SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali — Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla — Kuntratt ta’ nolleġġ — Kriterji għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli — Separabbiltà”

Fil-Kawża C-133/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Ewwel Protokoll tad-19 ta’ Diċembru 1988 dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2008, fil-proċedura

Intercontainer Interfrigo SC (ICF)

vs

Balkenende Oosthuizen BV,

MIC Operations BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, A. Ó Caoimh u J.-C. Bonichot, Presidenti tal-Awla, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, L. Bay Larsen, P. Lindh u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Joris u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-19 ta’ Mejju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1980, L 266, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”). Din it-talba tikkonċerna l-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni fir-rigward tal-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet.

2

L-imsemmija talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża li Intercontainer Interfrigo SC (iktar ’il quddiem “ICF”), kumpannija stabbilita fil-Belġju, ippreżentat fil-konfront ta’ Balkenende Oosthuizen BV (iktar ’il quddiem “Balkenende”) u ta’ MIC Operations BV (iktar ’il quddiem “MIC”), żewġ kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex tikseb il-kundanna ta’ dawn tal-aħħar għall-ħlas ta’ fatturi mhux imħallsa, maħruġa fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ nolleġġ konkluż bejn il-partijiet.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni, bit-titolu “Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla”, jistipula:

“1.   Safejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma tkunx intgħażlet skond l-Artikolu 3, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu ikollu l-eqreb rabta. Madankollu parti separabbli tal-kuntratt li jkollha rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor tista’ eċċezzjonalment tkun regolata mil-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, għandu jkun hemm preżunzjoni li l-kuntratt ikollu l-eqreb rabta mal-pajjiż fejn il-parti li jkollha tagħmel l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt kellha, fiż-żmien meta kien konkluż il-kuntratt, ir-residenza abitwali tagħha, jew, fil-każ ta’ korp maqgħud jew mhux maqgħud, l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu. Madankollu jekk il-kuntratt isir minħabba n-negozju jew il-professjoni ta’ dik il-parti, dak il-pajjiż ikun il-pajjiż fejn ikun jinsab il-post prinċipali tan-negozju jew, fejn skond il-klawżoli tal-kuntratt l-eżekuzzjoni jkollha ssir f’post ta’ negozju li ma jkunx il-post prinċipali tan-negozju, il-pajjiż fejn dak il-post l-ieħor tan-negozju jkun jinsab.

3.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, safejn is-suġġett tal-kuntratt ikun dritt ta’ proprjetà immobbli jew dritt ta’ użu ta’ proprjetà immobbli, għandu jkun hemm preżunzjoni illi l-kuntratt ikollu l-eqreb rabta mal-pajjiż fejn il-proprjetà immobbli tkun tinsab.

4.   Kuntratt għat-trasport ta’ merkanzija m’għandux ikun soġġett għall-preżunzjoni tal-paragrafu 2. F’kuntratt bħal dan jekk il-pajjiż, li fih, fiż-żmien meta l-kuntratt ikun konkluż, it-trasportatur ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu jkun ukoll il-pajjiż fejn ikun jinsab il-post tat-tagħbija jew il-post tal-ħatt jew il-post prinċipali tan-negozju ta’ l-ispeditur, għandu jkun hemm preżunzjoni li l-kuntratt ikollu l-eqreb rabta ma’ dak il-pajjiż. Fl-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu charter-parties [kuntratti ta’ nolleġġ] ta’ vjaġġ wieħed u kuntratti oħra li l-għan ewlieni tagħhom huwa t-trasport ta’ merkanzija għandhom jitqiesu bħala kuntratti għat-trasport ta’ merkanzija.

5.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika jekk il-karatteristika ta’ l-eżekuzzjoni ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, u l-preżunzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 4 m’għandhomx jitqiesu jekk miċ-ċirkostanzi kollha jkun jidher li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor.”

4

L-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni, bit-titolu “Firxa ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli”, jistipula:

“1.   Il-liġi applikabbli għal kuntratt bis-saħħa ta’ l-Artikoli 3 sa 6 u 12 ta’ din il-Konvenzjoni għandha tirregola b’mod partikolari:

[…]

(d)

id-diversi modi kif jispiċċaw l-obbligi, u l-preskrizzjoni u termini perentorji;

[…]”.

