagħtet lill-Kummissjoni statistika uffiċjali dwar l-importazzjonijiet Ċiniżi mensili ta’ prodotti tal-azzar matul is-snin 2004 u 2005.

13

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni bagħtet lill-appellanti dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali kif ukoll dokument ta’ informazzjoni finali partikolari (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dokumenti ta’ informazzjoni finali tal-20 ta’ Frar 2007”). Fl-ewwel dokument, il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li tagħti lill-appellanti l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq u li tbaxxi, konsegwentement, il-marġni ta’ dumping definittiv tagħha għal 0% minħabba l-fatt li, fid-dawl ta’ informazzjoni u spjegazzjonijiet ġodda, it-talba tagħha kienet plawżibli u ġġustifikata.

14

Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minn naħa waħda, in-nuqqasijiet fil-prattiki tal-kontabbiltà tal-impriża, li ġew irrilevati fl-istadju tal-miżuri provviżorji, ma kellhomx impatt sinjifikattiv fuq ir-riżultati finanzjarji li ddaħħlu fil-kontijiet u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ kompletezza tal-kontijiet, l-ewwel nett, ma kienx joħloq problemi għall-informazzjoni relatata mal-bejgħ għall-esportazzjoni, peress li l-Kummissjoni kienet diġà aċċettat din l-informazzjoni meta hija setgħet tivverifika l-affidabbiltà tagħha, u, it-tieni nett, ma kienx determinanti fir-rigward tal-bejgħ domestiku, peress li dan ma kienx partikolarment sinjifikattiv sabiex jitqies bħala rappreżentattiv. Għalhekk, il-Kummissjoni indikat li, f’dawn iċ-ċirkutanzi, il-valur normali kellu jiġi stabbilit abbażi tal-ispiża tal-produzzjoni u li element essenzjali tagħha kienet l-ispiża tal-azzar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istatistika uffiċjali Ċiniża dwar l-importazzjonijiet tal-azzar, prodotti matul il-proċedura amministrattiva, jikkonfermaw l-affidabbiltà tal-informazzjoni ta’ kontabbiltà tal-impriża rigward l-ispiża tal-azzar u għalhekk tippermetti l-kalkolu tal-valur normali fuq il-bażi tal-valur stabbilit fiċ-Ċina.

15

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Marzu 2007, il-kumpanniji intervenjenti li instigaw il-ftuħ tal-proċedura antidumping bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali tal-20 ta’ Frar 2007. Huma sostnew, minn naħa waħda, li l-appellanti ma ssodisfatx il-kriterju msemmi fit-tieni subinċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kienet tipprekludi lill-istituzzjonijiet milli jibdlu d-deċiżjoni tagħhom dwar l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq matul il-proċedura.

16

Fis-6 ta’ Marzu 2007, il-Kumitat Konsultattiv imwaqqaf skont l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Konsultattiv”) eżamina d-dokument ta’ ħidma li kienet bagħtitlu l-Kummissjoni fl-20 ta’ Frar 2007. Diversi membri tal-Kumitat Konsultattiv ikkontestaw l-għoti ta’ status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lill-appellanti.

17

Permezz ta’ faks tat-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet lill-appellanti dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali rivedut u dokument ta’ informazzjoni finali partikolari rivedut (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007”), li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni kienet bidlet il-kunsiderazzjonijiet tagħha tal-20 ta’ Frar 2007, dwar l-għoti ta’ status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lill-appellanti. Fil-fatt, hija qieset, b’mod partikolari, li l-prattika tal-appellanti li tagħmel tpaċija bejn id-dħul u l-ispejjeż u li tirreġistra t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ fil-kotba tal-kontabbiltà tagħha fil-qosor, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti, kienet tikkostitwixxi ksur tal-istandards IAS, inkompatibbli mar-rekwiżiti mitluba fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

18

Fl-istess jum, il-Kummissjoni bagħtet ukoll lill-membri tal-Kumitat Konsultattiv id-dokument ta’ ħidma finali rivedut għall-konsultazzjoni. Dan id-dokument ġie approvat mill-Kumitat Konsultattiv fis-27 ta’ Marzu 2007, wara proċedura bil-miktub.

19

Fid-29 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill il-proposta għal miżuri definittivi, ibbażata fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007.

20

It-terminu mogħti lill-appellanti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007 ġie ffissat għad-29 ta’ Marzu 2007. Dan it-terminu ġie estiż mill-Kummissjoni fuq talba tal-appellanti sat-2 ta’ April 2007.

21

Fit-2 ta’ April 2007, l-appellanti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmija dokumenti. F’dan il-kuntest, hija kkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li hija ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet rikjesti għall-għoti ta’ status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq u talbitha ma tadottax l-argument tal-kumpanniji intervenjenti li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kienet tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tibdel id-deċiżjoni inizjali tagħha li ma tagħtix dan l-istatus.

22

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ April 2007, il-Kummissjoni rrispondiet billi kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha li l-kundizzjonijiet rikjesti għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma kinux sodisfatti. Barra minn hekk, hija rrilevat li l-ġurisprudenza dwar id-determinazzjoni ta’ talbiet tal-imsemmi status ma kinitx tippermetti l-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ fatti preċedenti.

23

Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ April 2007, l-appellanti talbet lill-Kummissjoni sabiex tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi bbażati fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali rivedut tal-20 ta’ Frar 2007, peress li d-deċiżjoni dwar l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq kienet, skont l-appellanti, ibbażata fuq żball ta’ liġi.

24

Fit-23 ta’ April 2007, il-Kunsill adotta r-regolament ikkontestat. Dan stabbilixxa dazju antidumping definittiv ta’ 18.1% fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija prodotti mill-appellanti.

Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

25

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Ġunju 2007, l-appellanti ppreżentat rikors għall-annullament tar-regolament ikkontestat inkwantu kien jistabilixxi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija prodotti minnha. Fl-istess jum, hija ppreżentat talba għal proċedura mħaffa, li ġiet milqugħa. Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, intervjenew il-Kummissjoni, il-kumpanniji intervenjenti u r-Repubblika Taljana.

26

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tal-appellanti, li kien ibbażat fuq żewġ motivi, ibbażati rispettivament, fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 20(5) tal-istess regolament.

