SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Moviment liberu tal-persuni — Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikolu 12 KE — Għoti lill-persuni b’diżabbiltà ta’ liċenzja tal-karozza kull sena mingħajr ħlas — Dispożizzjonijiet li jillimitaw l-għoti ta’ tali liċenzja tal-karozza lill-persuni b’diżabbiltà residenti jew ordinarjament residenti fit-territorju nazzjonali”

Fil-Kawża C-103/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Vorarlberg (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-29 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Marzu 2008, fil-proċedura

Arthur Gottwald

vs

Bezirkshauptmannschaft Bregenz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Gottwald, minn H. Frick u T. Dietrich, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u G. Eberhard, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerrell, G. Braun u D. Maidani, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 KE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Gottwald u l-Bezirkshauptmannschaft Bregenz (l-awtorità amministrattiva tal-ewwel istanza ta’ Bregenz) fir-rigward ta’ multa imposta minn din tal-aħħar minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-pedaġġ fuq l-awtostrada.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3

L-Artikolu 10(1) tal-liġi tal-2002 dwar il-Pedaġġ fuq Toroq Federali (Bundesstraßen-Mautgesetz 2002, BGBl. I, 109/2002), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BStMG 2002”), jipprovdi li:

“Vetturi b’ass wieħed u vetturi b’iktar minn ass wieħed li l-piż massimu tagħhom ma jaqbiżx it-3.5 tunnellati jistgħu biss jinsaqu fuq toroq b’pedaġġ jekk jitħallas pedaġġ għall-ħin li jdumu fuq tali toroq.”

4

L-Artikolu 11(1) tal-BStMG 2002, jistipula li:

“Il-ħlas tal-pedaġġ għall-ħin li vettura ddum fuq it-triq irid isir qabel ma jsir użu mit-triq b’pedaġġ, billi titwaħħal liċenzja tal-karozza mal-vettura.”

5

L-Artikolu 13(2) tal-BStMG 2002, li jirregola l-proċedura relattiva għall-għoti mingħajr ħlas ta’ liċenzja tal-karozza annwali liċ-ċittadini li jkollhom ċertifikat għal persuni b’diżabbiltà jistipula kif ġej:

“Il-Bundesamt fur Soziales und Behindertenwesen (l-Uffiċċju Federali għall-Affarijiet Soċjali u l-Persuni b’Diżabbiltà) għandu, ladarba jirċievi applikazzjoni għal dan il-għan, joħroġ lil persuni b’diżabbiltà residenti jew ordinarjament residenti fit-territorju nazzjonali u li jkollhom reġistrata f’isimhom għall-inqas vettura waħda b’iktar minn ass wieħed li l-piż massimu tagħha ma jaqbiżx it-3.5 tunnellati, liċenzja tal-karozza annwali mingħajr ħlas skont il-kategorija ta’ dik il-vettura u dejjem sakemm il-persuni jkun inħarġilhom ċertifikat għal persuni b’diżabbiltà skont l-Artikolu 40 tal-Liġi Federali dwar Persuni b’Diżabbiltà (Bundesbehindertengesetz) li fuqu jkun hemm indikat jew li l-persuni jbatu minn diżabbiltà permanenti u serja li żżommhom milli jimxu, jew li ma jistax ikun mistenni li tali persuni jużaw mezzi ta’ trasport pubbliku minħabba ħsara permanenti lil saħħithom jew li l-persuni huma għomja.”

6

L-Artikolu 20(1) tal-BStMG 2002 jipprovdi li:

“Is-sewwieqa li jsuqu vetturi fuq toroq b’pedaġġ mingħajr ma jkunu ħallsu l-pedaġġ iwettqu reat amministrattiv punibbli b’multa ta’ mhux inqas minn EUR 400 u mhux iktar minn EUR 4000.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

A. Gottwald huwa ċittadin Ġermaniż, residenti f’Hamburg (il-Ġermanja) li jbati minn parapleġija totali li tellfitlu l-funzjonalità kollha mir-raba’ vertebra ’l isfel. B’hekk, għandu karta tal-identità għal persuni b’diżabbiltà maħruġa mill-Ġermanja.