5

L-Ewwel Protokoll tad-19 ta’ Diċembru 1988 dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1989, L 48, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Protokoll”), jipprevedi fl-Artikolu 2 tiegħu:

“Kull qorti hawn fuq imsemmija tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari fuq kwistjoni mqajma f’kawża pendenti quddiemha u li tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 1, meta tqis li deċiżjoni fuq dan il-punt tkun meħtieġa sabiex tagħti s-sentenza tagħha:

(a)

[…]

il-Pajjiżi l-Baxxi:

 

mill-Hoge Raad

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6

Matul ix-xahar ta’ Awwissu 1998, ICF ikkonkludiet kuntratt ta’ nolleġġ ma’ Balkenende u MIC fil-kuntest ta’ programm ta’ linja ferrovjarja għat-trasport ta’ merkanzija bejn Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) u Frankfurt am Main (il-Ġermanja). Dan il-kuntratt kien jipprevedi b’mod partikolari li ICF kellha tqiegħed xi vaguni għad-dispożizzjoni ta’ MIC u kellha tiżgura t-trasport permezz tal-ferrovija. MIC, li kienet kriet lil terzi l-kapaċità tat-tagħbija li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, kienet responsabbli mill-parti operattiva kollha tat-trasport tal-merkanzija kkonċernata.

7

Il-partijiet ma kkonkludewx kuntratt bil-miktub iżda, matul perijodu qasir, eżegwew l-aspetti miftiehma bejniethom. Madankollu ICF bagħtet abbozz ta’ kuntratt lil MIC, li kien jinkludi klawżola li skontha l-liġi Belġjana kienet magħżula bħala l-liġi applikabbli. Dan l-abbozz ma ġie qatt iffirmat u dan minn ebda wieħed mill-partijiet għall-ftehim.

8

Fis-27 ta’ Novembru u fit-22 ta’ Diċembru 1998, ICF bagħtet lil MIC fatturi għall-ammonti ta’ EUR 107512.50u ta’ EUR 67100. L-ewwel wieħed minn dawn l-ammonti ma tħallasx minn MIC, filwaqt li t-tieni wieħed tħallas.

9

Fis-7 ta’ Settembru 2001, ICF intimat għall-ewwel darba lil Balkenende u lil MIC sabiex iħallsu l-fattura mibgħuta fis-27 ta’ Novembru 1998.

10

Permezz ta’ kawża ppreżentata fl-24 ta’ Diċembru 2002, ICF ħarrket lil Balkenende u lil MIC quddiem ir-Rechtbank te Haarlem (tribunal ta’ Haarlem) (il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex dawn jiġu kkundannati jħallsuha s-somma fl-imsemmija fattura kif ukoll it-taxxa fuq il-valur miżjud marbuta magħha, li jwasslu għal ammont totali ta’ EUR 119255.

11

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, Balkenende u MIC invokaw il-preskrizzjoni tal-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi sostnew li, skont il-liġi applikabbli għall-kuntratt li jorbothom ma’ ICF, f’dan il-każ il-liġi Olandiża, dan il-kreditu kien preskritt.

12

Min-naħa l-oħra, skont ICF, l-imsemmi kreditu mhuwiex preskritt, peress li skont il-liġi Belġjana, li tikkostitwixxi l-liġi applikabbli għall-kuntratt, il-preskrizzjoni invokata kienet għadha għaddejja. F’dan ir-rigward, ICF tirrileva li peress li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx kuntratt ta’ trasport, il-liġi applikabbli għandha tiġi ddeterminata mhux fuq il-bażi tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni, iżda fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2), li skontu l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt hija dik tal-pajjiż fejn tkun tinsab l-amminstrazzjoni ċentrali ta’ ICF.

13

Ir-Rechtbank te Haarlem laqa’ l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma minn Balkenende u MIC. B’applikazzjoni tal-liġi Olandiża, dan it-tribunal iddeċieda għalhekk li d-dritt għall-ħlas tal-fattura, li fuq il-bażi tiegħu ICF kienet qed taġixxi, kien preskritt u ddikjara t-talba ta’ din tal-aħħar inammissibbli. Il-Gerechtshof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) (il-Pajjiżi l-Baxxi) ikkonfermat din is-sentenza.

14

Il-qrati li jiddeċiedu l-mertu tal-kawża kklassifikaw l-kuntratt inkwistjoni bħala kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija billi kkunsidraw li, anki jekk ICF m’għandhiex il-kwalità ta’ trasportatur, l-għan ewlieni tal-kuntratt huwa t-trasport ta’ merkanzija.

15

Madankollu, dawn il-qrati eskludew l-applikazzjoni tal-kriterju għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli previst fl-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni u qiesu li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu l-eqreb rabtiet mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi milli mar-Renju tal-Belġju, billi bbażaw ruħhom fuq diversi ċirkustanzi tal-każ bħal dik tal-post ta’ stabbiliment tal-kontraenti, li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi, u t-traġitt permezz tal-vaguni bejn Amsterdam u Frankfurt am Main, bliet li fihom il-merkanzija tiġi mgħobbija u mbagħad imħatta rispettivament.