27

Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, l-appellanti ssostni li l-unika spjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-bidla f’daqqa tal-pożizzjoni tagħha dwar l-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq kienet tinsab fl-ittra tal-4 ta’ April 2007, li fiha l-Kummissjoni affermat li l-ġurisprudenza dwar l-eżami ta’ talbiet għal għoti ta’ tali status ma kinitx tippermetti evalwazzjoni ġdida ta’ fatti preċedenti. Issa, l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, kif interpretat mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il-Kunsill (T-138/02, Ġabra p. II-4347), bl-ebda mod ma jeskludi li l-Kummissjoni tista’, f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, tibdel il-pożizzjoni inizjali tagħha. L-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, partikolarment tal-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, hija, barra minn hekk, kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Il-proposta ta’ miżuri definittivi kienet, konsegwentement, ibbażata fuq ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li kien jivvizzja wkoll lir-regolament ikkontestat.

28

Fl-evalwazzjoni tagħha tal-ewwel motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 42 sa 50 tas-sentenza appellata, ippruvat tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx bidlet il-proposta tagħha li kienet tinsab fid-dokumenti ta’ informazzjoni finali tal-20 ta’ Frar 2007 minħabba li kienet ipprojbita milli tevalwa mill-ġdid fatti preċedenti. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett hija kkonstatat li, fir-regolament ikkontestat u partikolarment fit-12 sal-14 premessa tiegħu, ir-rifjut tal-bidla fid-determinazzjoni tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, magħmul fir-regolament provviżorju, ma kienx motivat mill-ostakolu ta’ evalwazzjoni ġdida ta’ fatti preċedenti stipulat fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, iżda min-nuqqas ta’ konformità tal-kontabbiltà tal-appellanti mal-istandards IAS u min-nuqqas ta’ elementi ġodda li setgħu jaffettwaw din l-evalwazzjoni.

29

Il-Qorti tal-Prim’Istanza mbagħad osservat li mid-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007 lanqas jirriżulta li r-rifjut tal-Kummissjoni li tipproponi l-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lill-appellanti kien motivat mill-projbizzjoni li jiġu evalwati mill-ġdid il-fatti preċedenti.

30

Il-Qorti tal-Prim’Istanza finalment ikkonstatat li l-uniku dokument, li fih il-Kummissjoni esponiet li l-ġurisprudenza dwar id-determinazzjoni tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq li ma tawtorizzax evalwazzjoni ġdida tal-fatti preċedenti, hija l-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2007. Hija għalhekk qieset, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li minn din l-ittra kollha jirriżulta li l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li ma jistgħux jiġu evalwati mill-ġdid fatti preċedenti hija ta’ natura inċidentali, peress li l-istituzzjoni bbażat ir-rifjut tagħha li tipproponi l-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fuq evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk l-appellanti kinitx tissodisfa l-kriterji sostantivi applikabbli.

31

Minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-allegazzjoni tal-appellanti li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq projbizzjoni li tevalwa mill-ġdid fatti preċedenti ma għandha l-ebda bażi fattwali. Hija ddeċidiet li l-ewwel motiv, għal din ir-raġuni, ma setax jiġi milqugħ, u li l-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u tas-sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, hija, għalhekk, irrilevanti.

32

Fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet li l-fatt li l-motivazzjoni fir-regolament ikkontestat ma tispjegax kif il-konklużjonijiet fid-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali tal-20 ta’ Frar 2007 kienu infondati u l-fatt li, jekk dan jiġi stabbilit, il-Kummissjoni ma tat l-ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward, mhumiex tali, fihom infushom, li jagħmlu r-regolament ikkontestat illegali.

33

Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, dan ġie miċħud fil-punti 63 sa 76 tas-sentenza appellata. L-appellanti sostniet li tali ksur jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill il-proposta ta’ miżuri definittivi bbażati fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007, bil-kemm sitt’ijiem wara li dan id-dokument kien intbagħat lill-appellanti, mingħajr ma stenniet li jiskadi t-terminu ta’ għaxart’ijiem stabbilit fl-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, u erbat’ijiem qabel id-data mogħtija lill-appellanti mill-Kummissjoni għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet tagħha.

34

Fil-punti 63 sa 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett iddeċidiet li l-Kummissjoni, b’dan il-fatt, effettivament kisret l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku. Hija ddeċidiet b’mod partikolari li l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill ma kellhiex tintbagħat qabel ma jiskadi t-terminu ta’ għaxart’ijiem stipulat minn din id-dispożizzjoni. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, din l-interpretazzjoni għandha tiġi aċċettata fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku u tal-ħtieġa li l-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu jiġu interpretati b’mod koerenti kif ukoll sabiex ikun żgurat li l-osservazzjonijiet sussegwenti tal-partijiet ikkonċernati effettivament jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija osservat ukoll li l-fatt stess li l-Kunsill kien diġà rċieva proposta għal miżuri definittivi seta’, fih innifsu, jinfluwenza l-konklużjonijiet li jistgħu jsiru minn dawn l-osservazzjonijiet.

35

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, f’dan il-kuntest, li l-Kummissjoni kienet obbligata tinforma lill-partijiet ikkonċernati bil-bidla fil-pożizzjoni tagħha, kif esposta fid-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, f’dan ir-rigward, li peress li jirreferi b’mod espliċitu għal “xi fatti jew kunsiderazzjonijiet differenti”, l-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku ma jappoġjax l-argument imressaq mill-Kummissjoni li s-sempliċi bidla tal-evalwazzjoni tal-fatti li baqgħu l-istess ma titlob l-ebda komunikazzjoni lill-partijiet ikkonċernati.