8

Nhar is-26 ta’ Awwissu 2006, A. Gottwald kien qiegħed isuq il-vettura tiegħu fuq awtostrada Awstijaka suġġetta għal pedaġġ, fi triqtu lejn post fl-Awstija fejn kien ser iqatta’ btala. Waqt spezzjoni fit-triq, instab li ma kienx ħallas, minn qabel, il-pedaġġ għall-ħin li vettura ddum fuq l-awtostrada billi ma xtarax liċenzja tal-karozza li kellha titwaħħal mal-vettura tiegħu.

9

Għalhekk, il-Bezirkshauptmannschaft Bregenz imponiet fuqu multa ta’ EUR 200, permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2006, li A. Gottwald appella minnha quddiem l-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Vorarlberg.

10

Fil-kuntest ta’ dan l-appell, A. Gottwald sostna b’mod partikolari li, peress li jbati minn parapleġija li minħabba fiha nħarġitlu karta tal-identità Germaniża għal persuni b’diżabbiltà, huwa kellu d-dritt jingħata liċenzja tal-karozza mingħajr ħlas fl-Awstrija, skont l-Artikolu 13(2) tal-BStMG 2002, bħal fil-każ tal-persuni b’diżabbiltà residenti jew ordinarjament residenti fl-Awstrija.

11

F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi kellha xi dubji dwar il-legalità tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmi disk fid-dawl tad-dritt Komunitarju, l-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Vorarlberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

Artikolu 12 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-għoti mingħajr ħlas, kull sena, ta’ liċenzja tal-karozza għal vettura sabiex tintuża fit-toroq nazzjonali li biex tgħaddi fuqhom hemm l-obbligu ta’ ħlas ta’ taxxa (pedaġġ) limitatament għall-persuni li jbatu minn diżabbiltà speċifika u li huma domiċiljati jew li għandhom ir-residenza ordinarja tagħhom fl-Istat inkwistjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

12

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-għoti mingħajr ħlas u kull sena ta’ liċenzja tal-karozza lill-persuni b’diżabbiltà residenti jew ordinarjament residenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Fuq l-ammissibbiltà

13

Il-Gvern Awtrijak jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għar-raġuni li din hija purament ipotetika u hija irrilevanti għall-finijiet tal-eżitu tal-kawża prinċipali, inkwantu A. Gottwald qatt ma talab, fl-Awstrija, li jingħata, mingħajr ħlas, id-disk inkwistjoni.

14

B’mod iktar speċifiku, skont l-awtoritajiet Awstijaċi, id-domanda preliminari ma għandha ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali, peress li din ma tirrigwardax deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti mingħajr ħlas tal-imsemmi disk, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tal-BStMG 2002, iżda tirrigwarda esklużivament il-kontestazzjoni minn A. Gottwald tal-multa li ġiet imposta fuqu, abbażi tal-Artikolu 20(1) tal-BStMG 2002 moqri flimkien mal-Artikoli 10(1) u 11 ta’ din il-liġi, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-pedaġġ għall-ħin li vettura ddum fuq l-awtostrada.

15

Madankollu, din l-argumentazzjoni ma tistax tintlaqa’.

16

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali kif prevista fl-Artikolu 234 KE, huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom jitressqu l-kawżi u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ser tingħata li għandhom jikkunsidraw, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’konsegwenza ta’ dan, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38; tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et, C-18/01, Ġabra p. I-5321, punt 19, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C-295/05, Ġabra p. I-2999, punt 30).

17

Minn dan isegwi li l-preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss u, b’mod partikolari meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju kkunsidrati f’dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61, kif ukoll tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 29).

18

F’dan il-każ, għalkemm A. Gottwald ma ppreżenta ebda applikazzjoni għall-għoti mingħajr ħlas ta’ disk skont l-Artikolu 13(2) tal-BStMG 2002, ma jistax jiġi eskluż li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun utli għall-eżitu tal-kawża prinċipali.