16

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija qrati rrilevaw, f’dan ir-rigward, li fil-każ li dan il-kuntratt jikkonċerna prinċipalment it-trasport ta’ merkanzija, l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ma jkunx applikabbli peress li, f’dan il-każ, ma hemm ebda rabta rilevanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. L-imsemmi kuntratt ikun għalhekk irregolat, skont il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni, mil-liġi tal-pajjiż li miegħu għandu l-eqreb rabta, f’dan il-każ ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

17

Skont l-istess qrati, fil-każ li, kif tirrileva ICF, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkunx ikklassifikat bħala kuntratt ta’ trasport, l-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni xorta ma jkunx applikabbli, peress li miċ-ċirkustanzi tal-każ jirriżulta li dan il-kuntratt għandu rabtiet eqreb mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’tali mod li hemm lok li tiġi applikata d-dispożizzjoni derogatorja li hemm fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni.

18

Fl-appell tagħha, ICF invokat mhux biss żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tal-imsemmi kuntratt bħala kuntratt ta’ trasport, iżda wkoll il-possibbiltà li l-ġudikant għandu li jidderoga mir-regola ġenerali stipulata fl-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni sabiex japplika l-Artikolu 4(5) tagħha. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din il-possibbiltà tista’ tintuża biss meta miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li l-post ta’ stabbiliment tal-parti li jkollha tagħmel l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt ma jkollux valur ġenwin ta’ rabta. Issa dan ma rriżultax fil-każ ineżami.

19

Fid-dawl ta’ dawn id-diverġenzi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda biss nolleġġ għal vjaġġ u li għamliet oħra ta’ kuntratti ta’ nolleġġ ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn għamliet oħra ta’ kuntratti ta’ nolleġġ jirrigwardaw ukoll it-trasport ta’ merkanzija, il-kuntratt inkwistjoni, sa fejn jirrigwarda dan it-tip ta’ trasport, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u li l-liġi applikabbli hija għall-bqija stabbilita skont l-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, għal liema waħda miż-żewġ sistemi legali indikati għandu jsir riferiment sabiex tiġi eżaminata eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma fir-rigward tat-talba bbażata fuq il-kuntratt?

4)

Jekk il-parti prinċipali tal-kuntratt tirrigwarda t-trasport ta’ merkanzija, id-distinzjoni msemmija fit-tieni domanda għandha tiġi injorata u l-liġi applikabbli għall-partijiet kollha tal-kuntratt għandha tiġi stabbilita skont l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni?

5)

Id-deroga li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-preżunzjonijiet fl-Artikolu 4(2) [sa] (4), mhumiex applikabbli biss meta miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li l-kriterji għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli indikati fl-imsemmija paragrafi m’għandhomx valur ġenwin ta’ rabta jew inkella mhumiex applikabbli anki meta minn dawn iċ-ċirkustanzi jirriżulta li teżisti rabta iktar qawwija ma’ pajjiż ieħor?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

20

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw il-Konvenzjoni bis-saħħa tal-Ewwel Protokoll, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2004.

21

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(a) tal-Ewwel Protokoll, il-Hoge Raad der Nederlanden għandha l-fakultà li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari fuq kwistjoni mqajma f’kawża pendenti quddiemha u li tinvolvi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

Fuq is-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni

22

Kif l-Avukat Ġenerali jirrileva fil-punti 33 sa 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-preambolu tal-Konvenzjoni jirriżulta li din ġiet konkluża sabiex jitkompla, fil-kamp tad-dritt internazzjonali privat, ix-xogħol ta’ armonizzazzjoni ġuridika mibdi permezz tal-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummercjali (ĠU 1972, L 299, p. 32).

23

Jirriżulta wkoll mill-imsemmi preambolu li l-Konvenzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi regoli uniformi dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, ikun liema jkun il-post fejn għandha tingħata s-sentenza. Fil-fatt, kif jirriżulta mir-rapport li jikkonċerna l-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, ta’ Mario Giuliano, professur tal-Università ta’ Milan, u Paul Lagarde, professur tal-Università ta’ Pariġi I (ĠU 1980, C 282, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“rapport Giuliano u Lagarde”), il-Konvenzjoni nħolqot minħabba l-ħtieġa li jitneħħew l-inkonvenjenzi li jinħolqu minħabba d-diversità tar-regoli ta’ kunflitt fil-kamp tal-kuntratti. Il-Konvenzjoni għandha l-funzjoni li ttejjeb il-livell taċ-ċertezza legali billi ssaħħaħ il-fiduċja fl-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi u l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba fl-assjem tad-dritt privat.

24

Fir-rigward tal-kriterji stipulati mill-Konvenzjoni għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, għandu jiġi rrilevat li r-regoli uniformi stabbiliti fit-Titolu II tal-Konvenzjoni jistabbilixxu l-prinċipju li għandha tingħata prijorità lir-rieda tal-partijiet, li għandhom, skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni, il-libertà tal-għażla tal-liġi applikabbli.