36

Fil-punti 71 sa 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu kkonkludiet li l-ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku mhuwiex tali li jaffettwa l-kontenut tar-regolament ikkontestat u, għalhekk, id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti u ma għandux, għaldaqstant, iwassal għall-illegalità u l-annullament ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, hija fakkret li tali ksur jista’ jwassal biss għall-annullament tar-regolament ikkontestat jekk ikun possibbli li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti, u b’hekk taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

37

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, mill-proċess ma jirriżultax li d-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007, kienu ppreżentaw xi elementi ta’ fatt ġodda, li kienu għadhom ma ġewx ikkomunikati lill-appellanti. Hija osservat li, f’dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni kienet informat biss lill-appellanti bl-intenzjoni tagħha li tibdel il-pożizzjoni preċedenti tagħha u, b’hekk, li żżomm id-deċiżjoni adottata inizjalment fil-15 ta’ Settembru 2006 u implementata fir-regolament provviżorju. Issa, l-appellanti diġà kellha l-okkażjoni, matul il-fażi qabel il-proċedura amministrattiva, li tesprimi ruħha fuq il-pożizzjoni ppreżentata, mill-ġdid, fl-imsemmija dokumenti.

38

Fir-rigward tal-osservazzjonijiet, ippreżentati mill-appellanti fl-ittra tat-2 ta’ April 2007, dwar l-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u tas-sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li dawn ma influwenzawx, fi kwalunkwe każ, il-kontenut ta’ dan ir-regolament, peress li, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq kien ibbażat fuq l-applikazzjoni ta’ kriterji sostantivi.

Fuq l-appell

39

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata u sabiex tilqa’ t-talbiet tagħha magħmula quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, jiġifieri li tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn japplika għall-appellanti.

40

Il-Kunsill, il-kumpanniji intervenjenti u r-Repubblika Taljana jitolbu li l-appell jiġi miċħud. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara r-rikors inammissibbli jew tiċħdu.

41

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji bbażati rispettivament fuq evalwazzjoni żbaljata tal-importanza tad-diskussjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku li tirriżulta minn żnaturament manifest tad-dokumenti fil-proċess, u konklużjoni żbaljata dwar l-effett tal-ksur tal-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

42

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma indirizzatx b’mod tajjeb l-ewwel motiv ta’ annullament, li hija ċaħdet abbażi ta’ konstatazzjoni manifestament kuntrarja għad-dokumenti fil-proċess, jiġifieri li d-diskussjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u tal-punt 44 tas-sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, kienet irrilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża.

43

L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq il-fatt li, inkwantu l-ineżattezza sostantiva tal-imsemmija konstatazzjoni tirriżulta mid-dokumenti fil-proċess u, partikolarment, mis-sottomissjonijiet tal-Kunsill u tar-Repubblika Taljana, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ liġi.

44

Għaldaqstant, il-Kunsill stess irrikonoxxa li kien preċiżament għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tinbidel il-pożizzjoni inizjalment adottata, kif esposti fis-sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, ma kinux ġew sodisfatti li hija reġgħet lura għal dik il-pożizzjoni. Ir-Repubblika Taljana kkonfermat ukoll li l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku fid-dawl tas-sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, effettivament kellha rwol importanti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri definittivi bbażati fuq il-pożizzjoni inizjali tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fin-nuqqas ta’ fatti ġodda fid-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007, nuqqas osservat mill-Qorti tal-Prim’Istanza stess fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-imsemmija kwistjoni kellha biss karattru “inċidentali” kienet manifestament żbaljata.

45

Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li għalhekk huwa żbaljat li l-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat li tippronunċja ruħha fuq l-imsemmija kwistjoni.

46

Il-Kunsill iqis li l-ewwel aggravju tal-appell ma jistax, minħabba n-natura selettiva tiegħu, ipoġġi fid-dubju l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet imressqa mill-appellanti f’dan ir-rigward ma jikkunsidrawx il-provi kollha tal-proċess u ma jirreferux, partikolarment, għat-tliet dokumenti li fuqhom straħet il-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, ir-risposta ppreżentata mill-Kunsill matul il-proċeduri quddiem Qorti tal-Prim’Istanza ma fiha l-ebda prova. Il-Kunsill jikkontesta wkoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kellha effett sinjifikattiv f’din il-kawża għaliex kull interpretazzjoni kien ikollha l-istess eżitu. Fi kwalunkwe każ, irrispettivament minn jekk l-interpretazzjoni kellhiex effett sinjifikattiv, mhuwiex possibbli li jiġi konkluż li l-Kummissjoni aċċettat l-argument li hija kienet obbligata ma tibdilx id-deċiżjoni inizjali tagħha.

47

Il-Kummissjoni għandha dubji dwar is-saħħa probatorja tal-osservazzjonijiet magħmula mill-Kunsill u mir-Repubblika Taljana f’dan il-kuntest, peress li dawn mhumiex parti fil-proċeduri u għalhekk mhumiex f’pożizzjoni tajba sabiex jiddeċiedu dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tibdel il-pożizzjoni oriġinali tagħha. Fi kwalunkwe każ, dawn l-osservazzjonijiet ma jippruvawx li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat il-provi ġodda pprovduti mill-appellanti iżda kkonkludiet, fid-dawl tal-osservazzjonijiet kollha magħmula u kkunsidrati flimkien, li minkejja dawn il-provi, l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma setax jingħata minħabba nuqqasijiet sostanzjali fil-kontabbiltà tal-appellanti. Għaldaqstant il-proposta ta’ miżuri definittivi ma kinitx ibbażata fuq projbizzjoni li jinbidel ir-rifjut oriġinal ta’ dan l-istatus, iżda fuq il-konklużjoni li l-appellanti ma ssodisfatx il-kriterji sostantivi applikabbli. Il-Kummissjoni ssostni li hija kienet tibdel id-deċiżjoni inizjali tagħha li kieku ġiet konvinta li l-appellanti ressqet provi ġodda li jiġġustifikaw l-għoti tal-imsemmi status.

48

Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet li ma kienx hemm fatti ġodda jew provi ġodda li jiġġustifikaw li l-Kummissjoni tibdel id-deċiżjoni inizjali tagħha dwar l-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha, li waslitha sabiex tikkonferma din id-deċiżjoni inizjali, mhux biss fuq il-projbizzjoni li tibdel l-fehma tagħha, iżda wkoll fuq il-fatt prinċipali li l-irregolaritajiet gravi li ġew ikkonstatati ma setgħux jiġu mxejna minn provi ġodda. L-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2007, tindika b’mod ampju d-diversi raġunijiet li wasslu lill-istituzzjoni tikkonferma d-deċiżjoni inizjali tagħha. Il-fatt li, f’din il-kawża, il-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni kienet tkun permessa b’mod eċċezzjonali tibdel il-pożizzjoni tagħha dwar l-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma ġewx sodisfatti hija biss waħda minn dawn ir-raġunijiet.