19

Fil-fatt, jirriżulta mill-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Awstijak waqt is-seduta li l-qorti tar-rinviju għandha d-dritt tnaqqas l-ammont tal-multa, jekk tikkonstata li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu d-dritt jibbenefika mill-imsemmi disk mingħajr ħlas bis-saħħa tad-dritt, stabbilit fl-Artikolu 12 KE, li ma jsofrix diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu.

20

B’hekk, deċiżjoni eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat KE tipprekludi regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ b’mod partikolari tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti li tippermetti lill-qorti nazzjonali tnaqqas il-multa imposta fuq A. Gottwald.

21

Għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba hija irrilevanti għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju qed tintalab tagħti.

22

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

Fuq il-mertu

23

B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri sabiex dawk fost dawn iċ-ċittadini li jkunu fl-istess sitwazzjoni jkunu jistgħu jiksbu, indipendentament miċ-ċittadinanza tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 31, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C-403/03, Ġabra p. I-6421, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

B’mod partikolari, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, kull ċittadin tal-Unjoni jista’ jinvoka l-Artikolu 12 KE, li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiæ tad-dritt Komunitarju (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 62, u Schempp, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

25

Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri mogħtija mill-Artikolu 18 KE (sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 24, Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster, C-158/07, Ġabra p. I-8507, punt 37).

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ċittadin ta’ Stat Membru bħal A. Gottwald, meta jeżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju Komunitarju sabiex iqatta’ l-vaganzi tiegħu fi Stat Membru ieħor, għandu d-dritt, stabbilit fl-Artikolu 12 KE, li ma jsofrix diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu.

27

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li r-regoli dwar it-trattament ugwali bejn ċittadini u persuni li mhumiex ċittadini jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjoni ċara bbażata fuq iċ-ċittadinanza, imma wkoll il-forom moħbija ta’ diskriminazzjoni kollha li, permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 1997, Pastoors u Trans-Cap, C-29/95, Ġabra p. I-285 punt 16; tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-224/00, Ġabra p. I-2965, punt 15, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2005, Tod’s u Tod’s France, C-28/04, Ġabra p. I-5781, punt 19).

28

Dan jiġri, b’mod partikolari, fil-każ ta’ miżura li tipprovdi għal distinzjoni bbażata fuq ir-residenza jew ir-residenza ordinarja, inkwantu hemm riskju li dan ir-rekwiżit jiżvantaġġa prinċipalment liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, billi l-maġġoranza tal-persuni li mhumiex residenti fit-territorju nazzjonali huma persuni li mhumiex ċittadini (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Ciola, C-224/97, Ġabra p. I-2517, punt 14, u tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-388/01, Ġabra p. I-721, punt 14).

29

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni kkontestata inkwistjoni fil-kawża prinċpali hija bbażata preċiżament fuq dan it-tip ta’ kriterju, peress li tirriżerva l-għoti kull sena, mingħajr ħlas, tad-disk biss lill-persuni b’diżabbiltà li huma residenti jew ordinarjament residenti fl-Awstrija.

30

Tali trattament diskriminatorju jista’ jiġi ġġustifikat biss, fid-dawl tad-dritt Komunitarju, jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u jkun proporzjonat għall-għan leġittimu li d-dritt nazzjonali jfittex li jilħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C-224/98, Ġabra p. I-6191, punt 36; Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

31

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, il-Gvern Awstrijak isostni li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża biex taġevola l-mobbiltà u l-integrazzjoni soċjali ta’ persuni li, minħabba diżabbiltà, ma jistgħux jużaw il-mezzi tat-trasport pubbliku u għalhekk jiddependu mill-użu ta’ vettura privata. B’hekk, l-imsemmija miżura hija mmirata, kif turi l-validità annwali tal-imsemmi disk, lejn persuni li jkollhom bżonn jużaw in-netwerk tat-toroq pjuttost sikwit. Ir-rekwiżit relattiv għar-residenza jew għar-residenza ordinarja huwa b’hekk il-manifestazzjoni ta’ ċertu livell ta’ integrazzjoni tal-benefiċjarji tad-disk mogħti mingħajr ħlas fis-soċjetà Awstrijaka.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li kemm l-aġevolazzjoni tal-mobbiltà u tal-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà kif ukoll ix-xewqa li tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ ċerta rabta bejn is-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat u l-benefiċjarju ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ċertament jistgħu jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali li huma ta’ tali natura li jiġġustifikaw il-fatt li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali benefiċċju jkunu jistgħu jaffettwaw il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38; tas-26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas, C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 35, kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2008, Nerkowska, C-499/06, Ġabra p. I-3993, punt 37).