25

Fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet tal-liġi applikabbli għall-kuntratt, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni jipprevedi l-kriterji għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli li fuq il-bażi tagħhom il-ġudikant għandu jiddetermina din il-liġi. Dawn il-kriterji japplikaw għal kull kategorija ta’ kuntratt.

26

L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju ġenerali, stipulat fl-Artikolu 4(1), li jipprovdi li għad-determinazzjoni tar-rabta ta’ kuntratt ma’ dritt nazzjonali, għandu jiġi stabbilit il-pajjiż li miegħu dan il-kuntratt għandu “l-eqreb rabta”.

27

Kif jirriżulta mir-rapport Giuliano u Lagarde, il-flessibbiltà ta’ dan il-prinċipju ġenerali hija bbilanċjata permezz tal-“preżunzjonijiet” previsti fl-Artikolu 4(2) sa (4) tal-Konvenzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 4(2) jipprovdi preżunzjoni ta’ natura ġenerali, li tqis bħala kriterju għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli l-post ta’ residenza tal-parti għall-kuntratt li tagħmel l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt, filwaqt li l-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 4 jistabbilixxu kriterji għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli speċjali f’dak li jirrigwarda l-kuntratti li għandhom bħala suġġett dritt ta’ proprjetà immobbli u l-kuntratti ta’ trasport. L-Artikolu 4(5) tal-Konvenjoni jinkludi klawżola ta’ eċċezzjoni li tippermetti li dawn il-preżunzjonijiet jiġu mwarrba.

Fuq l-ewwel domanda u l-ewwel parti tat-tieni domanda, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni għall-kuntratti ta’ nolleġġ

Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

28

Skont il-Gvern Olandiż, l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni jipprevedi mhux biss il-kuntratti ta’ nolleġġ għal vjaġġ wieħed, iżda wkoll kull kuntratt ieħor li jikkonċerna prinċipalment it-trasport ta’ merkanzija. Fil-fatt, mir-rapport ta’ Giuliano u Lagarde jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiċċara li l-kuntratti ta’ nolleġġ għandhom jiġu kkunsidrati li huma kuntratti ta’ trasport ta’ merkanzija sa fejn dan ikun l-għan tagħhom. B’dan il-mod, jaqgħu taħt din il-kategorija l-kuntratti ta’ nolleġġ għal żmien stipulat, li permezz tagħhom mezz ta’ trasport komplut bl-ekwipaġġ jitqiegħed għad-dispożizzjoni tan-nolleġġatur għal ċertu żmien bil-għan li jsir trasport.

29

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ċek jissuġġerixxi li għandha tiġi segwita interpretazzjoni teleoloġika, li skontha l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni għandha bħala għan l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4(4) għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti marbuta mat-trasport ta’ merkanzija, minkejja li dawn il-kuntratti ma jistgħux jiġi kklassifikati bħala kuntratti ta’ trasport. Fil-fatt, sabiex kuntratt ta’ nolleġġ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-imsemmi Artikolu 4(4), huwa meħtieġ li l-għan ewlieni tiegħu jkun it-trasport ta’ merkanzija. Minn dan isegwi li l-espressjoni “għan ewlieni” għandha tinftiehem mhux bħala l-għan dirett tal-kuntratt li għalih ġiet konkluża r-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, iżda bħala l-għan li, sabiex jintlaħaq, jeħtieġ lil din ir-relazzjoni.

30

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tirrileva li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni għandha “portata limitattiva”. Il-kriterju għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli stipulat f’din is-sentenza jipprevedi biss ċerti kategoriji ta’ kuntratti ta’ nolleġġ, jiġifieri dawk li permezz tagħhom jiġi pprovdut mezz ta’ trasport minn trasportatur għal okkażjoni waħda biss u dawk konklużi bejn trasportatur u speditur li jikkonċernaw esklużivament it-trasport ta’ merkanzija. Anki jekk ma hemm ebda dubju li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu jipprevedi l-provvista ta’ mezzi ta’ trasport flimkien mat-trasport permezz tal-ferrovija, jimplika neċessarjament it-trasport ta’ merkanzija, madankollu, tali elementi mhumiex suffiċjenti sabiex dan jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni. Jidher li r-relazzjonijiet kuntrattwali mad-diversi spedituri u l-obbligi li jikkonċernaw it-trasport effettiv tal-merkanzija, inklużi t-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija, huma stabbiliti bejn MIC u “terzi”, lil min MIC kriet il-kapaċità ta’ tagħbija fil-vaguni suġġetti għan-nolleġġ.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha u permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni japplikax għal kuntratti ta’ nolleġġ li ma jkunux saru għal vjaġġ wieħed biss u sabiex jiġu indikati l-elementi li jippermettu l-klassifikazzjoni ta’ kuntratt ta’ nolleġġ bħala kuntratt ta’ trasport għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32

F’dan ir-rigward, għandu fl-ewwel lok jiġi mfakkar li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni, il-kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż li fih it-trasportatur għandu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jekk, f’dan l-istess pajjiż, ikun jinsab il-post tat-tagħbija jew tal-ħatt jew il-post prinċipali ta’ negozju tal-ispeditur. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni tipprovdi li, għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu, “charter-parties [kuntratti ta’ nolleġġ] ta’ vjaġġ wieħed u kuntratti oħra li l-għan ewlieni tagħhom huwa t-trasport ta’ merkanzija għandhom jitqiesu bħala kuntratti għat-trasport ta’ merkanzija”.