49

Il-kumpanniji intervenjenti jsostnu li l-ewwel aggravju huwa manifestament infondat inkwantu l-appellanti naqset milli turi li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi prodotti quddiemha. L-appellanti ma kkonfutatx l-evalwazzjoni ddettaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-dokumenti rilevanti, li huwa biżżejjed sabiex l-ewwel aggravju jiġi miċħud. Barra minn hekk, la s-sottomissjonijiet tal-Kunsill u tar-Repubblika Taljana ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u lanqas il-punt 72 tas-sentenza appellata, li għalih tagħmel riferiment l-appellanti, ma jappoġġjaw il-konklużjonijiet li hija tixtieq tiġbed minnhom. Sussidjarjament, il-kumpanniji intervenjenti jsostnu li l-interpretazzjoni tas-sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, imressqa mill-appellanti, hija żbaljata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50

L-ewwel aggravju invokat mill-appellanti, li permezz tiegħu din issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat b’mod żbaljat li ma kellhiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, jistrieħ fuq id-dikjarazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi fil-proċess sabiex tasal għall-konklużjoni li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq il-projbizzjoni li tevalwa mill-ġdid fatti preċedenti u li d-diskussjoni fuq l-imsemmija kwistjoni kien, konsegwentement, irrilevanti.

51

Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq it-tnax u l-erbatax-il premessa tar-regolament ikkontestat, fuq id-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007 kif ukoll fuq l-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2007.

52

Fir-rigward tar-regolament ikkontestat kif ukoll tad-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata, irrilevat li minn dawn ma jirriżultax li r-rifjut tal-Kummissjoni li tipproponi l-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lill-appellanti kien motivat mill-projbizzjoni li jiġu evalwati mill-ġdid il-fatti preċedenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari osservat li, f’dan il-kuntest, dawn id-dokumenti ġġustifikaw ir-rifjut tal-imsemmi status minħabba n-nuqqas ta’ konformità tal-prattiki ta’ kontabbiltà tal-appellanti mal-istandards IAS u għalhekk kienu jistrieħu fuq kriterju sostantiv. Dawn il-konstatazzjonijiet ma ġewx ikkontestati mill-appellanti.

53

F’dak li jirrigwarda l-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li din fil-fatt tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tipprojbixxi evalwazzjoni ġdida ta’ fatti preċedenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant irrilevat ukoll, fil-punt 48 tal-imsemmija sentenza li, f’din l-ittra, il-Kummissjoni bbażat ir-rifjut tagħha li tirrikonoxxi l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fuq il-fatt li, minn naħa waħda, il-kontijiet tal-appellanti ma kinux jirrispettaw l-istandards IAS u li, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni dwar il-prezz tal-azzar ma kinitx tippermetti evalwazzjoni ġdida tan-nuqqasijiet ikkonstatati f’dawn il-kontijiet.

54

L-appellanti ma tikkontestax dawn il-konstatazzjonijiet, iżda ma taqbilx mal-evalwazzjoni magħmula abbażi tagħhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li mill-imsemmija ittra meħuda kollha kemm hi jirriżulta li l-osservazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ evalwazzjoni mill-ġdid ta’ fatti preċedenti hija inċidentali, peress li l-istituzzjoni bbażat ir-rifjut tagħha tal-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fuq evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-appellanti kinitx tikkonforma mal-kriterji sostantivi applikabbli.

55

B’dan il-mod, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza b’dik tagħha.

56

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss għandha ġurisdizzjoni sabiex, minn naħa waħda, tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza sostantiva tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiemha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, C-390/95 P, Ġabra p. I-769, punt 29; tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-237/98 P, Ġabra p. I-4549, punt 35, u tat-23 ta’ April 2009, AEPI vs Il-Kummissjoni, C-425/07 P, Ġabra p. I-3205, punt 44).

57

Inkwantu l-appellanti tallega żnaturament tal-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2007, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata li żnaturat il-kontenut tagħha. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 77 u 78 tal-konklużjonijiet tagħha, filwaqt li jista’ jkun possibbli li l-imsemmija ittra tiġi interpretata fis-sens propost mill-appellanti, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li tali interpretazzjoni mhijiex l-unika konklużjoni li tista’ tinġibed mit-test ta’ din l-ittra.

58

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax taċċetta l-argument tal-appellanti, li l-unika spjegazzjoni possibbli għall-bidla fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija dik li din l-istituzzjoni ppermettiet li tiġi konvinta bl-argument żviluppat mill-kumpanniji intervenjenti u xi Stati Membri fi ħdan il-kumitat antidumping, li sostnew li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku ma kinitx tippermetti lill-Kummissjoni li tibdel id-deċiżjoni inizjali tagħha li ma tagħtix status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lill-appellanti.

59

Kif ikkonstatat ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 14 tas-sentenza appellata, il-kumpanniji intervenjenti bbażaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali tal-20 ta’ Frar 2007, ippreżentati permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Marzu 2007, l-iktar fuq l-argument li l-appellanti ma tissodisfax il-kriterju sostantiv imsemmi fit-tieni subinċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

60

Fil-fatt, mill-imsemmija ittra jirriżulta li l-kumpanniji intervenjenti argumentaw partikolarment li dan il-kriterju għandu jiġi interpretat b’mod strett u li, għall-evalwazzjoni tiegħu, huwa irrilevanti jekk in-nuqqasijiet fil-kontijiet tal-appellanti, li ma ġewx ikkontestati minnha u li kienu jikkostitwixxu b’diversi modi ksur tal-istandards IAS, effettivament kellhomx effett fuq ir-riżultat tal-kontijiet. Barra minn hekk, huma enfasizzaw li l-ispjegazzjonijiet tal-appellanti dwar dan is-suġġett huma għalkollox żbaljati u li l-Kummissjoni ma tatx spjegazzjonijiet għaliex aċċettathom. Finalment, huma sostnew li l-prova tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi tal-azzar hija irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kontijiet tal-appellanti kinux konformi mal-istandards IAS u li, fi kwalunkwe każ, l-appellanti użat prinċipalment u esklużivament azzar domestiku.