33

Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-kundizzjoni ta’ proporzjonalità msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza għandha tiġi rispettata. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li miżura hija proporzjonali meta, filwaqt li tkun adatta sabiex jintlaħaq l-għan inkwistjoni, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

B’mod aktar speċifiku, f’dak li jikkonċerna l-livell tar-rabta tal-benefiċjarju mas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkunsidra, fir-rigward ta’ benefiċċji li mhumiex irregolati mid-dritt Komunitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-kriterji għall-evalwazzjoni ta’ tali rabta, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tas-Hagen u Tas, iċċitata iktar’il fuq, punt 36).

35

B’hekk, il-ġurisprudenza ammettiet b’ċerti kundizzjonijiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ teżiġi, sabiex jiġi stabbilit ċertu livell ta’ integrazzjoni, li l-benefiċjarju tal-benefiċċju inkwistjoni kien residenti, jew ordinarjament residenti matul ċertu perijodu fl-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Bidar, punt 59, u Förster, punt 50).

36

Fil-każ ta’ miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża biex tiffaċilita ċ-ċaqliq regolari fit-territorju Awstrijaku tal-persuni li jbatu minn diżabbiltà bil-għan li jiġu integrati fis-soċjetà nazzjonali, jidher li l-kriterji tar-residenza jew tar-residenza ordinarja huma xierqa biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta bejn dawn il-persuni u s-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat, b’mod li jkunu jistgħu jiġu distini, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn kategoriji oħra ta’ persuni li jużaw in-netwerk tat-toroq ta’ dan l-Istat Membru biss okkażjonalment jew temporanjament.

37

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissuġġetta l-għoti mingħajr ħlas tal-liċenzja tal-karozza għal ebda kundizzjoni addizzjonali marbuta ma’ perijodu minimu li matulu l-persuna kkonċernata għandha tkun stabbiliet ir-residenza jew ir-residenza ordinarja tagħha fl-Awstrija.

38

Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti preċedenti fir-rigward tal-proporzjonalità tal-kundizzjonijiet ta’ residenza jew ta’ residenza ordinarja mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma validi a fortiori, kif spjega l-Gvern Awtrijak fis-seduta mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il-punt mill-partijiet ikkonċernati l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, billi l-imsemmija kundizzjonijiet huma interpretati b’mod wiesa’, b’tali mod li fatturi oħra ta’ rabta jippermettu li tiġi stabbilita rabta suffiċjenti mas-soċjetà Awstrijaka, għall-finijiet tal-għoti mingħajr ħlas tad-disk.

39

B’mod partikolari, hekk kif spjega dan il-Gvern waqt is-seduta, persuna b’diżabbiltà li, filwaqt li ma tkunx stabbiliet ir-residenza jew ir-residenza ordinarja tagħha fl-Awstrija, tmur f’dan il-pajjiż regolarment għal raġunijiet professjonali jew personali, ukoll ikollha d-dritt tibbenefika mil-liċenzja tal-karozza mingħajr ħlas.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha.

41

B’hekk, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 12 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-għoti mingħajr ħlas u kull sena ta’ liċenzja tal-karozza lill-persuni b’diżabbiltà residenti jew ordinarjament residenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, inklużi anki dawk il-persuni li jmorru f’dan l-Istat regolarment għal raġunijiet professjonali jew personali.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-għoti mingħajr ħlas u kull sena ta’ liċenzja tal-karozza lill-persuni b’diżabbiltà residenti jew ordinarjament residenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, inklużi anki dawk il-persuni li jmorru f’dan l-Istat regolarment għal raġunijiet professjonali jew personali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.