33

Mit-test ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-Konvenzjoni tqis bħala kuntratti ta’ trasport mhux biss il-kuntratti ta’ nolleġġ ta’ vjaġġ wieħed, iżda wkoll kuntratti oħra, sa fejn dawn il-kuntratti jkollhom bħala għan ewlieni t-twettiq ta’ trasport ta’ merkanzija.

34

Għalhekk, wieħed mill-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni huwa li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ dritt internazzjonali privat, stipulata fl-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni għal kuntratti li, anki jekk ikunu kklassifikati, skont il-liġi nazzjonali, bħala kuntratti ta’ nolleġġ, ikollhom bħala għan ewlieni t-trasport ta’ merkanzija. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, għandu jitqies l-għan tar-relazzjoni kuntrattwali u, konsegwentement, l-obbligi kollha tal-parti li tagħmel l-eżekuzzjoni li tikkaretterizza l-kuntratt.

35

Issa, f’kuntratt ta’ nolleġġ, in-nolleġġant, li jagħmel tali eżekuzzjoni, normalment jobbliga ruħu li jqiegħed għad-dispożizzjoni tan-nolleġġatur mezz ta’ trasport. Madankollu, mhuwiex eskluż li l-obbligi tal-nolleġġant ma jkunux jinvolvu biss is-sempliċi provvista ta’ mezz ta’ trasport, iżda jkunu jinvolvu wkoll it-trasport stess tal-merkanzija. F’dan il-każ, il-kuntratt inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ladarba l-għan ewlieni tiegħu jkun jikkonsisti fit-trasport ta’ merkanzija.

36

Madankollu għandu jiġi rrilevat li l-preżunzjoni stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni tapplika biss meta n-nolleġġant — jekk wieħed jippresupponi li dan ikun ikkunsidrat bħala t-trasportatur — ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, fil-mument tal-kuntratt, fil-pajjiż fejn ikun jinsab il-post tat-tagħbija jew tal-ħatt tal-merkanzija jew il-post prinċipali tan-negozju tal-ispeditur.

37

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għall-ewwel domanda u għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kriterju għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli previst fit-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 4(4), japplika biss għal kuntratt ta’ nolleġġ, li ma jkunx kuntratt għal vjaġġ wieħed, meta l-għan ewlieni tal-kuntratt ma jkunx biss is-sempliċi provvista ta’ mezz ta’ trasport, iżda jkun it-trasport stess tal-merkanzija.

Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda kif ukoll fuq it-tielet u r-raba’ domandi, dwar il-possibbiltà li l-ġudikant jaqsam il-kuntratt f’diversi partijiet għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli

Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

38

Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li l-iffrazzjonar tal-kuntratt huwa possibbli biss, fuq il-bażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni, “eċċezzjonalment”, meta parti mill-kuntratt tkun separabbli mill-bqija tiegħu u din ikollha rabta eqreb ma’ pajjiż differenti minn dak li miegħu l-partijiet l-oħra tal-kuntratt ikunu marbuta u meta din is-separazzjoni ma toħloqx riskju ta’ tfixkil tar-rabtiet bejn id-dispożizzjonijiet applikabbli. Skont dan il-gvern, fil-każ ineżami, jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkonċernax b’mod ewlieni t-trasport ta’ merkanzija, dan jitneħħa kompletament mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk dan il-kuntratt jikkonċerna b’mod ewlieni t-trasport ta’ merkanzija, dan ikun jaqa’ kompletament fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4(4). Għalhekk, huwa eskluż li l-imsemmi Artikolu 4(4) ikun applikabbli biss fir-rigward ta’ elementi tal-kuntratt li jirrigwardaw it-trasport ta’ merkanzija u li, fir-rigward tal-bqija, l-istess kuntratt ikun jista’ jiġi rregolat mil-liġi ddeterminata b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni.

39

Il-Gvern Ċek jirrileva li t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni għandha tiġi applikata b’mod eċċezzjonali, inkwantu l-applikazzjoni ta’ dritt differenti għal ċerti partijiet ta’ kuntratt, anki jekk dawn ikun separabbli mill-bqija ta’ dan tal-aħħar, jippreġudikaw il-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-“aspettattivi leġittimi”. Għalhekk, kif jirriżulta wkoll mir-rapport Giuliano u Lagarde, is-separazzjoni li jista’ jkun hemm ta’ partijiet differenti ta’ kuntratt għandha twieġeb għar-rekwiżiti ta’ koerenza tagħhom flimkien.