61

Fin-nota ta’ intervent tagħha ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni spjegat li, wara l-osservazzjonijiet tal-kumpanniji intervenjenti u l-eżitazzjoni espressa minn xi Stati Membri dwar l-idea tal-għoti ta’ status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lill-appellanti abbbażi taċ-ċifri mogħtija minnha dwar il-prezzijiet tal-azzar importat miċ-Ċina, hija kompliet tirrifletti dwar dan. Fid-dawl ta’ dawn ir-reazzjonijiet, hija waslet għall-konklużjoni li, minħabba dawn in-nuqqasijiet ikkonstatati fil-kontabbiltà tal-appellanti, l-imsemmija ċifri ma setgħux iwassluha sabiex tqis li l-kriterju msemmi fit-tieni subinċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kien sodisfatt u li, għalhekk, kien inevitabbli li l-appellanti ma tingħatax l-imsemmi status. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll, f’dan il-kuntest, li hija bl-ebda mod ma ħassitha obbligata li tipproponi lill-Kunsill miżuri li hija kienet taf li huma żbaljati u li hija qieset li s-sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, ma setgħetx tiġi interpretata bħala li timponi tali restrizzjoni.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tikkonkludi abbażi tad-dokumenti tal-proċess li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-appellanti, il-bidla fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni bejn, minn naħa waħda, id-dokumenti ta’ informazzjoni finali tal-20 ta’ Frar 2007 u, min-naħa l-oħra, id-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007, ma kinitx motivata mill-projbizzjoni li tibdel id-deċiżjoni inizjali li tirrifjuta l-imsemmi status lill-appellanti, imma minn kunsiderazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-kriterju sostantiv imsemmi fit-tieni subinċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

63

Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni mhijiex ikkontestata bl-argument tal-appellanti li l-kontenut tal-osservazzjonijiet magħmula fil-prim’istanza mill-Kunsill u mill-Gvern Taljan kienu juri li din il-bidla fil-pożizzjoni kienet motivata mill-projbizzjoni li tibdel id-deċiżjoni inizjali. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 79 u 80 tal-konklużjonijiet tagħha, anki li kieku dawn l-osservazzjonijiet setgħu jiġu kkwalifikati bħala “provi”, xorta jibqa’ l-fatt li dokumenti oħra tal-proċess, u partikolarment in-nota ta’ intervent ippreżentata mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, jindikaw il-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta, skont l-appellanti, mill-imsemmija osservazzjonijiet. Fid-dawl tal-fatt li l-osservazzjonijiet tal-Kunsill u tar-Repubblika Taljana ma għandhomx saħħa probatorja assoluta u li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tagħmel evalwazzjoni globali tal-provi kollha tal-proċess, din il-qorti ma tistax tiġi kkritikata li żnaturat xi provi billi aċċettat, essenzjalment, l-ispjegazzjoni li l-Kummissjoni stess tat dwar il-bidla fil-pożizzjoni tagħha minflok dik allegatament issuġġerita minn persuni li mhumiex parti mill-proċess intern tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

64

Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex tiġi kkritikata li żnaturat il-provi tal-proċess billi ddeċidiet li ma hemm l-ebda bażi fattwali għall-allegazzjoni tal-appellanti li l-Kummissjoni f’dan il-każ ibbażat ruħha fuq projbizzjoni li tevalwa mill-ġdid fatti preċedenti.

65

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

66

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet b’mod żbaljat li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, ikkonstatat minn din il-Qorti, ma għandux iwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat minħabba l-fatt li ma kien hemm l-ebda possibbiltà li l-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti. Fil-fatt, peress li l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku mhijiex kwistjoni inċidentali iżda fundamentali, l-imsemmi ksur impedixxa lill-appellanti milli turi lill-Kummissjoni li l-interpretazzjoni tagħha kienet żbaljata u li l-Kummissjoni kienet ġustament intitolata li tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi bbażati fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali tal-20 ta’ Frar 2007. Is-sitwazzjoni tal-appellanti għalhekk ġiet affettwata konkretament peress li ma kellhiex il-possibbiltà li l-proċedura amministrattiva tirriżulta f’eżitu radikalment differenti.

67

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, mill-kumpanniji intervenjenti u mir-Repubblika Taljana, japprova l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku ma għandux iwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat peress li, f’dan il-każ, ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

68

Skont il-partijiet, it-tieni aggravju tal-appell jistrieħ fuq premessi żbaljati, partikolarment fuq il-fatt li l-appellanti setgħet tippreżenta argumenti ġodda li setgħu jbiddlu l-opinjoni tal-Kummissjoni, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li terġa’ lura għall-pożizzjoni inzijali tagħha kienet motivata mill-projbizzjoni li tibdel din il-pożizzjoni u li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti. Minn dan il-Kummissjoni tiġbed il-konklużjoni li t-tieni aggravju huwa inammissibbli jew irrilevanti. Il-kumpanniji intervenjenti jsostnu li dan l-aggravju huwa manifestament inammissibbli jew infondat u jargumentaw ukoll li l-appellanti ma identifikatx il-konstatazzjoni li hija tikkontesta fis-sentenza appellata u ma tispeċifikax b’mod ċar l-iżball ta’ liġi dwar liema hija tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza.

69

Madankollu l-Kunsill, il-Kummissjoni u, sussidjarjament, il-kumpanniji intervenjenti jikkontestaw l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Artikolu 20(4) u (5) tar-regolament bażiku, li dan jimponi fil-każijiet kollha terminu ta’ għaxart’ijiem sabiex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet meta l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq fatti u kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk imsemmija fid-dokument ta’ informazzjoni finali. Tali interpretazzjoni ma tirriżultax b’mod partikolari mill-kliem tal-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku, hija sproporzjonata u twassal għal diffikultajiet prattiċi kunsiderevoli għall-Kummissjoni fir-rigward tat-termini formali stipulati f’dan ir-regolament.

70

Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li d-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007 jikkonsistu, essenzjalment, f’“komunikazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku u mhux f’“informazzjoni finali” fis-sens tal-Artikolu 20(5), u għalhekk it-terminu impost b’dan l-Artikolu 20 mhuwiex applikabbli.