40

Il-Kummissjoni ssostni li l-iffrazzjonar tal-kuntratt previst fl-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ma jikkostitwixxix obbligu, iżda possibbiltà li l-ġudikant adit għandu, li tista’ tiġi applikata biss meta kuntratt ikollu partijiet differenti, awtonomi u separabbli. Skont il-Kummissjoni, fil-kawża prinċipali, li għandha bħala suġġett ftehim ikkumplikat, li fih tinsab inkwistjoni r-relazzjoni bejn in-nolleġġ u t-trasport ta’ merkanzija nfisha, l-użu tal-iffrazzjonar huwa assimilat għal soluzzjoni ta’ natura artifiċjali. Fil-fatt, kieku dan kien kuntratt li jaqa’ taħt tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ma kien ikun hemm ebda ħtieġa għall-iffrazzjonar tiegħu, peress li ma kienx ikun meħtieġ li aspetti aċċessorji marbuta mat-trasport, li jista’ jkun hemm, jiġu sottomessi għal-leġiżlazzjoni differenti minn dik applikabbli għall-għan ewlieni tal-kuntratt. B’mod partikolari, id-dritt għal korrispettiv għall-prestazzjoni u kif ukoll għall-preskrizzjoni huma tant marbuta mal-kuntratt bażilari li mhuwiex possibbli li dawn jiġu sseparati, mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

41

Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda kif ukoll permezz tat-tielet u r-raba’ domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment f’liema ċirkustanzi huwa possibbli li jiġu applikati, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni, drittijiet nazzjonali differenti għal relazzjoni kuntrattwali waħda, b’mod partikolari fir-rigward tal-preskrizzjoni tad-drittijiet li joħorġu minn kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-Hoge Raad der Nederlanden jistaqsi, b’mod partikolari, jekk, fil-każ ta’ applikazzjoni għal kuntratt ta’ nolleġġ tal-kriterju għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli previst fl-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni, dan il-kriterju għandux jikkonċerna biss il-parti mill-kuntratt li tirrigwarda t-trasport ta’ merkanzija.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni, parti ta’ kuntratt tista’, b’mod eċċezzjonali, tiġi suġġetta għal liġi differenti minn dik applikata għall-bqija tal-kuntratt, meta din ikollha rabta eqreb ma’ pajjiż differenti minn dak li miegħu jkunu marbuta l-partijiet l-oħra tal-kuntratt.

43

Mit-test ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-regola li tipprevedi s-separazzjoni tal-kuntratt għandha natura eċċezzjonali. F’dan ir-rigward, ir-rapport Giuliano u Lagarde jindika li l-kelma “eċċezzjonalment” li tidher fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1), “għandha tiġi interpretata […] fis-sens li l-ġudikant għandu jirrikorri għall-iffrazzjonar ta’ kuntratt mill-inqas possibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

44

Sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li taħthom il-ġudikant jista’ jipproċedi għas-separazzjoni tal-kuntratt, għandu jiġi kkunsidrat li l-għan tal-Konvenzjoni, kif imfakkar fl-osservazzjonijiet preliminari li jidhru fil-punti 21 sa 23 ta’ din is-sentenza, huwa dak li jgħolli l-livell ta’ ċertezza legali billi jsaħħaħ il-fiduċja fl-istabbiltà tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet għall-kuntratt. Għan bħal dan ma jkunx jista’ jintlaħaq jekk is-sistema li tiddetermina l-liġi applikabbli ma tkunx ċara u jekk din tal-aħħar ma tkunx prevedibbli b’ċertu grad ta’ ċertezza.

45

Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 u 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-possibbiltà li kuntratt jiġi sseparat f’diversi partijiet sabiex jiġi suġġett għal diversi liġijiet tmur kontra l-għanijiet tal-Konvenzjoni u għandha tiġi aċċettata biss meta l-kuntratt ikun jinkludi diversi partijiet li jkunu jistgħu jiġu meqjusa li huma awtonomi minn xulxin.

46

Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk parti mill-kuntratt tistax tiġi suġġetta għal liġi differenti, għandu jiġi ddeterminat jekk l-għan tagħha huwiex awtonomu fid-dawl ta’ dak tal-bqija tal-kuntratt.

47

Jekk dan ikun il-każ, kull parti mill-kuntratt għandha tiġi suġġetta għal liġi waħda. Għalhekk, fir-rigward b’mod partikolari tar-regoli dwar il-preskrizzjoni ta’ dritt, dawn għandhom joħorġu mill-istess ordinament ġuridiku li huwa applikabbli għall-obbligu korrispondenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 10(1)(d) tal-Konvenzjoni, il-liġi applikabbli għall-kuntratt għandha tirregola b’mod partikolari l-preskrizzjoni tal-obbligi.