71

Il-Kunsill isostni, barra minn hekk, li d-dritt ġenerali tad-difiża jkompli jiġi applikat independetement mill-interpretazzjoni li għandha tingħata għall-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku u li t-terminu impost minn dan id-dritt jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-kawża. Issa, terminu ta’ għaxart’ijiem li jibda jiddekorri min-notifika mill-Kummissjoni tal-fatti u kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk imsemmija fid-dokument ta’ informazzjoni finali mhux dejjem ikun meħtieġ sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72

It-tieni aggravju tal-appell huwa indirizzat kontra l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li l-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku mhuwiex tali li jaffettwa l-kontenut tar-regolament ikkontestat u, għalhekk, id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

73

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu partikolarment il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkomettitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li din tal-aħħar kienet effettivament interpretat ħażin l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, billi bagħtet lill-Kunsill il-proposta tagħha ta’ miżuri definittivi sitt’ijiem biss wara li kkomunikat lill-appellanti d-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007 u għalhekk qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart’ijiem stipulat f’din id-dispożizzjoni.

74

Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament irrilevat li l-Kummissjoni, f’din il-kawża, kienet obbligata tinforma lill-appellanti bil-pożizzjoni ġdida tagħha, kif esposta fid-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007, u li, fit-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti, hija kellha tosserva t-terminu stabbilit fl-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku.

75

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni u l-Kunsill jidhru li qed jissuġġerixxu, f’din il-kawża, ma tqumx il-kwistjoni jekk anki l-iktar bidla żgħira f’dokument ta’ informazzjoni finali għandhiex tiġi kklassifikata bħala “informazzjoni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li titlob il-ħtieġa li jiġi osservat it-terminu stipulat minnha.

76

F’dan il-kuntest, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, il-kwistjoni mhijiex dwar tali bidla żgħira, iżda dwar bidla fundamentali fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni bejn il-komunikazzjoni tad-dokumenti ta’ informazzjoni finali tal-20 ta’ Frar 2007 u l-komunikazzjoni ta’ dawk tat-23 ta’ Marzu tal-istess sens, liema bidla kellha konsegwenzi sinjifikattivi għall-appellanti, li jirriżultaw, b’mod partikolari, għall-proposta ta’ dazju antidumping definittiv ta’ 18.1% minflok ta’ 0%, kif maħsub fl-ewwel dokument ta’ informazzjoni finali.

77

Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet li, peress li l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku huwa applikabbli, il-Kummissjoni ma għandhiex tibgħat il-proposta finali tagħha lill-Kunsill qabel l-iskadenza tat-terminu stipulat f’din id-dispożizzjoni.

78

Kif tenfasizza l-Qorti tal-Prim’Istanza, din l-interpretazzjoni ma tirriżultax biss mill-kuntest sistematiku li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni, iżda hija imposta wkoll sabiex tiggarantixxi li l-osservazzjonijiet eventwali tal-partijiet ikkonċernati jiġu kkunsidrati b’mod effettiv u mingħajr preġudizzju. Fil-fatt, il-fatt stess li l-Kunsill kien diġà ġie mogħti proposta ta’ miżuri definittivi jista’, fih innifsu, jinfluwenza l-konsegwenzi li jistgħu jinġibdu minn dawn l-osservazzjonijiet.

79

Finalment, id-diffikultajiet eventwali li kellhom l-istituzzjonijiet sabiex josservaw it-termini stipulati mir-regolament bażiku ma għandux ikollhom bħala konsegwenzi li jiġu miksura t-termini stabbiliti minn dan ir-regolament sabiex jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Għall-kuntrarju, huma dawn l-istituzzjonijiet u, partikolarment, il-Kummissjoni li għandhom jikkunsidraw l-limiti tat-termini imposti mill-imsemmi regolament, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża ta’ dawn l-impriżi.

80

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni stess kienet tat terminu ta’ għaxart’ijiem lill-appellanti, li hija għandha tosserva sabiex ma tiksirx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

81

Fir-rigward tal-argumenti invokati mill-appellanti insostenn tat-tieni aggravju tagħha, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li huwa korrett li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ għaxart’ijiem stipulat fl-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku ma għandux iwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat ħlief fejn hemm il-possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti, u b’hekk taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1980, Distillers Company vs Il-Kummissjoni, 30/78, Ġabra p. 2229, punt 26; tal-21 ta’ Marzu 1990, Belgique vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Tubemeuse”, C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 48, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 31).

82

Madankollu, peress li l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi eżaminat jekk din il-qorti setgħetx, abbażi tal-motivazzjoni fil-punti 72 sa 75 tas-sentenza appellata, tasal għall-konklużjoni li, f’din il-kawża, id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti ma ġewx affettwati.

83

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju jeħtieġ li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv jiġu mogħtija l-opportunità li jinstemgħu (ara, partikolarment, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21; tal-21 ta’ Settembru 2000, Mediocurso vs Il-Kummissjoni, C-462/98 P, Ġabra p. I-7183, punt 36, u tad-9 ta’ Ġunju 2005, Espagne vs Il-Kummissjoni, C-287/02, Ġabra p. I-5093, punt 37).

84

Kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti, permezz tal-ittra tagħha tat-2 ta’ April 2007, li permezz tagħha hija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007, ressqet argumenti kemm fuq il-kwistjoni dwar jekk hija ssodisfatx il-kriterju sostantiv imsemmi fit-tieni subinċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, kif ukoll dwar jekk il-Kummissjoni hijiex legalment marbuta, fid-dawl tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ), bir-rifjut oriġinali tagħha li tagħti status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq.

85

Barra minn hekk, huwa stabbilit li, minkejja l-fatt li l-imsemmija ittra ġiet mibgħuta lill-Kummissjoni fit-terminu stipulat fl-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, din, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu, ma kkunsidratx il-kontenut ta’ din l-ittra meta bagħtet il-proposta ta’ miżuri definittivi lill-Kunsill.

86

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti mressqa fl-imsemmija ittra dwar il-kriterju sostantiv stabbilit fit-tieni subinċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 72 sa 74 tas-sentenza appellata, li dawn l-argumenti ma kinux jaffettwaw il-kontenut tar-regolament ikkontestat għal tliet raġunijiet.