48

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għat-tieni parti tat-tieni domanda kif ukoll għat-tielet u r-raba’ domandi għandha tingħata r-risposta li t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li parti mill-kuntratt tista’ tiġi rregolata minn liġi differenti minn dik applikata għall-bqija tal-kuntratt biss meta l-għan tagħha jkun awtonomu.

49

Meta l-kriterju għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli applikat għal kuntratt ta’ nolleġġ ikun dak previst fl-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni, dan il-kriterju għandu jiġi applikat għall-kuntratt kollu, sakemm il-parti mill-kuntratt li tirrigwarda t-trasport ma tkunx awtonoma mill-bqija tal-kuntratt.

Fuq il-ħames domanda, dwar l-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni

Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

50

Skont il-Gvern Olandiż, it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni tistipula deroga mill-kriterji previsti fl-Artikolu 4(2) sa (4) tagħha. Għalhekk, rabta kklassifikata bħala “dgħajfa” ma’ pajjiż li ma jkunx wieħed minn dawk identifikati skont l-Artikolu 4(2) sa (4), ma tkunx suffiċjenti sabiex tiġġustifika deroga minn dawn il-kriterji, altrimenti dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu jiġu kkunsidrati iktar bħala l-kriterji prinċipali għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli. Minn dan isegwi li d-deroga prevista fl-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni tista’ tiġi applikata biss jekk miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li dawn il-kriterji ma għandhomx valur ġenwin ta’ rabta u li l-kuntratt ikollu rabta predominanti ma’ pajjiż ieħor.

51

Skont il-Gvern Ċek, l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni mhuwiex lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 4(2) sa (4), iżda dan jikkostitwixxi dispożizzjoni distinta, li tirrigwarda s-sitwazzjoni meta jkun jidher ċar ħafna miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u mir-relazzjoni kuntrattwali fl-intier tagħha li l-kuntratt ikollu rabta ħafna iktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor milli ma’ dak identifikat permezz tal-applikazzjoni tal-kriterji l-oħra għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli.

52

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, fis-sens li huwa biss meta l-kriterji previsti fil-paragrafi 2 sa 4 tal-imsemmi artikolu ma jkollhomx valur ġenwin ta’ rabta li fatturi oħra jkunu jistgħu jitqiesu. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ dawn il-preżunzjonijiet titlob li tingħata importanza sinjifikattiva lil dawn il-kriterji. Konsegwentement, il-fatturi l-oħra għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli jistgħu jitqiesu biss meta, b’mod eċċezzjonali, l-imsemmija kriterji ma jiffunzjonawx b’mod effikaċi.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-eċċezzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-preżunzjonijiet li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu 4(2) sa (4) għandhomx jiġu mwarrba biss fil-każ li miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li l-kriterji hemm previsiti ma jkollhomx valur ġenwin ta’ rabta jew jekk il-ġudikant għandux iwarrabhom ukoll meta minn dawn iċ-ċirkustanzi tirriżulta l-eżistenza ta’ rabta ikbar ma’ pajjiż ieħor.

54

Kif ġie enfasizzat fl-osservazzjonijiet preliminari li jidhru fil-punti 24 sa 26 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni, li jistabbilixxi l-kriterji għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli applikabbli għall-obbligi kuntrattwali fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet tal-liġi applikabbli għall-kuntratt, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-prinċipju ġenerali li l-kuntratt għandu jkun irregolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu jkollu l-eqreb rabtiet.

55

Sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ ċertezza legali fir-relazzjonijiet kuntrattwali, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni jistipula, fil-paragrafi 2 sa 4, numru ta’ kriterji li jippermettu li wieħed jippreżumi ma’ liema pajjiż il-kuntratt ikollu l-eqreb rabta. Fil-fatt, dawn il-kriterji għandhom il-funzjoni ta’ preżunzjonijiet, fis-sens li l-ġudikant adit huwa marbut li jikkunsidrahom għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt.

56

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni, il-kriterju għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli tal-post ta’ residenza tal-parti li tagħmel l-eżekuzzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt jista’ jiġi mwarrab jekk dan il-post ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat. Fi kliem it-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu 4(5) il-“preżunzjonijiet” kollha jistgħu jiġu mwarrba “jekk miċ-ċirkustanzi kollha jkun jidher li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor”.

57

F’dan ir-rigward, għandhom jiġu ddeterminati l-funzjoni u l-għan tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni.

58

Mir-rapport Giuliano u Lagarde jirriżulta li l-awturi tal-Konvenzjoni kkunsidraw bħala indispensabbli “li tiġi pprevista l-possibbiltà tal-applikazzjoni ta’ liġi oħra li ma tkunx waħda minn dawk li għalihom jirreferu l-preżunzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 4 kull darba li miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ jirriżulta li l-kuntratt ikollu l-eqreb rabtiet ma’ pajjiż ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll li l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni jħalli lill-ġudikant “ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-preżenza, f’kull każ partikolari, taċ-ċirkustanzi kollha li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-preżunzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 4” u li tali dispożizzjoni tikkostitwixxi “l-kontroparti inevitabbli ta’ regola ta’ kunflitt ta’ natura ġenerali, intiża sabiex tapplika kważi għall-kategoriji kollha tal-kuntratti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

59

Mir-rapport Giuliano u Lagarde jirriżulta wkoll li l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni huwa intiż sabiex iservi ta’ kontrobilanċ għas-sistema ta’ preżunzjonijiet li tirriżulta mill-istess artikolu, billi jgħaqqad flimkien ir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali, li għalihom jipprovdi l-Artikolu (2) sa (4), u n-neċessità li jkun hemm ċerta flessibbiltà fid-determinazzjoni tal-liġi li effettivament ikollha l-eqreb rabta mal-kuntratt inkwistjoni.

60

Fil-fatt, ladarba l-għan prinċipali tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni huwa dak li tiġi applikata għall-kuntratt il-liġi tal-pajjiż li miegħu jkollu l-eqreb rabtiet, l-imsemmi Artikolu 4(5) għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-ġudikant adit japplika, f’kull każ partikolari, il-kriterju li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabtiet, billi jwarrab il-“preżunzjonijiet” fil-każ li dawn ma jidentifikawx il-pajjiż li miegħu l-kuntratt ikollu l-eqreb rabtiet.

61

Għalhekk għandu jiġi stabbilit jekk dawn il-preżunzjonijiet jistgħux jiġu mwarrba biss meta dawn ma jkollhomx valur ġenwin ta’ rabta jew jekk dawn jistgħux jiġu mwarrba meta l-ġudikant jikkonstata li l-kuntratt ikollu rabtiet eqreb ma’ pajjiż ieħor.

62

Kif jirriżulta mit-test u mill-għan tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni, il-ġudikant għandu dejjem jiddetermina l-liġi applikabbli fuq il-bażi tal-imsemmija preżunzjonijiet, li jirriflettu r-rekwiżit ġenerali ta’ prevedibbiltà tal-liġi u għalhekk iċ-ċertezza legali fir-relazzjonijiet kuntrattwali.

63

Madankollu, meta miċ-ċirkustanzi kollha jkun jidher ċar li l-kuntratt ikollu rabtiet eqreb ma’ pajjiż li ma jkunx dak identifikat fuq il-bażi tal-preżunzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(2) sa (4) tal-Konvenzjoni, ikun il-kompitu tal-imsemmi ġudikant li jwarrab l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4(2) sa (4).

64

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għall-ħames domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta ċar li l-kuntratt ikollu l-eqreb rabtiet ma’ pajjiż li ma jkunx dak iddeterminat fuq il-bażi ta’ wieħed mill-kriterji previsti fl-imsemmi Artikolu 4(2) sa (4), huwa l-kompitu tal-ġudikant li jwarrab lil dawn il-kriterji u japplika l-liġi tal-pajjiż li miegħu l-imsemmi kuntratt ikollu l-eqreb rabta.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kriterju għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli previst fit-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 4(4), japplika biss għal kuntratt ta’ nolleġġ, li ma jkunx kuntratt għal vjaġġ wieħed, meta l-għan ewlieni tal-kuntratt ma jkunx biss is-sempliċi provvista ta’ mezz ta’ trasport, iżda jkun it-trasport stess tal-merkanzija.

 

2)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) ta’ din il-konvenzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li parti mill-kuntratt tista’ tiġi rregolata minn liġi differenti minn dik applikata għall-bqija tal-kuntratt biss meta l-għan tagħha jkun awtonomu.

Meta l-kriterju għall-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli applikat għal kuntratt ta’ nolleġġ ikun dak previst fl-Artikolu 4(4) tal-imsemmija konvenzjoni, dan il-kriterju għandu jiġi applikat għall-kuntratt kollu, sakemm il-parti mill-kuntratt li tirrigwarda t-trasport ma tkunx awtonoma mill-bqija tal-kuntratt.

 

3)

L-Artikolu 4(5) tal-istess konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta ċar li l-kuntratt ikollu l-eqreb rabtiet ma’ pajjiż li ma jkunx dak iddeterminat fuq il-bażi ta’ wieħed mill-kriterji previsti fl-imsemmi Artikolu 4(2) sa (4), huwa l-kompitu tal-ġudikant li jwarrab lil dawn il-kriterji u japplika l-liġi tal-pajjiż li miegħu l-imsemmi kuntratt ikollu l-eqreb rabta.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.