87

L-ewwel nett, mill-proċess ma kienx jirriżulta li d-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007 kienu ppreżentaw fatti ġodda li kienu għadhom ma ġewx ikkomunikati lill-appellanti. Barra minn hekk, l-appellanti kellha okkażjoni, matul fażi preċedenti tal-proċedura amministrattiva, li tesprimi ruħha fuq il-pożizzjoni ppreżentata mill-ġdid fl-imsemmija dokumenti. Finalment, mill-ittra tat-2 ta’ April 2007 ma kienx jirriżulta li l-appellanti kienet ippreżentat argumenti ġodda bħala risposta għat-teħid tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

88

Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn ir-raġunijiet waħidhom mhumiex biżżejjed sabiex jeskludu l-possibbiltà li l-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti li kieku l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-ittra tat-2 ta’ April 2007 qabel ma bagħtet il-proposta tagħha ta’ miżuri definittivi lill-Kunsill.

89

F’dan ir-rigward, għandu jiġi partikolarment osservat li, kif ġie rrilevat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni stess spjegat, fin-nota ta’ intervent tagħha ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li kien biss wara osservazzjonijiet tal-kumpanniji intervenjenti u ta’ xi Stati Membri li hija kienet bidlet id-deċiżjoni tagħha li tagħti status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lill-appellanti, imsemmija fid-dokumenti ta’ informazzjoni finali tal-20 ta’ Frar 2007.

90

Għalhekk huwa stabbilit li l-Kummissjoni bidlet din id-deċiżjoni mhux għar-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażat id-deċiżjoni inizjali tagħha li ma tagħtix l-imsemmi status lill-appellanti, iżda fid-dawl tal-argumenti li ġew ippreżentati lilha mill-kumpanniji intervenjenti u minn xi Stati Membri. Huwa wkoll stabbilit li dawn l-argumenti kienu intiżi partikolarment sabiex juru li l-osservazzjonijiet u d-dokumenti ppreżentati mill-appellanti ma kellhomx iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tibdel ir-rifjut oriġinali tagħha li tagħti l-imsemmi status.

91

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut abbażi tar-raġunijiet imsemmija fil-punti 72 sa 74 tas-sentenza appellata li d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti ma ġewx konkretament affettwati bil-fatt li hija ma ngħatatx l-opportunità li turi l-fehma tagħha dwar il-kwistjonijiet imqajma bl-imsemmija argumenti u partikolarment dwar dik jekk, minkejja ċerti nuqqasijiet fil-kontabbiltà tal-appellanti, l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq setax jingħatalha abbażi taċ-ċifri dwar il-prezzijiet tal-azzar importat fiċ-Ċina, li hija kienet ippreżentat matul il-proċedura amministrattiva.

92

Partikolarment, fid-dawl tat-tmexxija ta’ din il-proċedura u tal-fatt li l-Kummissjoni kienet diġà bidlet il-pożizzjoni tagħha darbtejn minħabba l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lilha mill-partijiet ikkonċernati, ma jistax jiġi eskluż li din setgħet tibdel il-pożizzjoni tagħha għal darb’oħra minħabba r-raġunijiet imressqa mill-appellanti fl-ittra tagħha tat-2 ta’ April 2007, argumenti li, skont il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 74 tas-sentenza appellata, jirrigwardaw l-importanza li kellhom jingħataw in-nuqqasijiet fil-kontabbiltà kkonstatati kif ukoll il-konklużjonijiet li kellhom jinġibdu mill-informazzjoni dwar il-prezz tal-importazzjoni tal-azzar.

93

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa ta’ importanza kbira fil-proċeduri bħal dawk f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, C-49/88, Ġabra p. I-3187, punti 15 sa 17, u, b’analoġija, tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C-113/04 P, Ġabra p. I-8831, punt 55).

94

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-appellanti ma għandhiex tiġi mitluba turi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tkun b’kontenut differenti, iżda biss li tali ipoteżi mhijiex eskluża totalment peress li l-appellanti kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar li kieku ma kienx hemm l-irregolarità proċedurali (ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

F’dak li jirrigawarda, fit-tieni lok, l-argumenti mressqa mill-appellanti, fl-istess ittra tat-2 ta’ April 2007, dwar il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni hijiex legalment marbuta, fid-dawl tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, bir-rifjut oriġinali tagħha li tagħti status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li dawn l-argumenti ma kinux, fi kwalunkwe każ, tali li jinfluwenzaw il-kontenut tar-regolament ikkontestat, peress li r-rifjut tal-għoti ta’ dan l-istatus kien ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-kriterju sostantiv.

96

Issa, il-fatt waħdu li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kriterju sostantiv tat-tieni subinċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku sabiex tirrifjuta l-imsemmi status fid-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007 mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi mwarrba l-possibbiltà li l-argumenti dwar l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza ta’ dan l-Artikolu 2(7)(ċ), argumenti li l-appellanti kellha opportunità tressaq l-ewwel darba fl-imsemmija ittra, setgħu jinfluwenzaw il-kontenut tal-proposta ta’ miżuri definittivi.

97

Fil-fatt, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni kienet tibdel il-pożizzjoni tagħha għal darb’oħra minħabba l-osservazzjonijiet dwar il-kriterju sostantiv ippreżentati mill-appellanti fl-ittra tagħha tat-2 ta’ April 2007, il-kwistjoni dwar jekk din l-istituzzjoni setgħetx tibdel għal darb’oħra d-deċiżjoni inizjali tagħha ta’ rifjut, minkejja l-kliem tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, kellha sinjifikattiv partikolari.

98

Għalhekk, anki li kieku l-Kummissjoni kienet finalment tkun konvinta li l-appellanti ssodisfat l-imsemmi kriterju sostantiv, hija setgħet tipproponi li tagħti l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq biss fil-każ li hija kienet persważa li, kuntrarjament għal dak li kienu jsostnu xi Stati Membri u l-kumpanniji intervenjenti, hija ma kinitx legalment marbuta bir-rifjut oriġinali tagħha li tagħti l-imsemmi status.

99

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fil-punt 75 tas-sentenza appellata, ir-rilevanza tal-imsemmija kwistjoni mhi bl-ebda mod miċħuda bil-konstatazzjoni magħmula fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata, li l-osservazzjoni tal-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-4 ta’ April 2007 dwar l-allegat nuqqas ta’ possibbiltà li tinbidel id-deċiżjoni inizjali tagħha li tirrifjuta l-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lill-appellanti kienet biss ta’ natura inċidentali.

100

Ċertament, hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tikkonkludi fil-punt 50 tas-sentenza appellata, bl-imsemmija konstatazzjoni seta’ jiġi miċħud l-ewwel motiv li kien ibbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni reġgħet ħadet il-pożizzjoni inizjali tagħha li tirrifjuta l-imsemmi status minħabba li hija kienet ipprojbita milli tibdilha.

101

Għall-kuntrarju, l-imsemmija konstatazzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex turi, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, li d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti ma kinux ġew affettwati bil-ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku.

102

Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-Kummissjoni ssottommettiet proposta ta’ miżuri definittivi lill-Kummissjoni qabel ma rċeviet l-osservazzjonijiet tal-appellanti fl-ittra tagħha tat-2 ta’ April 2007, jista’ jinfluwenza l-konklużjonijiet li hija setgħet tiġbed minn dawn l-osservazzjonijiet. Kieku l-Kummissjoni kienet taf b’dawn l-osservazzjonijiet qabel ma għamlet il-proposta ta’ miżuri definittivi tagħha, kien ikollha iktar spazju fejn timmanuvra fl-evalwazzjoni tagħhom u kienet tkun tista’ tasal għal konklużjonijiet oħra, inklużi dawk li jikkonċernaw il-kwisjtoni jekk hija setgħetx tibdel jew le d-deċiżjoni inizjali tagħha li tirrifjuta l-għoti ta’ status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lill-appellanti.

103

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tillimita ruħha, kif għamlet fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li tirreferi għall-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza u għall-kontenut tal-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2007. Fil-fatt, peress li din l-ittra nkitbet wara li l-Kummissjoni kienet diġà bagħtet il-proposta tagħha għal miżuri definittivi lill-Kunsill, u għalhekk wara li kienet kisret l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, il-Qorti tal-Prim’Istanza messha eżaminat jekk il-kontenut ta’ din il-proposta u ta’ din l-ittra setgħux kienu differenti li kieku ma kienx hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

104

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx teskludi, billi tibbaża ruħha fuq il-punti 72 sa 75 tas-sentenza appellata, li l-ksur tal-Kummissjoni tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku kien tali li jaffettwa l-kontenut tar-regolament ikkontestat u, għalhekk, id-drittjiet tad-difiża tal-appellanti. Peress li għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ liġi, it-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi milqugħ.

105

Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti ma ġewx affettwati bil-ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

106

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, f’każ li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

107

Kif ġie rrilevat fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ għaxart’ijiem stipulat fl-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku jista’ jwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat biss meta hemm il-possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti u b’hekk taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

108

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-eżistenza ta’ tali possibbiltà tistax tiġi eskluża f’din il-kawża.

109

Dan ikun il-każ jekk, anki fl-ipoteżi li l-Kummissjoni kienet tiġi konvinta bl-ittra tat-2 ta’ April 2007 li l-appellanti kienet tissodisfa l-kriterju sostantiv stipulat fit-tieni subinċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, bis-saħħa tal-aħħar sentenza ta’ dan l-Artikolu 2(7)(ċ), kienet tkun ipprjobita milli tibdel id-deċiżjoni inizjali tagħha li tirrifjuta l-għoti ta’ status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lill-appellanti.

110

L-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku jipprovdi, fl-aħħar żewġ sentenzi tiegħu, li l-kwistjoni dwar jekk il-produttur kienx jissodisfa l-kriterji sostantivi stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, għandha tiġi deċiża fit-tliet xhur wara l-ftuħ tal-proċedura u li l-konklużjoni għandha tinżamm fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.

111

Issa, fid-dawl tal-prinċipji ta’ legalità u amministrazzjoni tajba, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata b’mod li tobbliga lill-Kummissjoni li tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi, li jkomplu, għad-detriment tal-impriża kkonċernata, bi żball imwettaq fl-evalwazzjoni inizjali tal-imsemmija kriterji sostantivi.

112

Għaldaqstant, kieku l-Kummissjoni indunat matul l-investigazzjoni li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni inizjali tagħha, impriża tissodisfa l-kriterji stipulati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, kien ikollha tiġbed il-konsegwenzi adattati, filwaqt li tiżgura r-rispett tal-garanziji proċedurali stipulat fir-regolament bażiku.

113

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet għadha tista’ tibdel il-pożizzjoni tagħha wara l-ittra tal-appellanti tat-2 ta’ April 2007.

114

Peress li għalhekk ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni kienet tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi iktar favorevoli għall-appellanti li kieku kienet taf bil-kontenut tal-imsemmija ittra u li, f’dan il-każ, il-Kunsill kien jaċċetta din il-proposta, għandu jiġi kkonstatat li d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti ġew affettwati konkretament minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ għaxart’ijiem stipulat fl-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, minħabba liema l-Kummissjoni ma saritx taf bil-kontenut ta’ din l-ittra fil-ħin.

115

Għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat inkwantu jistabbilixxi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija prodotti mill-appellanti.

Fuq l-ispejjeż

116

Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

117

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 ta’ dan ir-regolament, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi kif mitluba mill-appellanti.

118

L-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 188 ta’ dan ir-regolament, fl-ewwel sentenza tiegħu jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Skont din id-dispożizzjoni, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Bis-saħħa tat-tielet sentenza tal-istess paragrafu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li parti intervenjenti, minbarra Stat jew istituzzjoni, għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi deċiż li l-kumpanniji intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Ewwel Awla taqta’ u tiddeċiedi

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tad-29 ta’ Jannar 2008, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (T-206/07), hija annullata inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża ta’ Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd ma ġewx affettwati bil-ksur tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.

 

2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007, tat-23 ta’ April 2007, li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukrajna, huwa annullat inkwantu jistabbilixxi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija prodotti minn Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

 

4)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Vale Mill (Rochdale) Ltd, Pirola SpA, u Colombo New Scal SpA u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.